Aqbeż għall-kontentut

Santa Marija

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Il-Madonna)
Santa Marija
Ħajja
Twelid Tzippori (en) Translateu Ġerusalemm, 1 century BC
Nazzjonalità unknown value
Residenza Nazaret
Grupp etniku il-Lhud
Mewt unknown value, 1 century
Post tad-dfin Qabar tal-Verġni Marija
Familja
Missier Joachim
Omm Saint Anne
Konjuga/i San Ġużepp
Ulied
Aħwa
Familja
uri
Tribù Familja Mqaddsa
Edukazzjoni
Lingwi Imperial Aramaic (en) Translate
Okkupazzjoni
Festa
15 ta' Awwissu

Santa Marija jew il-Madonna hija meqjusa omm Alla skont il-Kristjaneżmu u l-Kattoliċiżmu. Marija kienet mara Lhudija tal-Galilea li fis-seklu 1 kienet tgħix Nażaret skont il-Vanġeli kanoniċi tal-Bibbja kif ukoll skont il-Koran. Kienet il-mara ta’ San Ġużepp u l-omm verġni ta’ Ġesù.[1][2]

L-Assunta u d-devozzjoni lejha f’Malta

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-devozzjoni lejn it-tlugħ is-sema ta’ Marija Santissima hija waħda li għandha għeruq sodi u antiki f’Malta. L-istorja kompliet sawret avvenimenti mal-festi tal-Madonna li kompliet żiedet id-devozzjoni lejn omm Alla. Dan narawh fit-tmienja ta’ Settembru meta intrebaħ l-assedju l-kbir u fl-istess data l-Italja ċediet fit-Tieni Gwerra Dinjija u għalhekk kien ifisser li l-gwerra kienet spiċċat għal Malta. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm avveniment ieħor marbut mad-devozzjoni li l-Maltin għandhom għall-Madonna. Dan kien meta fil-ħmistax ta’ Awwissu kien daħal il-Konvoj ta’ Santa Marija li kien ifisser is-salvazzjoni tal-Maltin.

Meta inħarsu lejn l-istorja naraw li skont it-tradizzjoni, id-devozzjoni lejn il-Madonna bdiet saħansitra mall-miġja ta’ San Pawl fostna meta San Luqa li kien qiegħed jivjaġġa ma’ San Pawl kien nafragat miegħu fuq Malta. Jingħad li San Luqa li kien pittur kien pitter pittura tal-Madonna bil-Bambin Ġesù li llum skont it-tradizzjoni tinsab fis-santwarju tal-Mellieħa. Għalkemm ma jeżistux dokumenti li jikkonfermaw dan bil-miktub, xorta waħda din hija tradizzjoni qadima ħafna li baqgħet tingħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra.

Din id-devozzjoni jidher li kompliet tiffjorixxi tant li fost l-eqdem knejjes li nafu bihom f’pajjiżna nsibu bosta minnhom iddedikati lill-Madonna bħall-Knisja tal-Lunzjata ta’ Ħal Millieri, Santa Marija ta’ Ħal Xluqq u oħrajn li kienu diġà jeżistu fil-Medjuevu. Fost il-parroċċi l-iktar qodma nsibu l-parroċċa ta’ Santa Marija ta’ Bir Miftuħ, ta’ Santa Marija ta’ Għawdex, u tat-twelid tal-Madonna tan-Naxxar. Wara dawn naraw parroċċi oħra qodma bħall-Mosta, il-Qrendi, l-Imqabba, Ħal Għaxaq, Ħ’Attard, Ħad-Dingli, l-Imġarr (Malta) u Ħaż-Żebbuġ. Ma’ dawn ta’ min isemmi numru kbir ta’ kappelli li nsibu fl-irħula u fil-kampanja ddedikati lil Santa Marija.

Fit-toroq tal-irħula u fil-pjazez kważi dejjem tara xi xbiha tat-tlugħ is-sema ta’ Marija Santissima. F’bosta minn dawn il-kappelli għadha tigi organizzata festa ċkejkna lil Santa Marija bħal ngħidu aħna fil-Ħamrun, fil-Knisja tal-Madonna ta’ Atoċja, f’Ħal Qormi, fil-Knisja ta’ Santa Marija tal-Ħlas. F’Ħaz-Żebbuġ insibu l-festa ta’ Santa Marija fill-kappella ta’ Mamo. Ma’ dawn imbagħad insibu kappelli oħrajn li fil-qedem kellhom xi tradizzjoni marbuta magħhom bħall-kappella ta’ Santa Marija ta’ Qrejċa f’Ħal Qormi li fil-qedem nhar il-15 ta’ Awwissu minnha kienu iqassmu laħam mixwi lill-foqra.

Meta nħarsu lejn il-festa tal-Assunta naraw li din ma kinitx issir minn dejjem fil-15 ta’ Awwissu. San Ġlormu fil-martiroloġju tiegħu niżżilha biex tiġi ċċelebrata fit-18 ta’ Jannar. Kien fi żmien l-Imperatur Mawrizju fis-seklu 6 li din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata fil-15 ta’ Awwissu kif nafuha llum. Fil-qedem kien isirilha Ottavarju u kien obbligu s-sawm lejlietha. Fil-Mosta jidher li d-devozzjoni lejn Santa Marija hija waħda qadima ħafna.

Meta fis-sena 1436 l-Isqof Senatore de Mello għamel ir-rullo jew aħjar l-inventarju tad-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex waqt iż-żjara pastorali tiegħu nnota li fejn illum insibu l-Mosta kienet tgħix komunità li kellha knisja żgħira ddedikata lit-tlugħ is-sema ta’ Marija Santissima. Dan juri li n-nies li kienu jgħixu fl-inħawi fejn illum insibu l-Mosta kienu għażlu li jiddedikaw il-kappella li kellhom u li kienet taqdihom fil-bżonnijiet spiritwali tagħhom lil Santa Marija Assunta. Il-Mostin komplew kabbru din id-devozzjoni u saħħewha meta bnew knisja ikbar. Dan wassal biex wara li l-popolazzjoni kompliet tikber dan ir-raħal sar parrocca.

Il-festa ta’ Santa Marija għandha rabta partikolari ma’ Malta, l-iktar meta fil-gwerra, proprju fil-15 ta’ Awwissu 1942, meta Malta kienet waslet fl-ahhar nifs matul il-gwerra li kienet ilha li bdiet mill-1939. Il-provvisti kienu spiċċaw u l-poplu kien qiegħed ibati l-ġuħ. Kien proprju nhar il-festa ta’ Santa Marija Assunta meta mill-bokka tal-port dehru deħlin xi vapuri li kienu jiffurmaw parti mill-konvoj li kien telaq xi jiem qabel minn Gibiltà biex iwasslu l-munizzjon sabiex Malta setgħet tiddefendi ruħha kif ukoll l-ikel tant mistenni mill-poplu li kien qiegħed ibati l-ġuħ. Dawn il-vapuri daħlu fil-port qalb id-daqq tal-qniepen u l-ferħ tal-Maltin li ħarġilhom id-dmugħ meta raw li kien proprju nhar il-festa ta’ Santa Marija li kien ilhom iqimuha mill-qedem. Kellu jkun proprju f’din il-festa li Malta ġiet salvata mill-għadu. Minn dik il-grajja ’l hawn, il-Maltin baqgħu dejjem jgħożżu l-festa tat-tlugh is-sema ta’ Marija Santissima. Dan ir-rakkont ċkejken juri kif id-devozzjoni lejn Santa Marija tnisġet mal-ħajja tal-poplu Malti, li sa mill-bidu tal-fidi Nisranija tiegħu żamm lill-Madonna bħala ommu u protettriċi ta’ Malta u Għawdex.

  1. ^ Raymond Edward Brown; Joseph A. Fitzmyer; Karl Paul Donfried (1978). Mary in the New Testament. NJ: Paulist Press. p. 140. ISBN 9780809121687.
  2. ^ "Nazareth | Israel". Encyclopedia Britannica (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-15.