Curaçao

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Pajjiż tal-Curaçao
Pais Kòrsou
Pajjiż tal-Curaçao Pais Kòrsou – Bandiera Pajjiż tal-Curaçao Pais Kòrsou – Emblema
Innu nazzjonali: Himno di Kòrsou
Innu tal-Curaçao
Belt kapitali
(u l-ikbar belt)
Willemstad
12°7′N 68°56′W / 12.117°N 68.933°W / 12.117; -68.933

Lingwi uffiċjali Olandiż
Gvern Monarkija kostituzzjonali
 -  Re Willem-Alexander
 -  Gvernatur Frits Goedgedrag
 -  Prim Ministru Ivar Asjesa
Awtonomija (fir-Renju tal-Olanda)
 -  Stabbilit 10 t'Ottubru, 2010 
Erja
 -  Total 444 km2 
171.4 mil kwadru 
 -  Ilma (%) 0.02
Popolazzjoni
 -  stima tal-2010 142,180 
 -  ċensiment tal-/
 -  Densità 319/km2 (39)
821/mili kwadri
PGD (PSX) stima tal-2008
 -  Total $2.838 biljun 
 -  Per capita $20,567 
Valuta giulder (ANG)
Żona tal-ħin AST (UTC-4)
Kodiċi telefoniku +599-9
TLD tal-internet .cw

Curaçao (Olandiż: Curacao, Papjamentu: Kòrsou) hija gżira fil-Baħar Karibew tan-Nofsinhar, 'l hinn mill-kosta tal-Veneżwela. Il-pajjiż ta' Curaçao (Olandiż: Land Curaçao, Papjamentu: Pais Kòrsou), li jinkludi l-gżira ewlenija kif ukoll il-gżejra mhux abitata ta' Klein Curaçao ("Little Curaçao") huwa pajjiż kostitwenti tar-Renju tal-Olanda. Il-kapitali hija Willemstad.

Curaçao hija l-ikbar gżira u l-iktar popolata mit-tlett gżejjer ABC (Aruba, Bonaire u Curaçao) tal-Antilli ż-żgħar, speċifikament l-Antilli "Leeward". Għandha medda ta' 444 kilometru kwadru (171 mil kwadru). Mill-1 ta' Jannar, 2009, għandha popolazzjoni ta' 141,766. Qabel l-10 ta' Ottubru, 2010, meta ġew xolti l-Antilli Olandiżi, Curaçao kienet amministrata bħala l-gżira territorju ta' Curaçao (Olandiż: Eilandgebied Curaçao, Papjamentu: Teritorio Insular di Kòrsou), wieħed mill-ħames gzejjer territorji ta' dawk li kienu l-Antilli Olandiżi. Il-kodiċi tal-pajjiż ISO 3166-1 alfa-3 CUW u l-kodiċi tal-pajjiż ISO 3166-1 alfa-2 CW ġew mogħtija lil Curaçao, imma l-kodiċi ccTLD ta' l/Internet .cw għadu mhux fis-seħħ.

L-oriġni tal-isem[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa fl-1562 ta' Curaçao indikata bħala Qúracao.

L-oriġni tal-isem Curaçao huwa mistħarreġ. L-oriġni l-iktar milqugħa mill-Portugiżi u l-Ispanjoli hi li l-kelma ġejja mill-kelma Portugiża li tfisser l-istat ta' meta wieħed ikun qiegħed ifieq (curaçao). Ir-raġjuni għal dan hi li l-baħħara li kienu jbaħħru għal xhur fuq il-baħar kienu jimirdu spiss bl-iskorbut. Jidher li f'wieħed minn dawn il-vjaġġi twal, grupp ta' baħħâra Portugiżi niżlu għall-ewwel darba fuq Curaçao u fiequ mill-iskorbut, probabilment wara li kielu frott bil-vitamina Ċ. Il-gżira saret magħrufa b'hekk bħala Ilha da Curação (Gżira tal-Fejqan). Spjegazzjoni oħra hi dik li ġejja mill-kelma Portugiża għal qalb (coração), bħala referenza għall-gżira bħala ċentru ta' kummerċ. In-negozjanti Spanjoli ssellfu l-kelmu bħala Curaçao, segwiti mill-Olandiżi. Spjegazzjoni oħra hi li Curaçao kien l-isem li l-popli indiġeni ta' Curaçao kien jużaw biex isejħu lilhom infushom (Joubert u Van Buurt, 1994). Din it-teorija hija appoġġjata minn kitbiet Spanjoli bikrija, li jirreferu għall-popli indiġeni bħala "Indios Curaçaos" li tfisser "Indjani li jfejjqu" peress li l-aboriġini x'aktarx kienu diġà jafu bil-marda tal-iskorbut u l-fejqan tagħha mill-Indjani tal-Amerika ta' Fuq.

Wara s-sena 1525, il-gżira dehret fuq mapep Spanjoli bħala "Curaçote", "Curasaote" u "Curasaore". Sas-seklu 17, il-gżira kienet magħrufa fuq il-mapep bħala "Curaçao" jew "Curazao".

Fuq mappa magħmula minn Hieronymus Cock fl-1562 ġewwa Antwerp, il-gżira hija murija bħala Quracap.

L-isem "Curaçao" ġie assoċjat ma' lewn ta' ikħal, imħabba d-dehra kaħla skura tal-likur msemmi Curaçao (magħruf ukoll bħala Blue Curaçao). Illum, lokalment, il-gżira hija magħrufa bħala "Dushi Kòrsou" (Ħelwa Curaçao).

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa ta' Curaçao fl-1836.

L-abitanti oriġinali ta' Curaçao kienu l-Amerindjani Arawak. L-ewwel Ewropej li lemħu l-gżira kienu membri ta'l-ispedizzjoni Spanjola taħt it-tmexxija ta' Alonso de Ojeda fl-1499. L-Ispanjoli għamlu skjavi lill-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni indiġena u ġarrew bil-forza dawk li baqgħu ħajja lejn kolonji oħra fejn kien hemm bżonn iktar ħaddiema. Il-gżira giet maħkuma mill-Olandiżi fl-1634. Il-kumpannija ta'l-Indja tal-Punent Olandiża waqqfet il-kapitali ta' Willemstad fuq l-ixtut tad-daħla magħrufa bħala "Schottegat". Curaçao kienet ġiet minsija mill-kolonjalisti peress li kienet nieqsa minn ħafna affarijiet li kienu jinteressaw lill-kolonjalisti, bħad-depożiti tad-deheb. Madanakollu, il-port naturali ta' Willemstad malajr sewa bħala post idejali għall-kummerċ.

In-negozju u t-tbaħħir - u s-sibi - saru l-iktar attivitajiet ekonomiċi prinċipali ta' Curaçao. Apparti minn hekk, il-kumpannija tal-Indja tal-Punent Olandiża għamlet Curaçao ċentru tan-negozju tal-iskjavi tal-Atlantiku fl-1662. Fil-gwerra Franko-Olandiża wara r-rebħiet ta' Cayenne u Tobago, il-konti Jean d'Estrées ippjana li jattakka Curaçao. Il-flotta tiegħu - 12 -il man-of-war, 3 "fire ships", 2 vapuri tat-trasport, vapur-sptar, u 12 -il vapur kursar - ġiet melgħuba, bit-telf ta' 7 man-of-war, u 2 vapuri oħra li laqtu s-sikek tal-qroll 'l hinn mill-arċipelagu ta' Las Aves minħabba żball ta' navegazzjoni fil-11 ta' Mejju 1678, ġimgħa wara li rħew minn San Kitts u Nevis. Ġewwa Curaçao, kien jiġi mfakkar Jum ta' Tifkira sa tard fis-seklu 18 biex tiġi mfakkra din il-ġrajja li evitat li l-gżira tiġi meħruba mill-Franċiżi.

Negozjanti Olandizi ġabu skjavi mill-Afrika b'kuntratt ma' Spanja magħruf bħala Asiento. B'dan il-ftehim, numri kbar ta' skjavi ġew mibjugħa jew mibgħuta lejn destinazzjonijiet fl-Amerika t'Isfel u l-Karibew.

In-negozju ta'l-iskjavi għamel lill-gżira iktar affluwenti, u wassal għat-twaqqif ta' bini kolonjali impressjonanti. F' Curaçao nsibu arkitettura li tħallat stili arkitettoniċi kolonjali Spanjoli u Olandiżi. In-numru kbir ta' bini kolonjali ġewwa u madwar Willemstad sewa lill-kapitali post fil-lista ta' Wirt Storiku Mondjali ta'l-UNESCO. Djar li qabel kienu proprjetajiet ġewwa l-pjantaġġjonijiet u il-"kas di pal'i maishi" fuq stil Afrikan tal-punent (li qabel kienu jgħixu l-iskjavi) jinstabu madwar il-gżira kollha u xi ftit minnhom ġew irristrutturati u jistgħu jiġu miżjura.

Fl-1795 seħħet rewwixta kbira ta'l-iskjavi taħt it-tmexxija ta' Tula Rigaud, Louis Mercier, Bastian Karpata u Pedro Wakao. Sa 4000 skjav Negro ħadu sehem fir-rewwixta fil-parti tal-majjistral tal-gżira. 'Il fuq minn elf skjav kienu nvoluti fi sparar qalil u l-Olandiżi bezgħu għal ħajjithom. Wara xahar, ir-rewwixta ġiet maħnuqa.

Arkitettura Olandiża flimkien mal-port Willemstad.

Il-fatt li Curaçao tinsab qrib l-Amerika t'Isfel sewa f'influwenza twila mill-kosta qariba ta'l-Amerika Latina. Dan jidher ħafna fix-xebħ arkitettoniku bejn il-partijiet tas-seklu 19 ta' Willemstad u l-belt qariba ta' Coro fl-istat ta' Falcón, din tal-aħħar ukoll parti mill-Wirt Storiku Mondjali ta'l-UNESCO. Fis-seklu 19, nies minn Curaçao bħal Manuel Piar u Luis Brión ħadu sehem attivament fil-gwerer tal-indipendenza tal-Veneżwela u l-Kolombja. Refuġjati politiċi mill-kontinent (bħal Bolivar innifsu) ġew internati ġewwa Curaçao u t-tfal tal-familji prominenti mill-Veneżwela kienu jiġu edukati fuq il-gżira.

Luis Brión, imwieled ġewwa Curaçao iżda huwa Ammirall Veneżwelan.

Matul is-sekli 18 u 19, il-gżira għaddiet taħt idejn l-Ingliżi, il-Franċiżi u l-Olandiżi ħafna drabi. Il-ħakma stabbli Olandizi reġgħet lura fl-1815 fi tmiem il-gwerer Napolejoniċi, meta l-gżira ġiet miżjuda fil-kolonja ta' Curaçao u l-gżejjer tagħha. L-Olandiżi temmew l-iskjavitù fl-1863. It-tmiem ta'l-iskjavitu ġabet magħha tbatija ekonomika, li wasslet lil ħafna abitanti ta' Curaçao jemigraw lejn gżejjer oħra, bħal Kuba biex jaħdmu fil-pjantaġġjunijiet tal-kannamieli. Eks-skjavi oħra ma kellhom ebda mod ieħor ħlief li jibqgħu jaħdmu mas-sidien tal-pjantaġġjunijiet taħt is-sistema Paga Tera. Dan kien ordni institwit fejn in-Negro jien jikri biċċa art u dan kellhu jagħti l-biċċa l-kbira tal-ħsad tiegħu lil dak li kien is-sid tiegħu fiż-żmien meta kien skjav. In-Negroes ġew mġiegħla għal darba oħra jaħdmu l-produzzjoni tal-massa bħaż-żminijiet imgħoddija inkella ma kienx ikollhom biżżejjed għalihom wara li jagħtu dak li kien jistħoqq lis-sid. Dan kien iseħħ sal-bidu tas-seklu 20.

Meta ġie misjub iż-żejt fil-belt ġewwa l-baċir tal-Marakajbo ta' Mene Grande, ir-riżq tal-gżira nbidel b-mod drammatiku. Il-kumpanniji Royal Dutch Shell u l-Gvern Olandiż bnew installazjonijiet kbar ta'l-irfinar taż-żejt fl-imkien fejn qabel kien isir in-negozju ta'l-iskjavi ġewwa Asiento, u b'hekk ħolqu sors abbundanti ta' xogħol għall-popolazzjoni lokali u din ħolqot mewġa ta' immigrazzjoni mill-pajjiżi ta' madwar. Curaçao kien post idejali għall-irfinar peress li kienet 'il bogħod mit-taqlib soċjali u ċivili li kienet għaddejja minnhom l-Amerika t'Isfel, imma fl-istess ħin qrib tal-bjar taż-żejt tal-Baċir tal-Marakajbo. Kellha port naturali eċċellenti li seta' jżomm tankers taż-żejt kbar. Il-kumpannija ġabet magħha affluwenza lejn il-gżira. Ġew mibnija djar għall-akkomodazzjoni fuq skala kbira u Willemstad ħolqot infrastruttura estensiva. Madankollu, bdew jinħolqu differenzi bejn gruppi soċjali f'Curaçao. L-iskuntentizza u l-antagonizmi bejn il-gruppi socjali f'Curaçao wassal ghal rewwixti u protesti fit-30 ta' Mejju, 1969. L-inkwiet ċivili wassal għal moviment soċjali tal-popolazzjoni Afro-Karibea li nfluwenzat politikament iktar ma għadda ż-żmien (Anderson u Dynes 1975). Il-gżira ħolqot industrija turistika u offriet taxxi korporattivi baxxi biex tħeġġeġ lil ħafna kumpanniji biex joħolqu ażjendi biex jevitaw skemi iktar ħorox ta' pajjiżi oħra. F' nofs is-snin 80, ir-Royal Dutch Shell biegħet ir-raffinerija għal ammont simboliku lil konsorzju tal-gvern lokali. Ir-raffinerija li kienet qiegħda tiqdiem kienet suġġett ta' ħafna każijiet fil-Qorti fi żminijiet reċenti, li jwissu li l-emissjonijet, li jinkludu dijossidu tal-kubrit kif ukoll trabijiet, jaqbzu l-limiti ta' sigurtà. Il-konsorzju tal-gvern qieghed jikri bħalissa r-raffinerija lill-kumpannija taż-żejt statali tal-Veneżwela, il-PDVSA.

F'dawn l-aħħar snin, il-gżira ppruvat tapprofitta mill-istorja u l-wirt partikolari biex tespandi l-industrija tat-turiżmu. Fl-1984, il-Kunsill tal-gżira ta' Curaçao għazel il-bandiera nazzjonali u l-innu uffiċjalu tal-gżira. Dan sar fit-2 ta' Lulju, id-data meta fl-1954 ġie ffurmat l-ewwel kunsill tal-gzira elett. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-moviment biex jifred il-gżira mill-federazzjoni tal-Antilli beda jissaħħaħ.

Minħabba l-istaġnar ekonomiku, l-emigrazzjoni lejn l-Olanda kienet kbira f' dawn l-aħħar snin. Tentattivi min-naħa tal-politiċi Olandiżi biex iwaqqfu din l-emigrazzjoni diġà kabbret it-tensjonijiet fir-relazzjoni bejn Curaçao u l-Olanda. Immigrazzjoni mill-gżejjer tal-Karibew tal-madwar, pajjiżi ta'l-Amerika t'Isfel qiegħda sseħħ.

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa ta' Curaçao.

Bħal Aruba u Bonaire, Curaçao hija gżira transkontinentali li ġeografikament tagħmel parti mill-Amerika t'Isfel imma hija kkunsidrata li tagħmel parti wkoll mill-West Indies u waħda mil-"Leeward Antilles". Curaçao u l-gżejjer l-oħra ABC jixbħu f'termini ta' klima, ġeoloġija, flora u fawna iktar lill-Peniżola ta' ParaguanA, il-Peniżola ta' Guajira, Isla Margarita, Araya u r-reġjun ta' Coro fil-Veneżwela u l-istat ta' Falcón. Il-flora ta' Curaçao hija differenti mill-veġetazzjoni tipika ta' gżira tropikali. Il-makkja ta' tip niexef hija komuni, b'ħafna forom ta' kakti, arbuxelli bix-xewk, pjanti li jħaddru s-sena kollha, kif ukoll is-siġra nazzjonali tal-gżira, id-divi-divis. L-iktar punt għoli ta' Curaçao hu ta' 372 metru u l-għolja jisimha Christoffelberg. 'L hinn mill-kosta ta' Curaçao, fix-xlokk, tinstab il-gżira zgħira u mhux abitata ta' Klein Curaçao ("Curaçao Zgħira").

Bajjiet[immodifika | immodifika s-sors]

Curaçao hija magħrufa għas-sikek tal-qroll tagħha, li huma wżati għall-"iscuba diving". Fil-bajjiet fin-nofsinhar jisntabu ħafna postijiet popolari għal dan l-isport. Fatt mhux tas-soltu għal dak li għandu x'jaqsam ma'l-"iscuba diving" ġo Curaçao hu li l-qiegħ tal-baħar jsir fond ma'l-ewwel mitt pied mix-xatt, u s-sikka tal-qroll tista' tiġi milħuqa faċilment mingħajr l-użu ta'l-ebda dgħajsa. Dan il-punt hu magħruf bħala l-"blue edge". Il-kurrenti qawwija u n-nuqqas ta' bajjiet jagħmlu l-kosta tat-tramuntana perikoluża għall-għawm u fl-għadis, imma l-għaddasa b'esperjenza jgħodsu hemmhekk meta l-kundizzjonijiet ikunu jaqblu. Il-kosta tan-nofsinhar hija differenti ħafna u toffri ibħra kalmi ħafna. Il-kosta ta' Curaçao tinkludi ħafna bajjiet u daħliet, il-biċċa l-kbira minnhom tajbin għall-irmiġġ.

Xi sikek tal-qroll huma affetwati mit-turiżmu. Il-bajja ta' Porto Marie qiegħda tesperimenta b'sikek tal-qroll artifiċjali sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tas-sikka. Fil-mijiet ta' blokok artifiċjali tal-qroll li ġew mqiegħda jgħammru varjetà kbira ta' ħut tropikali.

L-iktar bajjiet popolari ta' Curaçao huma: Baya Beach, Blue Bay (Blauwbaai), Daaibooi, Grote Knip (Playa Abou), Kleine Knip (Kenepa Chiki), Playa Forti, Playa Gipy, Playa Jeremi, Playa Kalki, Playa Kanoa, Playa Lagun, Playa Porto Marie, Playa Santa Cruz, Santa Barbara Beach, Seaquarium Beach, Westpunt.

Klima[immodifika | immodifika s-sors]

Curaçao għandha klima kwazi-aridu bi staġun niexef minn Jannar sa Settembru u staġun tax-xita minn Ottubru sa Diċembru. It-temperaturi huma relattivament kostanti b-differenzi zgħar matul is-sena. L-irjieħ li jiġi mill-oċeani jġibu magħhom arja kiesħa matul il-jum, u l-istess irjieħ iġibu magħhom arja sħuna matul il-lejl. L-iktar xahar kiesaħ hu Jannar b'temperatura medja ta' 26.5 °C (80 °F) u l-iktar xahar sħun hu Settembru b'temperatura medja ta' 28.9 °C (84 °F). Il-medja tat-temperatura massima hi ta' 31.2 °C (88 °F). Il-medja tat-temperatura minima annwali hi ta' 25.3 °C (78 °F). Curaçao tinstab 'l hinn miż-żona maħkuma mill-uragani, imma tiġi affetwata okkażjonalment mill-uragani, bħal per eżempju l-uragan Omar fl-2008. L-ebda uragan ma mess l-art ġewwa Curaçao minn meta twaqqaf iċ-Ċentru Nazzjonali għall-uragani biex josserva l-uragani. Madankollu, Curaçao hija affetwata direttament mill-maltemp tropikali ta' qabel l-uragani kemm -il darba. L-aħħar drabi li dan il-maltemp seħħ kien Cesar fl-1996, Joan-Miriam fl-1988 u Tomas fl-2010. Dan l-aħħar uragan mess lil Curaçao bħala maltempata tropikali fil-bidu ta' Novembru, u niżlu sa 265mm (10,4 pulzieri) xita fuq it-territorju li kkawżaw għarar estiż. Dan għamel li l-uragan Tomas kien wieħed mill-iktar devastanti fl-istorja ta' Curaçao, kif ukoll għamlu ħafna ħsara, li ġiet stmata mas-60 miljun dollaru ta'l-Antilli Olandiżi (28 miljun dollaru Amerikan). Kif ukoll 2 persuni mejta.

Politika[immodifika | immodifika s-sors]

Il Groot Davelaar, wieħed ta 'djar pjantaġġuni madwar 100 fuq il-gżira.

Curaçao rebħet is-"self-government" f' Jannar tal-1954 bħala gżira territorju fi ħdan l-Antilli Olandiżi. Madankollu, l-abitanti tal-gżira ma ħadux sehem attivament fil-proċess politiku sal-movimenti soċjali ta' tmiem is-snin 60. Fis-snin 2000, l-istatus politiku tal-gżira reġa' ġie diskuss, bħal dak tal-gżejjer l-oħra fi ħdan l-Antilli Olandiżi, għal dak li għandu x'jaqsam mar-relazzjoni ma'l-Olanda u bejn il-gżejjer ta'l-Antilli.

Permezz ta' referendum li sar fit-8 ta' April 2005, l-abitanti vvutaw għal status separat 'l hinn mill-Antilli Olandiżi, bħal Aruba, b'hekk ġew skartati l-għazliet l-oħra li kienu jinkludu l-indipendenza, isiru parti mill-Olanda, jew jinżamm l-istatus quo. Fl-2006, Emily de Jongh-Elhage, reżidenti ġewwa Curaçao, ġiet eletta bħala l-ewwel prim ministru ta'l-Antilli Olandiżi, u mhux ta' Curaçao.

Fl-1 ta' Lulju 2007, il-gżira ta' Curaçao kienet se ssir pajjix fi ħdan l-Antilli Olandiżi. Fit-28 ta' Novembru 2006, il-kunsill tal-gżira m-aċċettax memorandum ta' kjarifika tal-proċess. Fid-9 ta' Lulju 2007 il-kunsill ġdid tal-gżira ta' Curaçao rratifika l-ftehim li kien ġie mwarrab f-Novembru 2006. Fil-15 ta' Diċembru 2008, Curaçao kienet mistennija li ssir pajjiz separat fi ħdan ir-Renju ta'l-Olanda (bħal Aruba u l-Antilli Olandiżi dak iż-żmien). Referendum konsultattiv dwar dan il-pjan sar ġewwa Curaçao fil-15 ta' Mejju 2009, fejn 52 fil-mija tal-votanti qabblu ma' dawn il-pjanijiet.

Ix-xoljiment ta'l-Antilli Olandiżi seħħ fl-10 t' Ottubru 2010. Issa, Curaçao huwa pajjiż fi ħdan ir-Renju ta'l-Olanda, fejn ir-Renju għad għandu r-responsabbiltà għad-difiża u l-affarijiet barranin. Ir-Renju qiegħed ħsieb il-finanzi tal-gżira billi l-Olanda tagħmel tajjeb għad-djun tal-gżira.

Edukazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Storikament, l-edukazzjoni ġewwa Curaçao, Aruba u Bonaire kienet issir il-biċċa l-kbira bl-iSpanjol sa tard is-seklu 19. Kien hemm sforzi biex tiġi mdaħħla edukazzjoni pubblika bilingwi (Olandiz u Papjamentu) fi tmiem is-seklu 19 (van Putte 1999). L-Olandiż sar l-ilsien uniku fit-tagħlim fis-sistema edukattiv fil-bidu tas-seklu 20 biex jħaffef l-edukazzjoni għat-tfal tal-ħaddiema barranin tar-Royal Dutch Shell (Romer, 1999). Il-Papjamentu reġa' ġie mdaħħal fil-kurrikulu f'nofs is-snin 80. Reċentement, sar dibattitu politiku dwar jekk il-Papjamnentu għandux isir l-ilsien uniku tat-tagħlim. Dawk li qegħdin jipproponu l-Papjamentu bħala lsien uniku tat-tagħlim jinsistu li b'hekk l-ilsien jibqa' użat u titjieb il-kwalità tat-tagħlim primarju u sekondarju. Dawk li jisħqu fuq it-tagħlim bl-Olandiż jinsistu li l-istudenti li jistudjaw bl-Olandiż ikunu ppreparati aħjar għall-edukazzjoni universitarja offruta għar-reżidenti ta' Curaçao fl-Olanda.

L-edukazzjoni publika hija bbażata fuq is-sistema edukattiva Olandiża u minbarra l-iskejjel pubbliċi, jinstabu ukoll skejjel privati u dawk parrokjali. Minn meta ddaħħlet leġiżlatura edukattiva ġdida fl-1992, il*edukazzjoni primarja obbligatorja tibda minn sitt snin u ddum sitt snin. L-edukazzjoni sekondarja ddum ħames snin oħra. Il-fergħa prinċipali għall-edukazzjoni terzjarja hija l-Università ta' Curaçao, fejn jattendu 2100 student.

Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm xi pjantaġġjuni ġew imwaqqfa fuq il-gżira mill-Olandiżi, l-ewwel industrija mwaqqfa ġewwa Curaçao li ġabet qligħ kienet dik tal-produzzjoni tal-melħ. Dan il-mineral kien esportazzjoni lukrattiv dak iż-żmien u sar wieħed mill-fatturi responsabbli li fetħu l-gżira għan-negozju internazzjonali. Curaçao saret ukoll ċentru tan-negozju tal-iskjavi matul is-sekli 17 u 18.

Fis-seklu 19, l-imminar għall-fosfati sar importanti. Matul iż-zminijiet kollha, il-portijiet b'ilma fond u l-pożizzjoni idejali fil-Karibew kienu kruċjali biex il-gżira ssir ċentru importnati tal-kummerċ.

Curaçao għandha wieħed mill-għola livelli tal-għixien fil-Karibew, b'GDP ta 20,5000 dollaru r-ras (stima tal-2009) u infrastruttura żviluppata sew. L-industriji prinċipali tal-gżira huma l-irfinar taż-żejt, it-turiżmu u s-servizi finanzjarji. It-tarzna, il-kummerċ internazzjonali u attivitajiet oħra relatati mal-port ta' Willemstad (bħaż-Żona Ħielsa) jagħtu kontribut lill-ekonomija. Sabiex jintlaħaq l-għan tal-gvern biex tiġi ddiversifikata l-ekonomija, saru sforzi biex jiġu attirati iktar investimenti barranin. Din il-"policy" ġiet imsejħa "Open Arms Policy" fejn l-aċċenn qiegħed isir fuq il-kumpanniji tat-teknoloġija informatika. Għad-daqs tagħha, il-gżira għandha ekonomija kemmxejn mħallta li ma tiddependix biss mit-turiżmu esklussivament kif jiġri fi gżejjer oħra tal-Karibew.

Bajja Seaquarium

Mill-bidu ta' Jannar 2014, ix-shuttle Lynx ser jibda jagħmel titjiriet suborbitali fl-ispazju u missjonijiet ta' tiftix xjentifiku minn port spazjali ġdid ġewwa Curaçao.

Curaçao għandha ftehim kummerċjali mal-iStati Uniti, il-Veneżwela u l-Unjoni Ewropeja. Għandha ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropeja li tħalli lill-kumpanniji jagħmlu negozju ġewwa jew permezz ta' Curaçao biex jesportaw ħafna prodotti lejn is-swieq Ewropej, mingħajr taxxi tad-dwana u kwoti. Il-gżira tipparteċipa ukoll fil-"US Caribbean Basin Initiative" li tippermetti li jkollha aċċess preferenti għas-suq Amerikan.

Il-prostituzzjoni hija ttollerata. Viċin l-ajruport jinstab burdell kbir fil-ftuħ li jismu "Le Mirage" jew "Campo Alegre" li ilu jezisti mis-snin 40. Peress li l-prostituzzjoni teżisti f'partijiet oħra tad-dinja, Curaçao addottat pożizzjoni differenti biex tieħu ħsieb il-prostituzzjoni. Permezz tal-monitoraġġ, il-qies u r-regolament, il-ħaddiema f'dawn l-istabbilimenti huma mogħtija ambjent żgur u aċċess għat-tobba. Madankollu, ta' min jgħid li d-Dipartiment tal-iStat tal-Amerika ddikjara li, "Aruba, Curaçao u San Maarten huma destinazzjonijiet għan-nisa li huma ttraffikati għan-negzoju sesswali mill-Peru, il-Brażil, il-Kolombja, ir-Republika Dominikana u l-Ħaiti, kif jistqarru l-awtroitajiet lokali". L-uffiċjali fi ħdan il-gvern kemm il-darba ma stmawx il-problemi tat-traffikar tal-bnedmin.

Demografija[immodifika | immodifika s-sors]

Etniċità[immodifika | immodifika s-sors]

Imħabba l-istroja tagħha, il-popolazzjoni tal-gżira ġejja minn sfondi etniċi differenti. Hemm maġġoranza Afro-Karibeja ta' nisel Afrikan u Ewropew, kif ukoll minoranzi ta' Olandiżi, Sudamerikani, Franċiżi, nies mill-Lvant Mbiegħed u l-Lvant Nofsani Indjani u Portugiżi. Il-Lhud Sefarditi li waslu mill-Olanda u l-Brażil (li qabel kienet kolonja Olandiża) sa mis-seklu 17 kellhom influwenza qawwija fuq il-kultura u l-ekonomija tal-gżira. Is-snin ta' qabel u wara it-Tieni Gwerra Dinjija raw influss ta' Lhud Axkenazi mill-Ewropa tal-Lvant, il-maġġor parti Lhud Rumeni.

Fil-bidu tas-seklu 19, ħafna Portugiżi u Lebaniżi emigraw lejn Curaçao mħeġġa mill-possibilitajiet finanzjarji li kienet toffri l-gżira. L-emigranti mill-Lvant Imbiegħed u l-Indja waslu matul il-boom ekonomiku tal-bidu tas-seklu 20. Kien hemm ukoll għadd ta' emigranti reċenti mill-pajjiżi ġirien bħar-Republika Dominikana, Ħaiti u l-gżejjer tal-Karibew li jitkellmu bl-Ingliż. F'dawn l-aħħar snin, l-influss ta' pensjonanti Olandiżi kiber bis-sew, kif inhuma magħrufa lokalment "pensionados".

Reliġjon[immodifika | immodifika s-sors]

Skond iċ-ċensiment tal-2001, il-biċċa l-kbira tal-abitanti ta' Curaçao huma Kattoliċi (85%). Dan jinkuldi movimenti lejn it-Tiġdid Kariżmatiku jew Moviment Kariżmatiku sa minn nofs is-snin sebgħin. Denominazzjonijiet oħra jinkludu is-"Seventh-Day Adventists" u l-Knisja Metodista. Ma' dawn id-denominazzjonijet Kristjani, xi abitanti jipprattikaw il-Montamentu kif ukoll reliġjonijiet oħra miġjuba mid-djaspora Afrikana. Bħal f'postijiet oħra fl-Amerika Latina, il-Knisja Pentekostali qiegħha tikber. Hemm ukoll Musulmani u Ħindu prattikanti.

Għalkemm ta' daqs zgħira, il-kommunità Lhudija kellha impatt importanti fl-istorja tal-gżira. Curaçao hija fejn tinstab l-eqdem kongregazzjoni Lhudija fil-kontinent Amerikan, sa mill-1651. Is-sinagoga ta' Curaçao hija l-eqdem waħda fil-kontinent li għadha fl-użu, sa minn meta tlestiet fl-1732 fejn kien hemm sinagoga eqdem qabilha. Il-komunità Lhudija] lagħbet rwol importanti fl-għajnuna tal-ewwel kongregazzjonijiet Lhud fl-iStati Uniti fis-sekli 18 u 19, inklużi dawk ta' New York u s-sinagoga ta' Touro.

Kultura[immodifika | immodifika s-sors]

Curaçao hija soċjetà li titkellem ħafna ilsna. L-ilsna l-iktar mitkellma huma l-Papjamentu, l-Olandiż, l-Ingliż u l-iSpanjol. Ħafna nies fuq il-gżira jistgħu jitkellmu b'dawn l-ilsna kollha. L-iSpanjol u l-Ingliz kellhom preżenza storika twila fuq il-gżira flimkien mal-Papjamentu u l-Olandiż. L-iSpanjol baqa' ilsien importanti matul is-sekli 18 u 19 kif ukoll minħabba l-kuntatti ekonomiċi mal-Veneżwela u l-Kolombja. L-użu tal-Ingliż imur lura sal-bidu tas-seklu 19 meta Curaçao kienet saret kolonja Ingliża. Fil-fatt, wara li reġgħet giet stabbilita l-ħakma Olandiża mill-ġdid fl-1815, l-uffiċjali tal-kolonja mal-ewwel innutaw l-użu wiesa' tal-Ingliz fil-gżira (van Putte 1999). L-emigrazzjoni reċenti mill-gżejjer tal-Karibew li jitkellmu bl-Ingliż kif ukoll il-gżejjer SSS (Sint-Eustatius, Saba u San Maarten) fejn il-lingwa prinċipali hi l-Ingliz - kif ukoll il-fatt li l-Ingliz sar lingwa mondjali, kabbar l-użu tal-Ingliz ġewwa Curaçao. Għal ħafna żmien matul l-istorja kolonjali, l-Olandiz qatt ma kien mitkellem daqs l-Ingliż jew l-iSpanjol u dejjem baqa' esklussivament il-lingwa tal-amministrazzjoni u l-lingwa tal-qorti. L-użu popolari tal-Olandiż kiber lejn tmiem is-seklu 19 u bidu s-seklu 20 (van Putte 1999).

Curaçao hi waħda mill-ftit eżempji ta' ppjanar lingwistiku soċjali fejn il-lingwa Creole intużat bħala mezz biex jintlaħaq livell ta' qari bażiku permezz tad-dħul tal-Papjamentu bħala lingwa fl-edukazzjoni primarja fl-1993.

Letteratura[immodifika | immodifika s-sors]

Avolja l-gżira għandha popolazzjoni zgħira, id-diversità lingwistika u l-influwenzi kulturali ġewwa Curaçao ħolqu tradizzjoni letterarja ta qies, speċjalment bl-Olandiż u l-Papjamentu. Id-drawwiet orali tal-popli indiġeni Arawak intilfu. L-iskjavi mill-Afrika tal-Punent ġabu magħhom il-ħrejjef ta' Anansi, u b'hekk ifformaw is-sisien tal-letteratura Papjamentu. L-ewwel kitba ppublikata bil-Papjamentu kienet poeżija ta' Joseph Sickman Corsen li kien jisimha Atardi li ġiet ippublikata fil-gażżetta La Cruz fl-1905. Matul il-lettaratura ta' Curaçao, tekniċi narrattivi u metafori magħrufa bħala realizmu maġiku kienu jippredominaw. Kittieba u poeti minn Curaçao taw kontribut impressjonanti lil-letteratura tal-Karibew u dik Olandiża. L-iktar magħrufa huma Cola Debrot, Frank Martinus Arion, Pierre Lauffer, Elis Juliana, Guillermo Rosario, Boeli van Leeuwen u Tip Marugg.

Gastronomija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pont ta 'Queen Emma u Queen Juliana.

L-ikel lokali huwa magħruf bħala Kriyoyo (ppronunċjata bħal criollo, il-kelma Spanjola għal "Creole") u jinkludi taħlit ta' togħmiet u tekniċi użati fl-ikel tal-Karibew u l-Amerika Latina. Il-platti komuni ta' Curaçao jinstabu ukoll ġewwa Aruba u Bonaire ukoll. Platti popolari jinkludu l-istobà (stuffat magħmul mill-papaya, ċanga jew laħam tal-mogħza), Guiambo (soppa tal-okra jew frott tal-baħar), kadushi (soppa tal-kaktus), sopi mondingo (soppa tal-imsaren), funchi (paté tal-qamħirrun li jixbaħ lill-fufu, l-ugali u l-polenta) u ħafna tipi ta' ħut u frott tal-baħar. L-akkompanjament li ma jonqosx hija l-patata ħelwa. Rolls tal-ħobż jsiru skond riċetta Portugiża. Madwar il-gżira kollha, jinstabu sneks li jservu platti lokali kif ukoll xorb alkoħolihu bħall-pubs Inglizi. Il-platt li ma jonqosx fl-ewwel kolazzjoni huwa pastechi, pasti moqlija mimlija bil-ġobon, tonn taż-żejt, perżut jew kkapuljat. Matul żmien il-festi jittieklu platti speċjali bħal hallaca u pekelé, magħmula minn ħut immellaħ. Fit-tiġijiet u okkażżjonijiet speċjali varjetà ta' kos dushi jiġu servuti bħal kokada (ħelu tal-kowkonut), ko'i lechi (ħelu magħmul mill-ħalib tal-bott u z-zokkor) u tentalaria (ħelu tal-piżelli). Il-liker Curaçao ġie żviluppat hawn, meta abitant beda jesperimenta bil-qxur tal-frotta taċ-ċitru lokali, magħrufa bħala laraha. Jinstabu wkoll influwenzi kulinarji mis-Surinam, iċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Indja u l-Olanda fil-gżira. Il-gżira għandha wkoll ħafna ristoranti Ċinizi li jservu ħafna platti Indoneżjani bħal satay, nasi goreng u lumpia (li huma kollha ismijiet Indoneżjani ta' dawn il-platti). Platti Olandizi bħall-pulpetti u oliebollen jiġu servuti ukoll fir-ristoranti u d-djar.

Sports[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-2001, it-tim tal-bejżbol ta' Willemstad li jilgħab fil-Pabao Little League wasal sas-Serje Mondjali tal-Little League ġewwa Williamsport, Pennsylvania. It-tim jiġbor fih plejers ta' 11 u 12 -il sena li jkollhom ċans jirrapreżentaw ir-reġjun tal-Karibew. Fl-2004 it-tim minn Willemstad, Curaçao rebaħ il-finali kontra r-rebbieħ Amerikan ta' Thousand Oaks, Kalifornja. Is-sena ta' wara, it-tim minn Curaçao reġa' ikkwalifika imma ġew megħluba minn Ewa Beach, Hawaii wara li Michael Memea laqat home-run biex b'hekk rebbaħ it-titlu lil Hawaii. Fl-2007, it-tim tilef kontra l-Ġappun fil-logħba tal-Kampjonat Internazzjonali. Fil-World Baseball Classic tal-2006, il-plejers ta' Curaçao lagħbu għall-Olanda. Shairon Martis, mwieled ġewwa Willemstad, kien il-parti prinċipali tat-tournament għat-tim Olandiz meta serva 7 innings mingħajr jolqtu l-ballun kontra Panama (il-logħba giet mitmuma mħabba il-"mercy rule"). Il-plejers tal-Major League u All-Star Andrew Jones u Tirone Maria, li jilgħabu ġewwa Aruba, huma minn Curaçao.

iż-żifna Bulawaya.

L-irjieħ li jaqblu u l-ibħra sħan jagħmlu Curaçao lok ideali għall-windsurfing, avolja il-gżejjer ġirien ta' Arubau Bonaire huma iktar magħrufa għal dan l-isport. Il-fatt hu li l-ibħra fondi ta' madwar Curaçao jagħmluha diffiċli biex jitqiegħdu l-bagi li jintuzaw fl-"events" tal-"windsurfing", u b'hekk jagħmluha diffiċli l-gżira ssir destinazzjoni għall-"windsurfing". Għall-istess raġuni l-ibħra sħan u ċari madwar il-gżira jagħmlu lil Curaçao post ideal għall-għadis.

Residenti famużi[immodifika | immodifika s-sors]

Arti u kultura[immodifika | immodifika s-sors]

  • Kizzy McHugh - kantant, kompożitur u personalità televiżiva fl-Istati Uniti
  • Peter Hartman - CEO tal-KLM
  • Ingrid Hoffman - personalità televiżiva u kok, xeff fuq il-Food Network.
  • Robby Müller - ċinematografu, assoċjat mill-qrib ma' Wim Wenders u Jim Jarmusch
  • Pernell Saturnino - perkussjonista gradwata mill-Berklee Kulleġġ tal-Mużika

Politika u gvern[immodifika | immodifika s-sors]

Sports[immodifika | immodifika s-sors]

Bejsbol[immodifika | immodifika s-sors]

Players fil-Major League Baseball
  • Wladimir Balentien - outfielder tas-Cincinnati Reds, issa jilgħab ma' Tokyo Yakult Swallows
  • Roger Bernadina - outfielder tal-Washington Nationals mill-2011
  • Kenley Jansen - pitcher tal-Los Angeles Dodgers
  • Andruw Jones - outfielder tan-New York Yankees
  • Jair Jurrjens - pitcher tal-Atlanta Braves
  • Shairon Martis - pitcher tal-Washington Nationals mill-2011
  • Hensley Meulens - ex-plejer u kowċ għas-San Francisco Giants
  • Randall Simon - ex-first baseman

Futbol[immodifika | immodifika s-sors]

  • Vurnon Anita - plejer mal-Ajax Amsterdam
  • Timothy Cathalina - plejer mat-Tranmere Rovers FC
  • Tyrone Maria - attakkant mal-SV Bubali ġewwa Aruba

Sports ieħor[immodifika | immodifika s-sors]

  • Marc De Maar - ċciklista professjonali mat-tim Quickstep
  • Shad Gaspard - WWE pro wrestler
  • Marshall Godschalk - qaddief Olimpiku
  • Churandy Martina - midalja tad-deheb fil-100m fil-Logħob Pan-Amerikan 2007
  • Jean-Julien Rojer - plejer tat-tennis professjonali
  • Roelly Winklaar - bodybuilder IFBB

Willemstad[immodifika | immodifika s-sors]

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]