Hildesheim

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Hildesheim
 Ġermanja
Amministrazzjoni
Stat sovranĠermanja
Federated state of GermanyLower Saxony (en) Translate
District of Lower SaxonyHildesheim (en) Translate
Kap tal-Gvern Ingo Meyer
Isem uffiċjali Hildesheim
Ismijiet oriġinali Hildesheim
Kodiċi postali 31101–31141
Ġeografija
Koordinati 52°09′N 9°57′E / 52.15°N 9.95°E / 52.15; 9.95Koordinati: 52°09′N 9°57′E / 52.15°N 9.95°E / 52.15; 9.95
Hildesheim is located in Germany
Hildesheim
Hildesheim
Hildesheim (Germany)
Superfiċjenti 92.29 kilometru kwadru
Għoli 78 m
Fruntieri ma' Harsum (en) Translate, Schellerten (en) Translate, Bad Salzdetfurth (en) Translate, Diekholzen (en) Translate, Despetal (en) Translate, Betheln (en) Translate, Nordstemmen (en) Translateu Giesen (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 101,858 abitanti (31 Diċembru 2022)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 05121
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Angoulême (en) Translate, Weston-super-Mare (en) Translate, Padang (en) Translate, Halle (Saale) (en) Translate, Gelendzhik (en) Translate, North Somerset (en) Translate, Paviau Minya (en) Translate
stadt-hildesheim.de
Il-pjazza ewlenija ta' Hildesheim bil-binjiet tax-Xirkiet tal-Furnara u tal-Biċċiera

Hildesheim [ˈhɪldəsˌhaɪ̯m] hija belt f'Niedersachsen, il-Ġermanja, b'madwar 104,000 abitant.[1][2] Tinsab fid-distrett ta' Hildesheim, madwar 30 kilometru fix-Xlokk ta' Hanover max-xtut tax-xmara Innerste, tributarju żgħir tax-xmara Leine.

L-Imperatur Ruman Sagru Lwiġi d-Devot stabbilixxa l-Veskovat ta' Hildesheim fit-815 u ħoloq l-ewwel insedjament b'kappella fiż-żona hekk imsejħa Domhügel.

Hildesheim tinsab tul ir-rotta nru 7 tal-Autobahn, in-network ta' awtostradi Ġermaniżi, u b'hekk tinsab f'salib it-toroq bejn it-Tramuntana (Hamburg u lil hinn) u n-Nofsinhar tal-Ewropa.

Il-Katidral ta' Hildesheim u l-Knisja ta' San Mikiel tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[3]

Fl-2015 il-belt u d-djoċesi ċċelebraw l-1,200 anniversarju tagħhom.[4]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Snin bikrin[immodifika | immodifika s-sors]

Hildesheim, waħda mill-eqdem bliet fit-Tramuntana tal-Ġermanja, saret is-sede tal-Veskovat ta' Hildesheim fit-815 u x'aktarx li ġiet stabbilita meta l-isqof ittrasferixxa ruħu minn Elze san-naħa l-oħra tax-xmara Innerste, li kienet suq importanti tul ir-rotta kummerċjali ta' Hellweg. L-insedjament madwar il-katidral malajr żviluppa f'raħal u ngħata d-drittijiet ta' suq mir-Re Otto III fid-983.[5] Oriġinarjament, is-suq kien jintrama fi triq imsejħa Alter Markt (Suq Antik) li għadha teżisti sa llum. L-ewwel suq ġie stabbilit madwar il-Knisja ta' San Indrija. Meta l-belt kibret iktar, sar meħtieġ suq ikbar. Is-suq attwali ta' Hildesheim ġie stabbilit għall-ewwel darba fil-bidu tas-seklu 13 meta l-belt kellha madwar 5,000 abitant.

Medju Evu[immodifika | immodifika s-sors]

Meta Hildesheim kisbet status ta' belt fl-1249, kienet waħda mill-ikbar bliet fit-Tramuntana tal-Ġermanja.[6] Il-kleru mexxa lil Hildesheim għal erba' sekli sħaħ, qabel ma nbena muniċipju u ċ-ċittadini kisbu influwenza u indipendenza. Il-kostruzzjoni tal-muniċipju attwali bdiet fl-1268.[7] Fl-1367 Hildesheim saret membru tal-Lega Anseatika. Bejn l-1519 u l-1523 faqqgħet gwerra fewdali bejn iċ-ċittadini u l-isqof tagħhom b'konsegwenzi ħorox.

Riforma tal-Knisja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja ta' San Mikiel mill-ajru

Hildesheim saret Luterana fl-1542, u l-katidral u ftit binjiet oħra biss baqgħu f'idejn imperjali (Kattoliċi Rumani). Diversi villaġġi madwar il-belt baqgħu Kattoliċi Rumani wkoll.

Seklu 19[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1813, wara l-Gwerer ta' Napuljun, il-belt saret parti mir-Renju ta' Hanover, li ġie anness mir-Renju tal-Prussja bħala provinċja wara l-Gwerra bejn l-Awstrijaċi u l-Prussjani fl-1866. Fl-1868, is-suldati Prussjani sabu teżor ta' valur imprezzabbli ta' madwar 70 pożata u utensili tal-ikel u tax-xorb ta' żmien ir-Rumani, magħmula mill-fidda; l-hekk imsejjaħ Teżor ta' Hildesheim.

Bidu tas-seklu 20 u t-Tieni Gwerra Dinjija[immodifika | immodifika s-sors]

Ritratt mill-ajru ta' Hildesheim fl-1945

Fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, bdew is-segregazzjonijiet tal-popolazzjoni Lhudija, u mijiet ta' Lhud ta' Hildesheim ġew deportati lejn kampijiet ta' konċentrament. Wieħed minnhom li baqa' notevoli kien Guy Stern. Il-belt ġarrbet ħsara estensivi minħabba l-attakki mill-ajru fl-1945, speċjalment fit-22 ta' Marzu. Minkejja li kellha ftit rilevanza militari, xahrejn qabel tmiem il-gwerra fl-Ewropa, il-belt storika ġiet ibbumbardjata bħala parti mid-Direttiva dwar il-Bumbardamenti mill-Ajru sabiex jitkisser il-moral tal-poplu Ġermaniż. 28.5 % tad-djar ġew meqruda għalkollox u 44.7 % minnhom ġarrbu xi ħsarat. 26.8 % tad-djar ma ġarrbux ħsarat. Iċ-ċentru, li kien irnexxielu jżomm il-karattru Medjevali tiegħu sa dak iż-żmien, inqered kważi għalkollox. Madwar 20-30 % tal-belt ġiet meqruda.[8] Bħal f'bosta bliet, ingħatat prijorità lill-kostruzzjoni rapida tad-djar li kienu tant meħtieġa, u strutturi tal-konkos ħadu post il-binjiet meqruda. Il-biċċa l-kbira tal-knejjes il-kbar, li tnejn minnhom issa jitqiesu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, reġgħu nbnew skont l-istil oriġinali ftit wara l-gwerra. Matul il-gwerra, diversi materjali ta' wirt storiku dinji kienu ġew moħbija taħt l-art taħt is-sur tal-belt.

L-aħħar tas-seklu 20 u l-preżent[immodifika | immodifika s-sors]

Kartolina tal-binja partikolari tal-Umgestülpter Zuckerhut

Fl-1978 ġiet stabbilita l-Università ta' Hildesheim. Fis-snin 80 tas-seklu 20 bdiet ir-rikostruzzjoni taċ-ċentru storiku tal-belt. Uħud mill-binjiet tal-konkos madwar il-pjazza fejn attwalment jintrama s-suq twaqqgħu u ġew sostitwiti b'repliki tal-binjiet oriġinali. Fil-ħarifa tal-2007, ittieħdet deċiżjoni biex issir ir-rikostruzzjoni tal-Umgestülpter Zuckerhut, dar ikonika b'qafas nofsu tal-injam li hija famuża għall-għamla mhux tas-soltu tagħha. Fl-2015 il-belt u d-djoċesi ċċelebraw l-1,200 anniversarju tagħhom fil-Jum ta' Niedersachsen.

Reliġjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1542, il-biċċa l-kbira tal-abitanti saru Luterani. Illum il-ġurnata, 28.5 % tal-abitanti jidentifikaw lilhom infushom bħala Kattoliċi Rumani tad-Djoċesi ta' Hildesheim u 38.3 % bħala Protestanti tal-Knisja Luterana Evanġelika ta' Hanover. 33.0 % tal-abitanti jipprattikaw reliġjonijiet oħra jew ma għandhomx reliġjon. Sal-2015, l-Isqof Ortodoss Serbjan tal-Ġermanja kellu s-sede tiegħu f'Himmelsthür (lokalità ta' Hildesheim), qabel ma s-sede ġiet ittrasferita lejn Frankfurt u, fl-2018, lejn Düsseldorf.

It-Tempelhaus

Attrazzjonijiet ewlenin[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-Marktplatz (il-pjazza tas-suq storiku) ġiet rikostruwita fl-1984-1990 wara li kienet inqerdet b'attakk mill-ajru f'Marzu 1945. L-iżjed binjiet notevoli fil-pjazza huma:
    • il-Knochenhaueramtshaus (il-Binja tax-Xirka tal-Biċċiera), li oriġinarjament kienet inbniet fl-1529 u nqerdet fl-1945; ġiet rikostruwita bejn l-1987 u l-1989 skont il-pjanti oriġinali. Il-faċċata għandha dekorazzjonijiet sbieħ b'bosta pitturi kkuluriti u proverbji Ġermaniżi. Illum il-binja tospita ristorant u l-Mużew tal-Belt.
    • il-Bäckeramtshaus (il-Binja tax-Xirka tal-Furnara) hija dar b'qafas nofsu tal-injam li oriġinarjament kienet inbniet fl-1825. Ġiet meqruda fl-1945 u nbniet mill-ġdid bejn l-1987 u l-1989. Illum il-ġurnata tospita kafetterija.
    • il-Muniċipju, li nbena fis-seklu 13 bi stil Gotiku. Ġie parzjalment meqrud fl-1945, u mbagħad reġa' nbena u ġie inawgurat fl-1954.
    • it-Tempelhaus, dar aristokratika tas-seklu 14 bi stil tal-aħħar tal-Gotiku, li llum tospita l-uffiċċju tal-informazzjoni għat-turisti. Ġarrbet xi ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija iżda ġiet restawrata u inawgurata fl-1950.
    • il-Wedekindhaus, dar aristokratika tas-seklu 16 karatterizzata b'sulari għoljin u mnaqqxin b'bosta dettalji, b'ħoġor tat-twieqi b'figuri allegoriċi.
    • il-Lüntzelhaus li nbniet fl-1755 bi stil Barokk.
    • ir-Rolandhaus kienet inbniet oriġinarjament fis-seklu 14 bi stil Gotiku. Fl-1730, id-dar ġiet immudellata mill-ġdid, u ġew miżjuda portal Barokk u tieqa kbira.
    • l-iStadtschänke (it-Taverna tal-Belt) hija dar kbira b'qafas nofsu tal-injam li nbniet oriġinarjament fl-1666. Ir-Rococcohaus maġenbha nbniet fl-1730.
    • il-Wollenwebergildehaus (il-Binja tax-Xirka tan-Nissieġa) inbniet bejn wieħed u ieħor fis-sena 1600.
  • Il-Katidral Rumanesk ta' Santa Marija (il-Katidral ta' Hildesheim), flimkien mal-bibien antiki tal-bronż (magħrufa bħala l-Bibien ta' Bernward tal-ħabta tal-1015) u teżori oħra. Il-katidral inbena fis-seklu 9, iżda ġie meqrud kważi għalkollox fl-1945, u ġie rikostruwit ftit wara l-gwerra. Fl-1985 tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-"Warda ta' Elf Sena" hija pjanta tal-ward selvaġġ li jingħad li għandha xi 1,000 sena, u allegatament hija l-iktar pjanta tal-ward antika fid-dinja. Għadha twarrad mal-ħajt tal-apsida tal-katidral.
    • Il-Mużew tal-Katidral: li fih it-Teżor tal-Katidral.
  • Il-Knisja ta' San Mikiel (Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien mal-katidral) hija knisja Rumaneska bikrija u eżempju ta' arkitettura Ottonjana. Inbniet mill-1010 sal-1022.
  • Il-Knisja ta' San Indrija hija knisja Gotika tas-seklu 12 bl-ogħla kampnar (114.5-il metru) f'Niedersachsen. Faċċata tal-knisja hemm l-Umgestülpter Zuckerhut tal-1509.
  • Ir-Roemer-und-Pelizaeus-Museum, li huwa mużew b'kollezzjonijiet tal-qedem mill-Eġittu u mill-Perù b'wirjiet speċjali.
  • Il-Kreuzkirche (il-Knisja tas-Salib Imqaddes) oriġinarjament kienet parti mill-fortifikazzjonijiet Medjevali. Ġiet ikkonvertita f'knisja għall-ħabta tal-1079, ġarrbet ħsarat estensivi fl-1945, u reġgħet inbniet wara l-gwerra.
  • Il-Bażilika Rumaneska Minuri ta' San Gottardu, li nbniet bejn l-1133 u l-1172, li hija skedata biex titniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-ġejjieni qarib. Faċċata tal-knisja hemm binjiet notevoli oħra: il-Kappella ta' San Nikola, li hija eks knisja parrokkjali li nbniet bi stil Rumanesk fis-seklu 12 u ġiet ittrasformata f'binja residenzjali wara l-1803, u l-Isptar tal-Ħames Ġerħiet li hija dar b'qafas nofsu tal-injam li jmur lura għall-1770.
  • Il-Knisja ta' San Lamberti hija binja tal-aħħar tal-Gotiku, fejn isiru serje ta' kunċerti kull ġimgħa fil-ħin tas-suq.
  • Il-Kehrwiederturm (it-Torri ta' Kehrwieder), li nbena madwar l-1300, huwa l-unika torri li fadal mill-fortifikazzjonijiet Medjevali.
  • Id-djar b'qafas nofsu tal-injam li ma nqerdux matul it-Tieni Gwerra Dinjija jinsabu madwar il-Knisja ta' San Gottardu u t-Torri ta' Kehrwieder, fit-toroq imsejħa Keßlerstraße, Knollenstraße, Gelber Stern, Am Kehrwieder, Lappenberg, Brühl, Hinterer Brühl, u fil-pjazza Godehardsplatz. Uħud minnhom għandhom tinqix mirqum fl-injam fil-faċċati tagħhom, pereżempju l-Wernersches Haus (1606) f'Godehardsplatz u l-Waffenschmiedehaus (1548) f'Gelber Stern.
  • Il-Knisja ta' San Ġakbu hija knisja tal-pellegrini li għandha 500 sena u nbniet bi stil Gotiku. Hija waħda mill-ħafna kappelli u knejjes fil-Pellegrinaġġ ta' San Ġakbu. Illum il-knisja hija knisja kulturali b'enfasi fuq il-letteratura.
  • Il-Monument tas-Sinagoga (ikkonsagrat fl-1849 u meqrud fl-1938 matul il-Kristallnacht) inbena fl-1988 fil-kwartier Lhudi antik fit-triq ta' Lappenberg. Il-pedamenti ġew rikostruwiti sabiex min iżurhom ikollu idea ta' kemm kienet kbira s-sinagoga. Il-binja ħamranija tal-brikks, li nbniet faċċata għall-ħabta tal-1840, kienet skola tal-Lhud.
  • Il-Mauritiuskirche (il-Knisja ta' San Mawrizju) hija knisja Rumaneska tas-seklu 11 u tinsab fuq għolja fil-Punent tal-belt fil-kwartier ta' Moritzberg bi kjostru. Fuq ġewwa, il-knisja hija Barokka, u fl-1765 ġie miżjud torri.
  • Il-Kaiserhaus (id-Dar tal-Imperatur) hija binja Rinaxximentali tal-1586 fl-Alter Markt, l-eqdem triq ta' Hildesheim, li reġgħet inbniet wara l-gwerra. Il-faċċata hija mżejna bi statwi u medaljuni Rumani. Faċċata tagħha hemm tieqa notevoli tal-blat ramli li tmur lura għall-1568. Oriġinarjament, kienet ta' dar privata li twaqqgħet fl-aħħar tas-seklu 19. It-tieqa ġiet ikkonservata u ġiet miżjuda ma' dar oħra fil-parti tal-Lvant ta' Hildesheim li ma ġarrbitx ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija. It-tieqa mbagħad tneħħiet minn hemm meta d-dar ġiet immudellata mill-ġdid u ġiet miżjuda mal-iskola fl-1972 fejn tinsab attwalment.[9]
  • Qrib il-Kaiserhaus, hemm l-Alte Kemenate, dar u maħżen Medjevali notevoli b'għoli ta' 5.5 metri, wara l-iskola fit-triq imsejħa Alter Markt. Għandha bażi rettangolari ta' 6.5 metri b'5.0 metri u kantina b'kostruzzjoni bil-volti.[10] Id-dar u maħżen, waħda mill-eqdem binjiet profani f'Hildesheim, inbniet bil-blat ramli u bi stil Gotiku fis-seklu 15. Skont sorsi oħra jaf kienet saħansitra iktar antika minn hekk, jiġifieri nbniet bejn l-aħħar tas-seklu 11 u nofs is-seklu 13.[11] Il-binja għandha żewġ sulari. Peress li ma kinitx tal-injam, ma nħarqitx fl-1945, iżda ġarrbet biss xi ħsarat u ġiet irrestawrata minnufih wara l-gwerra. Mill-1945 sal-1951 intużat għal skopijiet residenzjali. L-Alte Kemenate mhijiex miftuħa għall-pubbliku.
  • Il-Knisja ta' Santa Maddalena (Magdalenenkirche) hija knisja żgħura bi twieqi tawwalin u dojoq kbar fit-triq storika ta' Alter Markt, li ġiet ikkonsagrata fl-1224. Oriġinarjament inbniet bi stil Rumanesk, iżda ġiet imkabbra u mmudellata mill-ġdid bi stil Gotiku fl-1456. Fiha artal tal-injam (tal-ħabta tal-1520) b'tinqix u opri tal-arti oħra. It-triq iż-żgħira msejħa Süsternstraße fiha parti ppreservata tajjeb tas-sur Medjevali tal-belt b'torri tond. Faċċata tal-knisja hemm dar b'qafas nofsu tal-injam li ġiet rikostruwita fl-1981 mas-sur Medjevali tal-belt fit-triq żgħira sekondarja msejħa Mühlenstraße. Il-faċċata tagħha hija mżejna b'tinqix fl-injam.
  • Il-Magdalenengarten huwa park Barokk li ġie stabbilit fl-1720-1725, u jinsab qrib il-Knisja ta' Santa Maddalena. Hemm bosta tipi differenti ta' pjanti tal-ward, mużew tal-ward, paviljuni, statwi Barokki, parti ppreservata tajjeb tas-sur Medjevali tal-belt u saħansitra għalqa bid-dwieli li minnha jiġu prodotti bejn 100 u 200 flixkun tal-inbid fis-sena. Fir-rebbiegħa, speċi rara ta' tulipan isfar selvaġġ (tulipa sylvestris) tarmi l-fjuri fil-parti tal-Punent tal-park.
  • Il-Knisja ta' San Bernward hija knisja neo-Rumaneska li nbniet fl-1905-1907, inqerdet fl-1945 u ġiet rikostruwita mill-1948 sal-1949; fiha artal tal-injam Gotiku li jmur lura għall-bidu tas-seklu 15.
  • Parti mis-sistema tad-difiża Medjevali, li tikkonsisti minn sur bi ħniedaq mimlijin ilma u swar sekondarji li nbnew madwar il-belt fis-seklu 13, hija ppreservata sew. Il-Kalenberger Graben, lag artifiċjali, huwa parti minn din is-sistema li hija mdawra bil-park Magdalenengarten.
  • Il-Kastell ta' Steuerwald (Burg Steuerwald) fit-Tramuntana tal-belt, madwar tliet kilometri mill-Pjazza tas-Suq, inbena fl-1310-1313. It-torri tiegħu ta' 25 metru ġie miżjud fl-1325. Il-kappella, iddedikata lil Santa Maddalena, oriġinarjament inbniet bi stil Rumanesk u ġiet ittrasformata f'kappella Gotika fl-1507. Illum il-ġurnata tintuża għat-tiġijiet u l-kunċerti.
  • Il-Kastell ta' Marienburg (Burg Marienburg) jinsab fix-Xlokk ta' Hildesheim, madwar sitt kilometri mill-Pjazza tas-Suq. Inbena bejn l-1346 u l-1349.
  • Sorsum huwa villaġġ antik fil-Punent ta' Hildesheim li sar parti mill-belt fl-1974. Hemm żona rurali li ġiet stabbilita fil-Medju Evu, u li ġiet ittrasformata f'żona residenzjali wara s-sena 2000. It-torri tal-ħamiem, li nbena fl-1733, il-matmura l-kbira tal-1786 u l-ikbar dar rurali tal-1734 huma l-iżjed attrazzjonijiet notevoli f'din il-parti rurali ta' Hildesheim.
  • Il-Prijorat ta' Marienrode (Kloster Marienrode) jinsab fil-Lbiċ ta' Hildesheim, madwar sitt kilometri mill-Pjazza tas-Suq. Ġie stabbilit fl-1125. Il-ġebla tax-xewka tal-knisja attwali ġiet stabbilita fl-1412. Il-knisja nbniet bi stil Gotiku bi tliet navati u tlestiet fl-1462. It-turretta Barokka fit-tarf ġiet miżjuda fis-seklu 18. Fil-knisja hemm żewġ artali Barokki notevoli li jmorru lura għall-ħabta tal-1750 u skultura Gotika tal-blat ramli ta' Santa Marija li saret fl-1460. L-orgni jmur lura għal nofs is-seklu 18. Kappella żgħira ta' San Cosmas u Damjan, li nbniet fl-1792, ġiet ikkonvertita fi knisja Protestanta żgħira fl-1830. Il-prijorat ġie xolt fl-1806, iżda ġie rritornat lill-Knisja Kattolika fl-1986. Mill-1988 ġie mmexxi mis-sorijiet. Ħdejn il-monasteru hemm għadira kbira bil-ħut u raddiena tar-riħ għolja li nbniet fl-1839.
L-arkitettura Ottonjana tal-Knisja ta' San Mikiel f'Hildesheim

Postijiet oħra ta' interess jinkludu t-teatru, li joffri spettakli tal-opri, operetti u musicals, reċti, żfin klassiku u kunċerti.

Inkorporazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

  • 1911: Moritzberg
  • 1912: Steuerwald
  • 1938: Drispenstedt u Neuhof
  • 1971: Ochtersum
  • 1974: Achtum-Uppen, Bavenstedt, Einum, Himmelsthür, Itzum, Marienburg, Marienrode u Sorsum
Is-saqaf impitter tal-injam tal-Knisja ta' San Mikiel

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katidral ta' Hildesheim u l-Knisja ta' San Mikiel ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985. Fl-2008 kien hemm modifika żgħira fil-konfini tas-sit.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[3]

Demografija[immodifika | immodifika s-sors]

Storja tal-popolazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katidral ta' Hildesheim

Fil-31 ta' Diċembru 2017 Hildesheim kellha 103,970 abitant.[12]

Popolazzjoni storika
Sena Pop. ±%
1400 6,000 —    
1450 8,000 +33.3 %
1648 5,500 −31.2 %
1803 11,108 +102.0 %
1825 12,630 +13.7 %
1849 14,651 +16.0 %
1871 20,801 +42.0 %
1875 22,581 +8.6 %
1890 33,481 +48.3 %
1900 42,973 +28.4 %
1910 50,239 +16.9 %
1919 53,499 +6.5 %
1925 58,522 +9.4 %
1933 62,519 +6.8 %
1939 72,101 +15.3 %
1950 65,531 −9.1 %
1961 96,296 +46.9 %
1970 93,400 −3.0 %
1975 106,000 +13.5 %
1980 102,700 −3.1 %
1985 100,900 −1.8 %
1989 103,512 +2.6 %
1997 105,700 +2.1 %
2002 103,448 −2.1 %
2013 100,708 −2.6 %
2015 101,667 +1.0 %
2017 103,970 +2.3 %
2019 101,693 −2.2 %

L-ikbar gruppi minoritarji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pjazza tas-suq attwali billejl

Il-lista li ġejja turi l-ikbar gruppi barranin fil-belt ta' Hildesheim mill-2013:[13]

Klass. Nazzjonalità Popolazzjoni (2016)
1 Turkija 2,395
2 Polonja 764
3 Serbja 474
4 Italja 442
5 Iraq 299
6 Sirja 268
7 Russja 254
8 Bulgarija 243

Lista ta' sindki ta' Hildesheim[immodifika | immodifika s-sors]

  • 1803–1843: Georg Otto Ferdinand Lohde
  • 1843–1848: Carl Christoph Lüntzel
  • 1848: Ikkummissjonat minn Oberg, Starke, u Wynecken
  • 1848–1852: Amtsassessor Domeier
  • 1853–1875: Paul Johann Friedrich Boysen
  • 1876–1895: Gustav Struckmann
  • 1895–1896: Hans Ukert, mhux bħala sindku
  • 1896–1909: Gustav Struckmann, elett mill-ġdid
  • 1909–1937: Ernst Ehrlicher
  • 1945–1946: Erich Bruschke
  • 1946–1950: Albin Hunger
  • 1950–1952: Friedrich Lekve
  • 1952–1958: Albin Hunger, elett mill-ġdid
  • 1958–1959: Paul Lienke
  • 1959–1964: Martin Boyken
  • 1964–1968: Friedrich Nämsch
  • 1968–1972: Martin Boyken, elett mill-ġdid
  • 1972–1975: Friedrich Nämsch, elett mill-ġdid
  • 1975–1981: Heiko Klinge
  • 1981–1991: Gerold Klemke
  • 1991–2001: Kurt Machens
  • 2001–2005: Dr. Ulrich Kumme
  • 2005–2014: Kurt Machens, elett mill-ġdid
  • 2014–present: Dr. Ingo Meyer

Ġemellaġġ[immodifika | immodifika s-sors]

Hildesheim hija ġemellata ma':[14]

  • Angoulême, Franza (1965)
  • Minya, l-Eġittu (1975)
  • Weston-super-Mare, l-Ingilterra, ir-Renju Unit (1983)
  • Gelendzhik, ir-Russja (1992)
  • North Somerset, l-Ingilterra, ir-Renju Unit (1997)
  • Pavia, l-Italja (2000)

Avvenimenti ta' interess internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-Festival ta' M'era Luna, l-iktar avveniment importanti tax-xena Gotika fl-Ewropa
  • Il-Festival "Jazztime" li jsir fi tmiem il-ġimgħa ta' Pentekoste (f'Mejju jew f'Ġunju)

Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]

Hildesheim tospita għadd ta' korporazzjonijiet multinazzjonali notevoli – kif ukoll bosta kumpaniji ta' daqs medju b'saħħithom – fosthom Bosch, Fairchild u Coca-Cola. Blaupunkt falliet u Krupp&Thyssen għamlu fużjoni u saru KSM Castings Group li fl-aħħar tal-2020 kien fi proċess ta' falliment.

Trasport[immodifika | immodifika s-sors]

Hildesheim għandha infrastruttura tat-traffiku effiċjenti: hija hub reġjonali għat-toroq u l-linji ferrovjarji interstatali (l-istazzjon ċentrali ta' Hildesheim Hauptbahnhof huwa moqdi minn servizzi tal-InterCityExpress), hija kollegata mal-Autobahn, għandha port fil-mogħdija tal-ilma artifiċjali tal-Mittellandkanal, kif ukoll l-Ajrudrom ta' Hildesheim.

Edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm bosta skejjel sekondarji: Gymnasium Andreanum, Gymnasium Marienschule, Gymnasium Josephinum Hildesheim, Scharnhorstgymnasium Hildesheim, Goethegymnasium Hildesheim, Michelsenschule, Gymnasium Himmelsthür. Barra minn hekk hemm skejjel oħra: Freie Waldorfschule Hildesheim, Robert-Bosch-Gesamtschule. Friedrich-List-Schule (Fachgymnasium Wirtschaft), Herman-Nohl-Schule (Fachgymnasium Gesundheit und Soziales), Walter-Gropius-Schule (Berufsbildende Schule), Werner-von-Siemens-Schule (Fachgymnasium Technik), Elisabeth-von-Rantzau-Schule (Fachakademie für Sozialmanagement).

Wieħed jista' jikseb edukazzjoni terzjarja fl-Università ta' Hildesheim jew fil-Hochschule für angewandte Wissenschaft und Kunst (HAWK), permezz tal-kooperazzjoni mal-bliet ta' Holzminden u Göttingen.

Kultura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-komunità ta' Hildesheim għandha s-sede tal-Eparkija Ortodossa Serbjana ta' Frankfurt u tal-Ġermanja kollha.

Ludolf van Ceulen

Residenti notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

  • Klaus Berger, (twieled fl-1940), teologu
  • San Bernward, (960-1022), isqof ta' Hildesheim
  • Adolf Bertram (1859-1945), isqof Kattoliku Ruman Ġermaniż
  • Andreas Bovenschulte (twieled fl-1965), politiku
  • Ludolph van Ceulen, (1540–1610), matematiku
  • Nadine Chanz, (twieldet fl-1972), playmate ta' Playboy
  • Bernd Clüver, (1948–2011), crooner (It-tifel bl-armonika)
  • Wolfgang Danne, (twieled fl-1941), figure skater
  • Catharina Helena Dörrien, (1717-1795), botanika
  • San Gottardu, (960-1038), isqof ta' Hildesheim
  • Uwe Gronostay, (1939-2008), kap tal-kor
  • Jakob Guttmann (1845-1919), rabbi ewlieni, filosfu, pedagogu
  • Ġwanni ta' Hildesheim (1310/1320-75), kittieb u patri Karmlitan
  • Julius Guttmann (1880-1950), rabbi Ġermaniż u Iżraeljan, filosfu u storiku Lhudi
  • Karl Hamann, (1903-73), fl-1948-51 kien il-president tal-LDPD u ministru
  • Prinċep Ernst August ta' Hanover (twieled fl-1983), twieled f'Hildesheim.
  • Petra Hartmann, (twieldet fl-1970), awtriċi u xjenzata tal-letteratura
  • Hubertus Heil (twieled fl-1972), politiku (SPD)
  • Wilhelm Hennis, (1923–2012), xjenzat politiku
  • Frederick Hornemann, (1772–1801), esploratur Ġermaniż Afrikan
  • Adolf Hurwitz, (1859–1919), matematiku Ġermaniż
  • Wilhelm Koppe, (1896–1975), Obergruppenführer Ġermaniż u Ġeneral tal-Waffen-SS u l-Pulizija
  • Hans Adolf Krebs, (1900–81), fiżiku u bijokimiku, Fiżjoloġija u Mediċina fl-1953
  • Diane Kruger, (twieldet fl-1976), supermudella u attriċi, li ħadmet f'Troy
  • Heinrich Nordhoff (1899–1968), inġinier, President tal-Volkswagen u esponent ewlieni fl-istorja tal-VW Beetle
  • Didrik Pining, (1430-1491), esploratur tat-Tramuntana tal-Atlantiku, twieled f'Hildesheim
  • Erich Pommer (1889–1966), produttur tal-films, twieled f'Hildesheim
  • Thomas Quasthoff, (twieled fl-1959), kantant bass-baritonu Ġermaniż
  • Henry Rathbone, (1837-1911), Konslu tal-Istati Uniti, mitfuħ f'istitut mentali f'Hildesheim wara l-qtil ta' martu peress li ġie meqjus li kellu problemi mentali
  • Ferdinand von Roemer, (1818–91), ġeologu, twieled f'Hildesheim.
  • Michael Schenker, (twieled fl-1955), kitarrista tar-rock Ġermaniż, membru fundatur tal-iScorpions u l-band mużikali UFO
  • Rudolf Schenker, (twieled fl-1948), kitarrista u membru fundatur tal-iScorpions, twieled f'Hildesheim.
  • Oskar Schindler (1908-1974) industrijalista Ġermaniż, li miet f'Hildesheim
  • Eberhard Schlotter, (1921-2014), pittur u artist grafiku
  • Wolfram Sievers, (1905-1948), kriminal tal-gwerra Nażist u direttur ta' Ahnenerbe, ġustizzjat għal reati tal-gwerra
  • Bruno Snell, (1886-1986), filologu klassiku
  • Guy Stern, (twieled fl-1922), kritiku letterarju Amerikan u ċittadin onorarju tal-belt
  • Maik Taylor, (twieled fl-1971), plejer tal-futbol tal-Irlanda ta' Fuq u ta' Birmingham City.
  • It-tewmin Wolfgang u Christoph Lauenstein, (twieldu fl-1962), rebbieħa ta' Academy Award fl-1989 għall-film tagħhom Balance.
  • Wilhelm Wachsmuth (1784-1866), storiku

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Demographics Hildesheim" (PDF).
  2. ^ "Landesamt für Statistik Niedersachsen". www.statistik.niedersachsen.de. Miġbur 2021-09-19.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "St Mary's Cathedral and St Michael's Church at Hildesheim". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-19.
  4. ^ gmbh, mps public solutions. "Sonderprägung „1200 Jahre Hildesheim"". www.hildesheim.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-09-19.
  5. ^ Neigenfind, W.: Unsere schöne Stadt, p. 46. Hildesheim 1964.
  6. ^ Neigenfind, W.: Unsere schöne Stadt, p. 38. Hildesheim 1964.
  7. ^ Borck, Heinz-Günther: Der Marktplatz zu Hildesheim, p. 24. Hildesheim 1989.
  8. ^ "Arkivji Hildesheim" (PDF).
  9. ^ Segers-Glocke, Christiane: Baudenkmale in Niedersachsen, Band 14.1. - Hildesheim, p. 109. Hameln 2007.
  10. ^ Segers-Glocke, Christiane: Baudenkmale in Niedersachsen, Band 14.1. - Hildesheim, p. 108. Hameln 2007.
  11. ^ Stadtgeschichte auf dem Hinterhof. - Hildesheimer Allgemeine Zeitung, 23 June 2009, p. 9.
  12. ^ gmbh, mps public solutions. "Fläche und Bevölkerung". www.hildesheim.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-09-19.
  13. ^ "Data tal-2013" (PDF).
  14. ^ gmbh, mps public solutions. "Partnerstädte". www.hildesheim.de (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-01-21. Miġbur 2021-09-19.