Persepolis

Persepolis (pronunzjata /pərˈsɛpəlɪs/; bil-Persjan Antik: 𐎱𐎠𐎼𐎿, b'ittri Rumani: Pārsa; bil-Persjan Ġdid: تخت جمشید, b'ittri Rumani: Takht-e Jamshīd, litteralment it-"Tron ta' Jamshid") kienet il-belt kapitali ċerimonjali tal-Imperu Akemenid (għall-ħabta tal-550-330 Q.K.). Tinsab fil-pjanuri ta' Marvdasht, imdawra bil-muntanji tan-Nofsinhar ta' Zagros tal-promontorju Iranjan.[1] Shiraz moderna tinsab 60 kilometru (37 mil) fil-Lbiċ tal-fdalijiet ta' Persepolis. Il-fdalijiet ta' Persepolis tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[2]
L-iżjed fdalijiet bikrin ta' Persepolis imorru lura għall-515 Q.K.[3] Il-belt, li taġixxi bħala ċentru ewlieni għall-imperu, kienet tospita kumpless ta' palazz u ċittadella ddisinjati biex iservu bħala l-qalba tal-governanza u tal-attivitajiet ċerimonjali.[4] Tirrappreżenta l-istil arkitettoniku Akemenid. Il-kumpless ittieħed mill-armata ta' Alessandru Manju fit-330 Q.K., u ftit wara, il-partijiet tal-injam tiegħu nqerdu għalkollox min-nirien, li x'aktarx tqabbdu apposta.
Il-funzjoni ta' Persepolis għadha mhijiex ċara. Ma kinitx waħda mill-ikbar bliet fil-Persja, wisq inqas fil-kumplament tal-imperu, iżda milli jidher kienet kumpless ċerimonjali grandjuż li kien jiġi okkupat b'mod staġonali. Il-kumpless huwa olzat fuq pjattaforma bil-ħitan, b'ħames "palazzi" jew swali b'daqsijiet differenti, u b'daħliet grandjużi. Għadu mhux ċar għalkollox fejn kienu l-kwartieri tar-re effettivament. Sa dan l-aħħar, il-biċċa l-kbira tal-arkeologi sostnew li kien jintuża b'mod primarju għaċ-ċelebrazzjoni tan-Nowruz, is-Sena l-Ġdida Persjana, fl-ekwinozju tar-rebbiegħa, li għadha festività annwali importanti fl-Iran modern. In-nobbli Iranjani u l-partijiet tributarji tal-imperu kienu jiġu biex jippreżentaw rigali lir-re, kif irrappreżentat fir-riljievi mat-taraġ. Mhuwiex ċar lanqas liema strutturi permanenti kienu jinsabu barra l-kumpless tal-palazz; forsi jkun aħjar li wieħed jaħseb f'Persepolis bħala kumpless wieħed iktar milli "belt" proprja tas-soltu.
L-esplorazzjoni ta' Persepolis mill-bidu ta-seklu 17 wasslet għall-iskoperta mill-ġdid moderna tal-kitba kunejformi, u minn studji dettaljati tal-kitbiet irjali Akemenidi mnaqqxa li nstabu fuq il-fdalijiet, għad-deċifrar inizjali tal-kitba kunejformi fil-bidu tas-seklu 19.[5]
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
L-isem Persepolis oriġina mill-Grieg Περσέπολις, Persepolis, kelma komposta minn Pérsēs (Πέρσης) u pólis (πόλις), li flimkien tfisser "il-belt Persjana" jew "il-belt tal-Persjani". Fost il-Persjani tal-qedem, il-belt kienet magħrufa bħala Pārsa (bil-Persjan Antik: 𐎱𐎠𐎼𐎿), li hija l-kelma għar-reġjun tal-Persja.[6][7]
Kitba mnaqqxa fit-311 W.K. mill-Prinċep tas-Sassanidi Shapur Sakanshah, iben Hormizd II, tirreferi għas-sit bħala Sad-stūn, li tfisser "Mitt Pilastru".[8] Minħabba li l-Persjani Medjevali attribwew is-sit lil Jamshid,[9] re mill-mitoloġija Iranjana, is-sit kien jissejjaħ ukoll Takht-e-Jamshid (bil-Persjan: تخت جمشید, Taxt e Jamšīd; [ˌtæxtedʒæmˈʃiːd]), li litteralment tfisser it-"Tron ta' Jamshid". Isem ieħor mogħti lis-sit fil-perjodu Medjevali kien Čehel Menâr (bil-Persjan: چهل منار, "Erbgħin Minaret"), traskritt bħala Chilminara minn De Silva Figueroa[10] u bħala Chilminar fis-sorsi bikrin bl-Ingliż.[11]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Persepolis tinsab qrib ix-xmara żgħira Pulvar, li tnixxi fix-xmara Kur.
Is-sit jinkludi terrazza ta' 125,000 m2 (1,350,000 pied kwadru), li parzjalment inbniet b'mod artifiċjali u li parzjalment ġiet imħaffra minn muntanja, bin-naħa tal-Lvant tagħha xxaqleb mal-muntanja Rahmat. It-tliet naħat l-oħra huma ffurmati minn ħitan riffieda, li jvarjaw fl-għoli mal-pendil tal-art. Minn bejn 5 metri sa 13-il metru (16-il pied sa 43 pied) fuq in-naħa tal-Punent hemm taraġ doppju li minn hemm jitla' sal-quċċata. Sabiex it-terrazza titwitta, id-depressjonijiet imtlew bil-ħamrija u bil-blat tqil, li ġew imġannta flimkien permezz ta' klipep tal-metall.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-evidenza arkeoloġika turina li l-iżjed fdalijiet bikrin ta' Persepolis imorru lura għall-515 Q.K. André Godard, l-arkeologu Franċiż li wettaq l-iskavi f'Persepolis fil-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20, kien jemmen li Cyrus il-Kbir kien għażel is-sit ta' Persepolis, iżda mbagħad kien Darius I li bena t-terrazza u l-palazzi. Il-kitbiet imnaqqxa fuq dawn il-binjiet jappoġġaw it-twemmin li nbnew minn Darius.

Permezz ta' Darius I, ix-xettru għadda għand fergħa ġdida tal-familja rjali. Persepolis x'aktarx li saret il-belt kapitali tal-Persja matul ir-renju tiegħu. Madankollu, il-pożizzjoni tal-belt f'reġjun remot u muntanjuż għamlitha residenza mhux konvenjenti għall-mexxejja tal-imperu. Il-bliet kapitali reali tal-pajjiż kienu Susa, il-Babilonja u Ecbatana. Forsi għalhekk li l-Griegi ma tantx kienu midħla tal-belt qabel ma Alessandru Manju ħatafha u seraq ir-rikkezzi tagħha.
Il-kostruzzjoni ta' Persepolis minn Darius I twettqet flimkien mal-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Susa. Skont Gene R. Garthwaite, il-Palazz ta' Susa serva bħala l-mudell ta' Darius għal Persepolis. Darius I ordna l-kostruzzjoni tal-Palazz ta' Apadana u tas-Sala tal-Kunsill (bit-Tripylon jew id-"Daħla Tripla"), kif ukoll tat-Teżor imperjali prinċipali u l-madwar tiegħu. Dawn tlestew matul ir-renju ta' ibnu, Xerxes I. Iktar kostruzzjoni tal-binjiet fuq it-terrazza kompliet sal-waqgħa tal-Imperu Akemenid. Skont l-enċiklopedija Britannica, l-istoriku Grieg Ctesias semma li l-qabar ta' Darius I kien jinsab fil-wiċċ ta' rdum li seta' jintlaħaq permezz ta' ħbula.

Għall-ħabta tal-519 Q.K., bdiet il-kostruzzjoni ta' taraġ wiesa'. It-taraġ inizjalment kien ippjanat li kellu jkun id-daħla prinċipali għat-terrazza 20 metru (66 pied) 'il fuq mill-art. It-taraġ doppju, magħruf bħala t-Taraġ ta' Persepolis, inbena b'mod simetriku fuq in-naħa tal-Punent tal-Ħajt il-Kbir. Il-111-il tarġa kienu wesgħin 6.9 metri (23 pied), b'tul ta' 31 ċentimetru (12-il pulzier) u għoljin 10 ċentimetri (3.9 pulzieri). Oriġinarjament, kien maħsub li t-taraġ kien inbena biex in-nobbli u l-membri tal-familja rjali setgħu jitilgħu rekbin iż-żwiemel. Madankollu, teoriji ġodda jissuġġerixxu li t-taraġ baxx kien jippermetti lid-dinjitarji li kienu jżuru Persepolis jibqa' jkollhom dehra rjali huma u telgħin it-taraġ. In-naħa ta' fuq tat-taraġ kienet twassal għal bitħa żgħira fin-naħa tal-Grigal tat-terrazza, fuq in-naħa opposta tad-Daħla tal-Ġnus Kollha.

Il-materjal prinċipali tal-kostruzzjoni f'Persepolis kien il-ġebla tal-ġir griża. Wara livellar tal-blat naturali u l-mili tad-depressjonijiet, tħejjiet it-terrazza. Tħaffru mini kbar fil-blat taħt l-art għad-dranaġġ. Tank kbir olzat tal-ilma tħaffer fil-Lvant fuq in-naħa t'isfel tal-muntanja. Il-Professur Olmstead issuġġerixxa li dan il-ġibjun inbena fl-istess żmien li bdiet il-kostruzzjoni tat-torrijiet.
Il-pjanta mhux uniformi tat-terrazza, inkluż il-pedamenti, intużaw bħala kastell, b'ħitan angolati li ppermettew lid-difensuri tiegħu jkollhom fil-mira kwalunkwe sezzjoni tal-faċċata esterna. Diodorus Siculus kiteb li Persepolis kellha tliet ħitan bil-fortifikazzjonijiet, u kollha kellhom torrijiet biex jipprovdu spazju protett għad-difensuri. L-ewwel ħajt kien għoli 7 metri (23 pied), it-tieni, 14-il metru (46 pied) u t-tielet ħajt, li kien ikopri l-erba' naħat kollha, kien għoli 27 metru (89 pied), għalkemm ma teżisti l-ebda preżenza tal-ħajt fi żminijietna.
Qerda
[immodifika | immodifika s-sors]
Wara li invada l-Persja Akemenida fit-330 Q.K., Alessandru Manju bagħat il-qawwa prinċipali tal-armata tiegħu lejn Persepolis mit-Triq Irjali. Diodorus Siculus kiteb li fi triqtu lejn il-belt, Alessandru, flimkien mal-armata tiegħu, intlaqgħu minn 800 artiġjan Grieg li kienu nħatfu mill-Persjani. Il-biċċa l-kbira kienu anzjani u kienu ġarrbu xi tip ta' mutilazzjoni, bħal xi id jew sieq nieqsa. Huma spjegaw lil Alessandru li l-Persjani riedu jieħdu vantaġġ mill-ħiliet tagħhom iżda mmankawhom ħalli ma setgħux jaħarbulhom faċilment. Alessandru u l-armata tiegħu baqgħu xxukkjati minn dak li kienu rrakkontawlhom u lill-artiġjani tawhom l-ilbies u l-provvisti qabel ma komplew sejrin lejn Persepolis. Diodorus ma jikkwotax din il-ġrajja bħala r-raġuni għall-qerda ta' Persepolis, iżda jista' jkun li Alessandru beda jara l-belt f'dawl ħażin wara dan l-episodju.

Malli wasal fil-belt, Alessandru attakka d-"Daħliet Persjani", mogħdija li kienet tgħaddi mill-muntanji Zagros moderni. Hemmhekk Ariobarzanes ta' Persis irnexxielu jaħsad lill-armata ta' Alessandru Manju, u qatel bosta minnhom. Wara li kien ġie rreżistit għal 30 jum, Alessandru Manju għeleb lid-difensuri u qeridhom. Ariobarzanes innifsu nqatel waqt il-battalja jew waqt l-irtirar lejn Persepolis. Xi sorsi jindikaw li l-Persjani ġew traduti minn kap tribali li kien inqabad u li wera mogħdija oħra lill-Maċedoni li permezz tagħha għelbu lil Ariobarzanes. Wara diversi xhur, Alessandru Manju ppermetta lit-truppi tiegħu jisirqu r-rikkezzi ta' Persepolis.
Għall-ħabta ta' dak iż-żmien, nar ħaraq "il-palazzi" jew "il-palazz". L-istudjużi jaqblu li dan l-avveniment, deskritt f'sorsi storiċi, seħħ fil-fdalijiet li issa ġew identifikati mill-ġdid bħala Persepolis. Mill-investigazzjonijiet ta' Stolze, milli jidher mill-inqas wieħed mill-fdalijiet, il-kastell li nbena minn Xerxes I, għandu traċċi li juru li nqered minn nar. Il-lokalità deskritta minn Diodorus Siculus wara li Cleitarchus jikkorrispondi b'dettalji importanti dwar Persepolis storika, pereżempju, li kellha muntanja fil-Lvant tagħha.

Huwa maħsub li n-nar li qered lil Persepolis beda mill-Palazz ta' Hadish, li kien ir-residenza ta' Xerxes I, u nfirex fil-kumplament tal-belt. Mhuwiex ċar jekk in-nar kienx aċċident jew att ta' tpattija apposta talli ngħata n-nar lill-Akropoli ta' Ateni matul it-tieni invażjoni Persjana tal-Greċja. Bosta storiċi jargumentaw li, filwaqt li l-armata ta' Alessandru ċċelebrat b'simpożju, huma ddeċidew li jpattuha lill-Persjani. Jekk dan huwa minnu, allura l-qerda ta' Persepolis jaf kienet kemm aċċident kif ukoll każ ta' tpattija. In-nar jaf kellu skop politiku wkoll biex jinqered simbolu ikoniku tal-monarkija Persjana li jaf setgħet issir importanti għar-reżistenza Persjana.
Diversi rakkonti Griegi u Rumani li ġew wara (fosthom ta' Arrian, ta' Diodorus Siculus u ta' Quintus Curtius Rufus) jiddeskrivu li l-ħruq kien idea ta' Thaïs, il-maħbuba tal-Ġeneral ta' Alessandru Tolomew I Soter, u x'aktarx ta' Alessandru nnifsu. Jingħad li hi ssuġġeriet din l-idea matul ċelebrazzjoni b'ħafna xorb alkoħoliku, skont xi rakkonti bħala tpattija tal-qerda tas-santwarji Griegi (peress li hi kienet minn Ateni), u jew hi jew Alessandru nnifsu qabdu n-nar l-ewwel.

Il-Ktieb ta' Arda Wiraz, xogħol Żoroastrijan tas-seklu 3 jew 4, jiddeskrivi li l-arkivji ta' Persepolis li kien fihom "l-Avesta u z-Zend, miktuba fuq ġlud ippreparati tal-baqar, u bil-linka tad-deheb", inqerdu. Tabilħaqq, fil-Kronoloġija tal-Ġnus tal-Qedem tiegħu, il-kittieb Iranjan nattiv Biruni jindika n-nuqqas ta' disponibbiltà ta' ċerti sorsi istorjografiċi Iranjani nattivi wara żmien l-Akemenidi, speċjalment matul l-Imperu Partiku. Huwa jżid jgħid: "[Alessandru] ħaraq Persepolis kollha bħala tpattija kontra l-Persjani, għaliex milli jidher ir-Re Persjan Xerxes kien ta n-nar lill-belt Griega ta' Ateni madwar 150 sena ilu. In-nies jgħidu li, anke attwalment, it-traċċi tan-nar għadhom viżibbli f'xi postijiet".
B'mod paradossali, l-avveniment li kkawża l-qerda ta' dawn it-testi jaf għen fil-preservazzjoni tal-Arkivji Amministrattivi ta' Persepolis, li x'aktarx li kieku kienu jintilfu maż-żmien minħabba avvenimenti naturali jew ikkawżati mill-bniedem. Skont l-evidenza arkeoloġika, il-ħruq parzjali ta' Persepolis ma affettwax dawk li issa huma magħrufa bħala t-tavli tal-Arkivju tal-Fortifikazzjoni ta' Persepolis, iżda anzi jaf ikkawża l-kollass eventwali tal-parti ta' fuq tal-ħajt tal-fortifikazzjoni tat-Tramuntana li ppreserva t-tavli sa ma ġew irkuprati mill-arkeologi tal-Istitut Orjentali.
Wara l-waqgħa tal-Imperu Akemenid
[immodifika | immodifika s-sors]
Fit-316 Q.K., Persepolis kienet għadha l-belt kapitali tal-Persja bħala provinċja tal-Imperu Maċedonu kbir (ara Diodorus Siculus xix, 21 seq., 46; x'aktarx wara Hieronymus ta' Cardia, li kien ħaj għall-ħabta tat-326). Wisq probabbli, il-belt gradwalment qabdet it-triq tan-niżla. Il-belt t'isfel taħt il-belt imperjali jaf damet teżisti għal iktar żmien; iżda l-fdalijiet tal-Akemenidi baqgħu jixhdu l-glorja tal-belt fil-qedem. X'aktarx li l-belt prinċipali tal-pajjiż, jew mill-inqas tad-distrett, dejjem kienet f'dawn l-inħawi.
Il-belt ta' Estakhr, ħames kilometri fit-Tramuntana ta' Persepolis, kienet is-sede tal-gvernaturi lokali għall-ħabta tal-200 Q.K. Minn hemm, ġew stabbiliti l-pedamenti tat-tieni Imperu Persjan kbir, u Estakhr kisbet importanza speċjali bħala ċ-ċentru tal-għerf u tal-ortodossija tal-patrijiet. Ir-rejiet Sassanidi ksew wiċċ il-blat f'dawn l-inħawi, u parzjalment anke l-fdalijiet Akemenidi, bl-iskulturi u l-kitbiet imnaqqxa tagħhom. Wisq probabbli bnew bil-kbir hemmhekk, għalkemm qatt fuq l-istess skala ta' kobor bħall-predeċessuri tagħhom. Ir-Rumani ma tantx kienu jafu b'Estakhr bħalma l-Griegi ma kinux jaf wisq dwar Persepolis, minkejja l-fatt li s-Sassanidi kellhom relazzjonijiet mal-imperu għal 400 sena, fit-tajjeb u fil-ħażin.
Għall-ħabta tal-invażjoni Musulmana tal-Persja, Estakhr offriet reżistenza ddisprata. Kienet għadha post ta' importanza konsiderevoli fl-ewwel seklu tal-Iżlam, għalkemm il-kobor tagħha malajr batta fil-konfront tal-metropoli l-ġdida ta' Shiraz. Fis-seklu 10, l-importanza ta' Estakhr battiet għalkollox, kif joħroġ fid-dieher mid-deskrizzjonijiet ta' Istakhr għall-ħabta tad-950 u ta' Al-Muqaddasi għall-ħabta tad-985. Matul is-sekli ta' wara, l-importanza ta' Estakhr kompliet tbatti, sa ma baqgħetx teżisti bħala belt.
Riċerka arkeoloġika
[immodifika | immodifika s-sors]
Odoriku ta' Pordenone jaf għadda minn Persepolis fi triqtu lejn iċ-Ċina fl-1320, għalkemm semma fdalijiet ta' belt biss li kien jisimha "Comerum". Fl-1474, Giosafat Barbaro żar il-fdalijiet ta' Persepolis, li bi żball kien ħaseb li kellhom oriġini Lhudija. Il-Vjaġġi ta' Hakluyt kienu jinkludu rendikont ġenerali tal-fdalijiet ta' Persepolis attribwiti lil merkant Ingliż li żar l-Iran fl-1568. António de Gouveia mill-Portugall kiteb dwar il-kitbiet kunejformi mnaqqxa wara ż-żjara tiegħu fl-1602. Ir-rapport tiegħu dwar il-fdalijiet ta' Persepolis ġie ppubblikat bħala parti mir-Relaçam tiegħu fl-1611.
Fl-1618, García de Silva Figueroa, l-ambaxxatur tar-Re Filippu III ta' Spanja għall-qorti ta' Abbas I, il-monarka Safavid, kien l-ewwel vjaġġatur mill-Punent li kkollega s-sit magħruf fl-Iran bħala "Chehel Minar" mas-sit magħruf mill-awturi Klassiċi bħala Persepolis.
Pietro Della Valle żar Persepolis fl-1621, u nnota li 25 kolonna biss mit-72 kolonna oriġinali kienu għadhom weqfin, minħabba vandaliżmu jew proċessi naturali. Il-vjaġġatur Olandiż Cornelis de Bruijn żar Persepolis fl-1704.
Ir-reġjun għammiel kien mimli villaġġi sa ma ġie devastat fis-seklu 18; u anke issa, għadu kkultivat pjuttost sew. Il-Kastell ta' Estakhr kellu rwol importanti bħala fortizza b'saħħitha, għal diversi drabi, matul żmien il-Musulmani. Kien fl-ogħla quċċata u dik nofsana minn tliet qċaċet fil-wied tax-xmara Kur, kemxejn lejn il-Punent jew il-Majjistral tan-nekropoli ta' Naqsh-e Rustam.
Il-vjaġġaturi Franċiżi Eugène Flandin u Pascal Coste huma fost l-ewwel li pprovdew mhux biss rieżami letterarju tal-istruttura ta' Persepolis, iżda wkoll li ħolqu wħud mill-aqwa illustrazzjonijiet bikrin tal-istruttura ta' Persepolis. Fil-pubblikazzjonijiet tagħhom f'Pariġi, fl-1881 u fl-1882, bit-titlu Voyages en Perse de MM. Eugene Flanin peintre et Pascal Coste architecte, l-awturi pprovdew xi 350 illustrazzjoni rivoluzzjonarji ta' Persepolis. L-influwenza u l-interess tal-Franċiżi fis-sejbiet arkeoloġiċi tal-Persja komplew wara l-adeżjoni ta' Reza Shah, meta André Godard sar l-ewwel direttur tas-servizz arkeoloġiku tal-Iran.
Fl-ewwel deċennju tas-seklu 19, saru għadd ta' skavi dilettanteski fis-sit, f'xi każijiet fuq skala kbira.
L-ewwel skavi xjentifiċi f'Persepolis saru minn Ernst Herzfeld u Erich Schmidt f'isem l-Istitut Orjentali tal-Università ta' Chicago. Huma wettqu skavi għal tmien staġuni mill-1930 f'Persepolis kif ukoll f'siti oħra fil-qrib.
Herzfeld kien jemmen li r-raġunijiet wara l-kostruzzjoni ta' Persepolis kienu l-ħtieġa ta' atmosfera maestuża, simbolu għall-imperu, u ċ-ċelebrazzjoni ta' avvenimenti speċjali, b'mod partikolari n-Nowruz. Għal raġunijiet storiċi, Persepolis inbniet meta ġiet stabbilita d-dinastija Akemenida, għalkemm ma kinitx iċ-ċentru tal-imperu dak iż-żmien.
Is-sejbiet ta' frammenti ta' plakek jagħtu x'jifhmu li kienu dwar xena ta' ġlieda bejn Erakle u Apollo, imlaqqma Pittura Griega f'Persepolis.
- Sketch of Persepolis from 1704 by Cornelis de Bruijn
- Drawing of Persepolis in 1713 by Gérard Jean-Baptiste
- Drawing of the Tachara by Charles Chipiez
- The Apadana by Charles Chipiez
- Apadana detail by Charles Chipiez
- Persepolis by Jean Chardin, 1711
- Prussia board at Persepolis, 1862-1863
- The first scientific explorations in Persepolis were conducted by Ernst Herzfeld in 1931
- The design and details of the columns of Persepolis
- Roof design of palaces at Persepolis
- The design of the Thorne Hall, Persepolis
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]L-arkitettura ta' Persepolis hija magħrufa għall-użu tagħha tal-kolonna Persjana, li x'aktarx kienet ibbażata fuq kolonni tal-injam bikrin. L-arkitetti bdew jużaw il-ġebel biss meta l-ikbar siġar taċ-ċedru tal-Libanu jew is-siġar tat-tik tal-Indja ma baqgħux jissodisfaw id-daqsijiet meħtieġa. Il-bażijiet u l-kapitelli tal-kolonni kienu tal-ġebel, anke fuq xaftijiet tal-injam, iżda l-eżistenza ta' kapitelli tal-injam hija probabbli wkoll. Fil-518 Q.K., għadd kbir ta' inġiniera, arkitetti u artisti bl-ikbar esperjenza mid-dinja kollha ġew konvokati biex ikunu involuti u jieħdu sehem fil-kostruzzjoni tal-ewwel binja bħala simbolu ta' unità u ta' paċi universali kif ukoll ta' ugwaljanza għal eluf ta' snin.
Il-binjiet ta' Persepolis jinkludu tliet raggruppamenti ġenerali: il-kwartieri militari, it-teżor, u s-swali tar-riċevimenti u d-djar okkażjonali għar-re. Fost l-istrutturi notevoli nsibu t-Taraġ il-Kbir, id-Daħla tal-Ġnus Kollha, il-Palazz ta' Apadana, is-Sala tal-Mitt Kolonna, is-Sala tat-Tripylon u l-Palazz ta' Tachara, il-Palazz ta' Hadish, il-Palazz ta' Artaxerxes III, it-Teżor Imperjali, l-Istalel Irjali, u d-Dar tal-Karrijiet.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Persepolis ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[2]
Fdalijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
Fit-terrazza jeżistu l-fdalijiet ta' għadd ta' binjiet kolossali magħmula mill-irħam griż skur. Ħmistax mill-pilastri tagħhom għadhom weqfin u intatti. Tliet pilastri oħra reġgħu ttellgħu weqfin mill-1970. Diversi mill-binjiet qatt ma tlestew. F. Stolze wera li għad hemm ftit mill-iskart tal-bennejja fis-sit.
Sa issa, instabu iktar minn 30,000 kitba mnaqqxa matul l-esplorazzjoni ta' Persepolis, li huma żgħar u konċiżi f'termini ta' daqs u bħala test, iżda huma l-iżjed dokumenti siewja tal-perjodu tal-Akemenidi. Dawn il-kitbiet imnaqqxa li attwalment jinsabu fl-Istati Uniti, ħafna drabi jindikaw li fi żmien Persepolis il-ħaddiema kienu jitħallsu bil-pagi.
Minn żmien Pietro Della Valle, intwera bla dubju li dawn il-fdalijiet jirrappreżentaw il-perjodu meta Persepolis inħatfet u nqerdet parzjalment minn Alessandru Manju.
Wara l-kumpless ta' Persepolis, hemm tliet sepulkri mħaffra fil-blat tal-ġenb tal-għolja. Il-faċċati, waħda minnhom mhux kompluta, huma mżejna b'mod rikk bir-riljievi. Madwar 13-il kilometru (8.1 mili) Grieg it-Tramuntana, fuq in-naħa opposta tax-xmara Pulvar, hemm blata vertikali perpendikolari, li minnha tħaffru erba' oqbra simili f'għoli konsiderevoli mill-qiegħ tal-wied. L-Iranjani moderni dan il-post isejħulu Naqsh-e Rustam ("ir-Riljiev ta' Rustam"), mir-riljievi tas-Sassanidi ta' taħt il-fetħa, li skonthom huma rappreżentazzjoni tal-eroj mitiku Rostam. Wieħed jista' jassumi mill-iskulturi, li l-okkupanti ta' dawn l-oqbra kienu rejiet. Kitba mnaqqxa fuq wieħed minn dawn l-oqbra tiddikjara li l-qabar huwa ta' Darius I, li fir-rigward tiegħu Ctesias jirrakkonta li l-qabar kien jinsab ma' wiċċ il-blat, u wieħed seta' jasal għalih biss bl-użu ta' ħbula. Ctesias isemmi wkoll, fir-rigward ta' għadd ta' rejiet Persjani, li l-fdalijiet tagħhom kienu ngħataw "lill-Persjani", jew li l-okkupanti kienu mietu hemmhekk.
- A bas-relief from the Apadana Palace depicting Delegations including Lydians and Armenians[1] bringing their famous wine to the king.
- Achaemenid plaque from Persepolis, kept at the National Museum of Iran.
- Relief of a Median man at Persepolis.
- Objects from Persepolis kept at the National Museum of Iran
- The head of a Lamassu from Persepolis, kept at the National Museum of Iran
- Door-Post Socket
- The Great Double Staircase at Persepolis
- A bas-relief at Persepolis, representing a symbol in Zoroastrianism for Nowruz.
- The discipline of the reliefs.
- Tablets of Xerxes, kept at the National Museum of Iran
- One of the staircases of Persepolis, kept at the National Museum of Iran
- One of the four existing statues of Penelope was discovered at Persepolis, and is kept at the National Museum of Iran
Id-Daħla tal-Ġnus Kollha
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Daħla tal-Ġnus Kollha, b'referenza għas-sudditi tal-imperu, kienet tikkonsisti minn sala kwadra grandjuża twila madwar 25 metru (82 pied), b'erba' kolonni u daħla mal-Ħajt tal-Punent. Hemm żewġ daħliet oħra, waħda lejn in-Nofsinhar li kienet tagħti għall-bitħa tal-Palazz ta' Apadana u oħra li kienet tagħti għal triq twila lejn il-Lvant. Fl-irkejjen tad-daħliet kollha nstabu apparati jiċċaqilqu qishom ċappetti li jindikaw li kellhom żewġ bibien jinfetħu u jingħalqu fi tnejn, li x'aktarx kienu tal-injam u miksija b'folji mżejna tal-metall.
Par lamassus (divinitajiet protettivi b'għamla ta' barrin b'irjus ta' rġiel bid-daqna) jinsabu mad-daħla tal-Punent. Par ieħor, bil-ġwienaħ u b'Ras Persjana (Gopät-Shäh), jinsabu mad-daħla tal-Lvant, biex jirriflettu s-setgħa tal-imperu.
Isem Xerxes I inkiteb bi tliet lingwi u tnaqqax mad-daħliet, sabiex kulħadd ikun jaf li hu ordna l-kostruzzjoni tad-daħla.
- The Gate of All Nations, Persepolis
- A Lamassu at the Gate of All Nations
- The position of three languages inscriptions on The Gate of All Nations, Persepolis
- The stone columns of the Gate of All Nations, they are 16½ meters high and were topped with capitals in the form of a double bull.
- The two Lamassu at the Gate of All Nations.
- The Gate of All Nations in 1905.
Il-Palazz ta' Apadana
[immodifika | immodifika s-sors]Darius I bena l-ikbar palazz f'Persepolis man-naħa tal-Punent tal-pjattaforma. Dan il-palazz kien magħruf bħala l-Palazz ta' Apadana. Ir-Re tar-Rejiet kien jużah għall-udjenzi uffiċjali. Ix-xogħol beda fil-518 Q.K., u ibnu, Xerxes I, lestieh 30 sena wara. Il-palazz kellu sala grandjuża kwadra, kull naħa twila 60 metru (200 pied) bi 72 kolonna, li tlettax minnhom għadhom weqfin fuq il-pjattaforma enormi. Kull kolonna hija għolja 19-il metru (62 pied) u fiha barri u bażi ta' pedestall. Il-kolonni kienu jifilħu l-piż tas-saqaf kbir u wiesa'. Il-partijiet ta' fuq tal-kolonni kienu magħmula minn skulturi ta' annimali bħal iljuni b'żewġt irjus, ajkli, bnedmin u baqar (il-baqar kienu simboli tal-fertilità u tal-abbundanza fl-Iran tal-qedem). Il-kolonni kienu magħqudin flimkien bl-għajnuna ta' xorok tal-ballut u taċ-ċedru mil-Libanu. Il-ħitan kienu miksija b'saff tajn u bl-istukko sa fond ta' 5 ċentimetri (2.0 pulzieri), li kien jintuża biex jagħqad il-kisi, u mbagħad kien jitgħatta bl-istukko ħadrani li jinstab fil-palazzi kollha.
F'żewġ kaxxi nstabu tavli tad-deheb u tal-fidda fil-pedamenti tal-palazz. Dawn fihom kitba mnaqqxa minn Darius bil-kitba kunejformi tal-Persjan Antik, li tiddeskrivi l-kobor tal-imperu tiegħu f'termini ġeografiċi ġenerali, u hija magħrufa bħala l-kitba mnaqxxa ta' DPh:[12]
Darius ir-re l-kbir, ir-re tar-rejiet, ir-re tal-pajjiżi, iben Hystaspes, Akemenid. Ir-Re Darius jgħid: Dan huwa r-renju tiegħi, minn Sacae lil hinn minn Sogdia, sa Kush, u minn Sind (bil-Persjan Antik: 𐏃𐎡𐎭𐎢𐎺, b'ittri Rumani: Hidauv, lokattiv ta' Hiduš, jiġifieri l-"wied tal-Indus") sa Lydia (bil-Persjan Antik: Spardâ) – Ahuramazda, l-ikbar fost id-divinitajiet, tani dan [kollu]. J'Alla Ahuramazda jħares lili u l-familja rjali tiegħi!
Fin-naħat tal-Punent, tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-palazz, kien hemm tliet portiċi rettangolari, u kull wieħed minnhom kellu tnax-il kolonna f'żewġ ringieli ta' sitta. Fin-Nofsinhar tas-sala grandjuża, inbnew sensiela ta' kmamar għall-ħżin. Żewġ garigori taraġ grandjużi ta' Persepolis inbnew b'mod simetriku ma' xulxin u ġew ikkollegati mal-pedamenti tal-ġebel. Sabiex il-bejt jiġi protett mill-erożjoni, inbnew drenaġġi vertikali fil-ħitan tal-brikks. Fl-erba' kantunieri tal-Palazz ta' Apadana, iħarsu 'l barra, inbnew erba' torrijiet.
Il-ħitan ġew miksija bil-madum u ġew imżejna bi stampi ta' iljuni, barrin u fjuri. Darius ordna li ismu u d-dettalji tal-imperu tiegħu jinkitbu bid-deheb u bil-fidda fuq plakek, li tpoġġew f'kaxxi tal-ġebel mgħottija fil-pedamenti taħt l-erba' kantunieri tal-palazz. Żewġ garigori taraġ simetriċi bl-istil ta' Persepolis inbnew fin-naħat tat-Tramuntana u tal-Lvant tal-Palazz ta' Apadana biex jikkumpensaw għal differenza fil-livell. Żewġ garigori taraġ oħra nbnew f'nofs il-binja. Il-faċċati tal-palazz minn barra ġew imbuzzati b'tinqix tal-Immortali, il-gwardji elit tar-Rejiet. It-taraġ tat-Tramuntana tlesta matul ir-renju ta' Darius I, iżda t-taraġ l-ieħor tlesta ferm wara.
Ir-riljievi ta' fuq it-taraġ jippermettu lil dak li jkun josserva n-nies mill-imperu kollu lebsin b'mod tradizzjonali, u saħansitra lir-Re nnifsu, "sal-iċken dettall".
- Apadana palace, Persepolis
- Depiction of united Medes and Persians at the Apadana, Persepolis
- Immortals figures at Apadana, Persepolis
- Depiction of trees and Lotus flowers at the Apadana, Persepolis
- Apadana's columns, Persepolis
- The central wall of the northern stairs of Apadana palace, which shows Xerxes sitting on the throne and receiving an important official. Kept at the National Museum of Iran. Its counterpart remains at Persepolis.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- A general view of the Persepolis.
- The tomb of Artaxerxes II at Persepolis
- Horn-shaped stones at Persepolis.
- The Queen's Quarters, built by the order of Xerxes. The palace was excavated and rebuilt by Ernst Herzfeld in 1931, and today it is used as a museum and the central office of Persepolis.
- The use of dovetail joint instead of mortar in gluing stones together.
- The entrance of Persepolis.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 "Google Maps". web.archive.org. 2023-04-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2023-04-20. Miġbur 2024-01-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Persepolis". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-01-03.
- ↑ Mousavi, Ali, Persepolis: Discovery and Afterlife of a World Wonder, p. 53, 2012, Walter de Gruyter, ISBN 978-1614510338.
- ↑ Gates, Charles (2011). Ancient cities: the archaeology of urban life in the ancient Near East and Egypt, Greece and Rome (2nd ed.). Londra: Routledge. pp. 186–187. ISBN 978-0-203-83057-4.
- ↑ Mousavi, Ali (14 March 2012). "VI. Persepolis and the Puzzle of Cuneiform Inscriptions". Persepolis. De Gruyter. pp. 113–122. ISBN 978-1-61451-028-4.
- ↑ Bailey, H.W. (1996) "Khotanese Saka Literature", in Ehsan Yarshater (ed), The Cambridge History of Iran, Vol III: The Seleucid, Parthian, and Sasanian Periods, Part 2 (reprint edition), Cambridge: Cambridge University Press, p. 1230.
- ↑ Michael Woods, Mary B. Woods (2008). Seven Wonders of the Ancient Middle East. Twenty-First Century Books. pp. 26–28. ISBN 978-0822575733.
- ↑ Shahbazi, A. Shapur; Bosworth, C. Edmund (1990). "Capital Cities– Encyclopaedia Iranica". Encyclopædia Iranica. Vol. IV. pp. 768–774.
- ↑ Holland, Tom (2012). In the Shadow of the Sword. Little, Brown. pp. 118–122. ISBN 978-1408700075.
- ↑ Figueroa, García de Silva y (1667). L'ambassade de D. Garcias de Silva Figueroa en Perse... Traduite de l'espagnol par Monsieur de Wicqfort (bil-Franċiż). Louis Billaine.
- ↑ "Chilminar", Encyclopædia Britannica, vol. II (1st ed.), Edinburgu: Colin Macfarquhar, 1771, pp. 183–184.
- ↑ "Kitba mnaqqxa DPh". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-04-11.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)