Aqbeż għall-kontentut

Fotografu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fotografi moderni f’avveniment sportiv

Fotografu (mill-Grieg φῶς (phos), li tfisser "dawl", u γραφή (graphê), li tfisser "tpinġija, kitba"; li flimkien ifissru "it-tpinġija bid-dawl")[1] huwa persuna li tieħu r-ritratti.

Dmirijiet u tipi ta’ fotografi

[immodifika | immodifika s-sors]

Bħal fil-kumplament tal-arti, id-definizzjonijiet ta’ dilettant u professjonista mhumiex kategoriċi għalkollox.

Fotografu dilettant jieħu r-ritratti għall-gost jew bħala delizzju biex jibqa’ jiftakar xi avvenimenti, postijiet jew ħbieb, bl-ebda intenzjoni li jbigħhom lil xi ħaddieħor.

Min-naħa l-oħra, fotografu professjonista x’aktarx li jieħu r-ritratti għal sessjoni bi ħlas jew jimponi xi miżata, jew inkella jdaħħal salarju jew xi introjtu permezz tal-wiri, il-bejgħ mill-ġdid jew l-użu ta’ dawk ir-ritratti.[2]

Fotografu professjonista jista’ jkun impjegat, pereżempju ta’ xi gazzetta, jew jitqabbad b’kuntratt biex ikopri avveniment ippjanat partikolari bħal tieġ jew ċerimonja tal-iggradwar, jew għar-reklamar. Oħrajn, bħall-fotografi tal-belle arti, jaħdmu freelance jew għal rashom. Dawn l-ewwel jieħdu ritratt u mbagħad joħorġulu liċenzja jew jagħmlu kopji stampati tiegħu għall-bejgħ jew għall-wiri. Xi ħaddiema, bħall-fotografi tax-xena tad-delitti, aġenti tal-proprjetà, ġurnalisti u xjenzati jieħdu r-ritratti bħala parti minn xogħolhom. Il-fotografi li jipproduċu immaġnijiet jiċċaqilqu minflok immaġnijiet wefin spiss jissejħu ċinematografi, vidjografi jew operaturi tal-kameras, skont xi jkun il-kuntest kummerċjali.

Fotografu fis-snin 50 tas-seklu 19

It-terminu professjonista jista’ jimplika wkoll tħejjija, pereżempju, permezz ta’ studju akkademiku jew apprendistat minn fotografu li jrid jikseb ħiliet fotografiċi. Professjonista spiss jinvesti fit-tkomplija tal-edukazzjoni permezz ta’ assoċjazzjonijiet. Filwaqt li ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju ta’ reġistrazzjoni biex wieħed jikseb status ta’ fotografu professjonista, biex wieħed jopera negozju jeħtieġ liċenzja tan-negozju fil-biċċa l-kbira tal-bliet u tal-pajjiżi. B’mod simili, l-assigurazzjoni kummerċjali hija meħtieġa wkoll mill-biċċa l-kbira tal-postijiet jekk wieħed ikun irid ikopri xi avveniment pubbliku jew tieġ. Il-fotografi li joperaw negozju leġittimu jistgħu jipprovdu dawn l-affarijiet.

Il-fotografi jistgħu jiġu kkategorizzati abbażi tas-suġġetti tar-ritratti tagħhom.

Xi fotografi jesploraw suġġetti li jkunu tipiċi anke għall-pittura bħall-pajsaġġ, il-ħajja wieqfa u r-ritratti tal-bnedmin. Fotografi oħra jispeċjalizzaw f’suġġetti li jkunu uniċi għall-fotografija, bħall-fotografija tal-isport, tal-ġrajjiet kurrenti fit-toroq, tad-dokumentarji, tal-moda, tat-tiġijiet, tal-avjazzjoni, kummerċjali u tal-gwerra, kif ukoll il-ġurnaliżmu fotografiku. It-tip ta’ xogħol li jiġi kkummissjonat ikollu prezzijiet assoċjati mal-użu tal-immaġnijiet.

Bejgħ tar-ritratti

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-dritt esklużiv tal-fotografi għall-ikkupjar u għall-użu tal-prodotti tagħhom huwa protett bid-drittijiet tal-awtur. Bosta industriji jixtru r-ritratti biex jużawhom fil-pubblikazzjonijiet u fuq il-prodotti. Ir-ritratti li naraw fuq il-faċċati tar-rivisti, fir-reklamar fuq it-televiżjoni, fuq xi kartolini jew fuq il-kalendarji, fuq is-siti web, jew fuq il-prodotti u l-imballaġġi tagħhom, ġeneralment ikunu nxtraw għal dak l-użu, jew direttament mingħand il-fotografu jew inkella permezz ta’ aġenzija li tirrappreżenta lill-fotografu. Fotografu juża kuntratt biex ibigħ il-“liċenzja” jew biex dak li jkun ikun jista’ juża r-ritratti b’kontrolli eżatti rigward kemm-il darba jistgħu jintużaw ir-ritratti, f’liema territorju se jintużaw (pereżempju fl-Istati Uniti jew fir-Renju Unit), u eżattament għal liema prodotti. Is-soltu din tissejjaħ miżata jew tariffa tal-użu u tintuża biex ikun hemm distinzjoni mal-miżata jew mat-tariffa tal-produzzjoni (il-ħlas għall-ħolqien jew għall-produzzjoni effettiva ta’ ritratt jew ta’ għadd ta’ ritratti). Kuntratt addizzjonali u royalty japplikaw għal kull użu addizzjonali tar-ritratt jew tar-ritratti.

Fotografu dilettant bil-kamera personali fuq trepied

Il-kuntratt jista’ jkun għal sena waħda biss jew għal tul ta’ żmien ieħor. Il-fotografu s-soltu jimponi royalty kif ukoll miżata jew tariffa ta’ darba, skont xi jkunu t-termini tal-kuntratt. Il-kuntratt jista’ jkun għall-użu mhux esklużiv tar-ritratti (li jfisser li l-fotografu jista’ jbigħ l-istess ritratt għal iktar minn użu wieħed matul l-istess sena) jew għall-użu esklużiv tar-rittratti (li jfisser li dak l-individwu jew dik il-kumpanija biss jistgħu jużaw ir-ritratti f’dak il-perjodu stipulat fil-kuntratt). Il-kuntratt jista’ jistipula wkoll li l-fotografu jkun intitolat jawditja lill-individwu jew lill-kumpanija biex jiġu ddeterminati l-ħlasijiet tar-royalties. Ir-royalties jistgħu jvarjaw skont it-tip ta’ industrija li tixtri r-ritratti u l-użu kkonċernat. Pereżempju, ir-royalties għal ritratt li jintuża fuq poster jew fir-reklamar fuq it-televiżjoni jistgħu jkunu ogħla minn dawk għall-użu fuq għadd limitat ta’ fuljetti. Spiss royalty tkun ibbażat ukoll fuq id-daqs u l-kwantità tal-użu tar-ritratt f’rivista jew fi ktieb, u r-ritratti tal-faċċata jew tal-qoxra s-soltu jkollhom royalties ferm ogħla mir-ritratti l-oħra fl-istess rivista jew ktieb.

Ir-ritratti meħuda minn fotografu meta jkun imqabbad jew assenjat fuq xogħol partikolari spiss ikunu jappartjenu lill-kumpanija jew lill-pubblikazzjoni kkonċernati, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-kuntratt. Il-fotografi professjonisti tat-tiġijiet pereżempju spiss jistipulaw fil-kuntratt li jibqa’ jkollhom id-drittijiet tal-awtur fuq ir-ritratti li jieħdu, biex b’hekk ikunu jistgħu jbigħu iktar ritratti stampati lill-klijent, u mhux il-klijent jirriproduċi r-ritratti b’xi mezz ieħor hu stess. Jekk il-klijent ikun irid jagħmel hekk, is-soltu dan jiġi diskuss biex jitfassal kuntratt alternattiv mal-fotografu bil-quddiem, qabel jittieħdu r-ritratti, u ġeneralment il-fotografu jitlob miżata jew tariffa ogħla bil-quddiem biex iċedi d-drittijiet tal-awtur lill-klijent.

Hemm kumpaniji kbar li jżommu katalgi ta’ ħażniet ta’ ritratti u ta’ immaġnijiet għal deċennji sħaħ, fosthom Getty Images u oħrajn. Mill-bidu tas-seklu 21, bosta katalgi ta’ ħażniet online ta’ ritratti u ta’ immaġnijiet feġġew li jistiednu lill-fotografi jbigħu r-ritratti tagħhom online faċilment u malajr, iżda spiss għal ftit flus, mingħajr royalty, u mingħajr kontroll fuq l-użu tar-ritratti, is-suq li fih se jintużaw, il-prodotti li se jintużaw fuqhom, it-tul ta’ żmien għal kemm se jintużaw, eċċ.

Il-fotografi kummerċjali jistgħu jippromwovu wkoll ix-xogħol tagħhom għar-reklamar jew lix-xerrejja tal-arti editorjali permezz tal-istampar jew permezz ta’ mezzi online tal-kummerċjalizzazzjoni.

Kondiviżjoni tar-ritratti

[immodifika | immodifika s-sors]

Bosta nies itellgħu r-ritratti tagħhom fuq siti web tan-networking soċjali u fuq siti web oħra, sabiex jikkondividuhom ma’ grupp partikolari jew mal-pubbliku ġenerali. Dawk li jkunu interessati fil-preċiżjoni legali jistgħu jirrilaxxawhom espliċitament fid-dominju pubbliku jew taħt liċenzja ta’ kontenut b’xejn.[3] Xi siti, inkluż Wikimedia Commons, jimxu bil-pinna u bil-klamar fir-rigward tal-liċenzji u jaċċettaw biss stampi jew ritratti b’informazzjoni ċara dwar l-użu permess.

  1. "photography | Search Online Etymology Dictionary". www.etymonline.com. Miġbur 2021-07-15.
  2. Scott, Grant (22 May 2015). The Essential Student Guide to Professional Photography. CRC Press. p. 37. ISBN 9781317618140.
  3. Mooney, Carla (12 June 2009). Online Social Networking. Greenhaven Publishing LLC. p. 21. ISBN 9781420501933.