Aqbeż għall-kontentut

Ħal Millieri

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kappella ta' San Ġwann l-Evanġelista

Ir-raħal ta’ Ħal Millieri kien raħal żgħir fix-Xlokk ta’ Malta, raħal li safa abbandunat, mitluq, u b’hekk mitluf għall-ħabta ta’ tmiem is-seklu sittax jew il-bidu tas-seklu sbatax. Dan ir-raħal hu wieħed mill-aktar importanti, peress li għandu l-aktar fdalijiet storiċi mill-bqija tal-irħula mitlufin kollha.

Pożizzjoni Ġeografika

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-raħal u l-inħawi ta’ Ħal Millieri jinsabu fin-naħa tax-Xlokk ta’ Malta, u fl-akbar medda ta’ art fil-gżira, żona kkaratteriżżata mill-ammont qawwi tal-ġebla tal-Franka ta’ Taħt. Tinsab imdawra bl-irħula ta’ Ħal Luqa, L-Imqabba, Ħal Kirkop, Il-Qrendi u ż-Żurrieq, u tinsab madwar 2.5 km ‘il bogħod mill-baħar u madwar 105 metru ‘il fuq mill-livell tal-baħar.

Xi fdalijiet arkeoloġiċi li saru fl-inħawi ta’ Ħal Millieri jixhdu u juru li dawn l-istess inħawi kienu magħrufa bħala inħawi fertili ferm saħansitra mill-perjodu preistoriku, għalkemm l-ewwel fdalijiet li nstabu huma dawk Puniċi. Dan jixduh mitħan taż-żebbuġ (trapeta), flimkien ma’ għodod oħra agrikoli li juruna li fl-inħawi x’aktarx kien hemm villa Rumana li kienet tispeċjalizza fl-għasir taż-żebbuġ.

Barra minn hekk, xhieda ħajja huma l-ammont pjuttost kbir ta’ għelieqi li jdawwru l-viċinanzi. Dawn kienu sa minn żmien ilu meqjusa bħala lok fertili ferm, tant li nsibu li saħansitra baqgħu jintużaw u jinħadmu sa snin wara li r-raħal safa abbandunat. Il-ħamrija li tikkaratteriżża l-post hi dik ħamra.

Interessanti l-fatt li l-inħawi madwar Ħal Millieri kienu magħrufa għall-ħażna pjuttost abbundanti ta’ ilma, u dan narawh bin-numru kbir ferm ta’ bjar li nstabu waqt l-iskavi arkeoloġiċi. B’kollox, instabu madwar 87 ġiebja f’dawn l-iskavi, numru konsiderevoli meta wieħed iqis il-konċentrazzjoni ta’ kif qiegħdin. Dan l-aspett ukoll jista’ juri kif l-għelieqi ta’ Ħal Millieri kienu fertili.

Bosta esperti u storiċi, jsostnu li l-isem “Millieri” seta’ kien taqsira tal-kunjom “Camilleri”. Saħansitra nstabet dokumentazzjoni li tipprova dan , kif ukoll il-konnotazzjoni qawwija li kien hemm bejn il-kunjom ‘Camilleri’ u dan l-istess raħal. Għalekk, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li l-isem ‘Ħal Millieri’ seta’ jfisser ‘ir-raħal ta’ Camilleri’, jew inkella ‘ir-raħal tan-nies ta’ Camilleri’.

Tibdil fil-Popolazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Illum –il ġurnata, ftit huma s-sorsi li jgħinuna nifhmu n-numru ta’ abitanti ta’ Ħal Millieri, pero’ nistgħu inqabblu l-ftit dokumenti li għandna ma’ rħula oħra fil-viċin. Wieħed minn dawn id-dokumenti hu dak tal-persuni magħżula minn kull raħal sabiex ikunu ta’ għajnuna Militari, magħrufa bħala d-‘Dokumenti tal-Militia’. Il-lista tal-1419 hi kif ġejja:

Raħal Rappreżentanti
Luqa u Ħal Farruġ 27
Żurrieq 61
Qrendi u Ħal Lew 27
Ħal Millieri 13
Mqabba 21
Kirkop 16

Kif jidher, ir-raħal ta’ Ħal Millieri kellu l-inqas numru ta’ rappreżentanti, u dan jitfa’ dawl fuq id-daqs u l-istat tal-popolazzjoni f’dan il-perjodu. Ftit li xejn instabet dokumentazzjoni oħra li titratta l-perjodi ta’ wara. Pero’ fil-bidu tas-seklu 16, kien hemm bosta bejgħ ta’ propjeta’ u bini, ħafna drabi bejn membri tal-istess familja.

Barra minn hekk, fis-sittax –il seklu, Ħal Millieri beda jesperjenza tnaqqis fil-popolazzjoni , hekk kif bosta mill-abitanti marru joqgħodu fl-irħula akbar bħal pereżempju Ħal Lew jew Ħal Luqa. Pero’ jibqa’ l-fatt li minkejja dan, l-għelieqi baqgħu jinħadmu, l-aktar minħabba l-fertilita’ tagħhom.

Artijiet tal-Post

[immodifika | immodifika s-sors]

Bosta drabi, kwazi kull familja, fqira jew sinjura, kien ikollha l-art tagħha, ħafna drabi mogħtija jew imwellija b’ċens annwali. Barra minn hekk, insibu ukoll li xi nies barranin (li ma kinux residenti ta’ Ħal Millieri) kellhom ukoll xi artijiet, bi bdiewa lokali jaħdmulhom u jeħdulhom ħsieb l-għelieqi tagħhom. Iżda kienet il-Knisja Maltija l-akbar sid ta’ art f’Ħal Millieri.

Filfatt, il-Knisja kellha diversi artijiet, fejn fost oħrajn insibu msemmija l-art ta’ madwar il-Knisja ta’ Santa Marija. Barra minn hekk, il-Kapitlu Katidrali tal-Imdina ukoll kellu xi artijiet, kif ukoll il-Patrijiet Agostinjani, u s-Sorijiet ta’ Santa Skolastika fl-Imdina. Dawn l-artijiet ukoll kienu jiġu afdati f’idejn il-bdiewa tal-post.

Ir-reliġjożita' kellha preżenza qawwija tant li kienet meqjusa vitali f’kull raħal Malti, u allura Ħal Millieri ma kienx eċċezzjoni. Filfatt, l-influss u l-influwenza reliġjuża narawha evidenti l-aktar permezz tal-knejjes li kien hemm f’Ħal Millieri- b’kollox erbgħa, li minnhom għadna nistgħu naraw tnejn sallum. Dawn huma l-Knisja tal-Annunzjazzjoni u dik ta’ San Ġwann l-Evanġelista.

Il-Knisja tal-Annunzjazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja tal-Annunzjazzjoni tal-Verġni Marija hi kappella żgħira, bi stil tipikament Medjavali li ġiet ikkonsagrata fis-sena 1480. Din il-Kappella inbniet fuq il-fdalijiet ta’ kappella ferm eqdem, probabilment tas-seklu tlettax. Dwar il-kappella oriġinali ftit li xejn għandna traċċi, anke jekk l-iskavi arkeoloġiċi żvelaw fatti verament uniċi.

Ħarsa lejn l-istruttura turi li din hi sempliċiment kamra b’dimensjonijiet pjuttost żagħar, meta imqabbla ma kappelli u knejjes oħra. Filfatt, dawn id-dimensjonijiet huma : 7.50m tul b’4.50m wiesa’, u b’apside li għandha dijametru ta’ madwar 2.95m u li tidħol ‘il ġew b’1.57m. Il-Knisja hi maqsuma f’ħames partijiet permezz ta’ arkati li jitilgħu mill-art. L-istil użat fil-bini hu wieħed sempliċi għall-aħħar, bil-ġebel użat ikun wieħed irregolari, iżda fl-istess waqt pulit. Il-ftit żbalji li saru ġew mgħottija b’taħlita magħmula minn ġibs u bċejjeċ tal-fuħħar.

Illum hu magħruf li l-knejjes tal-Annunzazzjoni u tal-Viżitazzjoni xi darba kienu magħquda flimkien, b’ħajt komuni li jgħaqqadhom it-tnejn. Dan il-ħajt kien ħafna aktar b’saħħtu milli hu llum, iżda meta waqgħet il-knisja tal-Viżitazzjoni (c. 1658), dan sofra ferm, tant li saħansitra l-faċċata xxaqqet. Għalekk l-impatt kien wieħed pjuttost kbir, tant li xi studjużi jgħidu li hu b’miraklu li l-knisja baqgħet wieqfa sallum.

Il-Knisja ta’ San Ġwann l-Evanġelista

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja ta' San Ġwann l-Evanġelista

Dwar din il-Knisja, ftit li xejn instabet informazzjoni, ħlief li ukoll kienet mibnija fuq knisja eqdem u li ukoll kellha magħha knisja oħra, iddedikata lill-Arkanġlu San Mikiel. Madwar is-sena 1822, ċertu Dun Ġakbu Gauci tħajjar jibnieha mill-ġdid, u neputieh kabbarha. Dan il-proċess tlesta kollu fl-1961. Bil-kontra ta’ kif inhu maħsub, hija din il-knisja, li kellha l-pjazza prinċipali ta’ Ħal Millieri, u mhux dik tal-Annunzjazzjoni. Is-salib ‘tad-Dejma’ quddiem il-knisja ifakkar il-kappella ta’ San Mikiel.

L-istudjużi jsostnu li dan ir-raħal seta kellu waqgħa fil-popolazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi fir-raħal. Jgħidu li l-ħwienet kienu ftit, u li l-uniku opportunita’ ta’ xogħol kienet bħala bidwi jew ragħaj. Il-familji kienu ftit, u d-daqs tar-raħal ma kienx jippermetti żwiġijiet bejn il-familji. Min kien jiżżewweġ, ħafna drabi insibuh imur joqgħod f’raħal martu jew żewġu. Barra minn hekk, il-kundanna tal-Knejjes ma swietx ta’ ġid, peress li mingħajr knisja, is-soċjeta’ Medjavali kienet tħossha mitlufa u bla ragħaj. Dawn huma kollha fatturi li setgħu ikkontribwixxew sabiex dan ir-raħal safa abbandunat, u eventwalment mitluf.

Kważi l-istudjużi kollha jaqblu li Ħal Millieri safa mitluf b’mod differenti mill-irħula l-oħra. Dan għaliex ġie abbandunat b’mod tant gradwali li ma hemm l-ebda dokumentazzjoni dwar dan. Il-proċess ta’ abbandun beda kmieni fis-seklu ħmistax, u wisq probabli sa’ tmiem is-seklu sittax kien abbandunat kompletament.

L-entratura tal-Knisja tal-Annunzjazzjoni f'Ħal Millieri, b'lapida li tfakkar ix-xogħol ta' restawr fuq l-istess bini

Fil-bidu tal-1968, il-fondazzjoni ‘Din l-Art Ħelwa’ ħadet ir-responsabbilta’ tal-post, u millewwel bdew l-istudji, skavi u tnaddif tal-post. Qabel, din il-knisja kienet użata bħala stalla, u għalekk dan seta’ kellu effetti diretti fuq xi evidenza storika. Pero’ l-ammont ta’ sejbiet kien wieħed impressjonanti u uniku f’post daqstant żgħir. Dawn is-sejbiet għenew sabiex tiġi mifhuma aħjar l-istorja tal-post.

  • Il-Bini: Mill-iskavi u l-istudji, ħareġ il-fatt li l-Knisja kienet mibnija fuq fdalijiet ta’ Knisja eqdem, probabilment tas-seklu tlettax, li minn naħa l-oħra kienet ukoll mibnija fuq fdalijiet Rumani, li setgħu kellhom qabilhom bini preistoriku. Saħansitra ttellgħu aktar minn 1,500 biċċa tal-fuħħar.
  • Il-Knisja: Ġewwa l-knisja instabu xi oġġetti sagri, li probabilment jappartjenu għal wara s-seklu dsatax , kif ukoll xi muniti antiki ferm. Instabu ukoll bankijiet tal-ġebel, imsejħa Dukini.
  • Madwar il-Knisja: Madwar il-Knisja ġie skoprut ċimiterju quddiem il-kappella. Dan minbarra xi oqbra li wkoll instabu ġewwa.
  • Affreski: L-affreski oriġinali u mill-aktar uniċi imorru lura sal-perjodu Biżantin jew Medjavali. Dawn jirraffiguraw numru ta’ qaddisin differenti, kollha murija bilwieqfa, u bi ktieb f’idejhom. L-uniku eċċezzjoni hi dik li tirraffigura lill-Martri San Ġorġ.