Pjazza ta' Naqsh-e Jahan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan.

Il-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan (bil-Persjan: میدان نقش جهان; Maidān-e Naghsh-e Jahān; li tfisser "Xbieha tal-Pjazza tad-Dinja"), magħrufa wkoll bħala l-Pjazza tax-Shah (bil-Persjan: میدان شاه) qabel l-1979, hija pjazza li tinsab fiċ-ċentru ta' Esfahan, l-Iran. Inbniet bejn l-1598 u l-1629 u hija sit storiku importanti tal-Iran kif ukoll Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Hija wiesgħa 160 metru (520 pied) u twila 560 metru (1,840 pied), b'erja ta' 89,600 metru kwadru (964,000 pied kwadru).[2] Ġieli tissejjaħ ukoll bħala l-Pjazza tax-Shah jew il-Pjazza tal-Imam.[3] Il-pjazza hija mdawra b'binjiet ta' żmien is-Safavidi. Il-Moskea tax-Shah tinsab fuq in-naħa tan-Nofsinhar ta' din il-pjazza. Fuq in-naħa tal-Punent hemm il-Palazz ta' Ali Qapu. Il-Moskea tax-Xejikk Lotfallah tinsab fuq in-naħa tal-Lvant ta' din il-pjazza u fin-naħa tat-Tramuntana d-Daħla ta' Qeysarie tagħti għas-Suq il-Kbir ta' Esfahan. Illum il-ġurnata, Namaaz-e Jom'eh (it-talb Musulman tal-Ġimgħa) isir fil-Moskea tax-Shah.

Il-pjazza tidher fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus Iranjana ta' 20,000 rial.[4] Il-ħwienet fi ħdanha huwa proprjetà tal-għaqda fiduċjarja ta' Ostandari Isfahan.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Għadd ta' karozzini fil-pjazza.

Fl-1598, meta Shah Abbas iddeċieda li jittrasferixxi l-belt kapitali tal-imperu tiegħu mill-belt tal-Majjistral ta' Qazvin għall-belt ċentrali ta' Esfahan, huwa beda wieħed mill-ikbar proġetti fl-istorja Persjana; it-tiswir mill-ġdid tal-belt kollha. Bl-għażla tal-belt ċentrali ta' Esfahan bħala l-belt kapitali, biż-Zāyande roud ("ix-xmara li tagħti l-ħajja") bħala oażi ta' kultivazzjoni intensiva qalb żona enormi b'pajsaġġ aridu, huwa biegħed il-belt kapitali tiegħu minn kwalunkwe attakk fil-ġejjieni mill-Ottomani, l-arċirivali tas-Safavidi, u mill-Użbeki, u fl-istess żmien kiseb iktar kontroll fuq il-Golf Persjan, li f'dak iż-żmien kien sar rotta kummerċjali importanti għall-Kumpaniji Olandiżi u Brittaniċi tal-Lvant tal-Indja.[5][6]

Tpinġija tas-seklu 19 tal-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan, tal-arkitett Franċiż Xavier Pascal Coste, li vvjaġġa lejn il-Persja fl-1839.

L-arkitett ewlieni ta' dan il-kompitu kolossali ta' ppjanar urban kien Shaykh Bahai (Baha' ad-Din al-`Amili),[7] li ffoka l-proġett fuq żewġ karatteristiċi ewlenin tal-pjanta ta' Shah Abbas: it-triq ta' Chahar Bagh, bl-istituzzjonijiet prominenti kollha tal-belt tul it-triq, fosthom ir-residenzi tad-dinjitarji barranin kollha, u l-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan ("Xbieha tal-Pjazza tad-Dinja").[8] Qabel max-Shah Abbas kiseb il-poter, il-Persja kellha struttura ta' poter deċentralizzat, fejn id-diversi istituzzjonijiet kienu jissieltu għall-poter, inkluż kemm il-militar (Qizilbash) u l-gvernaturi tal-provinċji differenti tal-imperu. Shah Abbas ried jimmina din l-istruttura politika, u t-tiswir mill-ġdid ta' Esfahan bħala l-belt kapitali grandjuża tal-Persja kien pass importanti għaċ-ċentralizzazzjoni tal-poter. L-inġenjożità tal-pjazza, jew tal-Maidān, kienet li permezz tagħha, Shah Abbas kien se jiġbor flimkien ma' djulu t-tliet komponenti prinċipali tal-poter fil-Persja; il-poter tal-kleru, irrappreżentat mill-Moskea tax-Shah jew Masjed-e Shah, il-poter tal-merkanti, irrappreżentat mis-Suq Imperjali, u ovvjament il-poter tax-Shah innifsu, irrappreżentat mir-residenza tiegħu fil-Palazz ta' Ali Qapu.[9]

Maidan – il-Pjazza Rjali[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Suq il-Kbir ta' Esfahan; tpinġija ta' G. Hofsted van Essen tal-1703; il-Librerija tal-Università ta' Leiden.

Fil-Maidan kienu jiltaqgħu x-Shah u l-poplu. Il-pjazza, mibnija bħala ringiela ta' ħwienet fuq żewġ sulari, b'arkitettura impressjonanti fil-ġnub, u li eventwalment kienet tagħti għan-naħa tat-Tramuntana, fejn kien jinsab is-Suq Imperjali, kienet post mimli divertiment u negozju għal bosta nies mid-dinja kollha. Peress li Esfahan kienet waqfa vitali tul it-Triq tal-Ħarir, il-merkanzija minn bosta pajjiżi tad-dinja, mill-Portugall fil-Punent sar-Renju Nofsani fil-Lvant, kienet tiġi skambjata minn id għall-oħra tal-merkanti, li kienu jafu kif jagħmlu l-iktar profitt minnha.

Il-Pjazza Rjali kienet ammirata mill-Ewropej li kienu jżuru lil Esfahan matul ir-renju ta' Shah Abbas. Pietro Della Valle kkonċeda li kienet saħansitra isbaħ minn Pjazza Navona f'belt twelidu, Ruma.

Binhar, il-biċċa l-kbira tal-pjazza kienet tkun mimlija tined u gabbani jew bankarelli tal-artiġjani, li kienu jħallsu renta fil-ġimgħa lill-gvern. Kien ikun hemm ukoll artisti tal-ispettakli u atturi għad-divertiment. Min kien jaqbdu l-ġuħ seta' jiekol ikliet imsajrin lesti fil-pjazza jew iduq xi felli bettiegħ, filwaqt li t-tazzi tal-ilma kienu jitqassmu b'xejn mit-trasportaturi tal-ilma li kienu jitħallsu mill-bejjiegħa tal-ħwienet. Fid-daħla tas-Suq Imperjali, kien hemm għadd ta' kafetteriji, fejn in-nies setgħu jirrilassaw u jieħdu kafè frisk u jpejpu x-xixa.[10] Dawn il-ħwienet għadhom preżenti sal-lum, għalkemm l-iżjed xarba komuni f'dan l-aħħar seklu kienet it-te, iktar milli l-kafè. Malli x-xemx kienet tinżel, il-bejjiegħa tal-ħwienet kienu jżarmaw u jagħlqu, u l-istorbju tal-artiġjani u tal-klijenti tagħhom jiġġebbdu fuq il-prezzijiet tal-merkanzija kien jinbidel bl-istorbju tad-dervishes, tal-għannejja, tal-jugglers, tal-artisti bil-pupazzi, tal-akrobati u tal-prostituti.[11]

Minn żmien għal żmien, il-pjazza kienet tiġi lliberata biex isiru xi ċerimonji u festi pubbliċi. Darba fis-sena jsir ukoll l-avveniment ta' Nowruz, is-Sena l-Ġdida Persjana. Barra minn hekk, l-isport nazzjonali Persjan tal-polo seta' jintlagħab fil-pjazza, u b'hekk ix-Shah, residenti fil-Palazz ta' Ali Qapu, u l-bejjiegħa u l-klijenti tagħhom kien ikollhom ftit divertiment.[12] Il-lasti tal-polo tal-irħam, li tpoġġew mix-Shah Abbas, għadhom preżenti fuq kull naħa tal-pjazza.[13]

Taħt Abbas, Esfahan saret belt kożmopolitan ħafna, b'popolazzjoni residenti ta' Torok, Georgjani, Armeni, Indjani, Ċiniżi u għadd dejjem jikber ta' Ewropej. Shah Abbas ġab xi 300 artiġjan Ċiniż biex jaħdmu fl-istudjos tax-xogħol irjali u biex jgħallmu l-arti tal-produzzjoni tal-porċellana. L-Indjani kienu preżenti b'numri kbar ħafna, u kienu jgħixu fil-bosta karavanseraj allokati għalihom,[14] u ġeneralment kienu jaħdmu bħala merkanti u jbiddlu l-flus. L-Ewropej kienu jgħixu hemm bħala merkanti, missjunarji Kattoliċi Rumani, artisti u ħaddiema tas-sengħa. Anke s-suldati, normalment bl-esperjenza fl-artillerija, kienu jivvjaġġaw mill-Ewropa sal-Persja biex jaħdmu hawnhekk. L-ambaxxatur Portugiż De Gouvea, darba stqarr li:[15]

"In-nies ta' Esfahan huma miftuħin ħafna fin-negozju tagħhom mal-barranin, peress li kuljum iħabbtu wiċċhom ma' nies minn diversi nazzjonijiet oħra."

Il-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan billejl.

Barra minn hekk, bosta storiċi ħabblu rashom dwar l-orjentazzjoni stramba tal-pjazza. Għad-differenza tal-biċċa l-kbira tal-binjiet importanti, din il-pjazza ma kinitx allinjata mal-Mekka, biex b'hekk kull min jidħol mill-portiku tad-daħla tal-Moskea tax-Shah, mingħajr ma jaf, jagħmel nofs dawra lejn il-lemin, u l-ispazju ċentrali prinċipali fi ħdanha jħares lejn il-Mekka. Donald Wilber jagħti l-iżjed spjegazzjoni plawżibbli għal dan; il-viżjoni ta' Shaykh Bahai kienet li l-moskea tkun viżibbli minn kullimkien fi ħdan il-pjazza. Li kieku l-assi tal-pjazza kienu allinjati mal-assi tal-Mekka, il-koppla tal-moskea kienet titgħatta mill-portiku tad-daħla għolja tal-moskea li tagħti għaliha. Permezz tal-ħolqien ta' angolu bejniethom, iż-żewġ partijiet tal-binja, il-portiku tad-daħla u l-koppla, jistgħu jitgawdew minn kulħadd fil-pjazza.[16]

Veduta panoramika tal-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan.
Il-Moskea tax-Shah billejl.
Il-Moskea ta' Lotfollah kellha daħla sigrieta taħt il-pjazza, min-naħa tal-Palazz fuq in-naħa opposta tal-pjazza.

Masjed-e Shah – il-quċċata tal-arkitettura Safavida[immodifika | immodifika s-sors]

L-attrazzjoni prinċipali fil-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan hija l-Moskea tax-Shah jew Masjed-e Shah, li ħadet post il-Moskea tal-Ġimgħa iktar antika għat-talb ta' nhar ta' Ġimgħa. Għal dan l-għan, il-Moskea tax-Shah mhux biss inbniet b'viżjoni ta' kobor, bl-ikbar koppla fil-belt, iżda Shaykh Bahai ppjana wkoll il-kostruzzjoni ta' skola reliġjuża u moskea tax-xitwa fuq kull naħa tagħha.[17]

Moskea ta' Lotfollah[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-erba' monumenti li jiddominaw il-perimetru tal-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan, il-Moskea ta' Lotfollah, faċċata tal-palazz, kienet l-ewwel waħda li nbniet. L-iskop ta' din il-moskea kien li sservi bħala moskea privata tal-qorti rjali, għad-differenza tal-Masjed-e Shah, li kienet maħsuba għall-pubbliku. Għalhekk, il-moskea ma għandhiex minareti u hija iżgħar. Tabilħaqq, ftit barranin mill-Punent żaruha fl-imgħoddi fi żmien is-Safavidi jew taw kas din il-moskea, u żgur li ma kellhomx aċċess għaliha. Kien biss sekli wara, meta l-bibien tal-moskea nfetħu għall-pubbliku, li n-nies komuni setgħu jammiraw l-isforz ta' Shah Abbas biex dan il-post iservi bħala post sagru għan-nisa tal-ħarem tiegħu, kif ukoll il-lavur mill-aqwa tal-madum, li huwa ferm superjuri għal dak tal-Moskea tax-Shah.[18]

Palazz ta' Ali Qapu[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz ta' Ali Qapu.

Il-Palazz ta' Ali Qapu effettivament huwa paviljun li jimmarka d-daħla tal-kwartier residenzjali rjali Safavid enormi ta' Esfahan, li huwa estiż mill-Pjazza ta' Maidan Naqsh-e Jahan sat-Triq ta' Chahar Bagh. L-isem tal-binja huwa magħmul minn żewġ elementi: "Ali", li bl-Għarbi tfisser "l-imfaħħar", u "Qapu" li bit-Tork tfisser "portal" jew "senduq irjali". Flimkien ifissru l-"Portal Imfaħħar". Dan l-isem intgħażel mis-Safavidi sabiex iħaqquha mal-isem famuż tal-qorti tal-Ottomani: "Bab-i Ali" jew il-"Portal Sublim"). Hawnhekk il-monarka l-kbir kien jilqa' lill-viżitaturi nobbli u lill-ambaxxaturi barranin. Għall-ewwel darba, Shah Abbas hawnhekk iċċelebra n-Nowruz (Jum l-Ewwel tas-Sena) tal-1597 W.K. (1006 AH). Il-Palazz ta' Ali Qapu huwa struttura rettangolari enormi, għoli 48 metru (157 pied) b'sitt sulari, b'bitħa wiesgħa quddiemu msaqqfa b'saqaf tal-injam intarsjat u mirfuda b'kolonni tal-injam.

Fuq is-sitt sular kienu jsiru r-riċevimenti u l-banketti rjali. L-ikbar swali jinsabu f'dan is-sular. It-tiżjin bl-istukko tas-sala tal-banketti mimlija b'motivi ta' diversi reċipjenti u tazzi. Is-sitt sular kien imsejjaħ is-sala tal-mużika għaliex hemmhekk diversi gruppi kienu jdoqqu l-mużika u jkantaw il-kanzunetti. Mill-galleriji ta' fuq, il-mexxej Safavid kien joqgħod jara l-logħbiet tal-polo, il-manuvri u t-tiġrijiet taż-żwiemel fil-pjazza.[19]

Suq Imperjali[immodifika | immodifika s-sors]

Id-daħla tas-suq jew id-daħla ta' Keisaria.
Ħanut tal-artiġjanat fis-suq.

Is-Suq Imperjali ta' Esfahan huwa suq storiku u wieħed mill-eqdem u l-ikbar swieq tal-Lvant Nofsani. Għalkemm l-istruttura preżenti tmur lura għal żmien is-Safavidi, partijiet minnha għandhom iktar minn elf sena, u jmorru lura għad-dinastija Seljuk. Is-suq jew il-bażar huwa magħmul minn triq twila żewġ kilometri li tikkollega ċ-ċentru storiku tal-belt mal-belt il-ġdida.[20]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-bosta portiċi tal-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan.

Il-Pjazza ta' Naqsh-e Jahan (jew Meidan Imam, Esfahan) ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1979.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Iktar qari[immodifika | immodifika s-sors]

  • E. Galdieri u R. Orazi, Progetto di sistemazione del Maydan-i Šāh (Ruma, 1969).
  • E. Galdieri, ‘Two Building Phases of the Time of Šāh ‛Abbas I in the Maydān-i Šāh of Isfahan: Preliminary Note’, E. & W., n. s., xx (1970), pp. 60-69.
  • H. Luschey, ‘Der königliche Marstall in Iṣfahān und Engelbert Kaempfers Planographia des Palastbezirkes 1712’, Iran, xvii (1979), pp. 71-79.
  • E. Galdieri, ‘Esfahan e la Domus Spectaculi Automatorum’, Proceedings of the First European Conference of Iranian Studies, Societas Iranologica Europaea: Turin, 1987, ii, pp. 377-388.
  • A. Jabalameli, ‘Meidan Eman en Isfahán’, Patrimonio Mundial, xix (2000), pp. 20-31.
  • E. Nathalie Rothman (2015), Brokering Empire: Trans-Imperial Subjects between Venice and Istanbul. Cornell University Press. ISBN 978-0801463129.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Meidan Emam, Esfahan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-29.
  2. ^ "Arquivo.pt". arquivo.pt. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-07-03. Miġbur 2023-12-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Blake, Stephen P.; Half the World. The Social Architecture of Safavid Isfahan, 1590-1722, pp. 117-119.
  4. ^ "Home". web.archive.org. 2021-02-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-02-03. Miġbur 2023-12-29.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ Rothman, 2015, p. 236.
  6. ^ Savory, Roger; Iran under the Safavids, p. 155.
  7. ^ Kheirabadi Masoud (2000). Iranian Cities: Formation and Development. Syracuse University Press. p. 47.
  8. ^ Sir Roger Stevens; The Land of the Great Sophy, p. 172.
  9. ^ Savory; chpt: The Safavid empire at the height of its power under Shāh Abbas the Great (1588–1629).
  10. ^ Blow, David; Shah Abbas. The Ruthless King Who Became an Iranian Legend; pp. 195-196.
  11. ^ Savory, Roger; Iran Under the Safavids; pp. 158-159.
  12. ^ Blow; pp. 195-196.
  13. ^ Savory; pp. 159-160.
  14. ^ Blake, Stephen P.; Half the World. The Social Architecture of Safavid Isfahan, 1590-1722, pp. 117-119.
  15. ^ Blow, p. 206.
  16. ^ Wilber, Donald; Aspects of the Safavid Ensemble at Isfahan, in Iranian Studies VII: Studies on Isfahan Part II, pp. 407-408.
  17. ^ Blake, Stephen P.; Half the World, The Social Architecture of Safavid Isfahan, 1590–1722, pp. 143-144.
  18. ^ Ferrier, R. W.; A Journey to Persia, Jean Chardin's Portrait of a Seventeenth-century Empire; pp. 53; 143.
  19. ^ "Evalwazzjoni tal-UNESCO" (PDF).
  20. ^ "Bazaar at Isfahan". web.archive.org. 2006-02-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-02-26. Miġbur 2023-12-29.