Aqbeż għall-kontentut

Tchogha Zanbil

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tchogha Zanbil.

Tchogha Zanbil (bil-Persjan: چغازنبيل; bl-Elamit: Al Untas Napirisa, li mbagħad sar Dur Untash), spellut ukoll Choga Zanbil u Čoġā Zanbīl, huwa kumpless Elamit tal-qedem fil-provinċja ta' Khuzestan tal-Iran. Huwa wieħed mill-ftit żiggurat eżistenti 'l barra mill-Mesopotamja. Jinsab bejn wieħed u ieħor 30 kilometru (19-il mil) fix-Xlokk ta' Susa u 80 kilometru (50 mil) fit-Tramuntana ta' Ahvaz. Id-data tal-kostruzzjoni tal-belt mhix ċerta fil-kronoloġija tar-renju ta' Untash-Napirisha iżda ċertament f'xi żmien fis-seklu 14 jew 13 Q.K. Id-data maqbula konvenzjonalment hi l-1250 Q.K. Attwalment hu maħsub li l-belt kienet inqerdet mill-mexxej Neo-Assirjan Assurbanipal għall-ħabta tas-645 Q.K., flimkien mal-belt kapitali Elamita ta' Susa, għalkemm xi riċerkaturi jsostnu li tmiem l-okkupazzjoni seħħ fl-aħħar tas-seklu 12 Q.K.[1] Iż-żiggurat jitqies bħala l-aqwa eżempju ppreservat ta' monument piramidali mtarraġ mill-UNESCO. Fl-1979, Tchogha Zanbil sar l-ewwel Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-Iran.[2]

Storja u etimoloġija

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-lingwa Elamita hija lingwa iżolata u Tchogha Zanbil tipikament tiġi tradotta bħala "tumbata b'għamla ta' qoffa".[3][4] Il-kumpless inbena għall-ħabta tal-1250 Q.K. mir-re Untash-Napirisha, b'mod prinċipali biex jingħata ġieħ lill-alla kbir Inshushinak. L-isem oriġinali tal-kumpless kien Dur Untash, li tfisser "ir-raħal ta' Untash", iżda ma tantx hu probabbli li kienu jgħixu bosta nies hemmhekk, apparti xi patrijiet u qaddejja. Il-kumpless huwa protett minn tliet ħitan konċentriċi li jiddefinixxu ż-żoni prinċipali tar-raħal. Mill-kitbiet imnaqqxa huwa magħruf li l-ħajt estern kellu seba' daħliet, li minnhom instabu tnejn biss. Il-ħajt nofsani kellu erba' daħliet u bejn il-ħajt estern u nofsani kien hemm tempju kondiviż iddedikat lid-divinità Elamita ewlenija Napirisha u lid-divinità Inshushinak.[5] Il-biċċa l-kbira tal-erja interna ta' 2.5 ettari hija meħuda għalkollox minn żiggurat kbir iddedikat lid-divinità prinċipali, li nbena fuq tempju kwadru preċedenti b'kompartimenti għall-ħżin li nbena wkoll minn Untash-Napirisha.

Iż-żona tan-nofs fiha ħdax-il tempju ddedikati lil divinitajiet oħra. Dawn jinkludu lil Nabu, Adad, Shala, Inanna, Ninegal, Humban, Shiamut, Pinikir, Manzat, u Nuska.[6] Hemm ukoll xi santwarji fil-Grigal taż-żiggurat iddedikati lid-divinitajiet Elamiti Isniqarab (Ishmekarab) u Kiririsha. Kitba mnaqqxa fil-brikks semmiet statwa tad-deheb iddedikata lid-divinità Nahhunte.[7] B'kollox instabu kitbiet imnaqqxa fuq il-brikks li jirrefereu għal 22 tempju, iżda kważi nofshom biss instabu. Fiż-żona ta' barra hemm palazzi rjali u palazz funebri li fih ħames oqbra rjali taħt l-art.[8]

Il-mudell taż-żiggurat ta' Tchogha Zanbil.

Il-kostruzzjoni fis-sit, li kienet tinkludi ż-żoni kummerċjali u residenzjali, kompliet wara l-mewt ta' Untash-Napirisha b'bosta fażijiet ta' kostruzzjoni u s-sit baqa' jiġi okkupat sa ma nqered mir-re Assirjan Ashurbanipal għall-ħabta tas-645 Q.K. Xi studjużi jispekulaw, abbażi ta' għadd kbir ta' tempji u ta' santwarji f'Tchogha Zanbil, li Untash-Napirisha pprova joħloq ċentru reliġjuż ġdid (possibbilment bil-ħsieb li jissostitwixxi lil Susa) li jgħaqqad lid-divinitajiet tal-artijiet għoljin u tal-artijiet baxxi ta' Elam f'sit wieħed.

Iż-żiggurat oriġinarjament kien kbir 105.2 metri (345 pied) fuq kull naħa u għoli madwar 53 metru (174 pied), b'ħames saffi, u kien inkurunat b'tempju. Il-brikks tat-tajn kienu l-materjal bażiku tal-kumpless kollu. Iż-żiggurat ingħata faċċata tal-brikks moħmija, u għadd minnhom kellhom karattri kunejformi bl-ismijiet tad-divinitajiet bil-lingwi Elamiti u Akkadjani. Għalkemm iż-żiggurat issa għandu għoli ta' 24.75 metru (81.2 pied) biss, inqas minn nofs l-għoli oriġinali stmat, l-istat ta' preservazzjoni huwa tassew mill-aqwa.[9]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Tchogha Zanbil ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie ddeżinjat abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Il-mannara bit-tinqixa ta' isem ir-re Untash-Napirisha.

Is-sit, b'erja ta' 96 ettaru, oriġinarjament ġie skopert minn ġeologu li kien qed iwettaq l-esplorazzjoni għaż-żejt fl-inħawi. Huwa sab brikks b'kitba mnaqqxa u peress li kien arkeologu dilettant ħadha għand l-iskavaturi li dak iż-żmien kien qed jaħdmu fis-sit arkeoloġiku ta' Susa. Il-kitba mnaqqxa kienet deskrizzjoni tal-bini ta' belt sagra minn ċertu "Untash-Gal". Is-sit ġie mistħarreġ u skavat minn Roland de Mecquenem fl-1935-1939 u fl-1946.[10]

Tchogha Zanbil ġie skavat f'sitt staġuni (total ta' 21 xahar) bejn l-1951 u l-1962 minn Roman Ghirshman flimkien mal-Missjoni Arkeoloġika Franċiża. Matul l-iskavi tneħħew kważi 100,000 jarda kubika ta' radam, permezz ta' ekwipaġġ ta' bejn 100 ħaddiem sa 125 ħaddiem f'daqqa. L-iskavi esponew żona kwadra sagra ta' 1,300 pied kwadru mdawra b'ħajt u bit-tempji u l-ispazji fil-beraħ. Iż-żiggurat b'ħames saffi kien jinsab fiċ-ċentru ta' din iż-żona, bl-irkejjen orjentati lejn il-punti kardinali. Kull 11-il ringiela ta' brikks fiż-żiggurat kellha kitbiet imnaqqxa fuq il-brikks. Inbnew daħliet kbar fl-erba' naħat taż-żiggurat u tlieta minnhom bit-taraġ sat-tieni saff, u waħda tal-Lbiċ bit-taraġ sal-ħames u l-ogħla saff. F'kull daħla kien hemm statwi b'daqs in-nofs tad-daqs reali; waħda minnhom tat-terrakotta gglejżjata bil-blu, b'kitba mnaqqxa ddedikata lid-divinità Inshushinak. L-iskavi wrew li ż-żiggurat inbena f'żewġ fażijiet: l-ewwel fażi sat-tieni saff b'żewġ tempji, imbagħad it-tieni fażi sal-ħames saff. F'wieħed mit-tempji nstabu madumiet tal-ħġieġ bojod u suwed.[11] Ħames oqbra nstabu taħt il-kompartiment fl-ispazju fil-beraħ. Il-Qabar Nru 1 milli jidher qatt ma ntuża, il-kontenut tal-Qabar Nru V insteraq fl-antikità, il-Qabar Nru II kien fih il-fdalijiet parzjalment maħruqa ta' ħames individwi (li ġew kremati xi mkien ieħor), u l-Qabar Nru IV, mhux mimsus, kien fih il-katavru ta' mara adulta ta' bejn 40-60 sena akkumpanjata ma' oġġetti funebri.[12]

Barri b'tinqix bl-Elamit tal-aħħar tal-2000 Q.K., il-Mużew Nazzjonali tal-Iran, nru. tal-inventarju 3213.

Instabu għadd ta' brikks bil-kitba mnaqqxa (b'kollox 5,257 brikksa bil-maġġoranza b'kitbiet imnaqqxa bl-Elamit u 67 brikksa b'kitbiet imnaqqxa bl-Akkadjan). Waħda minnhom kellha l-kitba mnaqqxa:

"Jien, Untaš-Napiriša, iben Humbanumena, ir-re ta' Anšan u ta' Susa, ansjuż li ħajti tkompli tkun waħda mimlija prosperità, sabiex niżgura li n-nisel tiegħi jibqa' jgawdi l-prosperità wkoll, bnejt tempju tal-brikks moħmija u santwarju tal-brikks igglejżjati; iddedikajtu lil Inšušinak ta' Siyan-kuk u bnejt ukoll torri-tempju. J'Alla dak li għamilt u stinkajt għalih, sabiex ikun rigal f'ismi, ikun aċċettabbli għal Inšušinak!".[13]

Dan l-aħħar is-sit ġie skavat minn Behzad Mofidi Nasrabadi fl-1999, fl-2002, fl-2004 u fl-2005. Sar ukoll stħarriġ bil-manjetometru fuq 35 ettaru mill-Università ta' Kiel, il-Ġermanja.[14][15][16]

L-esplorazzjoni taż-żejt minħabba ż-żieda fid-domanda globali thedded il-pedamenti tas-sit. Twettqu diversi testijiet sismiċi biex jiġu esplorati xi riżervi taż-żejt. It-tħaffir għaż-żejt twettaq saħansitra sa 300 metru (984 pied) 'il bogħod miż-żiggurat.[17]

  • Roman Ghirshman, "Tchoga Zanbil (Dur-Untash). Vol. I: La Ziggurat", Mémoires de la Délégation Archéologique en Iran, vol. 39, Geuthner, 1966.
  • R. Ghirshman, "Tchoga Zanbil (Dur-Untash) Volume II: Temenos, Temples, Palais, Tombes", Memoires de la Delegation Archeologique en Iran, vol. 40 Geuthner, 1968.
  • Plates M.J. Steve, "Tchoga Zanbil (Dur-Untash) 3: Textes Élamites et Accadiens", Mémoires de la Délégation Archéologique en Iran, vol. 41, Geuthner, 1967.
  • Edith Porada, "Tchoga Zanbil (Dur-Untash). Vol. IV (only): La Glyptique", Memoires de la Delegation Archeologique en Iran, vol. 42, Geuthner, 1970.
  • P. Amiet, "Martik et Tchoga Zanbil", Revue d'Assyriologie et d'Archéologie Orientale, vol. 84, no. 1, pp. 44–47, 1990.
  • Ghirshman, R., "La Ziggourat de Tchoga-Zanbil près de Suse", Revue Archéologique, vol. 44, pp. 1–6, 1954.
  • Ghirshman, R., "Nouveaux Travaux à La Ziggourat de Tchoga-Zanbil, Près Suse", Revue Archéologique, vol. 46, pp. 63–67, 1955.
  • Roman Ghirshman, "La ziggourat de Tchoga-Zanbil (Susiane)", Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres, vol. 98 lien Issue 2, pp. 233–238, 1954.
  • Ghirshman, R., "La ziggourat de Tchoga-Zanbil près Suse", Revue Archéologique, vol. 49, pp. 1–9, 1957.
  • Ghirshman, R., "The ziggurat of Choga Zanbil", Archaeology, vol. 8, no. 4, pp. 260–63, 1955.
  • Roman Ghirshman, Campagne de fouilles à Tchoga-Zanbil, près de Suse, Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres, vol. 99, iss. 1, pp. 112–113, 1955.
  • Roman Ghirshman, "Cinquième campagne de fouilles à Tchoga-Zanbil, près Suse, rapport préliminaire (1955–1956)", Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres, vol. 100, iss. 3, pp. 335–345, 1956.
  • Ghirshman, Roman, "Cinquième campagne de fouilles à Tchoga-Zanbil, près Suse, 1955 - 1956. Rapport préliminaire", Arts Asiatiques, vol. 3, no. 3, pp. 163–82, 1956.
  • Roman Ghirshman, "Les fouilles de Tchoga-Zanbil, près de Suse (1956)", Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres, vol. 100, iss. 2, pp. 137–138, 1956.
  • Roman Ghirshman, "VIe campagne de fouilles à Tchoga-Zanbil près de Suse (1956–1957) rapport préliminaire", Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres, vol. 101, iss. 3, pp. 231–241, 1957.
  • Ghirshman, R., "Les fouilles de Tchoga-Zanbil, près Suse (7e campagne, hivers 1958-1959)", Revue Archéologique, vol. 1, pp. 133–39, 1960.
  • Roman Ghirshman, "FouiIles de Tchoga-Zanbil près de Suse, complexe de quatre temples", Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres, vol. 103, iss. 1, pp. 74–76, 1959.
  • Roman Ghirshman, "VIIe campagne de fouilles à Tchoga-Zanbil, près de Suse (1958–1959)", rapport préliminaire, Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres, vol. 103, iss. 2, pp. 287–297, 1959.
  • Ghirshman, Roman. "Tchoga-Zanbil, Rapport Preliminaire de la VIIIe Campagne. (1960-1961)", Arts Asiatiques, vol. 8, no. 2, 1961, pp. 121–38.
  • D. T. Potts, "The Archaeology of Elam: Formation and Transformation of an Ancient Iranian State", Cambridge University Press, 1999, ISBN 0-521-56496-4.
  • François Vallat, "Légendes élamites de fragments de statues d’Un-taš-Napiriša et Tchoga Zanbil", Iranica antiqua 23, pp. 169–177, 1988.
  1. R. Ghirshman, "The Ziggurat of Tchoga-Zanbil", Scientific American, vol. 204, pp. 69-76, 1961.
  2. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Tchogha Zanbil". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
  3. Roger Blench, Matthew Spriggs (eds.), "Archaeology and Language I: Theoretical and Methodological Orientations", Routledge, 1997, p. 125.
  4. Roger D. Woodard (ed.), "The Ancient Languages of Mesopotamia, Egypt and Aksum", Cambridge University Press, 2008, p. 3.
  5. Carlson, Evan, "Inscribed and Uninscribed Spaces in Al Untash Napirisha: Interaction and Segregation in a Late Second-Millennium De Novo Capital", Iran, vol. 52, pp. 29-52, 2014.
  6. F. Pomponio, "Nabu, II culto e la figura di un dio del Pantheon babilonese ed assiro", StSem. 51, 1978.
  7. A. Bramanti, "NA", Band 9 Nab - Nuzi, edited by A. Bramanti, J. Fechner, M. Greiner, S. Heigl, N. Morello, Erich Ebeling, Bruno Meissner and Michael P. Streck, Berlin, Boston: De Gruyter, pp. 1-191, 2001.
  8. Hosseini, Sara; Niroumand, Hamed; Burcu Gültekin, Arzuhan; Barceló, Juan Antonio; Osmadi, Atasya (2020). "Structural analysis of earth construction's vaults: Case of underground tombs of Chogha Zanbil". Revista de la construcción. 19 (3): 366–380.
  9. "Tchogha Zanbil Susa, Iran". web.archive.org. 2018-10-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-10-05. Miġbur 2023-12-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. Mecquenem, R. de and Michaion, J., "Recherches à Tchogha Zembil", Mémoires de la Mission Archéologique en Iran 33, Presses Universitaires de France, Pariġi, 1953.
  11. Ghirshman, Roman, "Quatrième Campagne de Fouilles à Tchoga-Zanbil Près Suse (1954-1955)", Arts Asiatiques, vol. 2, no. 3, pp. 162–77, 1955.
  12. Carter, Elizabeth, "Landscapes of Death in Susiana During the Last Half of the 2nd Millennium B.C.", Elam and Persia, edited by Javier Álvarez-Mon and Mark B. Garrison, University Park, USA: Penn State University Press, pp. 45-58, 2011.
  13. "RIMI nn (P388073)". CDLI (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
  14. Mofidi Nasrabadi, B., "Untersuchungen zu Sied lungsstrukturen in der Peripherie von Cogä Zanbil (Dur Untas)", AMT 35-36, pp. 241-65, 2003-4.
  15. Mofidi Nasrabadi, B., "Archäologische Ausgrabungen und Untersuchungen in Cogä Zanbil", Agenda Verlag, Münster, 2007.
  16. Mofidi Nasrabadi, B., "Planungsaspekte und die Struktur der altorientalischen neugegründeten Stadt in Chogha Zanbil", Shaker Verlag, Achen, 2013.
  17. "CHN NEWS". web.archive.org. 2007-10-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-10-12. Miġbur 2023-12-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)