Gianni Vella
Gianni Vella | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Bormla, 9 Mejju 1885 |
Mewt | Buġibba, 3 Settembru 1977 |
Edukazzjoni | |
Alma mater | British Academy (en) |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni | pittur |
Gianni Vella (twieled fid-9 ta' Mejju 1885 – miet fit-3 ta' Settembru 1977) kien artist Malti. Wara li studja f'Ruma, huwa wettaq bosta xogħlijiet reliġjużi li jistgħu jinsabu f'bosta knejjes fil-Gżejjer Maltin, iżda pproduċa wkoll xi xogħlijiet lajċi inkluż pitturi tal-pajsaġġi, cartoons u disinn ta' bolla postali.[1]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Gianni Vella twieled f'Bormla fid-9 ta' Mejju 1885. Huwa beda jpitter ta' età żgħira, u wettaq pitturi u dekorazzjonijiet oħra għall-festa ta' Bormla ddedikata lill-Immakulata Kunċiżzjoni. Huwa kien apprendist mal-artist Taljan Attilo Palombi għal seba' snin, u matul dak iż-żmien huwa ħadem fuq affreski f'diversi knejjes.[1]
Vella eventwalment ġie impjegat mid-dipartiment tal-edukazzjoni bħala għalliem tat-tpinġija, u wettaq l-illustrazzjonijiet tal-ktieb ta' Albert Laferla, The Story of Man in Malta. Fl-1907, wara li ġie rrakkomandat minn Palombi, huwa mar f'Ruma biex jistudja fl-Akkademja Brittanika u fl-Akkademja tal-Belle Arti ta' Ruma. Fiż-żmien li kien hemm, huwa rebaħ għadd ta' premjijiet għall-pitturi tiegħu u x-xogħol tiegħu ntwera f'diversi bliet Taljani.[1]
Gianni Vella reġa' lura lejn Malta fl-1912 u fetaħ studjo tal-arti fil-belt kapitali Valletta. Huwa pproduċa ħafna pitturi u affreski reliġjużi, u dawn ix-xogħlijiet jistgħu jinstabu f'bosta knejjes u kappelli madwar Malta u Għawdex. Huwa ngħata wkoll kummissjonijiet għal vilel u djar privati. Tul il-karriera tiegħu li damet iżjed minn ħames deċennji, Vella ħadem b'diversi mezzi, fosthom iż-żjut, l-akkwarelli u l-pastelli.[1] Fl-1921, Vella ħa sehem f'kompetizzjoni ta' disinn ta' bolla postali, u d-disinn li bagħat kien wieħed minn tnejn li ntgħażlu għad-disinn ta' ħames bolol postali, filwaqt li l-kumplament tas-sett ġie ddisinjat minn Edward Caruana Dingli.[2][3] Huwa pproduċa wkoll cartoons għall-kitba satirika Il-Ħmara, u ddisinja xi maskri għall-karnival tal-1927. Huwa kien parteċipant regolari fil-wirja annwali tal-arti li kienet issir fin-Naxxar, fejn kienu jsiru l-fieri. Fl-1976, huwa ngħata medalja tad-deheb mis-Soċjetà tal-Arti, tal-Manifatturi u tal-Kummerċ ta' Malta.[1]
Vella żżewweġ lil Mary Chretien, u magħha kellu tlett itfal: Maria, Aldo u Beppe. Huwa miet f'Buġibba fit-3 ta' Settembru 1977 meta kellu 92 sena. F'dik l-istess sena xxandar dokumentarju fuq ħajtu f'xandira fuq it-televiżjoni lokali. Wirja tax-xogħlijiet tiegħu saret fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta fl-1983.[1]
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Wieħed mix-xogħlijiet bikrin ta' Vella huwa ta' Villa Borghese sotto Neve, pittura biż-żejt li rebħitu premju meta kien f'Ruma.[1]
Fost ix-xogħlijiet reliġjużi notevoli ta' Vella hemm il-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù fil-knisja tal-Karmlitani f'Birkirkara, xi affreski fil-Knisja parrokkjali ta' San Publiju fil-Furjana, u dekorazzjonijiet fil-volta u bl-apsidi tal-Katidral tal-Assunta, Għawdex. Fost knejjes oħra li fihom xi xogħlijiet ta' Vella nsibu l-knejjes ta' Santu Wistin u ta' San Franġisk fil-Belt Valletta, il-knejjes parrokkjali tal-Marsa, ta' Ħal Tarxien, ta' Ħal Għaxaq, ta' Ħal Safi, tal-Gżira, tan-Naxxar, ta' Birkirkara, ta' Ħal Lija, tal-Mellieħa, taż-Żurrieq, tal-Qala, tan-Nadur, tax-Xagħra, tas-Sannat, tal-Munxar u ta' San Lawrenz, kif ukoll diversi knejjes u kappelli oħra madwar Malta u Għawdex.[1]
Uħud mix-xogħlijiet tiegħu jistgħu jinstabu wkoll fil-Kulleġġ ta' San Alwiġi f'Birkirkara u fil-Mużew ta' Wignacourt fir-Rabat.[1]
Qari ulterjuri
[immodifika | immodifika s-sors]- Attard, Christian (2013). Gianni Vella: The life and works of a twentieth-century Maltese artist. Malta: Midsea Books. ISBN 978-99932-7-444-5.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e f ġ g għ Schiavone, Michael J. (2009). Dictionary of Maltese Biographies Vol. 2 G–Z. Pietà: Pubblikazzjonijiet Indipendenza. pp. 1594–1595. ISBN 9789993291329.
- ^ "Melita Issue of Malta Stamps: 1922-26". web.archive.org. 2017-03-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-03-16. Miġbur 2021-07-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Linn's Stamp News. "Malta's 1922 Melita issue: Fine art or poorly done stamps?". www.webcitation.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-01-23. Miġbur 2021-07-25.