Artemisia Gentileschi
Artemisia Gentileschi | |||
---|---|---|---|
| |||
Ħajja | |||
Twelid | Ruma, 8 Lulju 1593 | ||
Nazzjonalità | Stati Papali | ||
Grupp etniku | Taljani | ||
Mewt | Napli, 1653 | ||
Familja | |||
Missier | Orazio Gentileschi | ||
Omm | Prudenzia di Ottaviano Montoni | ||
Konjuga/i | Pierantonio Stiattesi (en) | ||
Aħwa |
uri | ||
Edukazzjoni | |||
Lingwi | Taljan | ||
Għalliema | Orazio Gentileschi (en) | ||
Okkupazzjoni | |||
Okkupazzjoni |
pittur artist | ||
Post tax-xogħol |
Firenze Genova Ruma Venezja Napli | ||
Xogħlijiet importanti |
Judith Slaying Holofernes (en) Adoration of the Magi (en) Judith and her Maidservant (en) Susanna and the Elders (en) Allegory of Inclination (en) Self-Portrait as a Female Martyr (en) | ||
Sħubija | Accademia delle Arti del Disegno (en) | ||
Moviment | Caravaggisti (en) | ||
Moviment artistiku |
ritratt pittura reliġjuża pittura storika pittura mitoloġika |
Artemisia Gentileschi (Ruma, 8 ta' Lulju 1593 – Napli, 1656) kienet pittriċi Taljana tal-Barokk bikri, illum meqjusa bħala l-aqwa fost il-pitturi tal-ġenerazzjoni influwenzata minn Caravaggio. Fi żmien meta n-nisa ma tantx kienu aċcettati fil-komunità artistika, kienet l-ewwel pittriċi li saret membru tal-Accademia delle Arti del Disegno ta' Firenze.
Kienet l-ewwel artista mara li pinġiet pitturi storiċi u reliġjużi, fi żmien meta n-nisa ma kinux meqjusa kapaċi biżżejjed għal dawn is-suġġetti erojċi.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Bidu Ruman
[immodifika | immodifika s-sors]Artemisia Gentileschi twieldet Ruma fit-8 ta' Lulju, 1593, l-ewwel mill-ulied tal-pittur Toskan Orazio Gentileschi. Artemisia bdiet titgħallem il-pittura fil-ħanut tax-xogħol ta' missierha, fejn uriet ħafna iżjed talent minn ħutha s-subien, li kienu jaħdmu magħha. Hemm tgħallmet id-disinn, it-taħlit taż-żebgħa u l-pittura. Billi l-istil ta' missierha kien ispirat minn Caravaggio matul dak il-perjodu, l-istil tagħha kien influenzat sewwa minnu wkoll. Imma hi affrontat is-suġġett b'mod differenti minn dak ta' missierha, billi l-pitturi tagħha huma ħafna iżjed naturalisti minn ta' Orazio li huma idealizzati.
L-ewwel xogħol ta' Artemisia żagħżugħa, metal kellha 17-il sena, (allavolja ħafna nies dak iż-żmien issusspettaw li kien għenha missierha) kien Susanna e i Vecchioni (Susanna u x-Xjuħ) (1610, Kollezzjoni Schönborn, Pommersfelden). Il-pittura turi li Artemisia assimilat ir-realiżmu ta' Caravaggio mingħajr ma ttrraskurat il-lingwa tal-iskola ta' Bolonja (li fost l-ikbar pitturi tagħha kien hemm Annibale Carracci). Din hi waħda mill-ftit pitturi ta' Susanna li juri ż-żewġ irġiel jippjannaw il-molestja sesswali tagħhom. X'aktarx Artemisia kienet ġarbet xi molestja u pinġiet 'l Susanna bħala riflessjoni.
Fl-1612, minkejja li minn kmieni uriet talent kbir, Artemisia ma tħallietx tidħol fl-akkademji professjonali tal-arti li kienu għall-irġiel biss. Dak iż-żmien, missierha kien qiegħed jaħdem ma' Agostino Tassi fid-dekorazzjoni tas-soqfa tal-Casino della Rose fil Palazz Pallavicini Rospigliosi f'Ruma, u Orazio rranġa mal-pittur biex jgħallem 'il bintu fil-privat. Waqt li kienet titgħallem miegħu, Tassi stupra 'l Artemisia. Orazio tella' 'l Tassi l-qorti meta sar jaf Tassi ma setax "isewwi" l-ħsara bi żwieġ riparatorju. Il-problema kienet l-pittur kien diġà miżżewweġ (u fl-istess ħin kellu relazzjoni ma' oħt il-mara, li dak iż-żmien kienet meqjusa inċestuża). L-atti tal-proċess (li spiċca biex ikkundanna 'l Tassi għal sena ħabs biss) kellhom influwenza kbira fuq il-letteratura femminista fit-tieni nofs tas-seklu 20 dwar Artemisia Gentileschi[1]. Ta' minn jenfasizza l-fatt li Artemisia aċċettat li ttenni l-akkużi tagħha taħt it-torturi, li kienu jikkonsistu f'li jagħsrulha s-swaba l-kbar permezz ta' strument li kien jintuża spiss dak iż-żmien. Mill-qari tal-proċess nindunaw li l-kunċett ta' stuprum fis-seklu 17 kienu jifhmuh bħala deflorazzjoni ta' mara verġni jew relazzjoni sesswali bil-wegħda taż-żwieġ li ma nżammitx[2].
Il-pittura Giuditta che decapita Oloferne (Ġuditta taqta' ras Oloferne) (1612–1613), esibita fil-Mużew Capodimonte ta' Napli, hi tal-biża' fil-vjolenza li turi.
Xahar wara l-kawża fil-qorti, biex 'il bintu jirristawralha unurha, Orazio rranġalha biex tiżzewweġ 'l Pierantonio Stiattesi, artista modest minn Firenze. Ftit wara marru joqgħodu Firenze, fejn, Artemisia kisbet ordni għal pittura fil-Casa Buonarroti u saret pittriċi tal-qorti apprezzata, tgawdi l-patrunaġġ tal-familja Medici u ta' Karlu I tal-Ingilterra. Hemm minn jaħseb li matul dan iż-żmien Artemisia pinġiet ukoll il-Madonna col Bambino (Madonna bil-Bambin), li qiegħda fil-Gallerija Spada ta' Ruma.
Waqt li kienu Firenze, Artemisia u Pierantonio kellhom erba' subien u tifla. Imma t-tifla, Prudenzia, biss baqgħet ħajja sal-età adulta. Din marret lura ma' ommha Ruma fl-1621 u wara marret Napli. Ma nafux x'ġara minn Prudenzia wara l-mewt ta' ommha.
Firenze (1614-1620)
[immodifika | immodifika s-sors]Firenze, Artemisia għamlet suċċess kbir. Kienet l-ewwel mara li ġiet aċċettata fl-Accademia delle Arti del Disegno (Akkademja tal-Arti tad-Disinn). Kienet tmur tajjeb mal-artisti l-iżjed irrispettati ta' żmienha, bħal Cristofano Allori, u irnexxielha tikseb l-appoġġ u l-protezzjoni ta' nies ta' qawwa, fosthom il-Granduka Cosimo II de' Medici u speċjalment il-Grandukessa Cristina. Kienet taf 'l Galileo Galilei u damu jiktbu 'l xulxin għal żmien twil. Michelangelo Buonarroti ż-żgħir (neputi tal-kbir Michelangelo) li kien imħabbat bil-bini ta' Casa Buonarroti f'unur zijuh, kien jistmaha ħafna u tallabha tagħmel pittura biex iżżejjen is-saqaf tal-gallerija tal-pittura.
Il-pittura tirrappreżenta l-Allegoria dell'Inclinazione (Allegorija tal-Inklinażżjoni (xeħta jew talent naturali)), fl-għamla ta' tfajla għarwiena iżżomm kumpass. Hemm min jaħseb li din it-tfajla tixbaħ 'il Artemisia. In fatti f'bosta mill-pitturi tagħha, l-eroini mimlija ħajja ta' Artemisia jixbħu sewwa l-awtoritratti tagħha. Is-suċċess li kellha u l-fatt li kienet mara qajmu ħafna xnijat fuq il-ħajja privata tagħha.
Fost ix-xogħlijiet importanti ta' dan il-perjodu insibu La Conversione della Maddalena (Il-konverżjoni tal-Madalena), u Giuditta con la sua ancella (Ġuditta mal-qaddejja tagħha), li issa qiegħda fil-Palazz tal-Pitti. Artemisia pinġiet verżjoni oħra ta' Giuditta che decapita Oloferne (Ġuditta taqta' ras Oloferne), din ikbar mill-verżjoni ta' Napli u issa tintwera fil-Gallerija Uffizi ta' Firenze.
Minkejja s-suċċess li kellha, minħabba l-ħela tagħha u ta' żewġha, iż-żmien li għamlet Firenze kien mimli problemi mal-kredituri u bejniethom. Dawn il-problemi ġegħluha tmur lura Ruma fl-1621.
Lura Ruma, Venezja (1621-1630)
[immodifika | immodifika s-sors]Artemisia marret Ruma fl-istess sena li missierha Orazio telaq għal Genova. Xi nies jaħsbu li Artemisia marret hemm wara missierha. Imma x-xhieda iżjed ixxaqleb favur il-fatt li Artemisia baqgħet Ruma, tfittex dar u trabbi iż-żewġ uliedha bniet. Ma' Prudenzia (li twieldet miż-żwieġ ma' Pierantonio Stiattesi) kellha tifla oħra barra ż-żwieġ, li x'aktarx twieldet fl-1627. Artemisia ippruvat tgħallem l-arti tal-pittura lil uliedha bl-ebda suċċess.
L-istil ta' Caravaggio, għalkemm il-pittur stess kien ilu mejjet iżjed minn għaxar snin, kien għad għandu influwenza kbira u ħafna pitturi kienu kkonvertew għall-istil tiegħu (dawn jissejħu Caravaggeski) bħal missier Artemisia, Carlo Saraceni (li mar lura Venezja fl-1620), Bartolomeo Manfredi, u Simon Vouet. Madankollu f'Ruma kmieni fis-seklu 17 kien hemm stili oħra bħall-manjiera iżjed klassika tad-dixxipli Bolonjiżi ta' Carracci u l-istil barokk ta' Pietro da Cortona.
Artemisia daħlet fl-Accademia dei Desiosi u din l-okkażżjoni ġiet iċċelebrata b'ritratt inċiż bl-iskrizzjoni "Pincturae miraculum invidendum facilius quam imitandum". Fl-istess perjodu saret ħabiba ta' Cassiano dal Pozzo, umanista, kollezzjonista u mentur kbir tal-arti. Madankollu minkejja r-reputazzjoni artistika, il-personalità qawwija tagħha u x-xibka ta' relazzjonijiet tajba li kellha, Ruma ma pprovdietx kummisjonijiet daqs kemm kienet xtaqet. L-apprezzament tal-pittura tagħha kien marbut biss mal-kapaċità tagħha bħala ritrattista u l-ħila tagħha fir-rappreżentazzjoni tal-eroini bibliċi: ma kisbitx ordnijiet għall-pitturi titulari fil-knejjes li kienu jġibu ħafna qliegħ. Minħabba n-nuqqas ta' dokumenti hu diffiċli li nkunu nafu fejn kienet Artemisia f'dan iż-żmien. Nafu ċert li bejn l-1627 u l-1630 marret toqgħod Venezja, x'aktarx biex tfittex kummissjonijiet li jiswew iktar. Dan narawh mit-tiħir tal-kwalità tagħha li rċiviet mill-letterati ta' din il-belt.
Minkejja li kultant hu diffiċli li wieħed jagħti data lill-pitturi tagħha, nistgħu inqegħdu f'dawn is-snin ir-Ritratto di gonfaloniere (Ritratt ta' gonfalonjier), li issa qiegħed Bolonja (eżempju rari tal-ħila tagħha bħala ritrattista li għaliha kienet imsemmija); il-Giuditta con la sua ancella, (Ġuditta mal-qaddejja tagħha) illum murija fid-Detroit Institute of Arts, (pittura li tirrifletti s-sengħa tal-pittriċi fl-effetti ta' chiaroscuro fid-dawl tax-xama', li għalihom f'Ruma kienu famużi Gerrit van Honthorst, Trophime Bigot u oħrajn), il-Venere Dormiente (Venere rieqda), illum fil-Virginia Museum of Fine Arts, Richmond, u Ester ed Assuero (Ester u Assweru) li qiegħda fil-Metropolitan Museum of Art ta' New York, (li tnejn jixhdu kemm kienet assimilat il-lezzjonijiet tal-luminiżmu Venezjan).
Napli u l-Ingilterra (1630-1653)
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1630 Artemisia marret toqgħod Napli, belt għanja b'ħafna ħwienet tax-xogħol għall-arti u ħafna nies li jħobbu l-arti, biex tfittex opportunitajiet ġodda u ta' iktar qliegħ. Ħafna artisti oħra fosthom Caravaggio, Annibale Carracci, Simon Vouet kienu għaddew xi żmien f'Napli f'ħajjithom u dak iż-żmien kienu qegħdin jaħdmu hemm Jusepe de Ribera, Massimo Stanzione u ftit wara Domenichino, Giovanni Lanfranco u ħafna oħrajn[3].
L-ewwel pittura ta' Artemisia f'Napli kienet l-Annunzjazzjoni murija fil-Mużew Capodimonte. Baqgħet toqgħod Napli għall-bqija tal-karriera tagħha barra minn vjaġġ qasir lejn Londra u xi safar ieħor. Napli saret għal Artemisia it-tieni pajjiżha fejn setgħet trabbi l-familja (żewġet iż-żewġ uliedha hemm, b'dotta xierqa). Irċiviet ittri li wrew stima kbira lejha, kienet tmur tajjeb mal-viċire, id-Duka ta' Alcalá u l-aqwa artisti li kienu hemm kienu jqisuha tajba daqshom, bħal Massimo Stanzione, li skont il-kittieb tas-seklu 18, Bernardo de' Dominici, bdiet kollaborazzjoni miegħu mibnija fuq ħbiberija soda u qbil fl-stili tagħhom.
F'Napli għall-ewwel darba f'ħajjitha Artemisia sabet ruħha tpinġi pitturi għal katedral, dawn kienu ddedikati għall-ħajja ta' San Ġennaru. Matul dan l-ewwel perjodu Naplitan pinġiet in-Nascita di San Giovanni Battista (It-twelid ta' San Ġwann Battistat) li qiegħed fil-Mużew tal-Prado f'Madrid, u Corisca e il satiro (Koriska u s-satir), f'kollezzjoni privata. F'dawn il-pitturi, Artemisia terġa' turi l-ħila tagħha biex iġġedded l-ideat u timxi mal-gosti artistiċi taż-żmien u biex taħdem fuq suġġetti ġodda minnflok il-Ġuditti, Susanni, Batsebi, u Madaleni Niedma, tas-soltu li għalihom kienet diġà magħrufa.
Fl-1638 Artemisia marret ħdejn missierha Londra fil-qorti ta' Karlu I tal-Ingilterra, fejn Orazio kien sar pittur tal-qorti u ingħata x-xogħol importanti li jżejjen saqaf (allegorija tat-Trionfo della pace e delle Arti (Trijonf tal-paċi u l-Arti) fil-Casa delle Delizie tar-Reġina Enriketta Marija ta' Franza fi Greenwich. Il-missier u bintu kienu għal darba oħra qegħdin jaħdmu flimkien, però x'aktarx li Artemisia ma kinitx marret Londra biex tgħin il-missierha biss: Hu ċert li Karlu I kien sejħilha biex tmur fil-qorti tiegħu f'Londra u din is-sejħa ma setgħetx tirrifjutaha. Karlu I kien kollezzjonista fanatku, lest li jħalli l-finanzi pubbliċi jfallu biex jissodisfa x-xewqat artistiċi tiegħu. Il-fama ta' Artemisia x'aktarx qajmitlu l-kurżità u mhux kumbinazzjoni li nsibu fil-kollezzjoni tiegħu pittura ta' suġġestjoni kbira, l-Autoritratto in veste di Pittura ("Awtoritratt bħala Allegorija tal-Pittura").
Orazio miet f'daqqa fl-1639. Artemisia, f'Londra, kien għad għandha l-kummissjonijiet tagħha xi tlesti wara l-mewt ta' missierha, però m'hemm l-ebda xogħol li nistgħu inqegħduh żgur f'dan il-perjodu. Nafu żgur li Artemisia kienet diġà telqet mill-Ingilterra qabel l-1642, meta l-gwerra ċivili kienet qiegħda tibda. Ftit jew xejn nafu fuq il-movimenti tagħha ta' wara. Hu żgur li fl-1649 kienet reġgħet marret Napli fejn kienet tikkorrispondi ma' Don Antonio Ruffo ta' Sqallija li sar patrun tagħha u xtara ħafna minn xogħlha fit-tieni perjodu Naplitan. L-aħħar ittra li nafu biha lill-patrun tagħha hi mill-1650 u fiha jidher ċar li kienet għadha attiva għal kollox. Fost ix-xogħlijiet minn dan il-perjodu insibu Susanna e i vecchioni (Susanna u x-Xjuħ) li llum qiegħda Brno u Madonna e Bambino con rosario (Madonna u Bambin bill-kuruna tar-rużarju) fl-El Escorial.
Qabel kienu jaħsbu li Artemisia mietet fl-1652/1653. Skont xhieda ġdida li nstabet dan l-aħħar kienet għadha taċċetta l-ordnijiet fl-1654 – imma però kienet iżjed u iżjed tiddependi mil-lavrant tagħha, Onofrio Palumbo. Għalhekk x'aktarx ma mmorrux żmerċ ħafna jekk ngħidu li mietet fil-pesta qalila li laqtet Napli fl-1656 u qerdet kwazi ġenerazzjoni sħiħa ta' artisti Naplitani.
Profil artistiku
[immodifika | immodifika s-sors]L-istoriku u kritiku tal-arti Taljan, Roberto Longhi, fis-saġġ tiegħu tal-1916, imsejjaħ Gentileschi padre e figlia (Gentileschi missier u bint) reġa' ġab għall-attenzjoni tal-kritiċi l-istatura artistika ta' Artemisia Gentileschi fost il-Caravaggeski tal-ewwel nofs tas-seklu 17. Longhi esprima, f'ton forsi daqsxejn misoġinu mingħajr ma ried, din il-fehma dwar Artemisia "kienet l-unika mara fl-Italja li kienet taf x'inhuma l-pittura, il-kulur u l-impastar u ħtiġijiet bħalhom". Dwar il-pittura l-iżjed famuża ta' Artemisia Giuditta che decapita Oloferne Longhi kiteb:
"Min seta' jaħseb infatti li dak il-liżar impinġi bi bjuda u dellijiet silġin denji ta' pittura ta' Vermeer f'daqs naturali, jista' jsir fuqu tbiċċir hekk kiefer li jkexkex u jwaħħax – jagħtina ngħidu – imma din hi mara terribbli! Mara pinġiet dan kollu? |
u żid jgħid
... m'hawn xejn sadiku hawn, anzi dak li jgħaġġibna l-iżjed hu l-impassibbiltà ta' dik li pinġiet dan kollu u anki rnexxielha tinnota li d-demm niżel bil-qawwa setgħet iżżejnu billi tqiegħed ċarċira irqieqa bħala bordura kull naħa tal-gelgul tan-nofs! Ngħidlek ma temminx! Imbagħad jekk jogħġobkom agħtu lis-Sinjura Schiattesi – l-isem ta' miżżewġa ta' Artemisia – il-ħin biex tagħżel il-manku tax-xabla li kellha taqdi l-bżonn! U fl-aħhar ma taħsbux li l-unika ċaqlieqa ta' Ġuditta kienet biex tmur lura kemm jista' jkun biex ma ttebbagħx bid-demm il-libsa ġdida fjamanta tal-ħarir isfar. Kien kif kien naħsbu, li l-libsa kienet mid-dar tal-familja Gentileschi li kellhom l-ifjen gwardarobba tal-ħarir, wara Van Dyck, fis-snin 1600." |
L-analisi tal-pittura tenfasizza, b'mod eżemplari, xi tfisser "kienet taf x'inhuma l-pittura, il-kulur u l-impastar u ħtiġijiet bħalhom": tfakkarna fil-kuluri jlellxu tal-paletta ta' Artemisia, il-ħarir ileqq tal-ilbies (b'dak l-isfar jgħajjat), l-attenzjoni perfezzjonistika għar-realtà tal-ġojelli u tal-armi.
L-interess fil-figura artistika ta' Artemisia, li baqa' dgħajjef minkejja l-kitba ta' Longhi, ħa spinta qawwija mil-lat tal-istudji femministi, li enfasizzaw sewwa, il-qawwa espressiva li ħa l-lingwaġġ pittoriku tagħha, mill-istupru tagħha u l-maltrattament ta' wara, meta s-suġġetti rrappreżentati kienu eroini bibliċi famużi, li qishom iridu juru r-ribelljoni tagħhom kontra l-istat li għalih ġie kkundanat is-sess tagħhom.
F'saġġ li hemm fil-katalgu tal-wirja "Orazio e Artemisia Gentileschi" li ttellgħet f'Ruma fl-2001 (u wara f'New York), Judith W. Mann iżżomm lura u turina il-limiti ta' analisi minn lat strettament femminista:
"[Interpretazzjoni ta' dan it-tip] tavvanza l-ipoteżi li l-qawwa kreattiva kollha ta' Artemisia tidher biss fit-tpinġija ta' nisa ta' qawwa u li għandhom il-ħila li jieqfu għal tagħhom, sal-punt li ma nistgħux nimmaġinawha taħdem fuq pitturi ta' xbihat reliġjużi konvenzjonali, bħall-Madonna bil-Bambin jew il-Verġni taċċetta bl-ubbidjenza l-Annunzjazzjoni; u barra minn hekk intqal li l-artista rrifjutat li tbiddel l-interpretazzjoni personali tagħha ta' dawn is-soġġetti biex togħġob il-klijenti li nissoponu li kienu rġiel. L-isterjotip kellu effett restrittiv doppju: ħajjar l-istudjużi li jiddubitaw l-attribuzzjoni għaliha ta' pitturi li ma' jaqblux mal-mudell deskritt, u li jagħtu valur iżjed baxx lil dawk li ma' jidħlux fil-cliché." |
Il-fatt li Artemesia reġgħet pinġiet kemm il-darba suġġetti vjolenti bħal Guditta u Oloferne, iħajjarna noħorġu b' teorija ta' vendetta repressa. Però, xi storiċi tal-arti jissuġġerixxu li aktarx kienet makakka biżżejjed biex tuża l-fama tagħha mill-proċess tal-istupru biex tissodisfa suq speċjalizzat ikkargat bis-seswalità ta' arti fejn il-mara tiddomina, għal klijenti rġiel.
Il-kritika iżjed riċenti bdiet mir-rikostruzzjoni tal-katalgu sħiħ ta' xogħlha biex tipprova tagħti analisi inqas reduttiva tal-karriera ta' Artemisia li tqegħdha fil-kuntest tad-diversi ambjenti artistiċi li l-pittriċi kienet parti minnhom. Din l-analisi terġa' tqajjem il-figura ta' artista titqabad bit-determinazzjoni permezz tal-armi tal-personalità tagħha u l-kwalitajiet artistiċi tagħha kontra l-preġudizzji li kienu jħabbtu wiċċhom magħhom l-artisti nisa. Kellha l-ħila li tidħol produttivament fiċ-ċirku tal-pitturi l-iżjed famużi ta' żmienha u tiffaċċa firxa ta' ġeneri pittoriċi li żgur kienet usa' u iżjed varjata' milli naraw issa mit-tili attribwiti lilha.
Il-figura ta' mara u pittriċi
[immodifika | immodifika s-sors]Għal mara fil-bidu tas-seklu 17, li ssir pittriċi kienet għażla mhux tas-soltu u diffiċli imma mhux waħda eċċezzjonali. Qabel Artemisia, bejn it-tmiem tas-seklu 16 u l-bidu tas-seklu 17, kien hemm pittriċi oħra li rnexxew fil-karriera tagħhom. Fosthom nistgħu insemmu lil
- Sofonisba Anguissola (Cremona madwar l-1530 - Palermo 1625), ir-Re Filippu II sejħilha biex taħdem fil-qorti tiegħu;.
- Lavinia Fontana (Bolonja, 1552 - Ruma 1614) marret Ruma fuq stedina tal-Papa Klement VIII;
- Fede Galizia (Milan jew Trento, 1578 - Milan 1630) pinġiet naturi mejtin pittura ta' Ġuditta bir-ras ta' Oloferne.
Kien hemm pittriċi oħra li bdew il-karrieri tagħhom meta Artemisia kienet għadha ħajja. Jekk inħarsu lejn il-ħila artistika tagħhom naraw li dak li qal Longhi li Artemisia kienet "l-unika mara li qatt kienet taf fuq il-pittura" mhuwiex eżatt, però m'hemmx dubju li Artemisia għadha meqjusa fost l-aqwa artisti nisa, u fl-aħħar ħadet il-post li jixirqilha fost l-artisti l-kbar tal-Barokk[4].
Madankollu, kemm fl-arti u kemm fil-bijografija ta' Artemisia Gentileschi, hemm xi ħaġa li tagħmilha speċjalment affaxxinanti u li tispjega l-interess fiha ta' xi kittieba (l-iżjed u dan mhux kumbinazzjoni, xi kittieba nisa).
Anna Banti, il-mara ta' Roberto Longhi msemmi hawn fuq, kienet l-ewwel kittieba li ddeċidiet li tibni rumanz madwar il-figura ta' Artemisia. L-ewwel abbozz tagħha f'għamla ta' manuskritt lestietu fl-1944, imma ntilef matul il-gwerra. Tliet snin wara reġgħet bdiet taħdem fuq il-ktieb u kitbietu f'għamla differenti ħafna. Anna Banti kitbet ir-rumanz ġdid tagħha, bit-titlu Artemisia, bħala djalogu ta' mara ma' mara mal-pittriċi, f'għamla ta' "djarju miftuħ", li fih tipprova – waqt li għaddej ir-rakkont tal-adolexxenza u l-maturità ta' Artemisia – li tispjega lilha nfisha l-faxxinu li kienet taħtu, u l-ħtieġa li tmur iżjed fil-fond mill-valutazzjonijiet ċari (anki jekk b'ħafna passjoni) li dwarhom iddiskutiet tant drabi ma' żewġha Roberto Longhi[5].
Iżjed minn ħamsin sena war, fl-1999, il-kittieba Franċiża, Alexandra Lapierre, iteressat ruħha f'Artemisia u kitbet rumanz fuqha bbażat fuq studju bir-reqqa ta' ħajjitha u l-kuntest storiku fl-isfond ta' din. Ir-riċerka psikoloġika li nsibu bejn il-linji tar-rumanz tipprova tifhem ir-relazzjoni bejn Artemisia l-mara u Artemisia l-pittriċi, u toħroġ bħala leitmotiv, ir-relazzjoni bejnha u missierha, magħmula minn imħabba mistura u rivaltà moħbija bħala artista.
Fl-2002 ħareġ rumanz ieħor fuqha The Passion of Artemisa (Il-passjoni ta' Artemisa) miktub minn Susan Vreeland, li qisu mexa mal-mewġa tal-popolarità li kisbet Artemisia Gentileschi fl-analiżi femminista, u jidher li ried jisfrutta is-suċċess tar-rumanzi storiċi ibbażati fuq pittura bħal-ktieb ta' qabel ta' din l-awtriċi. Għal raġunijiet analoġi, skont il-kritika [6] il-film Artemisia tar-reġista Franċiża Agnes Merlet, li fih taħdem Valentina Cervi, kellu riżultati dubjużi. Dan il-film irrapreżenta ħażin ir-relażżjoni bejn Tassi u Artemisia bħala passjoni ta' mħabba minflok stupru.
Id-drammaturga Kanadiża Sally Clark kitbet dramm għal palk imsejjes fuq il-ġrajjiet li wasslu u segwew l-istupru ta' Artemisia. Dan id-dramm "Life Without Instruction" kellu l-premiere fit-Theatre Plus ta' Toronto fit-2 t'Awwissu, 1991.
Għaliha ġie iddedikat l-asterojde "14831 Gentileschi", skopert fl-1987 minn E. W. Elst.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Ara Mary Garrard, op cit. fil-bibljografija
- ^ cfr. M. Di Sivo, "«Il signor Horatio mi ritraheva»…", 2005, cit. fil-bibljografija
- ^ Fuq il-perjodu Naplitan ta' Artemisia ara Riccardo Lattuada, Artemisia a Napoli, Napoli e Artemisia, f'Judith W. Mann e K. Christiansen, op. cit.
- ^ Għal analisi tar-rivalutazzjoni tal-pittriċi tas-sekli 16 u 17 ara [1] Il-mara, in-nofs l-ieħor tal-arti
- ^ R. Longhi għamel riferiment espliċitu għar-rumanz ta' A. Banti fil-katalgu tal-wirja dwar il-Caravaggeski li ttellgħet f'Milan fl-1951, u osserva li Il-leġġenda tagħha [ta' Artemisia] ta' pittriċi bla skrupli u avventuruża nħolqot fuq kollox fl-Ingilterra puritana. Interpretazzjoni iżjed Taljana u fit-tradizzjoni tar-rumanz storiku tagħna tinsab fl-"Artemisia" ta' A. Banti.. Iċ-ċitazzjoni tinsab f'Roberto Contini, Gianni Papi, op. cit. fil-bibljografija.
- ^ Cfr. Revision Cinema Artemisia - Passione Estrema