Aqbeż għall-kontentut

El Tajin

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
El Tajin.

El Tajin, spellut El Tajín bl-Ispanjol, huwa sit arkeoloġiku pre-Kolombjan fin-Nofsinhar tal-Messiku u hija waħda mill-ikbar u l-iżjed bliet importanti tal-era klassika tal-Mesoamerka. Bħala parti mill-kultura klassika ta' Veracruz, il-belt ta' El Tajín iffjorixxiet mis-600 sal-1200 W.K., u matul dan iż-żmien inbnew bosta tempji, palazzi, grawnds tal-logħba tal-ballun u piramidi. Mill-waqgħa tal-belt fl-1230 sal-1785, milli jidher l-ebda Ewropew ma kien jaf bl-eżistenza tagħha, sa meta spettur tal-gvern b'kumbinazzjoni sab il-Piramida tan-Niċeċ.[1]

El Tajín, imsemmija għad-divinità tax-xita tat-Totonaki,[2] tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992, minħabba l-importanza kulturali u l-arkitettura tagħha.[3] Din l-arkitettura tinkludi l-użu tan-niċeċ dekorattivi u tas-siment f'forom uniċi fil-Mesoamerka kollha.[4] L-iżjed monument magħruf tal-belt huwa l-Piramida tan-Niċeċ, iżda hemm monumenti importanti oħra bħall-Grupp tal-Ħandaq, il-Grawnds tal-Logħba tal-Ballun tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, u l-palazzi ta' Tajín Chico. B'kollox ġew skoperti 20 grawnd tal-logħba tal-ballun f'dan is-sit (l-aħħar 3 ġew skoperti f'Marzu 2013).[5] Mis-snin 70 tas-seklu 20, El Tajin sar l-iżjed sit arkeoloġiku importanti f'Veracruz[6] u attira 386,406 viżitatur fl-2017.[7]

Huwa wkoll is-sit fejn isir il-festival annwali msejjaħ Cumbre Tajin, li jsir kull Marzu b'diversi avvenimenti kulturali indiġeni u barranin, kif ukoll kunċerti ta' mużiċisti popolari.[8]

Pożizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

El Tajín fil-kuntest ta' siti oħra tal-era klassika.

Is-sit jinsab fil-Messiku fl-artijiet għoljin tal-muniċipalità ta' Papantla fl-istat modern ta' Veracruz, mhux wisq 'il bogħod mill-belt ta' Poza Rica, li tinsab fil-Majjistral tal-port u tal-belt ta' Veracruz. Il-belt tinsab qalb l-għoljiet baxxi ta' qabel il-katina muntanjuża ta' Sierra Madre Oriental tal-kosta tal-Golf qrib ix-xmara Tecolutla. Fi żmien il-qedem, din il-belt kienet tinsab fil-Grigal tal-hekk imsejħa Mesoamerka,[9] u kienet tikkontrolla żona bejn ix-xmajjar Cazones u Tecolutla sal-istat modern ta' Puebla.[10] Il-belt prinċipali hija definita minn żewġ nixxigħat li jiltaqgħu biex jiffurmaw il-Ħandaq ta' Tlahuanapa, tributarju tax-xmara Tecolutla. Dawn iż-żewġ nixxigħat kienu jipprovdu l-ilma tax-xorb lill-popolazzjoni tal-belt. Il-biċċa l-kbira tal-binjiet jinsab fin-naħa tan-Nofsinhar, fejn l-art hija relattivament ċatta u fejn iż-żewġ nixxigħat jiltaqgħu. Is-sit huwa estiż lejn il-Majjistral fejn inbnew għoljiet imtarrġa biex jinbnew iktar binjiet, l-iktar għall-elit tal-belt. Madankollu, il-belt kellha wkoll komunitajiet li jinsabu fl-għoljiet fil-Lvant u fil-Punent tal-belt prinċipali, l-iktar b'binjiet għal dawk ta' klassi inferjuri. B'kollox is-sit huwa estiż fuq 1,056 ettaru (4.08 mili kwadri).[11]

L-inħawi tas-sit huma foresta tropikali, bi klima sħuna li tirċievi ħafna preċipitazzjoni b'tip simili għas-Senegal. It-temperatura medja matul is-sena tkun 35 °C, b'uragani possibbli minn Ġunju sa Ottubru. Is-sit jiġi affettwat ukoll minn fenomenu tat-temp magħruf bħala "nortes". Dawn huma arja kiesħa b'irjieħ mit-Tramuntana lejn il-kosti ta' Tamaulipas u ta' Veracruz. Is-sit ma fih l-ebda insedjament maġġuri qribu. Madwaru hemm diversi għelieqi tat-tabakk, pjantaġġuni tal-banana, ġarer tan-naħal u għelieqi bis-siġar tal-vanilla. L-eqreb insedjament imdaqqas huwa dak ta' Papantla.

Isem[immodifika | immodifika s-sors]

Meta s-sit ġie skopert mill-ġdid uffiċjalment fl-1785, huwa ġa kien magħruf fost it-Totonaki lokali (li x'aktarx li l-antenati tagħhom bnew ukoll il-belt) bħala El Tajín, li jingħad li tfisser "tar-ragħad jew tas-sajjetti". B'rabta ma' dan l-isem it-Totonaki jemmnu li tnax-il divinità tal-qedem tas-sajjetti, magħrufa bħala Tajín, għadhom jgħammru fil-fdalijiet. Madankollu, sensiela ta' mapep indiġeni li jmorru lura għal żmien il-konkwista tal-Ispanjoli, li nstabu fil-qrib f'Tihuatlan u issa magħrufa bħala l-Lienzos de Tuxpan, jissuġġerixxu li l-belt x'aktarx li fl-imgħoddi kienet imsejħa "Mictlan" jew "post tal-mejtin", denominazzjoni komuni għas-siti tal-qedem li l-ismijiet oriġinali tagħhom ikunu ntesew maż-żmien. Dan l-isem jissemma wkoll fil-Matricula de Tributos, reġistru eżistenti ta' ġieħ tal-Azteki, li iktar 'il quddiem sar jifforma parti mill-Kodiċi ta' Mendoza. Għaldaqstant din it-tifsira jaf hija marbuta ma' tifsira oħra tat-Totonaki, jiġifieri "post tal-ispirti jew tal-ħlejjaq inviżibbli".[12]

Storja tal-belt[immodifika | immodifika s-sors]

Ritratt tal-Piramida tan-Niċeċ qabel ir-restawr (ritratt tal-1913).

Minn studji kronoloġiċi ta' El Tajín u ta' siti fil-qrib ħareġ li l-inħawi ġew okkupati mill-inqas mill-5600 Q.K. u juru kif eventwalment il-kaċċaturi u l-ġemmiegħa nomadiċi saru bdiewa sedentarji, li bnew soċjetajiet iktar kumplessi qabel l-istabbiliment tal-belt ta' El Tajin.[13] Ir-ritmu ta' dan il-progress soċjetali ħa rankatura bl-istabbiliment taċ-ċivilizzazzjoni tal-Olmeki fil-qrib għall-ħabta tal-1150 Q.K., għalkemm l-Olmeki qatt ma kienu preżenti hemmhekk b'mod massiċċ.[14] Mhuwiex ċar min bena l-belt. Uħud isostnu li l-belt inbniet mit-Totonaki u mill-Xapaneca; madankollu, hemm ammont sinifikanti ta' evidenza li l-inħawi kienu popolati mill-Ħwasteki meta ġie stabbilit l-insedjament fis-seklu 1 W.K.[15] Ftit wara, bdew jinbnew il-monumenti u sas-600 W.K., El Tajín saret belt.[16] It-tkabbir rapidu ta' El Tajin seħħ bis-saħħa tal-pożizzjoni strateġika tagħha tul ir-rotot kummerċjali antiki Mesoamerikani. Kellha l-kontroll tal-fluss tal-prodotti bażiċi, kif ukoll tal-esportazzjonijiet tal-vanilla u tal-importazzjonijiet minn postijiet oħra li llum il-ġurnata jinsabu fil-Messiku u fl-Amerka Ċentrali. Mis-sekli bikrin, l-oġġetti minn Teotihuacan kienu abbundanti.

Mis-600 sal-1200 W.K., El Tajín kienet belt li kienet tgawdi prosperità kbira u li eventwalment kellha l-kontroll tal-biċċa l-kbira tal-istat ta' Veracruz tal-lum. Il-belt-stat kienet ċentralizzata ferm, u fil-belt stess kienu jgħixu iktar minn ħamsin etniċità.[17] Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni kienet tgħix fl-għoljiet ta' madwar il-belt prinċipali, u l-belt kienet tikseb ħafna mill-prodotti tal-ikel tagħha mill-inħawi ta' Tecolutla, Nautla u Cazones. Dawn l-għelieqi mhux biss kienu jipproduċi l-prodotti bażiċi bħall-qamħirrum u l-fażola, iżda anke oġġetti lussużi bħall-kawkaw. Wieħed mill-panewijiet tal-Piramida tan-Niċeċ juri ċerimonja taħt siġra tal-kawkaw. Ir-reliġjon kienet ibbażat fuq il-movimenti tal-pjaneti, tal-istilel, tax-Xemx u tal-Qamar, u l-logħba tal-ballun u l-pulque Mesoamerikani kellhom rwol estremament importanti. Dan wassal għall-bini ta' bosta piramidi b'tempji u sbatax-il grawnd tal-logħba tal-ballun, ferm iktar minn kwalunkwe sit Mesoamerikan ieħor. Il-belt beda jkollha influwenza estensiva għall-ħabta ta' dan iż-żmien, u dan joħroġ fid-dieher l-iktar fis-sit ta' Yohualichan fil-qrib, li fih binjiet b'niċeċ simili li jiddefinixxu s-sit ta' El Tajin. Evidenza tal-influwenza tal-belt instabet tul il-kosta tal-Golf ta' Veracruz sar-reġjun tal-Maja u l-promontorju għoli tal-Messiku ċentrali.

Fl-aħħar tal-perjodu klassiku, El Tajín irreżistiet il-kollass soċjali mifrux, u l-migrazzjonijiet u l-qerda li wasslu għall-abbandun ta' bosta ċentri popolati fl-aħħar ta' dan il-perjodu. El Tajín laħqet il-quċċata tagħha wara l-waqgħa ta' Teotihuacan, u kkonservat bosta elementi kulturali li wirtet minn dik iċ-ċivilizzazzjoni. Hija laħqet l-apoġew tagħha fil-perjodu epiklassiku (900-1100 W.K.) qabel ma ġarrbet qerda sħiħa u nħakmet mill-ġungla.

El Tajín gawdiet prosperità sas-snin bikrin tas-seklu 13, meta nqerdet minn nirien, li x'aktarx tqabbdu minn qawwa ta' invażuri bħaċ-Ċiċimeki. It-Totonaki stabbilew l-insedjament fil-qrib ta' Papantla wara l-waqgħa ta' El Tajín. El Tajín inħakmet mill-ġungla u baqgħet mistura għal iktar minn 500 sena. Filwaqt li l-belt kienet tgħattiet għalkollox mill-ġungla sas-seklu 19, ma tantx huwa probabbli li l-għarfien dwar il-post intilef għalkollox fost il-popli nattivi. Evidenza arkeoloġika turi li kien jeżisti villaġġ hawnhekk fiż-żmien meta waslu l-Ispanjoli, u l-inħawi minn dejjem kienu meqjusa bħala sagri mit-Totonaki. Madankollu, ma hemm l-ebda dokumentazzjoni tas-sit minn xi Ewropew qabel l-aħħar tas-seklu 18.[18]

Storja tal-iskoperta mill-ġdid[immodifika | immodifika s-sors]

Waħda mit-tpinġijiet ta' Carl Nebel tal-Piramida tan-Niċeċ.

Fl-1785, uffiċjal jismu Diego Ruiz b'kumbinazzjoni sab il-Piramida tan-Niċeċ, hu u jfittex għal pjantaġġuni klandestini tat-tabakk li kienu qed jiksru l-monopolju rjali f'din iż-żona iżolata li qajla kienu jżuruha l-awtoritajiet. Huwa għamel tpinġija tal-piramida u rrapporta s-sejba tiegħu lil pubblikazzjoni msejħa Gaceta de Mexico. Huwa sostna li n-nattivi kienu żammew il-post sigriet. Il-pubblikazzjoni tal-eżistenza tal-piramida fil-Gaceta influwenzat lill-gruppi akkademiċi fi Spanja l-Ġdida u fl-Ewropa, u ġibdet l-attenzjoni tal-antikwarji José Antonio de Alzate y Ramírez u Ciriaco Gonazlez Carvajal, li kitbu dwarha. Ġibdet ukoll l-interess ta' diversi akkademiċi, li qabblu l-piramida mal-kostruzzjonijiet ta' Ruma tal-qedem. Il-piramida kompliet tiġi rriklamata wkoll mit-Taljan Pietro Márquez fl-Ewropa u minn Alexander von Humboldt.[19]

Mill-iskoperta tal-piramida mill-Ewropej, is-sit attira diversi viżitaturi għal żewġ sekli. L-arkitett Ġermaniż Charles Nebel żar is-sit fl-1831 u kien l-ewwel wieħed li ddeskriva b'mod grafiku fid-dettall il-Piramida tan-Niċeċ kif ukoll il-fdalijiet fil-qrib ta' Mapilca u ta' Tuzapan. Huwa kien ukoll l-ewwel wieħed li spekula li l-piramida kienet tagħmel parti minn belt kbira. It-tpinġijiet u d-deskrizzjonijiet tiegħu ġew ippubblikati fi ktieb imsejjaħ Voyage pittoresque et archéologique li ġie ppubblikat f'Pariġi fl-1836.[20][21]

L-ewwel arkeologi waslu fis-sit fil-bidu tas-seklu 20 u kienu jinkludu lil Teobert Maler, Edward Seler, Francisco del Paso y Troncoso u Herbert u Ellen Spinden. Bl-iskoperta taż-żejt fl-inħawi, inbnew it-toroq li ġew imtejba fis-snin 20 sa 40 tas-seklu 20. Dan ippermetta li ssir investigazzjoni iktar intensiva tal-inħawi. Fl-1935–1938, l-ewwel immappjar, ikklerjar u esplorazzjoni formali saru minn Agustin Garcia Vega. L-ewwel binja li ġiet ikklerjata għalkollox mill-veġetazzjoni tal-ġungla kienet il-Piramida tan-Niċeċ. Eventwalment Vega kklerja 77 akru (310,000 m2), żvela iktar binjiet u ppropona li s-sit jissejjaħ "il-Belt Arkeoloġika ta' El Tajín". Mill-1938, ix-xogħol tal-iskavi u tar-rikostruzzjoni ġie sponsorjat mill-INAH u mmexxi minn Jose Garcia Payon, u ġew żvelati pjattaformi, grawnds tal-logħba tal-ballun u parti minn Tajín Chico bil-palazzi tiegħu. Huwa kompla jesplora s-sit għal 39 sena sa mewtu fl-1977, minkejja l-isfidi tax-xogħol fil-ġungla u n-nuqqas ta' fondi. Sa dak iż-żmien, huwa kien żvela l-biċċa l-kbira tal-binjiet ewlenin u stabbilixxa li El Tajín kienet waħda mill-iżjed bliet importanti tal-Messiku tal-qedem. Sas-snin 70 tas-seklu 20, is-sit kien wieħed mill-ftit fl-istat ta' Veracruz li kien jattira għadd sinifikanti ta' turisti.[22] Mill-1984 sal-1994, Jürgen K. Brüggemann kompla jibni fuq ix-xogħol ta' García Payón, u żvela 35 binja oħra. Huwa maħsub li nofs biss tas-sit arkeoloġiku ta' El Tajin ġie żvelat sa issa.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-plakka tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Il-Belt Pre-Ispanika ta' El Tajín ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992, bis-saħħa tal-importanza storika, u l-arkitettura u l-inġinerija tagħha.[3] "L-arkitettura tagħha, li hija unika fil-Mesoamerka, hija kkaratterizzata minn freġju u riljievi mnaqqxa elaborati fuq il-kolonni. Il-Piramida tan-Niċeċ, kapulavur tal-arkitettura Messikana u Amerikana tal-qedem, tiżvela l-importanza astronomika u simbolika tal-binjiet". Is-sit huwa wieħed mill-iżjed importanti fil-Messiku u l-iżjed importanti fl-istat ta' Veracruz.

L-importanza tas-sit huwa dovut għad-daqs u għall-arti u l-arkitettura uniċi tiegħu. Il-fruntieri taż-żoni residenzjali tal-belt għadhom ma ġewx definiti iżda s-sit kollu huwa stmat li jkopri 2,640 akru (10.7 km2). Sa issa, madwar 50 fil-mija biss tal-binjiet tal-belt ġew skavati, u ġew żvelati sensiela ta' pjazez, palazzi u binjiet amministrattivi f'erja ta' żewġ mili kwadri. Għad-differenza tal-mudelli riġidi ħafna ta' grilja tal-bliet tal-qedem fl-artijiet għoljin ċentrali tal-Messiku, il-bennejja ta' El Tajin iddisinjaw u allinjaw il-binjiet bħala unitajiet individwali. Hemm diversi karatteristiċi arkitettoniċi li huma uniċi għas-sit jew qajla jidhru f'siti tal-Mesoamerka. It-tiżjin f'għamla ta' niċeċ u dekorazzjonijiet imtarrġin huma preżenti kullimkien, u jżejnu saħansitra r-riffieda u l-ħitan tal-pjattaformi utilitarji. Dekorazzjonijiet imtarrġin huma preżenti f'partijiet oħra tal-Mesoamerka iżda qajla b'dan l-ammont. L-użu tan-niċeċ huwa uniku għal El Tajin.

Aspett notevoli partikolari tal-kostruzzjoni ta' El Tajin huwa l-użu tas-siment imferra' fil-forom. Frammenti tal-bejt li għadhom eżistenti mill-Binja Ċ fis-sezzjoni ta' Tajín Chico huma eżempju ta' kostruzzjonijiet bil-bejt tas-siment. Minħabba n-nuqqas ta' xorok jew materjali oħra bħala riffieda, il-bejt kellu jkun oħxon ħafna biex jiflaħ għall-piż tiegħu stess. Sabiex tittaffa t-tagħbija u sabiex is-saffi tas-siment jagħqdu ma' xulxin, kienu jitħalltu ġebliet ħaffiefa u bċejjeċ tal-fuħħar mas-siment. Is-siment ma setax jiġi mferra' kollu f'daqqa iżda kien jitferra' f'saffi suċċessivi. Ġie ssuġġerit li l-binjiet imtlew bir-radam tal-ħamrija biex jirfdu l-bejt sakemm kien jiġi mferra' s-siment u jinxef.[23] Malli kien jitlesta, il-bejt kien ikun oħxon kważi metru u kien ikun kważi ċatt għalkollox. Filwaqt li dan it-tip ta' bejt tas-siment huwa komuni fiż-żminijiet moderni, kien uniku fid-dinja Mesoamerikana. Instabu wkoll xbihat ta' qfief, qratas tat-tamal u oġġetti oħra fis-siment imnixxef.[24] Is-siment imferra' ntuża fl-unika binja b'żewġ sulari fis-sit, il-Binja B, bħala bejt u separatur bejn is-sular t'isfel u s-sular ta' fuq. L-uniku eżempju magħruf ieħor ta' kostruzzjoni b'żewġ sulari jinsab fit-territorji tal-Maja. Karatteristika oħra kondiviża biss mal-Maja hija l-użu taż-żebgħa kaħlanija. Karatteristika unika oħra ta' El Tajin hi li għadd ta' residenzi għandhom it-twieqi, li minnhom kienet tgħaddi ż-żiffa friska fil-jiem tas-sħana.[25]

Filwaqt li l-grawnds tal-logħba tal-ballun huma komuni fil-Mesoamerka, El Tajin jispikka għax għandu sbatax. Tnejn minnhom fihom panewijiet skolpiti dwar il-logħba tal-ballun u l-importanza ritwali tagħha. L-iżjed impressjonanti minn dawn il-panewijiet jinsabu fil-grawnd tal-logħba tal-ballun tan-Nofsinhar, li fihom xbihat ta' divinitajiet tal-mewt u plejer tal-logħba tal-ballun li qed tinqatalu rasu bħala sagrifiċċju għad-divinitajiet biex minflok jagħtu l-pulque lill-poplu tiegħu.

Minn mindu s-sit sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, saru sforzi tar-riċerka u tal-konservazzjoni favur il-promozzjoni tal-għarfien u l-protezzjoni tas-sit. Kien hemm għadd ta' proġetti tar-riċerka kif ukoll proġetti ta' rikostruzzjoni u proġetti biex is-sit ikun iktar aċċessibbli għall-viżitaturi. Madankollu, id-direttur tas-sit jiddikjara li jrid isir iktar biex is-sit jiġi kkonservat, speċjalment l-affreski fraġli tiegħu, u biex il-ħtiġijiet tat-turisti jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li s-sit kollu jiġi kkonservat. Kull sena mill-1992, l-għadd ta' viżitaturi żdied u attwalment laħaq is-653,000 ruħ fis-sena.

It-tniġġis tal-arja mill-pjattaformi tat-tħaffir għaż-żejt u mill-impjanti tal-enerġija tul il-kosta jikkawża livelli għoljin ta' xita aċiduża fir-reġjun, li qed tnawwar "b'rata allarmanti" r-riljievi mnaqqxa b'mod elaborat mal-binjiet tal-ġebla tal-ġir ratba, skont Humberto Bravo taċ-Ċentru għax-Xjenzi Atmosferiċi tal-Università tal-Messiku fl-2007.[26]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Monumenti ewlenin[immodifika | immodifika s-sors]

Daħla u mużew tas-sit[immodifika | immodifika s-sors]

Skultura għall-wiri fil-mużew tas-sit.

Id-daħla tas-sit tinsab fit-tarf tan-Nofsinhar. Wara li s-sit sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992, żdiedu faċilitajiet ġodda f'din iż-żona, fosthom kafetterija, servizzi tal-informazzjoni, park u uffiċċji amministrattivi. Il-mużew tas-sit jinsab hawnhekk ukoll. Barra minn hekk, id-Danza de los Voladores issir fid-daħla tas-sit u titqies bħala attrazzjoni għall-viżitaturi. Il-voladores jitfaċċaw kull nofs siegħa fejn l-arblu u ċ-ċirku tond faċċata tad-daħla prinċipali.[27]

Il-park jismu Parque Takilhsukut u jinsab madwar kilometru 'l barra mis-sit proprja. Huwa faċilità moderna bl-għan li jservi bħala ċentru tal-identità indiġena ta' Veracruz. Ikopri 17-il ettaru b'kapaċità ta' 40,000 ruħ. Jospita fieri, konvenji u avvenimenti oħra, inkluż parti mill-festival kulturali annwali ta' Cumbre Tajín li jsir f'Marzu. Hemm ukoll faċilitajiet għal workshops, wirjiet, terapiji alternattivi, seminars u ċerimonji.[28]

Il-mużew tas-sit huwa maqsum f'żewġ partijiet: binja integrata u żona msaqqfa li tipproteġi frammenti kbar ta' skulturi tal-ġebel. Il-kamra integrata fiha oġġetti żgħar li nstabu matul is-snin tal-esplorazzjoni tas-sit, l-iktar mill-Piramida tan-Niċeċ. Wieħed mill-iżjed oġġetti interessanti għall-wiri huwa artal mill-Binja 4. Huwa ħaġra kbira skolpita b'erba' individwi bilwieqfa bħala pari b'figura ta' sriep imgeżwrin ma' xulxin bejn iż-żewġ pari. Is-sriep jirrappreżentaw il-markatur tal-logħba tal-ballun imsejjaħ tlaxmalacatle fi żmien l-Azteki. L-oġġetti prinċipali għall-wiri fiż-żona msaqqfa huma l-frammenti rkuprati mill-Binja tal-Kolonni, b'għadd minnhom li ġew assemblati parzjalment mill-ġdid. Wieħed mill-frammenti jirrakkonta l-ġrajja tal-Fenek 13, mexxej ta' El Tajin li x'aktarx kien ordna l-kostruzzjoni tal-binjiet. Ix-xena turi purċissjoni doppja b'Fenek 13 bilqiegħda fuq tron tal-injam u b'saqajh fuq ras maqtugħa. Fuq quddiem hemm vittma mogħti bħala sagrifiċċju. It-tinqix glifiku ta' isem Fenek 13 jidher fuq in-naħa ta' fuq flimkien ma' isem qaddej jismu Mannara 4. Il-bqija tal-purċissjoni tikkonsisti minn ġellieda jżommu lil xi priġunieri minn xagħarhom.[29]

Grupp tal-Ħandaq[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Grupp tal-Ħandaq mix-Xlokk.

Dan il-grupp ta' binjiet jissejjaħ il-Grupp tal-Ħandaq minħabba żewġ nixxigħat fuq tliet naħat tal-binjiet. Din iż-żona hija waħda mill-eqdem sezzjonijiet tal-belt, u fiha iktar minn 86,100 pied kwadru (8,000 m2). Maġenb din iż-żona hemm erba' binjiet għoljin, imsejħa l-Binjiet 16, 18, 19 u 20, b'tempji fuqhom. Diversi passaġġi bit-taraġ jagħtu mill-pjazez għat-tempji ta' fuq. Għad-differenza tal-bqija tal-belt, dawn l-erba' binjiet huma uniformi bħala għoli u kważi simetriċi. Il-piramidi hawnhekk huma primittivi meta mqabbla mal-kumplament tas-sit, b'niċeċ li mhumiex daqshekk fini. Kull waħda mill-piramidi tal-Lvant u tal-Punent tal-Grupp tal-Ħandaq kellha tliet tempji fil-quċċata. Karatteristika oħra mhux tas-soltu hi li din il-pjazza ma fiha l-ebda struttura iżgħar bħal xi binja jew artal biex jimlew l-ispazju. Ġie stabbilit li din kienet il-post fejn kien jintrama s-suq tal-belt, minħabba l-ispazju kbir tal-pjazza l-kbira għall-bankarelli u statwa ta' divinità li nstabet hawnhekk li kellha rabta mal-kummerċ. Id-divinità li nstabet hawnhekk fiha karatteristiċi komuni iktar mal-artijiet għoljin tal-Messiku milli ta' El Tajín. Is-suq f'din il-pjazza kien jikkonsisti minn bankarelli magħmula biz-zkuk u bid-drapp fejn kienu jinbiegħu prodotti bħall-vanilla kif ukoll prodotti minn partijiet oħra tal-Mesoamerka, bħal ġlud tal-ġagwari, għasafar eżotiċi bħall-makaw u rix tal-quetzal. Hawnhekk kienu jinbiegħu l-iskjavi għas-servizzi u għas-sagrifiċċji. Fil-Punent tal-binja fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-grawnd il-kbir tal-logħba tal-ballun bix-xaqlibiet fil-ġnub u freġji skolpiti tad-divinità Quetzalcoatl. Meta l-belt sfat fix-xejn, il-biċċa l-kbira tal-iskulturi f'din iż-żona nqerdu jew tkissru, u wħud intużaw mill-ġdid bħala ġebel għall-kostruzzjoni.[30]

Piramida tan-Niċeċ[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Piramida tan-Niċeċ.

Din il-piramida għandha għadd ta' ismijiet, fosthom il-Piramida ta' El Tajín, il-Piramida ta' Papantla, il-Piramida tas-Seba' Sulari u t-Tempju tan-Niċeċ. Saret l-attrazzjoni prinċipali tas-sit minħabba d-disinn mhux tas-soltu tagħha u l-qagħda tajba tal-preservazzjoni. Kienet prominenti wkoll fi żmien il-qedem. Kwantità kbira ta' skulturi nstabu minn din il-piramida. Il-binja nbniet permezz ta' ġebel maqtugħ b'ħila u b'reqqa kbira, u huwa maħsub li l-ikbar fosthom għandhom piż ta' madwar tmien tunnellati metriċi. Il-ġebel, speċjalment madwar in-niċeċ tpoġġew qrib xulxin sabiex ma jirrikjedux ammont kbir ta' tkaħħil tal-ġebla tal-ġir u tal-ħamrija. Oriġinarjament, l-istruttura kienet miksija bl-istukko li kien iservi bħala bażi għaż-żebgħa.[31]

Il-piramida fiha seba' sulari. Kull wieħed mis-sulari jikkonsisti minn ħajt tal-bażi b'xaqliba, magħruf bħala talud, u ħajt vertikali, magħruf bħala tablero, li kienet xi ħaġa pjuttost komuni fil-Mesoamerka. Li mhux tas-soltu dwar din il-kostruzzjoni u oħrajn fil-belt hija ż-żieda ta' niċeċ dekorattivi bi struttura triangolari fuq nett. Il-ġebel huwa rranġat skont linji kkontrollati u proporzjonijiet delikati. Oriġinarjament, l-istruttura kienet miżbugħa bl-aħmar skur u n-niċeċ bl-iswed bil-ħsieb li d-dellijiet tan-niċeċ jispikkaw iktar. In-niċeċ jinstabu wkoll taħt it-taraġ tul il-faċċata tal-Lvant, u jindikaw li t-taraġ żdied wara. In-niċeċ fuq l-istruttura oriġinali, mingħajr ma wieħed jgħodd dawk fuq it-taraġ li nbena wara, jammontaw għal total ta' 365 niċċa, u jirrappreżentaw is-sena solari. Fil-quċċata tal-piramida kien hemm tavli u draguni-sriep grotteski.[32]

Il-funzjoni ritwali tal-binja ma kinitx primarjament kalendarja. In-niċeċ fondi jimitaw l-għerien, li għal żmien twil tqiesu bħala passaġġi għad-dinja ta' wara l-mewt, fejn kien maħsub li kienu jirresjedu bosta mid-divinitajiet. L-għerien, speċjalment dawk bil-fawwariet, tqiesu bħala sagri fil-biċċa l-kbira tal-Messiku, u tradizzjonalment kienu jiġu offruti fjuri u xemgħat. Saħansitra sa nofs is-seklu 20, instabu fdalijiet ta' xemgħat tax-xama' tan-naħal fl-ewwel sular ta' din il-piramida. Hemm twemmin popolari li kull niċċa kien fiha xi idolu, iżda x-xogħol arkeoloġiku skarta dan it-twemmin. L-iżjed parti importanti tal-istruttura kienet it-tempju fil-quċċata ta' din il-piramida; madankollu, dan inqered għalkollox u ma tantx nafu wisq kif setgħet kienet id-dehra tiegħu.[33]

It-Tavla 27 mill-Piramida tan-Niċeċ.

L-iskulturi mit-tempju huma pjuttost frammentarji. It-tavli l-kbar fihom xbihat tad-divinità tax-xita, jew ta' mexxej liebes bħala divinità, involut f'diversi xeni ritwali jew mitoloġiċi. Milli jidher dan kien l-iżjed alla importanti tal-kultura peress li xbihat oħra tiegħu nstabu f'postijiet oħra fi ħdan is-sit. Id-dehra tiegħu hawnhekk turi l-importanza ta' din il-piramida. It-taraġ li jagħti għat-tempju huwa mżejjen fuq il-ġnub b'qishom nokkli msejħa xicalcoliuhqui. Huwa maħsub li jissimbolizzaw is-sajjetti, u filwaqt li huwa tiżjin komuni fil-Mesoamerka, huwa motiv tassew prominenti hawnhekk. Dan it-tiżjin x'aktarx li kien miżbugħ blu bħal f'binjiet oħra, fejn instabu fdalijiet taż-żebgħa. Fuq nett tat-taraġ x'aktarx li kien hemm żewġ steli tridimensjonali kbar. Waħda baqgħet kważi intatta u issa tinsab fil-mużew. Lil hinn mit-taraġ u lejn il-Lvant tal-piramida nstab ġebel tond kbir b'toqob fin-nofs, fejn x'aktarx kienu jitpoġġew xi strixxuni. Minn ġewwa l-piramida hija magħmula minn blat u ħamrija. Dan ir-radam jinsab bejn il-ħitan bix-xaqlibiet li jsiru t-talud ta' kull sular tal-piramida. Mirduma taħt dan kollu hemm talud iżgħar mingħajr niċeċ.[34]

Maġenb il-piramida hemm żewġ strutturi iżgħar magħrufa bħala l-Binja 2 u l-Binja 4. It-tnejn qishom pjattaformi ta' tempji żgħar. Il-Binja 4 fiha struttura iżgħar iktar antika fi ħdanha li jaf kienet fost l-eqdem strutturi tas-sit.[35]

Tajin Chico[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Binja Ċ.

Tajin Chico hija sezzjoni tas-sit b'diversi livelli u hija estiża lejn it-Tramuntana u l-Majjistral mill-eqdem partijiet tal-belt fuq għolja. Il-biċċa l-kbira ta' din is-sezzjoni nħolqot bl-użu ta' ammonti enormi ta' radam. Hija akropoli enormi magħmula minn bosta palazzi u strutturi ċivili oħra. Ma tantx hemm ħafna tempji hemmhekk. Kienet iktar faċli li tiġi difiża meta mqabbla ma' partijiet oħra tal-belt. Tajin Chico ngħatat dan l-isem għaliex inizjalment kien maħsub li kienet sit separat iżda relatat. Issa huwa magħruf li kienet parti miċ-ċentru tal-belt. Madankollu, peress li l-isem diġà kien intuża fil-letteratura dwar is-sit, baqa' jintuża.

Il-Binja Ċ ma kinitx tempju iżda l-funzjoni tagħha mhix ċara għalkollox. Il-Binjiet A u B fil-qrib kienu palazzi. X'aktarx li din il-binja kienet tintuża mill-patrijiet jew mill-mexxejja biex jilqgħu lill-viżitaturi, lill-petizzjonanti u lil xi oħrajn. Il-bejt tal-Binja Ċ kien fih iktar minn 1,600 pied kwadru (150 m2) bħala daqs u kien isaqqaf żewġt ikmamar fuq in-naħa tal-Punent kif ukoll il-kamra prinċipali li kienet miftuħa lejn il-Lvant permezz ta' ħames pilastri. Il-binja kollha minn barra hija miksija bid-disinn ta' qishom nokkli mtarrġin, irranġati b'tali mod li jidhru qishom niċeċ. Sabiex dan l-effett jiġi enfasizzat iktar, in-naħa ta' ġewwa tan-nokkli kienet tiġi miżbugħa bl-aħmar skur u n-naħa ta' barra bl-ikħal, kważi bit-turkważ. It-taraġ wiesa' tal-Lvant kien miżbugħ ukoll b'motivi qishom sħab.

Il-Binja B.

Il-Binja B hija struttura ta' żewġ sulari u kienet tintuża bħala residenza u ġie ikklassifikata bħala palazz. Bħal strutturi oħra fil-qrib, il-bejt tagħha huwa biċċa ħoxna tas-siment u hemm biċċa oħra li tissepara s-sular t'isfel u s-sular ta' fuq. Id-daħla tal-binja mill-pjazza kienet minn taraġ maqsum, li jagħti għal kamra individwali ta' 32 pied b'24 pied (9.8 metri b'7.3 metri) bħala daqs. Dan l-ispazju huwa interrott minn sitt pilastri tal-ġebnel u tas-siment li jirfdu s-sular ta' fuq. Dawn il-kolonni tħaxxnu maż-żmien għaliex kien ċar li kellhom bżonn iktar ħxuna biex jifilħu għall-piż taż-żewġ sulari. Wieħed jasal għas-sular ta' fuq permezz ta' taraġ dejjaq. Dan is-sular huwa iktar spazjuż għalkemm hemm kolonni hemmhekk ukoll. Dan huwa l-uniku palazz b'diversi sulari li nstab 'il barra mill-inħawi tal-Maja.

Il-Binja A.

Il-Binja A fiha żewġ sulari, nokkli mtarrġin u niċeċ u hija simili għall-istrutturi li nstabu fil-Yucatán. Madankollu, is-sular t'isfel tal-binja ma fihx kmamar iżda bażi solida. Huwa mżejjen b'panewijiet rettangolari kbar li milli jidher kienu miżbugħa bl-aħmar. Id-daħla tinsab fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-binja u hija pjuttost elaborata. Is-sular ta' fuq fih kuritur li jibqa' sejjer mad-dawra kollha u fih għadd ta' kmamar. Is-sular ta' fuq kien imżejjen b'nokkli mtarrġin u disinni oħra wkoll. Dawn kienu ta' lewn isfar, blu, aħmar u iswed. Il-panewijiet fuq ġewwa kienu miżbugħa bl-affreski, li għad fadal biss xi frammenti minnhom. Man-naħa tal-Lvant u tal-Punent tal-kurituri hemm id-daħliet għall-kmamar, żewġ kmamar interkonnessi fuq kull naħa tal-binja. Il-Binja A nbniet fuq binjiet iktar antiki li ndifnu meta din iż-żona nbniet, u xi aspetti tal-binja bħar-riffieda ġarrbu xi ħsarat minħabba li ma kellhomx binjiet taħthom fuq xiex jistrieħu. Il-faċċata fiha taraġ falz u balavostri ta' nokkli mtarrġin b'niċeċ fuqhom. Mhuwiex magħruf jekk ix-xebħ bejn din il-bninja u l-Piramida tan-Niċeċ tindikax rabta bejniethom it-tnejn. It-taraġ falz oriġinarjament kien imżejjen b'motivi blu u sofor, iżda ma tantx fadal wisq żebgħa. Fin-nofs tat-taraġ falz hemm taraġ ta' veru li jagħti għan-naħa ta' fuq taħt ħnejja sal-ewwel sular tal-palazz.

Frammenti ta' waħda mill-kolonni.

Il-Binja tal-Kolonni tispikka fl-ogħla sezzjoni ta' Tajin Chico. Tagħmel parti minn wieħed mill-aħħar kumplessi ta' binjiet li nbnew f'El Tajín. Dawn il-binjiet jinsabu fuq pjattaforma-terrazza li nbniet fuq kontorni naturali u spazji mimlija. L-istruttura l-oħra fuq din il-pjattaforma tissejjaħ l-Anness jew il-Binja tal-Mini, peress li hija kkollegata mal-Binja tal-Kolonni permezz ta' passaġġ. Wara dawn il-binjiet hemm pjazza kbira bi strutturi baxxi żgħar mat-truf. Din il-binja hija magħrufa għall-kolonni tagħha li kienu jżejnu l-faċċata tal-Lvant tal-istruttura. Il-kolonni nbnew billi tpoġġew diversi rombli tal-ġebel fuq xulxin. Imbagħad wiċċ il-kolonni ġie skolpit b'xeni li jiċċelebraw mexxej li kien jismu Fenek 13, li x'aktarx li ordna li tinbena din l-istruttura. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-kolonni jinsabu għall-wiri fil-mużew tas-sit. Din l-istruttura kellha wkoll bejt tas-siment, b'arkati fl-ispazju bejn il-kolonni u l-kmamar ta' ġewwa. Hemm bitħa interna mżejna b'mod lussuż, b'nokkli mtarrġin, simboli oħra tal-ġebel u siment miżbugħ. Dan il-kumpless kien wieħed minn tal-aħħar li nbena u fih evidenza wkoll ta' nar u ħsara oħra mill-waqgħa tal-belt.

Iċ-Ċint il-Kbir.

Ftit fil-Lvant ta' Tajin Chico hemm spazju miftuħ tal-wied. F'din is-sezzjoni hemm bosta binjiet iżda dawn mhumiex aċċessibbli għall-viżitaturi minħabba n-nuqqas ta' mogħdijiet għall-mixi u bosta għadhom iridu jiġu esplorati. Tnejn minnhom ġew esplorati parzjalment. L-ewwel binja hija ċ-Ċint il-Kbir jew Xicalcoluihqui l-Kbir. Dan huwa ħajt, li mill-għoli jifforma nokkla mtarrġa ġganteska u jinkorpora madwar 129,000 pied kwadru (12,000 m2). Din l-istruttura hija unika fost is-siti Mesoamerikani u fiha żewġ jew tliet grawnds żgħar tal-logħba tal-ballun. In-naħat taċ-ċint huma ffurmata minn pjattaforma dejqa b'naħat imxaqilbin u fihom diversi niċeċ, simili għal tal-Piramida tan-Niċeċ. Hemm iktar minn mitt niċċa f'dan il-ħajt, interrotti minn għadd ta' daħliet. L-istruttura l-oħra hija l-Grawnd il-Kbir tal-Logħba tal-Ballun, l-ikbar grawnd ta' El Tajin. Dan jinsab fir-rokna tal-Majjistral taċ-Ċint il-Kbir u fil-bażi ta' Tajin Chico. Fih tliet naħat vertikali u huwa twil madwar 213-il pied (65 metru). Għad-differenza ta' grawnds oħra tal-logħba tal-ballun, ma hemm l-ebda panew imnaqqax u l-ebda skultura assoċjata ma' din l-istruttura.

Binjiet 3, 23, 15 u 5[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tempju Blu.

Il-Binja 3, magħrufa wkoll bħala t-Tempju l-Blu, fiha karatteristiċi li jiddistingwuha minn piramidi oħra fis-sit. Għajr għal sitt bankijiet fuq it-taraġ u fil-quċċata tal-balavostri, li x'aktarx ġew miżjuda wara, ma fiha l-ebda niċċa. Is-seba' sulari tal-piramida huma magħmula minn ħitan ixaqilbu ġentilment u maqsuma f'panewijiet ta' wisgħat differenti. In-naħa mhux rikostruwita tat-Tramuntana fiha ħofra kbira magħmula minn xi ħallelin qabel ma s-sit ġie protett bil-gwardji. L-ebda skultura ma nstabet minn din il-binja u ma fadal xejn mit-tempju fil-quċċata. Il-binja ġiet miksija bis-siment diversi drabli fl-istorja, u kull saff ta' dan is-siment kien miżbugħ bil-blu iktar milli bl-aħmar li kien iktar komuni. Fdalijiet ta' din iż-żebgħa huma viżibbli f'parti mit-taraġ u fil-ġnub lejn il-Lvant faċċata tal-Binja 23. Il-blu spiss huwa assoċjat mad-divinità tax-xita iżda ma hemm l-ebda evidenza li tappoġġa din it-teorija.

Filwaqt li t-Tempju l-Blu kien kostruzzjoni pjuttost bikrija, il-piramida ta' maġenbu, il-Binja 23 inbniet lejn l-aħħar tal-istorja ta' El Tajin. Tikkonsisti minn ħames sulari b'talud kważi vertikali mingħajr niċeċ. It-taraġ oriġinali ġie meqrud u mbagħad inbena mill-ġdid fil-forma attwali. L-element diviżorju fin-nofs qiegħed hemm biex jirfed it-taraġ f'postu. It-taraġ huwa magħmul minn taħlita ta' tkaħħil tal-ġebla tal-ġir, ramel u tafal mingħajr qalba tal-ġebel. Il-binja minn ġewwa hija magħmula minn ġebel mingħajr tkaħħil, l-iktar ħaġar ittondjat tax-xmara. Fuq nett, fejn fl-imgħoddi kien hemm it-tempju, hemm sensiela ta' merluni mtarrġa li qishom il-pizzi tas-swar Medjevali Ewropej.

Fin-Nofsinhar tal-Binjiet 3 u 23 hemm il-Binja 15, li ġie skavata parzjalment biss. Tħares lejn il-Punent u milli jidher kellha funzjoni ċivili bħall-Binja Ċ f'Tajín Chico. Għandha taraġ kemm fin-naħa tal-Lvant kif ukoll fin-naħa tal-Punent li jagħtu għan-naħa ta' fuq tat-tieni sular. It-tielet sular jibda b'ħajt ta' niċeċ u l-ebda taraġ viżibbli. Iż-żewġ sulari t'isfel huma mżejna b'niċeċ ikbar, l-istess bħan-naħa ta' fuq tal-element diviżorju tat-taraġ. Taħt in-niċeċ il-kbar hemm linja ta' seba' panewijiet. Taħt ir-raba' panew, instab panew iktar antik. Wara skavi iktar fid-dettall, instabet struttura iktar antika u li ġarrbet il-ħsara wara li ġiet mgħottija bl-istruttura viżibbli. Huwa maħsub li din il-binja kienet l-aħħar waħda li nbniet bin-niċeċ.

Veduta tal-Binja 5.

Il-Binja 5 titqies bħala l-iżjed waħda imponenti tas-sit ta' El Tajin. Filwaqt li tinsab ħdejn il-Piramida tan-Niċeċ, il-bixra viżiva tagħha mhix mitfija mill-istruttura famuża ta' biswitha. Tinsab fiċ-ċentru ta' kumpless ta' piramidi u tikkonsisti minn piramida maqtugħa li titla' minn pjattaforma b'daqs ta' iktar minn 32,000 pied kwadru (3,000 m2). L-aċċess għall-ewwel sular tal-piramida, bi dritt man-niċeċ, huwa permezz ta' taraġ uniku fuq in-naħa tal-Punent jew permezz ta' taraġ doppju fuq in-naħa tal-Lvant. L-aċċess għall-quċċata tal-piramida, fejn xi darba kien hemm it-tempju, huwa permezz ta' taraġ doppju fuq in-naħa tal-Lvant. Il-quċċata tal-piramida fiha żewġ pjattaformi, it-tnejn li huma mżejna b'nokkli mtarrġin. Bejn iż-żewġ settijiet ta' taraġ fl-ewwel sular fuq in-naħa tal-Lvant hemm skultura twila qisha kolonna. Fi żmien il-qedem kienet intefgħet mill-quċċata tal-piramida u nkisret. L-arkeologi reġgħu għaqqdu l-biċċiet tagħha fil-post fejn instabet. L-iskultura għandha stil simili għall-madmad tal-ġebel imnaqqxin ta' Veracruz. Il-figura milli jidher hija rappreżentazzjoni allegorika ta' figura bilqiegħda bil-parti ta' fuq ta' sidirha maqtugħa u bi kranju minflok ras. Id-dirgħajn tagħha qed iżommu forma qisha serp u l-ġisem tagħha fih reċipjenti qishom rombli, li jaf jirrappreżentaw id-demm tas-sagrifiċċji. Il-binjiet iż-żgħar madwar din il-piramida għandhom il-ħsieb li jikkomplementawha. Madankollu, il-binja lejn in-naħa tal-Grigal inqerdet għalkollox minħabba mogħdija antika sekli sħaħ li kienet tintuża meta l-inħawi kien għadhom mistura fil-ġungla.

Grawnds tal-Logħba bil-Ballun tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-Grawnd tal-Logħba tal-Ballun tat-Tramuntana.

Il-Grawnd tal-Logħba tal-Ballun tat-Tramuntana nbena bi tliet saffi ta' ħaġar kbir. Hemm sitt panewijiet imnaqqxin b'xeni ritwali u freġju ornamentali tul iż-żewġ ħitan. Il-grawnd huwa twil 87 pied (27 metru), u jitqies pjuttost żgħir meta mqabbel mas-soltu, u minflok ħitan ixaqilbu fih ħitan vertikali. X'aktarx dan il-grawnd huwa waħda mill-eqdem strutturi ta' El Tajín.

Partijiet mill-panewijiet u mill-freġji huma mikula, tant li hemm partijiet kbar li jidhru mhux kompluti. L-erba' panewijiet fit-truf fihom xeni marbuta mar-ritwal tal-logħba tal-ballun li jintemm b'talb lid-divinitajiet. Il-panewijiet ċentrali juru lid-divinitajiet iwieġbu jew iwettqu ritwal tagħhom stess. Diversi forom varjanti tad-divinità tal-pulque jidhru fuq kull wieħed mill-panewijiet fit-truf, u b'hekk dan jissuġġerixxi li x-xarba kienet parti importanti mir-ritwal. Il-panewijiet tax-Xlokk, tal-Lvant u tal-Majjistral juru mexxej fuq tron. Il-panew tal-Lbiċ fih figura liebsa bħala ajkla bilqiegħda fuq ġarra b'likwidu, x'aktarx il-pulque, u din qed tingħata l-ikel minn figura femminili fuq ix-xelluh u figura maskili fuq il-lemin. Il-panew ċentrali deterjorat tat-Tramuntana juri żewġ figuri b'riġlejhom kontra xulxin li jinsabu faċċata ta' xulxin. Waħda tinsab bilqiegħda fuq tron u l-oħra maġenb ġarra tal-pulque. Fin-nofs hemm żewġ sriep imgeżwrin ma' xulxin li donnhom jiffurmaw l-għamla ta' tlaxmalactl jew markatur tal-logħba tal-ballun. Il-freġji tul it-truf ta' fuq tal-grawnd huma magħmula minn figuri li jidħlu f'xulxin, u kull waħda fiha element ċentrali ta' ras u ta' għajn. Bosta għandhom xedd ir-ras bir-rix u fattizzi ta' rettili, filwaqt li ftit minnhom qishom bnedmin.

Veduta tal-Grawnd tal-Logħba tal-Ballun tan-Nofsinhar.

Il-Grawnd tal-Logħba tal-Ballun tan-Nofsinhar, bħall-Grawnd tal-Logħba tal-Ballun tat-Tramuntana, għandu ħitan vertikali biss li huma skolpiti. Il-panewijiet skolpiti fuq dawn il-ħitan għadhom pjuttost intatti u juru pass pass kif il-logħba tal-ballun kienet tintlagħab hawnhekk, flimkien maċ-ċerimonji, mas-sagrifiċċji u mar-rispons tad-divinitajiet. Il-grawnd għandu allinjament ġenerali mil-Lvant għall-Punent u huwa twil 198 pied (60 metru) u wiesa' 34.5 pied (10.5 metri). L-ispettaturi setgħu jaraw l-avvenimenti mill-Binja 5 lejn it-Tramuntana u mill-Binja 6 lejn in-Nofsinhar, kif ukoll mix-xaqlibiet mibnija fuq naħa waħda tal-grawnd. Il-grawnd huwa magħmula mill-ġebel, b'piż sa 10 tunnellati, u bosta minnhom oriġinaw minn barra l-wied. Ladarba nbnew il-ħitan tal-grawnd, sitt panewijiet ġew skolpiti fl-irkejjen u fiċ-ċentru taż-żewġ ħitan. Il-panewijiet fit-truf juru xeni mil-logħba tal-ballun stess u l-panewijiet tan-nofs juru r-risponsi mid-divinitajiet.

Il-panew tax-Xlokk juri r-ritwal tal-ftuħ, meta l-parteċipant prinċipali jilbes b'mod elaborat u jingħata għadd ta' lanez. Din hija parti minn attività inizjali qabel ma tibda l-logħba proprja. Fuq din ix-xena, hemm id-divinità tal-mewt tiela' minn ġarra b'likwidu, x'aktarx il-pulque. Il-glifiċi ta' fuq id-divinità jidentifikawha mal-pjaneta Venere. Imbagħad hemm il-panew tal-Lbiċ li juri tħejjija ċerimonjali differenti. Il-parteċipant prinċipali jinsab mimdud fuq tip ta' sufan. Żewġ mużiċisti jidhru qed idoqqu tanbur b'għamla ta' fekruna tal-ilma u ċekċikiet tat-tafal. Figura liebsa qisha ajkla tidher qed tiżfen fuq quddiem, filwaqt li divinità b'għamla ta' skeletru tidher qed ittir fuqha u d-divinità tal-mewt qed titla' mil-likwidu. Il-panew tal-Majjistral juri l-bidu tal-logħba tal-ballun. Żewġ parteċipanti jinsabu bilwieqfa fiċ-ċentru tal-grawnd b'rombli tad-diskorsi ħerġin minn ħalqhom. Wieħed għandu sikkina kbira f'idu x-xellugija u jidher qed jiġġestikola b'idu l-leminija. Bejniethom hemm is-simbolu tal-logħba tal-ballun u ballun. Ma' qaddhom għandhom elementi protettivi u ritwali simili ħafna għall-elementi fid-difniet tal-elit. Wara l-parteċipanti hemm żewġ figuri oħra, waħda minnhom b'ras ta' ċerva, li qed iħarsu mill-ħitan tal-grawnd kif ukoll id-divinità tal-mewt mill-ġdid fuq nett. Il-panew tal-Grigal jindika li l-logħba ntlagħbet u wieħed mill-parteċipanti wasal biex jiġi ssagrifikat bi qtugħ ir-ras. It-tliet figuri kollha jidhru lebsin bl-ilbies u bis-simboli tal-logħba tal-ballun. Il-figura ċentrali tidher b'dirgħajha miżmuma warajha mill-figura fuq ix-xellug. Il-figura fuq il-lemin għandha sikkina kbira f'idha qrib nofs għonq il-figura ċentrali. Hemm ukoll rombli tad-diskorsi tas-sagrifiċċju kif ukoll xbieha ta' divinità b'għamla ta' skeletru.

Panew li juri l-qtugħ ir-ras ta' plejer tal-logħba tal-ballun.

Wara dan il-punt, il-panewijiet jittrattaw ir-rispons tad-divinitajiet. Il-panew ċentrali tat-Tramuntana jirrappreżenta l-kontinwazzjoni tar-ritwal wara l-mewt, u juri kif l-avvenimenti tal-logħba jikkollegaw lis-soċjetà ta' El Tajin mad-divinitajiet. Fiċ-ċentru tax-xena hemm tempju bid-divinitajiet tax-xita u tar-riħ bilqiegħda fuq nett u ġarra b'likwidu. Il-parteċipant issagrifikat tal-logħba jidher hawnhekk, qawwi u sħiħ u b'reċipjent taħt driegħ minnhom. Huwa jipponta lejn il-ġarra u jindirizza lid-divinità tax-xita. Il-likwidu huwa protett b'chacmool jitkellem li qed jitlob għall-pulque, kif indikat minn ġebla bil-glifiċi li turi l-oriġini mitika tax-xarba u xbieha tad-divinità tal-pulque fuq ix-xena. Fuq il-panew ċentrali tan-Nofsinhar hemm xena wara li l-parteċipant issagrifikat ingħata l-pulque bl-istess tempju, glifiċi u xbieha tad-divinità tal-pulque. Id-differenzi huma xbieha tal-qamar bħala fenek, id-divinità tax-xita quddiem it-tempju u l-livell iktar baxx tal-likwidu fil-ġarra. Id-divinità tax-xita tidher qed twettaq rit ta' awtosagrifiċċju bi skalda fuq parti mill-pene tiegħu. Id-demm jaqa' fil-ġarra biex terġa' timtela bil-pulque.

Cumbre Tajín[immodifika | immodifika s-sors]

Cumbre Tajín huwa festival artistiku u kulturali annwali li jsir fis-sit f'Marzu. Cumbre Tajín jitqies bħala festival tal-identità tat-Totonaki, li jitqiesu bħala l-gwardjani ta' El Tajín. Fost l-avvenimenti li jiġu organizzati hemm dawk li huma tradizzjonali għall-kultura tat-Totonaki kif ukoll dawk tal-arti moderna, u avvenimenti oħra minn kulturi mbiegħda saħansitra sat-Tibet. Uħud mill-avvenimenti jinkludu kunċerti mużikali, l-esperjenza ta' temazcal, avvenimenti teatrali u mawriet f'El Tajín billejl, b'total ta' iktar minn 5,000 attività. Bosta mill-avvenimenti kulturali, artiġjanali u gastronomiċi jsiru fil-Parque Takilhsukut fil-qrib, eżatt barra mis-sit arkeoloġiku. Fl-2008, 160,000 ruħ attendew għall-avveniment fejn kienu preżenti Fito Páez, Ximena Sariñana u Los Tigres del Norte. Tletin fil-mija tad-dħul iġġenerat mill-avveniment imur għal boroż ta' studju għaż-żgħażagħ Totonaki.

Fl-2009, l-avveniment żied l-Encuentro Internacional de Voladores (Tlaqqigħ Internazzjonali tal-Voladores). Għal ħamest ijiem, il-voladores minn diversi postijiet jagħtu spettaklu fuq l-arbli fis-sit. L-objettiv mhuwiex biss li wieħed jara l-kostumi u l-istili differenti tal-gruppi, iżda anke biex jiġu kondiviżi l-esperjenzi dwar ir-ritwal tal-fertilità. Il-voladores jiġu saħansitra minn San Luis Potosi u mill-Gwatemala.

Il-festival ta' Cumbre Tajín ġie kkritikat minħabba l-enfasi tiegħu fuq l-ispettakli moderni iktar milli fuq l-avvenimenti kulturali. Kritika partikolari hija rigward it-tidwil tal-piramidi billejl mingħajr l-ebda tip ta' tagħrif storiku u kulturali. Il-kritika ssostni li dan ma jirrispettax is-sit u l-poplu Totonaki. Hemm ukoll biża' li għadd kbir ta' viżitaturi fis-sit għal avvenimenti bħal kunċerti ta' Alejandra Guzmán iwasslu għal xi ħsarat fis-sit. Madankollu, iċ-Centro de Artes Indígenas de Veracruz jistqarr li jaħdem qatigħ għall-preservazzjoni u għall-promozzjoni tal-kultura tat-Totonaki permezz ta' dan l-avveniment, u jisponsorja avvenimenti bħat-tisjir u t-tpittir tradizzjonali u r-ritwal tal-voladores.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 12. ISBN 968-499-293-9.
  2. ^ Watson, Iain (April 2002). "The Art of Mesoamerica, From Olmec to Aztec (3rd Edition)2002204Mary Ellen Miller. The Art of Mesoamerica, From Olmec to Aztec (3rd Edition). Londra: Thames and Hudson 2001. 240 pp., £8.95 The World of Art series". Reference Reviews. 16 (4): 32. ISBN 0-500-20345-8.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "El Tajin, Pre-Hispanic City". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-15.
  4. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 45. ISBN 968-499-293-9.
  5. ^ "El Tajin, Veracruz, Mexico, Ruin Site". web.archive.org. 2009-04-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-03-15. Miġbur 2024-06-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "Bienvenido al INAH - El Tajin, patrimonio mundial". web.archive.org. 2008-08-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-08-04. Miġbur 2024-06-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  7. ^ "Estadística de Visitantes". web.archive.org. 2012-07-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-07-08. Miġbur 2024-06-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ "Cricket Exchange Live - Online Cricket Betting Casino". # (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-15.
  9. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 10. ISBN 968-499-293-9.
  10. ^ Zaleta, Leonardo (2007). Tajín: Misterio y Belleza (bl-Ispanjol) (15 ed.). Il-Belt tal-Messiku: Artes Impresas Eón SA deCV. p. 5.
  11. ^ Zaleta, Leonardo (2007). Tajín: Misterio y Belleza (bl-Ispanjol) (15 ed.). Il-Belt tal-Messiku: Artes Impresas Eón SA deCV. p. 15.
  12. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 16. ISBN 968-499-293-9.
  13. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 23. ISBN 968-499-293-9.
  14. ^ Wilkerson, S Jeffrey K. (August 1980). "Man's Eighty Centuries in Veracruz". National Geographic. 158 (2): 214–217.
  15. ^ Zaleta, Leonardo (2007). Tajín: Misterio y Belleza (bl-Ispanjol) (15 ed.). Il-Belt tal-Messiku: Artes Impresas Eón SA deCV. p. 23.
  16. ^ "Esclarecen origenes de la cultura de El Tajin - El Universal - Cultura". web.archive.org. 2012-10-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-10-08. Miġbur 2024-06-15.
  17. ^ Zaleta, Leonardo (2007). Tajín: Misterio y Belleza (bl-Ispanjol) (15 ed.). Il-Belt tal-Messiku: Artes Impresas Eón SA deCV. p. 16.
  18. ^ Zaleta, Leonardo (2007). Tajín: Misterio y Belleza (bl-Ispanjol) (15 ed.). Il-Belt tal-Messiku: Artes Impresas Eón SA deCV. p. 24.
  19. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 13. ISBN 968-499-293-9.
  20. ^ "El Tajín en el siglo XVIII". web.archive.org. 2010-02-06. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-02-06. Miġbur 2024-06-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  21. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 14. ISBN 968-499-293-9.
  22. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. pp. 14–16. ISBN 968-499-293-9.
  23. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 37. ISBN 968-499-293-9.
  24. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 38. ISBN 968-499-293-9.
  25. ^ "El embrujo de El Tajín (Veracruz)". web.archive.org. 2010-02-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-02-04. Miġbur 2024-06-15.
  26. ^ "Ancient Mexican Carvings Being Erased by Acid Rain, Experts Say". web.archive.org. 2007-02-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-02-04. Miġbur 2024-06-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  27. ^ "Los voladores de Papantla (Veracruz)". web.archive.org. 2009-04-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-04-18. Miġbur 2024-06-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  28. ^ "Cumbre Tajin - Parque Tematico Takilhsukut". web.archive.org. 2008-03-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-03-03. Miġbur 2024-06-15.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  29. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 71. ISBN 968-499-293-9.
  30. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 25. ISBN 968-499-293-9.
  31. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 28. ISBN 968-499-293-9.
  32. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 29. ISBN 968-499-293-9.
  33. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 30. ISBN 968-499-293-9.
  34. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. p. 31. ISBN 968-499-293-9.
  35. ^ Wilkerson, S. Jeffery K. (1987). El Tajin: A Guide for Visitors. pp. 32–33. ISBN 968-499-293-9.