Aqbeż għall-kontentut

Kleopatra VII

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kleopatra VII
faragħun

29 Awwissu 51 "BCE" - 12 Awwissu 30 "BCE"
Ptolemy XII Auletes (en) Translate - Caesarion (en) Translate
Ħajja
Twelid Lixandrac. 13 Jannar 69 BC
Nazzjonalità Ptolemaic Kingdom (en) Translate
Grupp etniku Griegi fl-Eġittu
L-ewwel lingwa Grieg Koine
Mewt Lixandra, 12 Awwissu 30 "BCE"
Post tad-dfin Lixandra
Kawża tal-mewt suwiċidju (avvelenament)
Familja
Missier Ptolemy XII Auletes
Omm unknown value
Konjuga/i Marku Antonju  (32 "BCE" -  30 "BCE")
Tolomew XIV tal-Eġittu  (47 "BCE" -  44 "BCE")
Tolomew XIII  (51 "BCE" -  47 "BCE")
Koppja/i Gnaeus Pompeius Magnus (en) Translate
Ġulju Ċesri
Ulied
Aħwa
Tribù dinastija Tolemajka
Edukazzjoni
Lingwi Grieg Koine
Eġizzjan
Aramajk
Meroitiku
Latin
Sirjan
Għarbi Antik
Medjan
Partiku
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni sovran
monarka
Servizz militari
Iġġieldu Battalja ta' Azju

Kleopatra VII Thea Filopator (Κλεοπάτρα Θεά Φιλοπάτωρ; Lixandra, 69 Q.K. – Lixandra, 12 ta' Awwisu 30 Q.K.)[1] kienet reġina Eġizzjana tal-perjodu Tolemajk.

Din kienet l-aħħar reġina tal-Eġittu l-Antik u l-aħħar membru tad-Dinastija Tolemajka. L-isem "Kleopatra" bil-Grieg ifisser "glorja tal-missier".

Illum hi x'aktarx l-aktar famuża fost il-mexxejja kollha tal-Eġittu l-Antik u hi magħrufa bl-isem ta' Kleopatra, għalkemm kienet is-seba' u l-aħħar reġina li kellha dan l-isem. Madankollu, Kleopatra, qatt ma rrenjat waħidha fuq l-Eġittu għax kienet issaltan flimkien ma' missierha, ħuha, ħuha-żewġha u binha.

Cleopatra on the Terraces of Philae (1896) ta' Frederick Arthur Bridgman

Kleopatra VII twieldet Lixandra u missierha kien il-Fargħun Tolomew XII Awlete. Ma nafux min kienet omm Kleopatra, imma ħafna jaħsbu li kienet Kleopatra V Trifena, oħt jew kuġina u mara ta' Tolomew XII, jew forsi mara oħra mill-familja Tolemajka li kienet bint Tolomew X u Kleopatra Bereniċe III Filopator jekk Kleopatra V ma kinitx bint Tolomew X u Bereniċe III.[2] Bejn it-68 Q.K. u d-59 Q.K. twieldu oħtha min-naħa ta' missierha Arsinoe IV u ħutha Tolomew XIII u Tolomew XIV. Skont is-sistema dinastika, in-nisa wkoll setgħu jilħqu fuq it-tron, bħala miżżewġin ta' ħuthom subien. Din l-interpretazzjoni tat-testi antiki dwar l-aħwa "miżżewġin" ġiet ikkontestata ħafna drabi. Hu ħafna iktar probabbli li l-aħwa subien u bniet kienu jsaltnu flimkien u jaqsmu t-tron iżda mhux bħala miżżewġin. Fil-fatt, kull wieħed minnhom kien imbagħad ikun miżżewweġ lil nisa tagħhom li ma kellhomx dritt għat-tron. Missierha ħatarha koreġġenti ftit qabel miet, minħabba li ħutha l-bniet ikbar minnha, Kleopatra VI u Bereniċe IV, kien mietu, l-ewwel maqtula b'ordni ta' missierha (għax kienet ippruvat twaqqgħu mill-poter) u t-tieni avvelenata. Kleopatra VII ssuċċedietu meta kellha 18-il sena fir-rebbiegħa tal-51 Q.K. flimkien ma' ħuha Tolomew XIII ta' għaxar snin, miżżewġin skont il-liġijiet Eġizzjani.

Statwa tal-bażalt ta' Kleopatra VII fl-Ermitage, San Pietruburgu

.

Fir-rebbiegħa tal-48 Q.K. Tolomew, flimkien mal-kunsillier u ħabib tiegħu tal-qalb (hemm min anki jitkellem dwar storja ta' mħabba bejniethom) Potinu, li kien inħatar reġġent tal-fargħun żagħżugħ, ipprova jiddeponi lil Kleopatra u jġegħelha titlaq minn Lixandra. Ir-reġina ġabret armata u bdiet gwerra ċivili. Is-sitwazzjoni saret iżjed imħabbla meta oħthom l-oħra, Arsinoe IV, bdiet tippretendi d-dritt għat-tron.

Kleopatra VII fil-Ġeroglifiċi
q
rw
iwApAd
r
tAH8

Kleopatra
Qlwpdrt

G5
wr
r
nbnfrnfrnfrH2
x
O22

L-isem ta' Horus (1): Wer(et)-neb(et)-neferu-achet-seh
Wr(.t)-nb(.t)-nfrw-3ḫ(t)-sḥ
Is-sinjura kbira ta' perfezzjoni, eċċellenti fil-kunsill

G5
wr t
r
t
W
t
A53n
X2 t
z

L-isem ta' Horus (2): Weret-tut-en-it-es
Wr.t-twt-n-jt=s
Il-kbira, xbieha mqaddsa ta' missierha

q
rw
W
p
d
r
t H8
nTrt
H8
R7
t
z
N36

Kleopatra netjeret mer(et) ites
Qlwpdrt nṯrt mr(t) jts
L-alla Kleopatra maħbuba ta' missierha

F'dan il-punt il-megħlub ġeneral Ruman Pompew wasal l-Eġittu biex jistkenn mir-rivali tiegħu Ġulju Ċesri. Fil-bidu, Tolomew u Potinu taparsi aċċettaw it-talba tiegħu, iżda fid-29 ta' Settembru 48 Potinu ordna l-mewt ta' Pompew, bit-tama li jitħabbeb ma' Ċesri. Meta wasal dan, Tolomew offrielu r-ras tar-rivali tiegħu imma r-reazzjoni ta' Ċesri kienet ta' rabja u ġiegħel li Potinu jiġi maqtul. Minkejja li kien l-għadu ta' Ċesri, Pompew kien konslu Ruman u l-armel tal-unika tifla legittima ta' Ċesri, Ġulja. Ċesri ħa l-belt kapitali tal-Eġittu f'idejh u għamel ruħu l-arbitru bejn Tolomew u Kleopatra.

Ċesri sejjaħ lil Tolomew u lil Kleopatra fil-palazz irjali. Kleopatra beżgħet li jekk tmur lura fil-palazz tinqabad f'nassa ta' ħuha u għalhekk irrikorriet għal strataġemma.[3] Ġegħlet lil ħabib fidil tagħha, Apollodorus l-iSqalli, jirrumblaha f'tapit kbir marbut b'ċinga. Apollodorus imbagħad mar il-Palazz bir-romblu kbir fuq spallejh u qal li kellu jagħti rigal lil Ċesri u tħalla jidħol fl-appartamenti tal-konslu. Fil-preżenza tal-konslu ħall it-tapit u Ċesri sab quddiemu lil Kleopatra. Ir-reġina libset il-ħwejjeġ l-aktar rikki u mqaċċtin u l-ġojjelli l-aktar prezzjużi. Kellmitu bil-Latin u talbitu l-protezzjoni minn ħuha. Is-sorsi jirrakkontaw li l-impressjoni kienet irreżistibbli u t-tnejn saru maħbubin dak il-lejl stess.

Ir-reġina Kleopatra, bust tal-irħam tal- iskola ta' Lixandra, 40/30 Q.K. fl-Altes Museum, Berlin

Ċesri organizza r-ritorn uffiċjali tar-reġina u ġegħelha tiżżewweġ lil ħuha. Imma Tolomew, baqa' jwebbes rashu li jneħħi lil Kleopatra, u għamel alleanza ma' oħtu Arsinoe, u flimkien organizzaw armata, li f'Diċembru tat-48 fil-belt ta' Lixandra ltaqgħet f'battalja ma' dik ta Ċesri u Kleopatra. Il-battalja għamlet ħafna ħsara lill-bini tal-belt, fosthom il-Bibljoteka ta' Lixandra, li ġarbet ħsara kbira bin-nar u ntilfu fil-fjammi ħafna manuskritti ta' valur bla qies. Il-leġjuni Rumani sofrew telfa iebsa u Ċesri stess biex isalva ruħu mill-mewt kellu jaqbeż il-baħar u jaħrab.

Bis-saħħa tar-rinforzi minn Pergamu li waslu fi Frar tas-47 rebħu Ċesri u Kleopatra. Arsinoe u Tolomew inġegħlu jħallu l-belt. Fis-27 ta' Marzu tal-istess sena fuq ix-xmara Nil saret l-aħħar ġlieda bejn it-truppi ta' Tolomew u dawk ta' Ċesri. Il-battalja spiċċat f'massakru tal-armata Lixandrija: 25,500 mejta u 12,000 meħudin priġunieri. Tolomew innifsu tilef ħajtu. Kleopatra, li sfat l-unika l-ħakkiema tal-Eġittu, ħatret bħala koreġġent lil ħuha ż-żgħir Tolomew XIV. L-Eġittu baqa' formalment indipendenti, għalkemm tliet leġjuni Rumani baqgħu stazzjonati hemm bil-ħsieb li jżommu l-ordni pubbliku. Ir-relazzjoni bejn Ċesri u Kleopatra, li minnha twieled tifel, Tolomew Ċesri msejjaħ Ċesarjun, kellha żewġ skopijiet politiċi: id-dittatur Ruman ried jiżgura l-kontroll tal-Eġittu, importanti għar-riżorsi finanzjarji tiegħu, filwaqt li Kleopatra ttamat li biha tikseb għall-pajjiż pożizzjoni privileġġata ġewwa l-Imperu.

Kleopatra u Ċesarjun fit-tempju ta' Dendera, l-Eġittu

Fis-46 Q.K. Kleopatra marret Ruma ma' binha li kien għadu kif twieled u baqgħet hemm sal-mewt ta' Ċesri, fl-44 Q.K. Fis-sajf tal-istess sena Tolomew XIV miet, forsi vvalenat minn Kleopatra nnifisha, li ftit wara ħatret lil Ċesarjun bħala l-koreġġent tagħha, u dan ħa l-isem ta' Tolomew XV Ċesri.

Fit-42 Q.K. Marku Antonju, wieħed mit-trijumvirat li kien jiggverna Ruma wara l-vojt fil-poter li ħalliet il-mewt ta' Ċesri, talab lil Kleopatra biex tiltaqa' miegħu f'Tarsu biex jivverifika l-lealtà tagħha. Antonio mbagħad mar warajha Lixandra, fejn baqa' għas-sena ta' wara kollha. Mill-unjoni tagħhom twieldu tewmin Kleopatra Selene u Alessandru Helios.

Erba' snin wara, fl-37 Q.K., waqt li kien qiegħed jivvjaġġa għall-gwerra kontra l-Parti, Antonju ltaqa' ma' Kleopatra f'Antjokja, fejn iżżewwġu, minkejja li Antonju kellu rabta ma' Ottavja, oħt Ottavjanu. Ftit wara twieled iben ieħor, Tolomew Filadelfu. Ottavja ntbagħtet lura lejn Ruma. Wara l-konkwista tal-Armenja fl-34 Q.K., immexxija minn Antonju bl-għajnuna finanzjarja tal-Eġittu, it-tnejn flimkien iċċelebraw it-trijonf f'Lixandra.

It-tradizzjonaliżmu tal-opinjoni pubblika Rumana kienet profondament ixxukkjata bil-proċedura trijonfali mhux tas-soltu u bid-deċiżjonijiet meħuda fl-okkażjoni tad-Donazzjoni ta' Lixandra: Kleopatra ħadet it-titlu ta' "reġina tar-rejiet", ġiet fil-kult assoċjata mal-alla Isidi u nħatret reġġenti tal-Eġittu u Ċipru ma' Ċesarjun; Alessandru Helios ġie inkurunat re tal-Armenja, il-Medja u l-Partja, Kleopatra Selene nħatret reġina taċ-Ċirenajka u l-Libja, u Tolomew Filadelfu ġie inkurunat re tal-Feniċja, is-Sirja u l-Ċiliċja.

Waqgħa u suwiċidju

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-suwiċidju ta Kleopatra, bust tal-irħam ta' Claude Bertin, madwar 1690, Louvre, Pariġi

Il-politika ta' Kleopatra u Antonju bit-tendenza li tiddomina l-Lvant kollu, iffavoriet lil Ottavjanu, li akkuża lir-reġina li qiegħda timmina minn taħt is-supremazija ta' Ruma u kkonvinċa lir-Rumani jiddikjaraw gwerra fuq l-Eġittu. Fil-31 Q.K., il-forzi navali Rumani ltaqgħu ma' dawk ta' Antonju u Kleopatra fil-Battalja ta' Azju. Meta rat li l-battalja kienet intilfet ir-reġina marret tistkenn Lixandra ma' parti mill-flotta, segwita minn Antonju.

Wara r-rebħa, Ottavjanu invada l-Eġittu u, wara reżistenza qasira, daħal Lixandra. Fit-30 Q.K., wara s-suwiċidju ta' Antonju (li qatel ruħu b'idejh meta sema bl-aħbar falza tal-mewt tar-reġina), Kleopatra qatlet ruħha b'idejha b'gidma ta' serp velenuż, forsi kobra Eġizzjana. Però, minn studji li saru riċentament, xi arkeoloġi famużi bdew jiddubitaw jekk ir-reġina setgħitx toqtol ruħha b'idejha b'gidma ta' serp velenuż. Forsi din kienet biss gidba li vvintat hi stess biex tagħmel mewtha denja tar-reġina kbira li kienet u tagħmel ruħha iktar tixbaħ ir-reinkarnazzjoni ta' Isidi f'għajnejn il-poplu tagħha. Jaħsbu li setgħet ħejjiet il-velenu, li kienet esperta ħafna fih, u ordnat il-qaddejja tagħha biex jgħidu li mietet bil-gidma tas-serp velenuż. Kleopatra kienet, fil-fatt, anki jekk mhux partikolarment sabiħa, intelliġenti ħafna u kieku kienet ingidmet apposta mis-serp, mewtha kienet tkun b'ħafna uġigħ u l-agunija qabel ma mietet setgħet iddum għal aktar minn tletin minuta.

Plutarku fil-Ħajja ta' Antonju tiegħu, irrakkonta kif iddeċidiet li tuża dan l-annimal:

"... Kleopatra kienet tiġbor kull xorta ta' veleni li joqtlu, fost l-aktar b'saħħithom li hemm, u kienet tipprova kull wieħed minnhom biex tara jekk kienx effikaċi u fl-istess ħin mingħajr tbatija, billi tisqih lill-ħabsin li kienu jistennew il-mewt. Billi rat li dawk istantanji jwasslu għall-mewt f'daqqa, iżda b'ħafna wġigħ, u dawk inqas ħorox kienu jdumu wisq, ippruvat l-annimali u osservathom hi stess waqt li ġew applikati wieħed wara l-ieħor. Fosthom sabet li l-gidma tas-serp biss traqqad il-membri u s-sensi, mingħajr ma tikkawża spażmi jew tipprovoka l-krib; ma jidhirx ħlief għaraq ħafif fuq il-ġbin, filwaqt li l-fakultajiet perċettivi jgħibu, jerħu bil-ħlewwa u jirreżistu kull tentattiv ta' qawmien, bħal minn jorqod fil-fond ..."

Ċesarjun kien ikkundannat għall-mewt minn Ottavjanu, waqt li t-tlett itfal li kellha ma' Antonju ttieħdu Ruma. L-Eġittu sar provinċja Rumana mmexxija mill-prefett tal-Eġittu, uffiċjal ta' rank ekwestri. Ottavjanu li mar lura lejn Ruma biex jiċċelebra t-trijonf tal-ispedizzjoni Eġizzjana, kellu fuq karru xbiha tar-reġina Kleopatra li dawwar f'trijonf mat-toroq tal-belt.

Antonju u Kleopatra: Denarju 32 Q.K.

CLEOPATRAE REGINAE ANTONI ARMENIA DEVICTA
REGVM FILIORVM REGVM

Is-sorsi tal-letteratura Latina u Griega, li taw dettalji fuq il-ħajja u l-figura ta' Kleopatra huma numerużi, fosthom:

Kleopatra ma kinitx seduttriċi kbira biss. Kienet taf ħafna lingwi, Plutarku kiteb: "L-ilsien, bħal strument mużikali b'ħafna kordi, kienet taqilbu faċilment għal-lingwa li riedet titkellem, tkun liema tkun, tant li kienu rari ħafna l-każijiet li fihom kellha tittratta mal-Barbari permezz ta' interpretu, kienu x'kienu, Etjopjani, Trogloditi, Lhud, Għarab, Sirjani, Medi jew Parti". Kienet taf il-Grieg u kienet wkoll fluwenti fil-Latin. Minbarra l-versatilità fil-lingwi, kienet tinteressa ruħha wkoll fl-arti u x-xjenzi: ikkonvinċiet lil Antonju, meta sar mexxej assolut tal-Lvant, jagħti lil Lixandra l-Bibljoteka famuża ta' Pergamu. Kienet ħabiba ma' ħafna studjużi fil-Mużew ta' Lixandra, fosthom il-famuż astronomu Sożiġeni, li lilu nafu r-riforma tal-kalendarju Ruman: kienet kważi żgur Kleopatra li ppreżentatu lil Ċesri.[4]

Meta wieħed iqis il-familja immedjata ta' Kleopatra jidher ċar li kemm kien hemm tgħammir bejn il-membri tal-istess familja Tolomea. Il-ġenituri tagħha x'aktarx kienu aħwa u għalhekk kellha par wieħed biss ta' nanniet. Dawk in-nanniet kienu ziju u neputija, għal darb'oħra jillimitaw in-numru ta' antenati.[5] L-għadd relattivament żgħir ta' antenati nistgħu narawh mid-dixxendenza ta' Kleopatra VII kif setgħet kienet, murija hawn taħt.[6]

Kleopatra fl-arti, fiċ-ċinema u fil-letteratura

[immodifika | immodifika s-sors]

L-istorja ta Kleopatra matul is-sekli affaxxinat eluf ta' kittieba u artisti li għenu biex joħolqu l-leġġenda ta' seduttriċi mill-iżjed sabiħa li rnexxielha ssaħħar tnejn mill-irġiel l-aktar qawwijin ta' żmienha.

Fost l-akbar xogħlijiet fuq Kleopatra hemm:

Films dwar Cleopatra

[immodifika | immodifika s-sors]
Sarah Bernhardt fil-parti ta' Kleopatra
Elizabeth Taylor fil-film Cleopatra (1963)

Kleopatra fil-pittura

[immodifika | immodifika s-sors]

Kleopatra u mewtha ispiraw mijiet ta' pitturi mir-Rinaxximent sa llum. Hawnhekk hawn lista ta' xi wħud mill-aktar famużi:

  • Is-suwiċidju ta' Kleopatra (1621). Żejt fuq it-tila. 116.8 x 93.3 ċm. Impittra minn Giovanni Francesco Barbieri, magħruf bħala Guercino. Simon Norton Museum f'Pasadena, California, l-Istati Uniti.
  • Il-pranzu ta' Kleopatra (1743 - 1745). Żejt fuq it-tila. 248.2 x 357.8 ċm. Impittra minn Giambattista Tiepolo. National Gallery of Victoria, l-Awstralja.
  • Kleopatra (madwar l-1620). Żejt fuq it-tila. 97 x 71.5 ċm. Impittra minn Artemisia Gentileschi. Kollezzjoni tal-Fondazione Cavallini-Sgarbi, Ferrara.
  • Cleopatra u r-raħħal (1838). Żejt fuq tila. Impittra minn Eugène Delacroix. Ackland Art Museum, Università ta' North Carolina, USA.
  • Il-Kratere Kleopatra, li jinsab fuq il-quċċata tal-Muntanji Maxwell, il-formazzjoni ta' muntanji l-aktar prominenti tal-pjaneta Venere, hu msemmi f'ġieħ Kleopatra VII.
  1. ^ Alan K. Bowman, Egypt After the Pharaohs 332 BC-AD 642: From Alexander to the Arab Conquest, University of California Press (1 ta' Lulju, 1996), ISBN-10: 0520205316, ISBN-13: 978-0520205314
  2. ^ Skond ix-xhieda ta' Strabun, Tolomew XII kellha tifla leġittima waħda biss, Bereniċe IV, minn oħtu-martu Kleopatra V Trifena. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni u l-fatt li Kleopatra kienet l-unika waħda fil-familja tiegħu li kienet titkellem bl-Eġizzjan, xi studjużi pproponew l-ipoteżi li r-reġina kellha nisel Eġizzjan.L-istoriku Ġermaniż Werner Huß (Die Herkunft der Kleopatra Philopator (Id-dixxendenza ta' Kleopatra Filopator), Aegyptus 70, 1990, pp. 191–203) jassumi minflok li omm Kleopatra kienet mara Eġizzjana nobbli, li setgħet saret it-tieni mara ta' Tolomew XII wara li warrab lil Kleopatra V.
  3. ^ Plutarku (Ġulju Ċesri 49.1–3)
  4. ^ Ernle Bradford, Cleopatra, Penguin (3 ta' Lulju, 2001), ISBN-10: 014139014X, ISBN-13: 978-0141390147
  5. ^ Stacy Schiff, Cleopatra: A Life, Hachette Digital, Inc., 2010, ISBN 978-0-316-00192-2
  6. ^ Dodson, Aidan u Hilton, Dyan. The Complete Royal Families of Ancient Egypt. Thames & Hudson. 2004. ISBN 0-500-05128-3 Is-siġra tal-familja u d-diskussjonijiet fil-qosor tal-individwi jistgħu jinstabu fil-paġni 268-281. L-awturi jirreferu għal Kleopatra V bħala Kleopatra VI u Kleopatra Selene I jsejħulha Kleopatra V Selene.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
Predeċessur
Tolomew XII
Reġina tal-Eġittu
51 QK – 30 QK
ma' Tolomew XII, Tolomew XIII, Tolomew XIV u Tolomew XV

Suċċessur
ħadd