Byblos
Byblos | |
---|---|
Libanu | |
Amministrazzjoni | |
Stat sovran | Libanu |
Governorate of Lebanon | Keserwan-Jbeil |
District of Lebanon | Distrett ta' Jbeil |
Isem uffiċjali | جبيل |
Ismijiet oriġinali | جبيل |
Ġeografija | |
Koordinati | 34°07′00″N 35°39′00″E / 34.1167°N 35.65°EKoordinati: 34°07′00″N 35°39′00″E / 34.1167°N 35.65°E |
Superfiċjenti | 5 kilometru kwadru |
Għoli | 10 m |
Demografija | |
Informazzjoni oħra | |
Fondazzjoni | 100,000 years BCE |
Żona tal-Ħin | UTC+2u UTC+3 |
bliet ġemellati | Patrasu Cádiz |
jbail-byblos.gov.lb |
Byblos (/ˈbɪblɒs/ BIB-loss; bil-Grieg: Βύβλος), magħrufa wkoll bħala Jebeil, Jbeil jew Jubayl (bl-Għarbi: جُبَيْل, b'ittri Rumani: Jubayl, lokalment Jbeil [ʒbeːl]; bil-Feniċju: 𐤂𐤁𐤋, gbl, x'aktarx Gebal), hija belt fil-Governorat ta' Keserwan-Jbeil tal-Libanu. Huwa maħsub li ġiet okkupata għall-ewwel darba bejn t-8800 u s-7000 Q.K.[1] u ilha okkupata b'mod kontinwu mill-5000 Q.K.;[2] b'hekk hija waħda mill-eqdem bliet kontinwament abitati fid-dinja.[3][4] Matul l-istorja tagħha, Byblos kienet parti minn bosta ċivilizzazzjonijiet, fosthom l-Eġizzjani, il-Feniċi, l-Assirjani, il-Persjani, il-Griegi, ir-Rumani, il-Fatimidi, il-Ġenoviżi, il-Mamluk u l-Ottomani.[5][6] Il-belt tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[7]
F'Byblos tal-qedem ġie żviluppat l-alfabett Feniċju, li x'aktarx kien il-predeċessur tal-alfabetti Griegi, Latini u tal-Punent l-oħra kollha.[8]
L-Onomasticon ta' Ewsebju ddikjara li Byblos kienet magħrufa bl-Ebrajk bħala Gabel / Gobel. L-isem jidher bħala Kebny fir-rekords bil-ġeroglifiċi Eġizzjani li jmorru lura għall-faragħun tar-raba' dinastija Sneferu (2600 Q.K.) u bħala Gubla (𒁺𒆷) fl-ittri Amarna kunejformi tal-Akkadjani lill-faragħuni tat-18-il dinastija Amenhotep III u Amenhotep IV. Fl-ewwel millenju Q.K., l-isem tfaċċa fil-kitbiet imnaqqxa Feniċi u Puniċi bħala Gebal (𐤂𐤁𐤋, gbl); fil-Bibbja bl-Ebrajk bħala Geval (גבל); u bis-Sirjan bħala gbl (ܓܒܠ). Milli jidher l-isem oriġina minn gb (𐤂𐤁, "bir") u ʾl (𐤀𐤋, "alla"); l-aħħar kelma tista' tirreferi għal kwalunkwe wieħed mill-allat Kananiti jew b'mod partikolari għall-mexxej tagħhom. B'hekk l-isem milli jidher kien ifisser il-"Bir ta' Alla" jew l-"Għajn ta' Alla".
L-isem attwali tal-belt bl-Għarbi Jubayl (جبيل) jew J(e)beil huwa dixxendent dirett ta' dawn l-ismijiet bikrin, għalkemm milli jidher ġie mmodifikat minn fehim ħażin tal-isem bl-għerq trilitteru gbl jew jbl, jiġifieri "muntanja". Meta tintuża l-forma Għarbija tal-isem, tipikament tiġi trażlitterata bħala Jbeil, Jbail, jew Jbayl b'ittri Rumani. Dawn l-ismijiet kollha, flimkien ma' Byblos, huma relatati etimoloġikament. Matul il-Kruċjati, dan l-isem deher fir-rekords Ewropej bħala Gibelet jew Giblet. Dan l-isem intuża għall-Kastell ta' Byblos u t-tmexxija assoċjata miegħu.
Il-belt Feniċja, magħrufa mal-Griegi bħala Býblos (Βύβλος) u mar-Rumani bħala Byblus, kienet importanti għall-importazzjoni tal-papiru mill-Eġittu – tant li "byblos" saret tfisser "papiru" bil-Grieg. Għaldaqstant, it-terminu "Bibbja", fl-aħħar mill-aħħar oriġina mill-isem Grieg tal-belt.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Byblos tinsab madwar 42 kilometru (26 mil) fit-Tramuntana ta' Bejrut u tattira ferm lill-arkeologi minħabba l-akkumulu li għandha ta' diversi strati li rriżulaw minn bosta sekli ta' abitazzjoni umana. L-iskavi inizjali twettqu minn Ernest Renan fl-1860, iddokumentati fix-xogħol tiegħu "Mission de Phénicie" (1865-1874). Wara komplew l-isforzi ta' Pierre Montet mill-1921 sal-1924, u iktar 'il quddiem ta' Maurice Dunand, li kompla bl-iskavi mill-1925 għal erbgħin sena. L-ispedizzjoni ta' Renan kellha "tipprovdi l-evidenza li l-belt ma ċċaqalqitx u li Gebeil hija Byblos".
L-ewwel insedjament seħħ matul il-perjodu Neolitiku B ta' Qabel il-Fuħħar, għall-ħabta tat-8800 sas-7000 Q.K. Il-fdalijiet Neolitiċi ta' xi binjiet jistgħu jiġu osservati fis-sit. Skont il-kittieb Filo ta' Byblos (li kkwota lil Sanchuniathon, u kkwotat minn Ewsebju), Byblos ġiet stabbilita mid-divinità Feniċja El (li l-Griegi identifikaw mal-alla tagħhom Cronus). Mit-tielet millenju Q.K. jistgħu jiġu osservati l-ewwel sinjali ta' raħal, bil-fdalijiet ta' djar ta' daqs uniformi. Dan kien il-perjodu meta bdiet tiżviluppa ċ-ċivilizzazzjoni Kananita.
Saffi Neolitiċi u Kalkolitiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Jacques Cauvin ippubblika l-istudji dwar l-għodod biż-żnied mis-siti stratifikati Neolitiċi u Kalkolitiċi fl-1962. Il-fdalijiet tal-bnedmin li nstabu fl-oqbra Kalkolitiċi ġew ippubblikati minn Henri Victor Vallois fl-1937. L-oqbra minn din l-era ġew diskussi mill-Emir Maurice Chehab fl-1950. Il-bċejjeċ bikrin tal-fuħħar li nstabu ġew ippubblikati minn E.S. Boynton fl-1960 u saru studji ulterjuri minn R. Erich fl-1954 u minn Van Liere u Henri de Contenson fl-1964.
Stratigrafija ta' ħames saffi
[immodifika | immodifika s-sors]L-insedjamenti preistoriċi f'Byblos kienu maqsuma minn Dunand f'ħames perjodi differenti, li reċentement tkabbru u ġew ikkalibrati mill-ġdid minn Yosef Garfinkel biex jiġu korelatati ma' Tell es-Sultan (Ġeriko):
- in-Neolitiku Bikri (il-fażi bikrija) li jikkorrispondi man-Neolitiku B ta' Qabel il-Fuħħar (PPNB) ta' Ġeriko, irrappreżentat minn artijiet tal-ġibs u teknoloġija naviformi, bejn it-8800 u s-7000 Q.K.;
- in-Neolitiku Bikri (il-fażi aħħarija) li jikkorrispondi mal-PNA ta' Tell es-Sultan (Ġeriko) IX (u Yarmukian), irrappreżentat mill-bċejjeċ tal-fuħħar, xfafar tal-minġell, figurini u ponot żgħar, bejn is-6400 u l-5800 Q.K.;
- in-Neolitiku Medju li jikkorrispondi mal-PNB ta' Tell es-Sultan (Ġeriko) VIII, irrappreżentat mill-bċejjeċ tal-fuħħar, bejn il-5800 u l-5300 Q.K.;
- in-Neolitiku Aħħari li jikkorrispondi mal-Kalkolitiku Medju ta' Beth Shean, irrappreżentat mill-bċejjeċ tal-fuħħar, reċipjenti tal-ġebel, sajlos, oqbra u siġilli, bejn il-5300 u l-4500 Q.K.;
- il-Kalkolitiku Bikri li jikkorrispondi mal-Kalkolitiku Aħħari ta' Ghassulian, irrappreżentat minn oqbra-ġarer, żnied imnaqqax, mastelli u figurina ta' vjolin, bejn l-4500 u t-3600 Q.K.; u
- l-Kalkolitiku Aħħari li jikkorrispondi minn Żmien il-Bronż Bikri, irrappreżentat mill-arkitettura u mis-siġilli ċilindriċi, bejn it-3600 u t-3100 Q.K.
In-Neolitiku Bikri ħareġ fid-dieher f'insedjament li ġie wara oħrajn fil-Wied ta' Beqaa, bħal Labweh u Ard Tlaili. Kien jinsab fix-xaqliba lejn in-naħa tal-baħar tal-ikbar waħda miż-żewġ għoljiet li kienu jiffurmaw Byblos tal-qedem, b'wied bl-ilma bejniethom.
Is-sit oriġinali kien mifrux fil-wied u kien ikopri erja ta' 1.2 ettaru (3.0 akri) b'raba' għammiel u post protett għall-iżbark tad-dgħajjes. Dunand skopra madwar 20 dar għalkemm ġie ssuġġerit li ftit mill-insedjament kien inqered mill-baħar, ġie misruq jew inqered mill-bniedem. L-abitazzjonijiet kienu rettangolari b'artijiet tal-ġibs, u l-bċejjeċ tal-fuħħar normalment kienu bċejjeċ skuri b'xi impressjonijiet ta' qxur tal-baħar.
In-Neolitiku Medju ħareġ fid-dieher permezz ta' insedjament iżgħar ta' mhux iktar minn 0.15 ettari (0.37 akri) biswit is-sit iktar antik. Il-bċejjeċ tal-fuħħar kienu iktar żviluppati b'passati ħomor u b'iktar għamliet varjati u tiżjin elaborat, il-binjiet kienu ifqar b'artijiet mhux tal-ġibs.
Il-perjodu tan-Neolitiku Aħħari wera żvilupp fid-disinn tal-binjiet, firxa usa' ta' għodod taż-żnied iktar żviluppati u varjetà ferm ikbar ta' bċejjeċ tal-fuħħar b'materjali bħas-silika. Il-Kalkolitiku Aħħari kellu żviluppi ta' "xfafar Kananiti" u barraxxa. L-oqbra-ġarer għall-adulti bdew jitfaċċaw flimkien mal-metall b'għamla ta' ganċ tar-ram fil-ġarra. Xi ġarer kienu mżejna bil-ġibs abjad applikat wara l-ħami u jitħalla jibbies waħdu. Ir-ram deher iktar frekwentement fil-Kalkolitiku Aħħari flimkien mad-difniet multipli f'oqbra u mankijiet tal-ġarer b'sinjali impressi fuqhom. Il-fdalijiet ta' Żmien il-Bronż Bikri kienu kkaratterizzati mill-iżvilupp ta' oġġetti taċ-ċeramika u assemblaġġi litiċi studjati minn Jacques Cauvin.
Skont Lorenzo Nigro, Byblos minn villaġġ tas-sajjieda għall-forma urbana bikrija tagħha fil-bidu tat-tielet millenju Q.K. Frammenti attribwiti lill-patri semileġġendarju pre-Omeriku Feniċju Sanchuniathon isostnu li Byblos kienet l-ewwel belt li nbniet fil-Feniċja u ġiet stabbilita mid-divinità Cronus. Cronus kien meqjus bħala l-eqreb ekwivalenti ta' Baal tal-Kananiti jew Baal Hammon fis-sistema ta' sinkretiżmu użata mill-Griegi u mir-Rumani tal-qedem.
Perjodu tal-Eġizzjani
[immodifika | immodifika s-sors]Watson Mills u Roger Bullard jissuġġerixxu li matul ir-Renju Antik tal-Eġittu u r-Renju Nofsani tal-Eġittu, Byblos virtwalment kienet kolonja Eġizzjana. Il-belt kibret u stagħnat, u milli jidher kienet alleat (fost "dawk fl-ilmijiet tiegħu") tal-Eġittu għal bosta sekli. L-oqbra tal-ewwel dinastija użaw l-injam minn Byblos. Waħda mill-eqdem frażijiet Eġizzjani għal dgħajsa li kienet tbaħħar fuq l-oċean kienet "il-vapur ta' Byblos". L-arkeologi rkupraw artefatti magħmulin mill-Eġizzjani, fosthom framment ta' bastiment bl-isem tal-mexxej tat-tieni dinastija Khasekhemwy, għalkemm dan "jaf faċilment wasal Byblos permezz tal-kummerċ u/jew f'perjodu iktar 'il quddiem". Instabu oġġetti f'Byblos b'isem ir-re Eġizzjan tat-13-il dinastija Neferhotep I, u l-mexxejja ta' Byblos kellhom relazzjonijiet mill-qrib mal-faragħuni tar-Renju l-Ġdid tal-Eġittu tal-Qedem.
Għall-ħabta tal-1350 Q.K., l-ittri ta' Amarna kienu jinkludu 60 ittra mingħand Rib Hadda u s-suċċessur tiegħu Ili-Rapih li kienu l-mexxejja ta' Byblos, lill-gvern Eġizzjan. Dan kien dovut l-iktar għat-talbiet kostanti ta' Rib-Hadda għall-assistenza militari mingħand Akhenaten. Jindirizzaw ukoll il-konkwista tal-bliet-stati ġirien mill-Habiru.
Milli jidher il-kuntatt Eġizzjan laħaq il-qofol tiegħu matul id-19 dinastija, u mbagħad batta matul id-dinastiji 20 u 21. Barra minn hekk, meta r-Renju l-Ġdid sfaxxa fis-seklu 11 Q.K., Byblos ma baqatx kolonja u saret l-ewwel belt tal-Feniċja. Minkejja li l-evidenza arkeoloġika jidher li tindika rewwixta għal żmien qasir matul id-dinastiji 22 u 23, huwa ċar li wara t-Tielet Perjodu Intermedju l-Eġizzjani bdew jiffavurixxu lil Tyre u lil Sidon minflok lil Byblos.
L-evidenza arkeoloġika f'Byblos, b'mod partikolari l-ħames kitbiet rjali ta' Byblos li jmorru lura għall-ħabta tal-1200-1000 Q.K., turi l-evidenza ta' alfabett Feniċju ta' 22 karattru; eżempju importanti huwa s-sarkofagu ta' Ahiram. L-użu tal-alfabett infirex fost il-merkanti Feniċi fil-kummerċ marittimu tagħhom lejn partijiet tat-Tramuntana tal-Afrika u tal-Ewropa. Wieħed mill-iżjed monumenti importanti ta' dan il-perjodu huwa t-Tempju tal-Obeliski, iddedikat lid-divinità tal-gwerra tal-Kananiti Resheph, iżda dan spiċċa fi stat ta' fdalijiet sa żmien Alessandru l-Kbir.
Storja tal-qedem
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-perjodu tal-Assirjani, Sibittibaal ta' Byblos beda jħallas miżata lil Tiglath-Pileser III fis-738 Q.K., u fis-701 Q.K., meta Sennacherib ħakem il-Feniċja kollha, ir-re ta' Byblos kien Urumilki. Byblos kienet soġġetta wkoll għar-rejiet Assirjani Esarhaddon (li rrenja fis-681-669 Q.K.) u Ashurbanipal (li rrenja fis-668-627 Q.K.), taħt ir-rejiet tagħha Milkiasaph u Yehawmelek.
Fl-Imperu Akemenid (538-332 Q.K.), Byblos kienet ir-raba' minn erba' renji vassalli Feniċi stabbiliti mill-Persjani; l-ewwel tlieta kienu Sidon, Tyre u Arwad.
It-tmexxija Ellenistika bdiet bil-wasla ta' Alessandru Manju fl-inħawi fit-332 Q.K. Dak iż-żmien kienu jintużaw il-muniti, u hemm abbundanza ta' evidenza ta' kummerċ kontinwu ma' pajjiżi oħra fil-Mediterran.
Matul il-perjodu tal-Griegi-Rumani, it-tempju ta' Resheph reġa' nbena b'mod elaborat, u l-belt, għalkemm kienet iżgħar mil-ġirien tagħha bħal Tyre u Sidon, kienet ċentru għall-qima ta' Adonis. Fis-seklu 3 inbena teatru żgħir iżda impressjonanti. Bl-istabbiliment tal-Kristjaneżmu ġie stabbilit veskovat f'Byblos, u l-belt kibret b'mod rapidu. Għalkemm huwa magħruf li ġiet stabbilita kolonja tas-Sassanidi fir-reġjun wara l-konkwisti Musulmani bikrin tas-636, ma tantx hemm wisq evidenza arkeoloġika dwar dan. Il-kummerċ mal-Ewropa effettivament batta għalkollox, u l-prosperità f'Byblos reġgħet tfaċċat lejn il-wasla tal-Ewwel Kruċjata fl-1098, meta l-belt kienet magħrufa bħala Gibelet jew Giblet.
Perjodu tal-Kruċjati, tal-Mamluk u tal-Ottomani
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-sekli 12 u 13, Byblos saret parti mill-Kontea ta' Tripoli, stat tal-ġellieda tal-Kruċjati assoċjat iżda pjuttost indipendenti mir-Renju tal-Ġellieda tal-Kruċjati ta' Ġerusalemm.
Bħala Gibelet jew Giblet, sfat taħt it-tmexxija tal-familja Embriaco minn Ġenova, li ħolqu t-Tmexxija ta' Gibelet għalihom stess, l-ewwel bħala amministraturi tal-belt f'isem ir-Repubblika ta' Ġenova, u mbagħad bħala entità ereditarja, li kienet tħallas miżata annwali lil Ġenova u lill-Knisja ta' San Lawrenz (il-Katidral ta' Ġenova).
Ir-residenza tal-familja Embriaco, il-kastell tal-ġellieda tal-Kruċjati ta' Gibelet, flimkien mar-raħal iffortifikat, servew bħala bażi militari importanti għall-ġellieda tal-Kruċjati. Il-fdalijiet tal-kastell huma fost l-iżjed strutturi arkitettoniċi impressjonanti li għadhom viżibbli fiċ-ċentru tal-belt. Il-belt ittieħdet minn Saladin fl-1187, reġgħet ittieħdet mill-ġellieda tal-Kruċjati, u nħakmet mill-Baibar fl-1266, iżda baqgħet f'idejn il-familja Embriaco sal-ħabta tal-1300.
Wara li arrendiet volontarjament kontra l-Mamluk, il-belt ħelsitha ħafif mis-serq li normalment kien isir wara ħakma. Il-fortifikazzjonijiet tagħha sussegwentement ġew irrestawrati mill-Baibar. Mill-1516 sal-1918, il-belt u r-reġjun kollu saru parti mill-Imperu Ottoman.
Storja kontemporanja
[immodifika | immodifika s-sors]Byblos u l-Libanu tpoġġew taħt il-Mandat Franċiż mill-1920 sal-1943 meta l-Libanu kisbu l-indipendenza. Il-Gwerra tal-Libanu tal-2006 affettwat negattivament il-belt antika billi ksiet il-port u s-swar tiegħu biż-żejt minn roqgħa minn impjant tal-enerġija fil-qrib. Madankollu, din ir-roqgħa ġiet ikklirjata u ż-żona kostali minn dak iż-żmien 'l hawn saret destinazzjoni għall-għawwiema fil-bajja, speċjalment fl-aħħar tar-rebbiegħa u matul l-istaġun tas-sajf.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Byblos ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[7]
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]L-abitanti ta' Byblos huma b'mod predominanti Kristjani, l-iktar Maroniti, b'minoranzi ta' Appostoliċi Armeni, Ortodossi Griegi, u Kattoliċi Griegi. Hemm ukoll minoranza ta' Musulmani Xiiti. Jingħad li l-belt ta' Bint Jbeil ("Bint Byblos") fin-Nofsinhar tal-Libanu ġiet stabbilita minn dawk il-Musulmani Xiiti. Byblos għandha tliet rappreżentanti fil-Parlament tal-Libanu: żewġ Maroniti u persuna Musulmana Xiita.
F'Byblos hemm l-iskejjel professjonali tal-Università Amerikana Libaniża (LAU). Il-kampus tal-LAU f'Byblos jospita l-Iskola Medika, l-Iskola tal-Inġinerija, l-Iskola tal-Arkitettura u d-Disinn, l-Iskola tal-Farmakoloġija, li toffri l-unika Programm tal-Farmakoloġija barra mill-Istati Uniti li huwa akkreditat mill-Kunsill tal-Akkreditazzjoni tal-Edukazzjoni Farmakoloġika (ACPE), l-Iskola tan-Negozju, u l-Iskola tal-Arti u x-Xjenzi. Il-kampus jinsab fuq għolja li tħares fuq il-belt u l-Baħar Mediterran.
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Byblos qed terġa' tfeġġ bħala ċentru turistiku fuq skala kbira. Hija destinazzjoni turistika ideali minħabba l-port antik tagħha, il-fdalijiet Feniċji, Rumani u tal-Kruċjati, il-bajjiet bir-ramel u l-muntanji pittoreski ta' madwarha. Il-belt hija magħrufa għar-ristoranti tal-ħut tagħha, il-bars fil-beraħ, u l-kafetteriji fil-beraħ. Il-jottijiet jidħlu fil-port tagħha kif kienu jagħmlu fis-snin 60 u 70 tas-seklu 20, meta Marlon Brando u Frank Sinatra kienu viżitaturi regolari tal-belt. Byblos ġiet inkurunata bħala l-"Kapitali Turistika Għarbija" għall-2016 mill-Ministru għat-Turiżmu Libaniż fil-Grand Serail f'Bejrut. Byblos intgħażlet minn Condé Nast Traveler bħala t-tieni l-aqwa belt fil-Lvant Nofsani għall-2012, qabel Tel Aviv u Dubai, u mill-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu bħala l-aqwa belt turistika Għarbija għall-2013.
Sit arkeoloġiku ta' Byblos
[immodifika | immodifika s-sors]- Ain el-Malik jew l-Għajn tar-Re, fonda madwar 20 metru, hija ħofra kbira li hija aċċessibbli permezz ta' garigor taraġ spirali. Fl-imgħoddi kienet tissupplixxi l-belt bl-ilma. Skont il-verżjoni ta' Plutarka tal-ġrajja Eġizzjana ta' Osiris, il-qaddejja tar-re ltaqgħu ma' Isis fuq it-taraġ tal-għajn u ħaduha lejn il-palazz irjali, fejn sabet ġisem ir-raġel tagħha Osiris inkorporat f'wieħed mill-pilastri tal-palazz.
- It-Tempju b'Għamla ta' L inbena għall-ħabta tal-2700 Q.K.
- It-Tempju tal-Obeliski, li oriġinarjament inbena fl-1600-1200 Q.K. fuq it-"Tempju b'Għamla ta' L", ġie mċaqlaq fil-pożizzjoni attwali tiegħu mill-arkeologi. Il-bosta obeliski żgħar li nstabu f'dan it-tempju ntużaw bħala offerti reliġjużi. Is-santwarju kien fih għadd kbir ta' figurini umani tal-bronż u miksija bil-folji tad-deheb, li issa jinsabu għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali ta' Bejrut.
- In-nekropoli rjali tmur lura għat-tieni millenju Q.K. u fiha l-oqbra tar-rejiet ta' Byblos, inkluż ir-Re Ahiram.
- It-teatru Ruman inbena għall-ħabta tal-218 W.K.
Binjiet storiċi oħra
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Mużew tax-Xama' ta' Byblos
Il-Mużew tax-Xama' ta' Byblos għandu statwi tax-xama' għall-wiri ta' karattri li jmorru lura minn żmien il-Feniċi saż-żminijiet moderni.
- Il-Mużew tal-Fossili ta' Byblos
Il-Mużew tal-Fossili ta' Byblos għandu kollezzjoni ta' ħut, klieb il-baħar, sallura, ħut li jinqata' mill-ilma, u organiżmi marittimi oħra ffossilizzati, li wħud minnhom għandhom miljuni ta' snin.
- Is-Swar Medjevali tal-Belt
Il-parti Medjevali antika ta' Byblos hija mdawra bi swar li jibqgħu sejrin għal madwar 270 metru mil-Lvant għall-Punent u għal 200 metru mit-Tramuntana għan-Nofsinhar.
- Il-Kastell ta' Byblos
Il-Kastell ta' Byblos inbena mill-ġellieda tal-Kruċjati fis-seklu 12. Jinsab fis-sit arkeoloġiku ħdejn il-port.
- Il-Knisja ta' San Ġwann il-Battista
Ix-xogħol tal-kostruzzjoni fuq il-knisja beda matul il-Kruċjati fl-1115. Tqieset bħala katidral u nqerdet parzjalment minn terremot fl-1170 W.K. Iktar 'il quddiem ingħatat l-Isqof Maronit bħala rigal mill-Prinċep Yusuf Shihab.
- Il-Moskea ta' Sultan Abduljid
Il-moskea l-antika qrib il-kastell tmur lura għall-perjodu tal-Mamluk, u adottat isem is-Sultan Abdulmejid I wara li rrinnovaha.
- Il-Kwartier Storiku u s-Suq
Fis-sezzjoni tax-Xlokk tal-belt storika, qrib id-daħla tas-sit arkeoloġiku, hemm suq antik fejn it-turisti jistgħu jixtru xi antikitajiet u xi tifkira, jew sempliċement jimxu tul it-toroq biċ-ċagħaq u jgawdu l-arkitettura.
- Il-Festival Internazzjonali ta' Byblos
Dan il-festival mużikali tas-sajf huwa avveniment annwali li jsir fil-kwartier storiku tal-belt.
- It-Tempju ta' Baalat Gebal
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Majdi Allawi (twieled fl-1970), patri Maronit Libaniż, fundatur ta' assoċjazzjoni
Relazzjonijiet internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]- Ġemellaġġi
Byblos hija ġemellata ma':
- Patras, il-Greċja;
- Tripoli, il-Greċja;
- Sparta, il-Greċja;
- Bonifacio, in-Nofsinhar tal-Korsika, Franza;
- Orange, Franza;
- Tripoli, il-Libanu;
- Valletta, Malta;
- Cádiz, Spanja;
- İzmir, it-Turkija.
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Garfinkel, Yosef (2004). ""Néolithique" and "Énéolithique" Byblos in Southern Levantine Context". In E. J. Peltenburg; Alexander Wasse (eds.). Neolithic Revolution: New Perspectives on Southwest Asia in Light of Recent Discoveries on Cyprus. Oxbow Books. ISBN 978-1-84217-132-5.
- ^ Dumper, Michael; Stanley, Bruce E.; Abu-Lughod, Janet L. (2006). Cities of the Middle East and North Africa. ABC-CLIO. p. 104. ISBN 1-57607-919-8.
- ^ "Byblos | Ancient Phoenician City, Lebanon | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
- ^ "Byblos | The world's 20 oldest cities - Travel | Ghostarchive". ghostarchive.org. Miġbur 2023-12-06.
- ^ "Byblos Timeline". www.worldhistory.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
- ^ karim.sokhn (2023-04-27). "Byblos Site" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Byblos". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.
- ^ "Phoenician alphabet | Definition, Letters, & History | Britannica". www.britannica.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-06.