Monasteru ta' Maulbronn

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Monasteru ta' Maulbronn.

Il-Monasteru ta' Maulbronn (bil-Ġermaniż: Kloster Maulbronn) huwa eks abbazija tal-Ċisterċensi u eks stat ekkleżjastiku fl-Imperu Ruman Sagru li jinsab f'Maulbronn, Baden-Württemberg.[1] Il-kumpless tal-monasteru, wieħed mill-iżjed ippreservati fl-Ewropa, sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]

Il-monasteru ġie stabbilit fl-1147 u esperjenza tkabbir ekonomiku u politiku rapidu fis-seklu 12, iżda mbagħad esperjenza deklin fl-aħħar tas-seklu 13 u fis-seklu 14. Fis-seklu 15 reġa' gawda minn perjodu ta' prosperità sa meta Maulbronn ġiet annessa mid-Dukat ta' Württemberg fl-1504. Matul is-seklu 16, il-monasteru taċ-Ċisterċensi ġie xolt u ġie sostitwit b'seminarju Protestant. Sar ukoll is-sede ta' distrett amministrattiv importanti tad-Dukat u iktar 'il quddiem tar-Renju ta' Württemberg.

Il-kumpless, imdawwar b'ħitan bit-turretti u daħla b'torri, illum il-ġurnata jospita l-Muniċipju ta' Maulbronn u uffiċċji amministrattivi oħra, kif ukoll għassa tal-pulizija. Il-monasteru nnifsu fih seminarju Evanġeliku u skola bid-dormitorji.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Maulbronn fil-qedem.

Fl-1138, kavallier ħieles jismu Walter von Lomersheim ta proprjetà b'donazzjoni f'Eckenweiher (issa Mühlacker)[3] lill-Ordni taċ-Ċisterċensi biex jiġi stabbilit fiha monasteru ġdid.[4][5] Id-donazzjoni waslet għand l-Abbazija ta' Neubourg, li bagħtet grupp ta' 12-il patri. Dawn waslu fl-1138, iżda sabu li f'Eckenweiher ma kienx hemm ilma jew spazju għall-mergħa.[6] Fl-1147, il-patrijiet ta' Eckenweiher ġew ittrasferiti lejn sit ġdid qrib is-sors tal-ilma tax-xmara Salzach mill-Isqof ta' Speyer, Günther von Henneberg. Dan is-sit, Mulenbrunnen, madwar tmien kilometri (ħames mili) minn Eckenweiher, kien ideali għaċ-Ċisterċensi.[7] Kien jinsab fir-reġjun bl-għoljiet ta' Stromberg[8], u kien rikk fl-ilma. Għalkemm kien qrib ukoll tat-triq Rumana minn Speyer sa Cannstatt, kien pjuttost iżolat. Il-kostruzzjoni tal-kumpless tal-Monasteru ta' Maulbronn bdiet ftit wara u tlestiet għalkollox sal-1200-1201;[9] il-knisja tal-abbazija ġiet ikkonsagrata fl-1178 minn Arnold I, l-Arċisqof ta' Trier.[10]

L-abbazija l-ġdida ta' Maulbronn f'qasir żmien għaddiet minn perjodu ta' tkabbir ekonomiku u sigurtà ġuridika kostanti bl-appoġġ kemm tal-Isqof Henneberg, li kien sostenitur taċ-Ċisterċensi, u l-familja Hohenstaufen, li dak iż-żmien kellha f'idejha t-tmexxija tal-Imperu Ruman Sagru. Fl-1148, l-Isqof Henneberg neħħa l-obbligu ta' Maulbronn li jitħallsu l-imposti għall-erja kbira ta' foresti li l-patrijiet kellhom jaqtgħu u l-Papa Ewġenju III ta d-dritt tal-patroċinju lill-monasteru.[11] Sadanittant, Maulbronn kompliet bla heda tipprova tikseb territorju ġdid. Fl-1151, Maulbronn stabbiliet l-Abbazija ta' Bronnbach, imbagħad kisbet il-proprjetajiet agrikoli ta' Füllmenbacher u ta' Elfinger fl-1152 u fl-1153 rispettivament,[12] u mbagħad stabbiliet l-Abbazija ta' Schöntal fl-1157.[13] Maulbronn ġiet eżentata milli tħallas it-taxxi obbligatorji u l-kumpless sar Abbazija Imperjali bis-saħħa tal-Imperatur Federiku I fl-1156, meta ġew elenkati l-proprjetajiet ta' Maulbronn, inklużi ħdax-il proprjetà agrikola, partijiet minn tmien villaġġi, u bosta vinji. Il-proprjetajiet tal-monasteru ġew ikkonfermati mill-ġdid mill-Papa Alessandru III fl-1177; u sa dak iż-żmien, Maulbronn kellha s-sjieda ta' sbatax-il proprjetà agrikola.[14]

Is-sekli 14 u 14 kienu perjodi iebsin għal Maulbronn, għalkemm fit-tieni nofs tas-seklu 13 ingħatat ġurisdizzjoni legali fuq it-territorji tagħha mill-Papa Alessandru IV. Skont ir-regoli tal-Ordni taċ-Ċisterċensi, l-artijiet tagħha kellhom jinħadmu mil-lajċi. Madankollu, l-għadd ta' lajċi f'Maulbronn naqas sew matul is-seklu 13, minħabba l-kunflitt bejnhom u l-patrijiet,[15] u b'hekk il-monasteru kulma jmur kellu jiddependi fuq ħaddiema mħallsa biex jaħdmu l-artijiet tagħha. Għall-ħabta tal-1236, il-familja Enzberg saret patrun u protettur (jew vögte) ta' Maulbronn. Madankollu, kien hemm kunflitt persistenti magħhom, u f'diżgwid partikolari fl-1270 il-monasteru saħansitra ngħalaq temporanjament. L-Imperatur Karlu IV ittrasferixxa l-vogtei ta' Maulbronn lejn il-Pfalz Elettorali fl-1372, iżda dan l-att wassal biex il-monasteru jidħol f'taqbida għall-poter bejn Pfalz u l-Kontea ta' Württemberg li kienet qed tikber.[16]

Maulbronn reġa' kellha prosperità fis-seklu 15. Il-patrijiet superjuri tal-monasteru wrew il-ġid li kellhom fl-1450, meta x'aktarx li għamlu l-ikbar kontribuzzjoni fost l-abbaziji Ċisterċensi kollha dik is-sena lill-Abbazija ta' Cîteaux, is-sede tal-ordni. Fl-1464, Maulbronn għamel tajjeb għad-dejn tal-Abbazija ta' Pairis f'Alsace u inkorporaha bħala pirjolat. Maulbronn kisbet il-kontroll ukoll tal-kunventi ta' Mariental, Rechtenshofen, Lichtenstern, Heilsbruck u Koenigsbruck. L-għadd ta' patrijiet f'Maulbronn laħaq il-qofol tiegħu b'135 patri fis-snin 60 tas-seklu 15 u reġa' niżel taħt il-100 patri lejn l-aħħar tas-seklu. Fl-1492, l-Imperatur Massimiljanu I irtira l-vogtei ta' Maulbronn minn Pfalz. Barra minn hekk, Massimiljanu I ipprojbixxa kwalunkwe fortifikazzjoni ulterjuri tal-abbazija, u ordna li l-fortifikazzjonijiet eżistenti tagħha jitwaqqgħu.[17]

Annessjoni minn Württemberg[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1504, matul il-Gwerra tas-Suċċessjoni ta' Landshut, Ulrich, id-Duka ta' Württemberg ħa lil Maulbronn wara assedju li dam sebat ijiem. Ulrich sussegwentement ordna li l-vogtei ta' Maulbronn jiġu ttrasferiti għandu, u effettivament b'hekk seħħet l-annessjoni tal-monasteru u tat-territorji tiegħu fid-Dukat ta' Württemberg.[18] Fl-1525, il-monasteru ġie okkupat mir-raħħala li pparteċipaw fil-Gwerra tar-Raħħala Ġermaniżi fl-1525 u l-patrijiet tkeċċew.[19]

Id-Duka Ulrich adotta l-fidi Luterana fl-1534,[20] u sussegwentement ordna x-xoljiment tal-monasteri kollha fi ħdan it-territorji ta' Württemberg, u ssekwestra l-proprjetajiet. Il-Monasteru ta' Maulbronn kien l-unika eċċezzjoni għal din l-ordni, għaliex kellu jospita l-patrijiet li tkeċċew mill-monasteri l-oħra. Fl-1536, il-patri superjuri ta' Maulbronn ittrasferixxa ruħu lejn l-Abbazija ta' Pairis u s-sena ta' wara beda azzjoni legali biex jerġa' jingħata l-Monasteru ta' Maulbronn. Id-Dieta Imperjali tal-Imperu Ruman Sagru ddeċediet favur iċ-Ċisterċensi fl-Interim ta' Augsburg tal-1548,[21] wara t-telfa ta' Ulrich u tal-prinċpijiet Protestanti l-oħra fil-Gwerra Smalkaldika. Ulrich ġie ordnat iċedi l-monasteri u l-kunventi ta' Württemberg, u minkejja li pprova jdewwem l-għoti u r-restawr tagħhom,[22] iċ-Ċisterċensi rritornaw lejn Maulbronn fl-1548. Madankollu, wara li l-Paċi ta' Augsburg tal-1555 wasslet għall-paċi reliġjuża fl-Imperu, Christoph, id-Duka ta' Württemberg seta' jirriforma għalkollox id-Dukat.[23]

Fl-1556, Christoph irriforma l-monasteri. Skont programm maħluq minn wieħed mill-konsulenti tiegħu, Johannes Brenz, huwa stabilixxa seminarji Protestanti fi tlettax-il monasteru ta' Württemberg. Il-proprjetajiet ta' Maulbronn ġew assorbiti fid-Dukat u ġew organizati f'distrett amministrattiv ġdid. Il-Protestant Valentin Vannius, eks patri fil-Monasteru ta' Maulbronn, inħatar bħala l-patri superjuri u b'hekk sar il-kap tas-seminarju ta' Maulbronn fl-1558.[24]

Żewġ kollokji Luterani saru f'Maulbronn, fl-1564 u fl-1576.

Il-Gwerra tat-Tletin Sena obbligat lill-iskola tal-monasteru tingħalaq sal-1656.[25]

Matul il-Gwerra tad-Disa' Snin, Maulbronn kienet parti min-network difensiv tal-linji ta' Eppingen, li nbnew mill-1695 sal-1697 minn Lwiġi William, il-Margravju ta' Baden-Baden.[26]

Iktar 'il quddiem fis-seklu 17, id-Duka Lwiġi III qabbad lill-arkitett tal-qorti, Georg Beer, biex jirrinnova l-monasteru għas-seminarju. F'dak iż-żmien, Lwiġi III ordna li tinbena loġġa tal-kaċċa fl-artijiet tal-monasteru, li x'aktarx ġiet iddisinjata minn Beer.[27]

Sekolarizzazzjoni u preservazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Monasteru ta' Maulbronn finalment ġie sekolarizzat mir-Re Federiku I fl-1806.

L-isforzi ta' preservazzjoni u ta' restawr tan-natura Medjevali tal-kumpless tal-monasteru bdew fl-1840.

L-iskola tal-monasteru ttieħdet mill-Partit Nażista fl-1941 u reġgħet infetħet fl-1945-1946.

Turiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Rappreżentazzjoni tal-Ġenna u l-funtana fil-lavatorium jidhru fuq in-naħa ta' wara tas-sensiela ta' muniti tal-2013 tal-Ġermanja taż-żewġ ewro.[28] 30 miljun minn dawn il-muniti ġew izzekkati f'Berlin, fi Munich, fi Stuttgart, f'Karlsruhe u f'Amburgu.[29] Medja ta' 235,000 persuna jżuru l-monasteru kull sena skont l-aħħar stimi mill-2019.[30]

Kumpless u arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

This is a map of the monastery complex
Mappa tal-kumpless tal-monasteru.

L-istorja arkitettonika tal-kumpless tal-Monasteru ta' Maulbronn mhix mifhuma għalkollox. Il-monasteru nbena fis-seklu 12 bi stil Rumanesk, għalkemm ftit mix-xogħol tas-seklu 12 – il-portal u l-bibien oriġinali tiegħu – ġie ppreservat. L-istil speċifiku li ntuża, imsejjaħ l-"istil ta' Hirsau", oriġina mis-Swabja u huwa kkaratterizzat minn pilastri uniformi u minn gwarniċi rettangolari madwar il-ħnejjiet Rumaneski. Lejn l-aħħar tas-seklu 12, l-arkitettura taċ-Ċisterċensi ġiet influwenzata mill-arkitettura Gotika, u l-ordni bdiet ixxeridha mill-Grigal ta' Franza. Mill-1210 sal-1220, arkitett anonimu imħarreġ f'Pariġi bena l-ewwel eżempju ta' arkitettura Gotika fil-Ġermanja fin-narthex tal-Monasteru ta' Maulbronn, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-kjostru tiegħu, u fir-refettorju tal-patrijiet. Il-Gotiku Aħħari wasal f'Maulbronn mill-aħħar tas-seklu 13 sa nofs is-seklu 14, u mill-ġdid fl-era Romantika Ġermaniża tal-aħħar tas-seklu 19. Hemm ammont limitat ħafna ta' arkitettura Rinaxximentali f'Maulbronn, irrappreżentat primarjament mil-loġġa tal-kaċċa tad-Duka Ludwig.

Il-monasteru bħala kumpless għadu jeżisti l-iktar bis-saħħa tad-Duki ta' Württemberg. Il-monasteru kien protett b'ħajt tal-ġebel, b'xatba li titla' u tinżel u sservi bħala pont ta' aċċess fuq ħandaq, u b'ħames torrijiet. L-oriġini ta' dawn l-istrutturi hi s-seklu 13.

Sezzjoni tal-Punent[immodifika | immodifika s-sors]

Photograph of the gate (left of center, background) and flanking buildings. The closest, on the right, is the Frühmesserhaus.
Iż-żona tad-daħla fis-sezzjoni tal-Punent.

Il-kumpless għadu jiġi aċċessat mid-dar tax-xatba fin-naħa tal-Lbiċ, għalkemm ix-xatba li kienet titla' u tinżel u sservi ta' pont fuq il-ħandaq ma għadhiex teżisti. Il-binja b'qafas nofsu tal-injam fuq in-naħa ta' wara tad-dar tax-xatba nbniet għall-ħabta tal-1600 u s-saqaf tagħha nbena fl-1751. Eżatt wara d-dar tax-xatba hemm l-ispiżerija, li oriġinarjament kienet berġa, u r-residenza tal-patri responsabbli li jqaddes il-quddiesa għall-mistednin tal-monasteru. Fuq ġewwa, il-binja hija maqsuma f'sala kbira b'kenur miftuħ tal-ħatab u s-sala tad-daħla. Mehmuża mal-ispiżerija hemm binja tas-seklu 19 fejn kienu jinħażnu l-karozzini, illum il-ġurnata mużew, li nbniet fuq kappella li kienet inbniet għall-ħabta tal-1480. Il-pedamenti tal-kor tal-kappella għadhom jidhru wara l-binja tal-karozzini, u l-istess għadhom jidhru l-fdalijiet ta' daħla Rumaneska li twaqqgħet fl-1813. Katusa taċ-ċomb li nstabet hawnhekk tissuġġerixxi li fil-qrib kien hemm xi bir. Fil-Lvant tad-daħla hemm il-Fruchtkasten, li llum il-ġurnata tintuża bħala sala għall-kunċerti. Inbniet fis-seklu 13 u mbagħad inbniet mill-ġdid għalkollox u tkabbret fl-1580 għall-ħżin u għall-użu tat-tagħmir tal-produzzjoni tal-inbid.

Lejn it-Tramuntana tad-daħla hemm il-binjiet amministrattivi u ekonomiċi tal-monasteru. Tul il-ħajt tal-Punent tal-monasteru hemm il-binjiet li qabel kienu jintużaw mill-ħaddieda u minn dawk li kienu jaħdmu u jsewwu r-roti tal-injam u tal-ħadid. Fil-Lvant tal-ħaddieda hemm il-binja tal-eks skuderiji, li ilha tintuża bħala l-muniċipju ta' Maulbronn mill-bidu tas-seklu 19. Il-binja ġiet ikkonvertita fl-1600 mid-dehra Gotika oriġinali tagħha għall-istruttura attwali bi stil Rinaxximentali. Fit-Tramuntana tal-muniċipju hemm il-Haberkasten, li jintuża bħala maħżen tal-qmuħ, u maġenbu hemm il-post tax-xogħol u r-residenza tal-furnar ewlieni tal-monasteru. Finalment, hemm tliet binjiet b'qafas nofsu tal-injam. L-ewwel binja hija l-iSpeisemeisterei, maġenb l-impjant tal-issegar, u t-tielet binja hija l-Bursarium, li nbniet fl-1742 bħala uffiċċju taċ-ċimiterju iżda mill-2019 tintuża bħala għassa tal-pulizija u uffiċċju ta' nutar. Il-binja tan-nofs, li nbniet fl-1550, kienet tintuża bħala l-kwartieri tas-sefturi.

Abbazija[immodifika | immodifika s-sors]

Map of the monastery engraved on a metal plaque
Pjanta tal-monasteru. 1. Rappreżentazzjoni tal-Ġenna, 2. Knisja tal-Lajċi, 3. Knisja tal-Patrijiet, 4. Kjostru, 5. Sagristija, 6. Dar tal-Patri Superjuri, 7 u 15. Kurituri, 8. Frateria, 9. Kantina kbira, 10. Kamra tat-tisħin, 11. Refettorju tal-Patrijiet, 12. Lavatorium, 13. Kċina, 14. Refettorju tal-Lajċi, 15. Daħla tal-kjostru, 16. Cellarium, 17. Passaġġ tal-Lajċi, 18. Binjiet tal-kurituri, 19 u 20. Sptar.

Fiċ-ċentru tal-kumpless tal-monasteru hemm l-abbazija, fejn il-patrijiet u l-lajċi kienu jgħixu u jitolbu. Il-monasteru kellu diviżjonijiet stretti bejn iż-żewġ gruppi. Dan kien il-każ ukoll fil-knisja, li hija maqsuma f'sezzjonijiet għaż-żewġ gruppi permezz tal-ħajt tal-kor. Hemm żewġ ciboriums, imżejna b'rospi, bi gremxul u bi kranji, u għadd ta' xogħlijiet Medjevali fuq iż-żewġ naħat tal-ħajt tal-kor. Quddiem dan il-ħajt, fuq in-naħa tal-lajċi, hemm xbieha kbira ta' Kristu msallab, imnaqqxa għall-ħabta tal-1473 minn blokka waħda tal-ġebel. Fl-aħħar tas-sezzjoni tal-lajċi hemm l-orgni, li ġie installat minn Gerhard Grenzing fl-2013. Fil-kor hemm Madonna bil-Bambin, il-Maulbronner Madonna, maħduma bejn l-1307 u l-1317. Fil-presbiterju ta' taħt hemm is-sedja tal-patri superjuri u sett ta' sedji tal-kor għal 92 patri. Dawn tnaqqxu għall-ħabta tal-1450 minn artist mhux magħruf, x'aktarx Hans Multscher, li żejjinhom b'xeni mill-Bibbja u bi ħlejjaq mitiċi. L-affreski fil-knisja juru l-Adorazzjoni tal-Maġi u d-daħla tal-fundatur ta' Maulbronn Walter von Lomersheim fil-monasteru bħala lajk. Hemm ukoll l-istemmi tan-nobbli li taw donazzjoni għall-kostruzzjoni tal-monasteru. Il-kappelli tad-donaturi, li nbnew fi ħdan minflok barra l-knisja, u s-saqaf Gotiku bil-volti, li ssostitwixxa s-saqaf ċatt oriġinali tal-injam, żdiedu meta l-knisja ġiet rinnovata fl-aħħar tas-seklu 15. L-artal, x'aktarx magħmul fin-Nofsinhar tal-Ġermanja, juri l-Passjoni ta' Kristu u fl-imgħoddi kien indurat u mpitter. Il-fdalijiet tas-sett li fadal, mill-1978 tpoġġew fuq ħaġra tal-blat tar-ramel fil-kappella.

In-narthex tal-knisja huwa l-eqdem eżempju ta' arkitettura Gotika fil-Ġermanja – ir-"Rappreżentazzjoni tal-Ġenna", inbniet għall-ħabta tal-1220. Il-portal li jagħti għall-knisja tal-lajċi fih l-eqdem bibien fil-Ġermanja, maħduma mill-injam tal-abit fl-1178. Il-bieb ġie mżejjen bil-ħadid ferrobattut u bil-parċmina li ġiet imwaħħla bil-kolla mal-bieb u ġew miżbugħin bl-aħmar. Eżatt fit-Tramuntana tal-knisja tal-abbazija hemm fil-kjostru, u l-parti tan-Nofsinhar tiegħu li nbena mill-artist tar-Rappreżentazzjoni tal-Ġenna mill-1210 sal-1220. Il-lajċi setgħu jidħlu u joħorġu mill-kjostru minn kuritur fuq in-naħa tal-Punent. Dan iwassal għal garigor taraġ sad-dormitorju tal-lajċi, u r-refettorju tal-lajċi fuq il-pjan terran. Il-volti tal-istruttura huma mirfuda minn seba' pilastri rqaq b'kolonni doppji li ġew installati fl-1869. Faċċata tal-kuritur li jagħti għall-kjostru mir-refettorju tal-lajċi hemm iċ-cellarium, fejn issa jintwerew bosta oġġetti tax-xogħol fil-ġebel.

Panoramic photograph of the chapter house, east wall
Il-ħajt tal-Lvant tad-Dar tal-Patri Superjuri.

Fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-kjostru hemm il-lavatorium, fejn il-patrijiet kienu jinħaslu qabel l-ikel u għall-purifikazzjoni. Il-maġġoranza tal-funtana tmur lura għall-ħabta tal-1878; il-vaska tal-bażi biss hija oriġinali. Il-ħames twieqi Gotiċi żdiedu mill-1340 sal-1350 u l-istruttura bil-qafas nofsu tal-injam fuq il-lavatorium inbniet għall-ħabta tal-1611 bi stil simili għal dak ta' Heinrich Schickhardt. Il-volti tal-lavatorium kienu mpittrin bi xbieha tal-mit tal-istabbiliment ta' Maulbronn. Faċċata tal-binja tal-funtana hemm ir-refettorju tal-patrijiet, fejn il-patrijiet kienu jieklu u jisimgħu l-qari tal-Bibbja. Din il-binja x'aktarx li kienet inbniet ukoll mill-artist tar-Rappreżentazzjoni tal-Ġenna, kif joħroġ mid-dieher mill-elementi Gotiċi Bikrin fuq ġewwa. It-trikkib tal-volti ġie mpitter bl-aħmar fis-seklu 16. Il-kċina li kienet tissupplixxi ż-żewġ refettorji tinsab bejniethom, iżda kienet irranġata b'tali mod li d-dħaħen u l-irwejjaħ ma jaffettwawx il-kumplament tal-monasteru.

Għalkemm l-Ordni taċ-Ċisterċensi pprojbiet il-kmamar bit-tisħin, il-Monasteru ta' Maulbronn għandu kamra tat-tisħin li kienet imdawla b'nar f'kompartiment bil-volti taħtha. Id-dħaħen kienu jiġu mgħoddija 'l barra u s-sħana kienet titla' fil-kamra tat-tisħin minn ġo xi 20 toqba mal-art. Kienet l-unika kamra msaħħna fil-monasteru.

Mehmuża maċ-ċentru tan-naħa tal-Lvant tal-kjostru hemm id-dar tal-patri superjuri, fejn il-patrijiet setgħu jiksru l-ġurament tagħhom tas-silenzju. Tliet pilastri jirfdu l-volti b'għamla ta' stilel tal-binja, li huma miksija b'affreski ħomor mill-1517. Waħda mill-kapitelli tal-pilastri għandha element mhux tas-soltu bi tmien ajkli. Il-ġebliet tax-xewka tal-volti juru l-Erba' Evanġelisti, il-Ħaruf t'Alla, u anġlu jdoqq trumbetta. Fin-naħa tax-Xlokk tal-binja tal-patri superjuri hemm kappella żgħira b'tieqa f'niċċa.

Garigor taraġ fuq in-naħa tal-Lvant tal-kjostru jwassal sad-dormitorju tal-patrijiet.

Kuritur fuq in-naħa tal-Lvant tal-kjostru jagħti għal binji Gotika Aħħarija ta' kollegament, li nbniet mil-lajk Conrad von Schmie, li twassal sal-isptar tal-monasteru jew Ephorat. Il-binja ta' kollegament hija mżejna b'affresk li juri lil Benedittu ta' Nursja u lil Bernard ta' Clairvaux għarkopptejhom quddiem il-Madonna. Mis-simboliżmu, huwa maħsub li dan l-ispazju kien jintuża bħala kappella Marjana, scriptorium jew librerija. Wara l-akkwiżizzjoni tal-Monasteru ta' Maulbronn mid-Duki ta' Württemberg, l-isptar ġie rinnovat bħala r-residenza tal-patri superjuri u ngħata isem mit-titlu tal-patri superjuri, jiġifieri "Ephorus".

Loġġa tal-kaċċa tad-Duka Lwiġi III.

Sezzjoni tal-Lvant[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1588, id-Duka Lwiġi III bena lustschloss (palazz tad-divertiment) fuq il-kantina ta' binja iktar bikrija, li x'aktarx kienet ir-residenza tal-patri superjuri. Matul l-eżistenza tal-Oberamt Maulbronn, il-lustschloss ta' Lwiġi III kien l-uffiċċju amministrattiv tiegħu. Fil-qrib hemm il-fdalijiet tal-Pfründhaus, fejn id-donaturi li kienu ħallsu għal pensjoni għall-għomor kienu jirresjedu fil-monasteru. Il-binja nbniet fl-1430 u kienet tintuża bħala dar għall-foqra fis-seklu 19 sa ma nqerdet bin-nirien f'Jannar 1892.

Fin-naħa tax-Xlokk tal-kumpless hemm il-Faustturm, it-torri fejn Johann Georg Faust allegatament għex meta qagħad fil-monasteru fl-1516.

Sistema tal-ilma[immodifika | immodifika s-sors]

Bħalma kienet drawwa fil-monasteri Ċisterċensi, il-monasteru ta' Maulbronn jinsab fuq sistema sofistikata tal-ġestjoni tal-ilma. Permezz tad-drenaġġ tal-artijiet mistagħdra madwar il-monasteru u permezz tat-tħaffir ta' sensiela ta' kanali, il-patrijiet ħolqu xi 20 għadira u lag. Nixxiegħa lokali, is-Salzach, ġiet devjata biex il-fluss tagħha jgħaddi minn taħt il-monasteru għas-sistema tad-dranaġġ tiegħu. Il-livelli tal-ilma f'dawn il-lagi setgħu jiġu kkontrollati, u b'hekk il-patrijiet tal-Monasteru ta' Maulbronn seta' jkollhom l-enerġija meħtieġa għar-rota tal-ilma tagħhom, iżda setgħu anke jrabbu l-ħut u s-sallura. F'waħda minn dawn l-għadajjar, magħrufa bħala l-Aalkistensee, il-patrijiet setgħu jrabbu sa 5,000 karpjun. Il-biċċa l-kbira tas-sistema għadha tintuża u hija parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Is-sistema tal-ilma ilha tiġi studjata mill-Uffiċċju ta' Baden-Württemberg għall-Preservazzjoni tal-Monumenti mill-1989.

Mużewijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Pictured here is a scale model of the monastery complex
Mudell fuq skala tal-kumpless tal-monasteru fil-mużew tal-monasteru.

Ħdejn il-binja tad-daħla hemm iċ-ċentru għall-viżitaturi. Fil-pjan terran hemm dijorama tal-kumpless tal-monasteru u fit-tieni sular hemm mużew li jispjega fid-dettall il-ħajja postmonastika f'Maulbronn. Il-Frühmesserhaus fil-qrib għandha tliet panewijiet ta' tagħrif magħmula mill-patrijiet tal-Monasteru ta' Maulbronn li jiddokumentaw l-istabbiliment tagħha u ċ-ċirkostanza marbuta magħha.

Fi ħdan il-kumpless tal-monasteru hemm mużew letterarju maqsum fi tliet partijiet, "Besuchen-Bilden-Schreiben", immexxi mill-istat ta' Baden-Württemberg. L-ewwel parti minnhom, li tfisser "Żur", turi l-immaġni ta' Maulbronn fil-letteratura. It-tieni parti, li tfisser "Tgħallem", hija ddedikata lill-użu tal-monasteru bħala seminarju tal-Protestantiżmu u għandu enfasi fuq l-istudenti tas-seminarju, fosthom Johannes Kepler, Friedrich Hölderlin u Herman Hesse. Finalment, it-tielet parti, li tfisser "Ikteb", turi x-xogħlijiet tal-patrijiet tal-Monasteru ta' Maulbronn u fiha librerija b'xogħlijiet li jkopru 800 sena u 50 kittieb.

Iċ-cellarium tal-abbazija jospita lapidarium u jispjega fid-dettall il-metodi tal-kostruzzjoni li ntużaw f'Maulbronn.

Skola[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kwartieri antiki issa jospitaw skola bid-dormitorji, is-Seminarju Evanġelista ta' Maulbronn, li jitmexxa mill-Knisja Evanġelika-Luterana f'Württemberg.

Veduta panoramika tal-Monasteru ta' Maulbronn.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless tal-Monasteru ta' Maulbronn ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Patrijiet Superjuri[immodifika | immodifika s-sors]

Lista tal-Patrijiet Superjuri Kattoliċi ta' Maulbronn:

  • 1138 – sal-ħabta tal-1178: Diether;
  • mill-ħabta tal-1216 – 1219: Konrad I;
  • 1232: Gozwin;
  • 1234 – 1243: Sigfrid I;
  • 1244 – 1251: Berthold I Munt;
  • 1253: Heinrich I;
  • 1254: Gottfrid;
  • 1257 – 1268: Egenhard;
  • 1268: Albrecht I;
  • 1276 – 1277: Hildebrand;
  • 1280: Walther;
  • 1281 – 1285: Sigfrid II;
  • 1287 – 1292: Rudolf;
  • 1294 – 1299: Konrad II;
  • 1302 – 1305: Reinhard;
  • mill-ħabta tal-1306: Albrecht II;
  • qabel l-1313: Wilent;
  • 1313 – 1325: Heinrich II von Calw;
  • 1330 – 1353: Konrad III von Thalheim;
  • mill-ħabta tal-1358: Berthold II Kuring;
  • mill-ħabta tal-1359: Ulrich von Ensingen;
  • 1361 – 1367: Johannes I von Rottweil;
  • 1376 – 1383: Albrecht III von Rieringen;
  • 1383: Marquard;
  • 1384 – 1402: Heinrich III von Renningen;
  • 1402 – 1428: Albrecht IV von Detisheim;
  • 1428 – 1430: Gerung von Wildberg;
  • 1430 – 1439: Johann II von Gelnhausen;
  • 1439 – 1445: Johann III von Worms;
  • 1445 – 1462: Berthold II von Roßwag;
  • 1462 – 1467: Johann IV von Wimsheim;
  • 1467 – 1472: Nikolaus von Bretten;
  • 1472 – 1475: Albrecht V;
  • 1475 – sal-ħabta tal-1488: Johann V von Laudenburg;
  • 1488 – 1491: Stephan Detinger;
  • 1491 – 1503: Johann VI von Bretten (l-ewwel renju);
  • 1503 – 1504: Johann VII von Umbstadt;
  • 1504 – 1512: Michael Scholl von Baihingen;
  • 1512 – 1518: Johannes VIII Entenfuß;
  • 1518 – 1521: Johann VI von Bretten (it-tieni renju);
  • 1521 – 1547: Johannes IX von Lienzingen;
  • 1547 – 1557: Heinrich IV von Nördlingen;
  • 1557: Johannes X Epplin von Waiblingen;

(1558 – 1630: amministraturi Luterani ta' Württemberger);

  • 1630 – 1642: Christoph Schaller von Sennheim;
  • 1642 – 1648: Bernhardin Buchinger von Kiensheim;

(1648: il-kontroll ta' Württemberg ġie stabbilit mill-ġdid).

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 3.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Maulbronn Monastery Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-03.
  3. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 10.
  4. ^ "Klöster in Baden-Württemberg: Kloster". www.kloester-bw.de. Miġbur 2023-05-03.
  5. ^ "Klöster in Baden-Württemberg: Kloster". www.kloester-bw.de. Miġbur 2023-05-03.
  6. ^ Gillich, Ante (2017). "Das Wassersystem des Klosters Maulbronn: Ein Projekt zur Bestandserfassung mit hochaufgelösten Laserscandaten". Denkmalpflege in Baden-Württemberg. (bil-Ġermaniż). p. 275.
  7. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 11-12.
  8. ^ "Monastery: Staatliche Schlösser und Gärten Baden-Württemberg". www.kloster-maulbronn.de (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-03.
  9. ^ "Milestones: Staatliche Schlösser und Gärten Baden-Württemberg". www.kloster-maulbronn.de (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-03.
  10. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 10-13.
  11. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 11, 12, 21, 90.
  12. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 21.
  13. ^ Schütz, Bernard (2004). Great Monasteries of Europe. Translated by Steven Lindberg. Abbeville Publishing Group. ISBN 978-0-789-20829-3. p. 310.
  14. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 11-12, 21.
  15. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 14, 20, 23.
  16. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 23, 90.
  17. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 16.
  18. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 16-17, 24.
  19. ^ "Valentin Vannius: Staatliche Schlösser und Gärten Baden-Württemberg". www.kloster-maulbronn.de (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-03.
  20. ^ Patrico, Ryan Sayre (1 June 2017). "The Spiritual Significance of Property and Place in Monastic Resistance to the Reformation". German History. Oxford University Press. 35 (2): 187–205. p. 189.
  21. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 17.
  22. ^ Patrico, Ryan Sayre (1 June 2017). "The Spiritual Significance of Property and Place in Monastic Resistance to the Reformation". German History. Oxford University Press. 35 (2): 187–205. p. 193.
  23. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 17, 23.
  24. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 17, 25-26, 27.
  25. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. p. 91.
  26. ^ "The Eppingen lines: Staatliche Schlösser und Gärten Baden-Württemberg". www.kloster-maulbronn.de (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-03.
  27. ^ Mueller, Carla; Stober, Karin (2009). Maulbronn Monastery. Deutscher Kunstverlag. ISBN 978-3-422-02054-2. pp. 26-27.
  28. ^ "New national side of euro coins intended for circulation".
  29. ^ "The Maulbronn 2-euro-coin: Staatliche Schlösser und Gärten Baden-Württemberg". www.kloster-maulbronn.de (bl-Ingliż). Miġbur 2023-05-03.
  30. ^ "Maulbronn". Stadt Maulbronn (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-05-03.