Emil Nolde
Emil Nolde (imwieled Hans Emil Hansen fis-7 ta' Awwissu 1867 – miet fit-13 ta' April 1956) kien pittur u tipografu Ġermaniż-Daniż. Huwa kien wieħed mill-ewwel Espressjonisti, membru ta' Die Brücke, u kien wieħed mill-ewwel pitturi biż-żejt u bl-akkwarelli tal-bidu tas-seklu 20 li esplora l-kuluri. L-isfar dehbi u l-aħmar qawwi jidhru spiss fix-xogħol tiegħu, u jagħtu kwalità mdawla lit-tonalitajiet li kieku jkunu monotoni. L-akkwarelli tiegħu jinkludu pajsaġġi li fihom ikunu qed jiffurmaw il-maltempati u fjuri brillanti.
Il-preokkupazzjoni intensa ta' Nolde fir-rigward is-suġġett tal-fjuri kienet tirrifletti l-interess tiegħu fl-arti ta' Vincent van Gogh.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Emil Nolde twieled bħala Hans Emil Hansen, ħdejn il-villaġġ ta' Nolde (li mill-1920 ilha parti mill-munċipalità ta' Burkal fin-Nofsinhar tal-Jutland, id-Danimarka), fid-Dukat ta' Schleswig tal-Prussja. Huwa trabba f'razzett. Il-ġenituri tiegħu, Protestanti devoti, kienu raħħala Daniżi u Frisjani. Huwa rrealizza li ma kienx adattat għall-ħajja fir-razzett, u li hu u t-tliet aħwa subien tiegħu ma kinux pezza waħda. Bejn l-1884 u l-1891, huwa studja biex isir inċiżur jew intaljatur tal-injam u illustratur fi Flensburg, u meta kien żagħżugħ ħadem fil-fabbriki tal-għamara. Huwa qatta' s-snin jivvjaġġa f'Munich, f'Karlsruhe u f'Berlin.
Fl-1889, huwa rnexxielu jidħol fl-Iskola tal-Arti Applikata f'Karlsruhe.[1] Huwa kien għalliem tat-tpinġija fl-iskola tal-Mużew tal-Arti Industrijali u Applikata (Industrie- und Gewerbemuseum; illum it-Textilmuseum, jew il-Mużew tat-Tessuti) f'Sankt Gallen, l-Iżvizzera, mill-1892 sal-1898.[2] Eventwalment huwa telaq mill-impjieg li kellu biex iwettaq il-ħolma tiegħu li jsir artist indipendenti. Meta kien tifel kien iħobb ipitter u jpinġi, iżda kellu diġà 31 sena meta beda din il-karriera ġdida. Meta ġie rrifjutat mill-Akkademja tal-Belle Arti ta' Munich fl-1898, huwa qatta' t-tliet snin ta' wara jieħu klassijiet privati tat-tpittir, żar Pariġi, u sar familjari max-xena Impressjonista kontemporanja li kienet popolari dak iż-żmien. Huwa żżewweġ lill-attriċi Daniża Ada Vilstrup fl-1902, u mar jgħix f'Berlin, fejn iltaqa' mal-kollezzjonista Gustav Schiefler u mal-artist Karl Schmidt-Rottluff, li mbagħad it-tnejn li huma ppromwovewlu x-xogħol tiegħu iktar 'il quddiem. Minn dik is-sena, huwa sejjaħ lilu nnifsu wara raħal twelidu.
Huwa sar membru tal-grupp Espressjonista rivoluzzjonarju Die Brücke (Il-Pont), ta' Dresden, fl-1906, fuq stedina tal-grupp. Din l-assoċjazzjoni damet biss sal-aħħar tas-sena ta' wara.[3] Huwa kien membru tas-Seċessjoni ta' Berlin mill-1908 sal-1910, iżda mbagħad ġie eskluż wara diżgwid mat-tmexxija.[3] Huwa wera x-xogħol tiegħu flimkien mal-grupp ta' Kandinsky ibbażat f'Munich, Der Blaue Reiter (Ir-Rikkieb Blu) fl-1912; sa dak iż-żmien kien kiseb il-fama, u seta' jsostni lilu nnifsu permezz tal-arti tiegħu.[4]
Nolde kien partitarju tal-Partit Soċjalista Nazzjonali Ġermaniż tal-Ħaddiema mill-bidu tas-snin 20 tas-seklu 20, u kien sar membru tas-sezzjoni Daniża tiegħu.[5] Huwa esprima l-fehmiet negattivi tiegħu kontra l-Lhud fir-rigward tal-artisti Lhud, u kien iqis l-Espressjoniżmu bħala stil Ġermaniku distint.[6] Din il-fehma kienet kondiviża minn xi membri oħra tal-partit Nażista, b'mod partikolari minn Joseph Goebbels u Fritz Hippler.
Madankollu, Adolf Hitler irrifjuta l-forom kollha tal-Moderniżmu bħala "arti ddeġenerata", u uffiċjalment ir-reġim Nażista kkundanna x-xogħol ta' Nolde. Sa dak iż-żmien huwa kien rinomat ħafna fil-Ġermanja. Total ta' 1,052 opra tal-arti tiegħu tneħħew mill-mużewijiet, iktar minn dawk ta' kwalunkwe artist ieħor.[7] Uħud ġew inklużi fil-wirja ta' Entartete Kunst tal-1937, minkejja l-protesti, inkluż (iktar 'il quddiem) appell personali lin-Nażist Gauleiter Baldur von Schirach fi Vjenna, l-Awstrija. Huwa ma tħalliex ipitter—lanqas b'mod privat—wara l-1941. Minkejja dan, matul dan il-perjodu huwa ħoloq mijiet ta' akkwarelli, li huwa ħeba. Huwa sejħilhom "L-Istampi Mhux Impittra".
Fl-1942, Nolde kiteb:
Hemm il-blu fiddien, il-blu lewn is-sema u l-blu lewn il-maltempati bis-sajjetti. Kull kulur fih għandu ruħ, li tagħmilni kuntent jew timbuttani, u li taġixxi bħala stimolu. Għal persuna li ma għandha l-ebda arti fiha, il-kuluri huma kuluri, it-tonalitajiet huma tonalitajiet...u dak kollox. Il-konsegwenzi kollha tagħhom għall-ispirtu uman, li jvarjaw bejn il-ġenna u l-infern, lanqas biss jiġu nnutati.[8]
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Nolde reġa' ngħata l-unuri mill-ġdid, u rċieva l-Premju tal-Ordni għall-Mertu (bil-Franċiż: Pour le Mérite).[9]
Filwaqt li jiġi rrikonoxxut is-suċċess tiegħu bħala artist brillanti bil-kuluri, l-istudjużi iktar reċenti żiedu s-sensibilizzazzjoni dwar l-impenn ta' Nolde favur is-Soċjaliżmu Nazzjonali u dwar ir-relazzjoni bejn il-politika tiegħu, it-tmaqdir tal-avversarji mhux Lhud bħala Lhud.[10]
Huwa miet f'Seebüll (issa parti minn Neukirchen).
Minbarra pitturi, ix-xogħol ta' Nolde jinkludi ħafna tipografiji, spiss bil-kulur, u pitturi bl-akkwarelli ta' diversi suġġetti (pajsaġġi, immaġnijiet reliġjużi, fjuri, ibħra fil-maltempati u xeni mill-ħajja billejl f'Berlin). Serje famuża ta' pitturi tkopri l-Ispedizzjoni Ġermaniża ta' New Guinea, li żaret l-Ibħra tan-Nofsinhar, Moska, is-Siberja, il-Korea, il-Ġappun, u ċ-Ċina. Il-catalogue raisonné ta' Schiefler tat-tipografiji tiegħu jiddeskrivi 231 inċiżjoni, 197 xogħol intaljat, 83 litografija, u erba' ektografiji.
Motivi reliġjużi
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm l-immaġnijiet reliġjużi jiffurmaw parti relattivament żgħira tal-opri tal-arti ta' Nolde, huwa kkunsidra lil uħud minnhom bħala "kisbiet importanti" fir-rigward tal-progressjoni tiegħu bħala artist.[11][12]
Nolde, li trabba bħala iben bidwi f'komunità żgħira u reliġjuża ħdejn il-fruntiera bejn il-Ġermanja u d-Danimarka, kellu impressjonijiet dejjiema f'moħħu tal-ġrajjiet Ġudeo-Kristjani wara li qara l-Bibbja kollha.[12][13] Fix-xogħlijiet reliġjużi bikrin tiegħu (1900-1904), huwa ma kienx kapaċi jissolidifika l-istil tiegħu stess u jiddistingwi ruħu mid-diversi mudelli tiegħu bħal Jean-François Millet u Honoré Daumier.[12]
L-1906 kienet punt ta' żvolta għal Nolde meta bidel minn stil Impressjonistiku għal temi reliġjużi li enfasizzaw l-emozzjoni tal-mument, l-użu ta' kuluri jgħajtu u żewġ dimensjonijiet biss ta' rappreżentazzjoni.[12] Din id-devozzjoni ġdida għax-xogħlijiet artistiċi reliġjużi tqanqlet iktar minħabba esperjenza li kellu fejn ħelisha ħafif mill-mewt fl-1909 wara li xorob ilma vvelenat meta kellu 42 sena.[14] Wara l-1911, it-trattamenti reliġjużi ta' Nolde—li bdew jinkludu wkoll inċiżjonijiet—bdew isiru iktar skuri u iktar inkwetanti bħala tonalità mix-xogħlijiet preċedenti tiegħu. Anke martu, Ada, xejn ma kienet tibqa' kalma fir-rigward tal-viżjoni l-ġdida tax-xogħol tiegħu. Bħala rispons għax-xogħol tiegħu ta' Il-Ħajja ta' Kristu f'disa' partijiet, hija kitbet f'ittra: "Għall-ewwel ftit jiem kulma flaħt nagħmel hu li nagħti titwila 'l hemm u 'l hawn, tant l-effett kien qawwi".[12][15]
Xogħlijiet ewlenin
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xogħlijiet ta' Nolde jintwerew fil-mużewijiet ewlenin madwar id-dinja, fosthom Ritratt ta' Żagħżugħa u Tifla, Ritratt ta' Raġel (għall-ħabta tal-1926), u Ritratt ta' Tifla Żgħira (1913-1914) fil-Hermitage, f'San Pietruburgu, ir-Russja; u Profeta (1921) u Koppja Żgħażagħ (1913) fil-Mużew Metropolitan tal-Arti Moderna (MoMA), fil-Belt ta' New York. L-iktar tipografija importanti tiegħu, Il-Profeta (1912), hija ikona tal-arti tas-seklu 20.
Fost l-iktar pitturi importanti tiegħu biż-żejt hemm Lesende junge Frau (1906), Blumengarten (ohne Figur) (1908), u Blumen und Wolken (1933).[16]
Xogħlijiet importanti oħra jinkludu:
- Lesende junge frau, 1906, żejt fuq it-tila, Kunsthalle, Kiel
- Blumengarten (ohne Figur), 1908, żejt fuq it-tila, xerrej minn Sotheby's fit-8 ta' Frar 2012
- Anna Wieds Garten, 1907, żejt fuq it-tila, kollezzjoni privata
- Steigende Wolken, 1927, żejt fuq it-tila, Karl-Ernst-Osthaus-Museum, Hagen
- Grosse Sonnenblumen, 1928, żejt fuq it-tila, MoMA, New York
- Blumen und Wolken, 1933, żejt fuq it-tila, il-Mużew ta' Sprengel, Hannover
F'dawn l-aħħar snin, il-pitturi ta' Nolde laħqu prezzijiet ta' diversi miljuni ta' dollari Amerikani, f'irkanti tad-djar tal-irkant internazzjonali ewlenin. Fit-8 ta' Frar 2012, Blumengarten (ohne Figur) inbigħet minn Sotheby's f'Londra għal US$3,272,673.[17]
Arti misruqa min-Nażisti
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xogħol ta' Nolde reġa' ġibed l-attenzjoni wara li ġie skopert li l-pittura Blumengarten (Utenwarf)[18] tal-1917, li issa tinsab fil-mużew tal-arti ta' Moderna Museet, fi Stokkolma, l-Iżvezja, u li ġiet stmata li tiswa US$4,000,000, kienet insterqet mingħand Otto Nathan Deutsch, refuġjat Ġermaniż Lhudi, u l-werrieta tiegħu, inkluż xi ħadd li baqa' ħaj wara l-Olokawst, qed jitolbu li tiġi rritornata. Il-gvern Żvediż iddeċieda fl-2007 li l-mużew irid jasal għal soluzzjoni biex jikkumpensa lill-werrieta.[19][20] Deutsch ġie mġiegħel jaħrab mill-Ġermanja qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u telaq lejn Amsterdam fl-aħħar tal-1938 jew il-bidu tal-1939. Il-pittura nbigħet lill-mużew Żvediż f'irkant fl-Iżvizzera, fejn reġgħet tfaċċat fl-1967.[21]
Fl-2015, il-pittura Maiwiese (Maienwiese) [Mergħa f'Mejju] ta' Nolde, 1915, (Inv. Nru. 94) ingħatat lura mill-Mużew tal-Arti ta' Lentos f'Linz lill-werrieta ta' Dr. Otto Siegfried Julius.[22]
Fis-sena 2000, il-Fondazzjoni tal-Mużew ta' Wilhelm Lehmbruck f'Duisburg ma laqgħetx talba ta' troddija lura mill-familja tal-kollezzjonista ta' Breslau (Wrocław), Dr. Ismar Littmann għall-pittura Buchsbaumgarten ta' Nolde.[23]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Ritratt taż-żjara ta' Goebbels fil-Wirja tal-Arti Ddeġenerata fil-Haus der Kunst b'żewġ pitturi ta' Nolde, fi Frar 1938.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Ketterer Kunst, Art auctions, Book auctions Munich, Hamburg & Berlin". www.kettererkunst.com. Miġbur 2021-08-07.
- ^ "Emil Nolde", Encyclopedia of World Biography. Detroit: Gale, 1998.
- ^ a b Biographie, Deutsche. "Nolde, Emil - Deutsche Biographie". www.deutsche-biographie.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-08-07.
- ^ Peters, Olaf. "Emil Nolde". In: Renee Price (Ed.), New Worlds: German and Austrian Art, 1890–1940. New Haven u Londra: Yale University Press, 2001. ISBN 978-0-300-09446-6.
- ^ Fulda, B., Soika, A., & Ring, C. (2019) Emil Nolde: The Artist during the Third Reich. Munich: Prestel.
- ^ Jill Lloyd, l-entrata ta' Emil Nolde, Grove Dictionary of Art, 1996.
- ^ Knubben, Thomas. Emil Nolde: Unpainted Pictures. Ostfildern-Ruit, Germany: Hatje Cantz Publishers, 2000. p. 141.
- ^ Nolde: Forbidden Pictures [exhibition catalogue]. Londra: Marlsborough Fine Art Ltd., 1970. p. 9.
- ^ Orden Pour le Mérite für Wissenschaften und Künste (1978). Die Mitglieder des Ordens. 2 1882–1952 (bil-Ġermaniż). Berlin: Gebr. Mann Verlag. p. 398. ISBN 3-7861-1125-1.
- ^ Fulda, Bernhard; Soika, Aya; Ring, Christian (2019). The Artist during the Third Reich. Prestel. ISBN 978-3-79135-894-9.
- ^ Nolde, Emil (1931). Das eigene Leben. Die Zeit der Jugend 1867–1902. Berlin. p. 107.
- ^ a b ċ d e Dieterich, Caroline (2014). Krämer, Felix (ed.). Emil Nolde: Retrospective. Munich: Prestel. pp. 105–107.
- ^ Nolde, Emil (1945). Das eigene Leben. Die Zeit der Jugend 1867–1902 (2nd expanded ed.). Cologne. p. 29.
- ^ Nolde, Emil (1934), Jahre der Kämpfe, Berlin, pp. 103-104.
- ^ Ada Nolde lil Luise Schiefler, Frar 1912, Archiv der Nolde Stiftung Seebüll.
- ^ Labedzki, Annette. "Emil Nolde – The German Expressionist Master of Darkness". Ezine Articles.
- ^ "Sotheby's London Impressionist & Modern art evening sale totals $125,504,018". artdaily.com. Miġbur 2021-08-07.
- ^ "Art News | Sweden's Moderna Museet Reaches Settlement With Heirs of Stolen Emil Nolde Painting | Art Knowledge News". web.archive.org. 2012-03-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-03-20. Miġbur 2021-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ The Local. "Stockholm museum in row over Nazi loot".
- ^ "Moderna Museet and the Heirs of Otto Nathan Deutsch Reach Settlement on Disputed Painting". web.archive.org. 2021-06-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-06-06. Miġbur 2021-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Nazi Victim's Heirs Lose Patience With Sweden on Art (Update1)". www.bloomberg.com. Miġbur 2021-08-07.
- ^ "Linz restituiert Emil Noldes "Maiwiese" - Linz restitutes Emil Nolde's 'Meadow in May'". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-08-09. Miġbur 2021-08-07.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Provenance Research: Stiftung Wilhelm Lehmbruck Museum, Duisburg (Wilhelm Lehmbruck Museum Foundation, Duisburg)". www.lootedart.com. Miġbur 2021-08-07.