Aqbeż għall-kontentut

Jusepe de Ribera

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jusepe de Ribera
pittur tal-familji nobbli

Ħajja
Twelid Xàtiva (en) Translate, 12 Jannar 1591, 1588
Nazzjonalità Kuruna ta' Aragona
Mewt Napli, 3 Settembru 1652
Post tad-dfin Santa Maria del Parto a Mergellina, Naples (en) Translate
Familja
Konjuga/i Caterina Azzolino (en) Translate
Edukazzjoni
Lingwi Spanjol
Għalliema Francesc Ribalta (en) Translate
Studenti
uri
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
tipografu
artist grafiku
disinjatur
disinjatur tal-bini
artist viżiv
Post tax-xogħol Valencia
Ruma
Parma
Napli
Xogħlijiet importanti San Bartilmew
Filosfu b'mera
Communion of the Apostle (en) Translate
Prophets and Patriarchs (en) Translate
Saint Andrew (en) Translate
Saint Francis receives the Seven Privileges from the Angel (en) Translate
Moviment Barokk
Moviment artistiku arti reliġjuża
pittura mitoloġika
Jusepe de Ribera, awtoritratt/center>

Jusepe de Ribera, magħruf ukoll bħala José de Ribera jew bil-laqam Spagnoletto (Xàtiva, 17 ta' Frar 1591 – Napli, 2 ta' Settembru 1652), kien pittur u inċiżur Spanjol li ħadem l-aktar f'Napli. KIen wieħed mill-aqwa protagonisti tal-pittura Ewropea tas-seklu 17 u wieħed mill-pitturi importanti li segwew il-linja tal-Caravaggiżmu. Flimkien ma' pitturi oħra tal-epoka, fuq kollox Luca Giordano, Massimo Stanzione, Mattia Preti, Bernardo Cavallino u Battistello Caracciolo, kien wieħed mill-esponenti l-żjed importanti tat-Tenebriżmu u tal-pittura Naplitana tas-seklu 17.

Il-laqam Spagnoletto, mifrux mal-Italja, kien ġej mill-istatura qasira tiegħu.

Twieled Xàtiva, qrib Valencia, fl-1591 minn Simón de Ribera (skarpan) u Margarita Cucó u kien ħu Juan, pittur ukoll. Fil-bidu kien apprendistat ma' Francisco Ribalta fil-belt ta' Valencia.

De Ribera ma damx li ħass il-ħtieġa li jmur l-Italja, minn dejjem ċentru importanti tal-pittura, u li jimxi fuq il-passi ta' Caravaggio. Għalhekk fl-1611 telaq lejn l-Italja, l-ewwel fin-naħa ta' fuq, Cremona għal Milan u għal Parma u mbagħad niżal Ruma fejn kellu kuntatt mal-pittura ta' Guido Reni u ta' Ludovico Carracci. Fl-aħħar, x'aktarx, mar l-Italja ta' Isfel u spiċċa Gallipoli fejn għex fil-palazz antik ta' Assanti-Aragona (illum magħruf bħala Palazzo Gallo). L-ewwel xogħol tiegħu li nafu bih bid-data ta' 1611, San Martin jaqsam il-Mantell, intilef[1]. Ruma pinġa s-sensiela Il-Ħames Sensi li għad għandna minnha żewġ pitturi oriġinali u kopji tat-tlieta l-oħra[2].

Silenu fis-sakra (1626). Mużew nazzjonali ta' Capodimonte, Napli
Martirju ta' San Filippu (1639). Mużew tal-Prado, Madrid

Fl-1616 mar Napli fejn sar il-protett tal-Viċi-Re Spanjol, id-duka ta' d’Osuna, li għalih pinġa ħafna quadri illum miżmumin fil-knisja kolleġġjali ta' Osuna (qrib Sivilja), fosthom San Bastjan u Il-Kalvarju. Kiseb fama kbira u hekk seta' jiltaqa' ma' ħafna artisti li għaddew minn Napli. Fosthom kien hemm il-kompatrijott tiegħu Diego Vélasquez li xtara mingħandu għadd ta' kwadri għar-re Filippu IV ta' Spanja fl-1629, u għal darba oħra fl-1649, għall-palazz tal-Escorial.

Ribera żżewweġ lil Catalina de Azzolino, bint pittur medjokru u magħha kellu ħamest itfal. Fil-bidu kien jimita t-tenebriżmu Caravaggesk, imma waqt li Caravaggio jagħti intensità kbira l-pittura permezz tal-kuntrasti qawwijin tal-chiaroscuro, Ribera juża l-chiaroscuro biex jagħti l-kwadru ċertu misterju, mingħajr ma jnaqqas mis-serenità u l-bilanċ tax-xena.

Minn dan l-ewwel perjodu jispikkaw l-erba' kwadri reliġjużi b'interpretazzjoni profetika u sbuħija straordinarja: San Ġlormu, San Bastjan imdewwi minn erba' qaddisin nisa. Il-pitturi mitoloġiċi, pereżempju Silenu fis-sakra, huma daqshom importanti. Rimarkabbli wkoll il-viżjoni axxetika tal-pittur fir-rappreżentazzjoni tal-profeti, appostli, qaddisin, eċċ: San Pawl l-Eremita, Santur Rokku, Sant Andrija, San Ġakbu l-Kbir kif ukoll ir-realiżmu tiegħu fid-deskrizzjonijiet tal-varji martirji.

Aktar ma mmatura, aktar ħeles mit-tenebriżmu tal-bidu.l-għażla tal-kuluri ċċarar u saret aktar imdawla, it-tonalitajiet saru aktar armonjużi, pereżempju f'L-Immakulata Kunċizzjoni. Din kienet l-epoka tal-akbar xogħlijiet tiegħu. Il-kuluri saru aktar u aktar ispirati mill-Iskola Venezjana, kif juru Venere u Adone, Apollo u Marsja u fil-pitturi ddestinati għall-monasteru Ċertożin ta' San Martino. L-ispirazzjoni tiegħu kienet mill-arti klassika u nistgħu nindunaw f'bosta xogħlijiet tiegħu bix-xbiha ta' Apollo tal-Belvedere bħal f' Il-Martirju ta' San Bartilmew (1626-29, Stockholm, Nationalmuseum) jew f' L-Agħma ta' Gombazzo (1632, Madrid, Mużew tal-Prado), bħala omaġġ għall-Antikità jew bil-kuntrarju bħala xhieda tat-tmiem tal-paganiżmu[3]. Ribera tbiegħed mil-kompożizzjonijiet kkomplikati, tipiċi tal-Barokk Taljan, u kien jippreferi jagħti l-persunaġġi intensità emottiva.

Ribera kien iħobb ukoll l-aspetti aneddotiċi u popolari, pereżempju fis-sensiela tal-Filosfi, insibu rappreżentazzjonijiet ta' tallaba u tipi popolari bħal It-Tfajla bit-Tamburin, Ix-Xurban Ferħan Ix-Xurban ta' Muskat, kif ukoll persunaġġi stravaganti bħal Il-Mara bil-Baffi. L-aħħar xogħlijiet tiegħu bħal L-Adorazzjoni tar-Rgħajja u San Ġlormu penitenti huma xhieda tar-rikkezza kbira fil-qasam tal-kompożizzjoni u l-kulur.

Ix-xogħol grafiku tiegħu hu importanti wkoll, tant għall-kwalità u tant għall-kwantità. L-ewwel disin magħruf ġej mill-1611, Adorazjoni tal-Maġi. It-teknika li kienet varja, pinna, sangwinja, akwarell... Għandna xhieda tal-arti pittorjali tiegħu mifruxa ma ħajtu kollha. L-inċiżizzjonijiet tiegħu (prinċipalment bl-akwaforte) huma limitati għal perjodu ta' ħajtu (bejn l-1616 u l-1630). Ribera fl-1622 beda wkoll xogħol għat-tagħlim li kien fih bosta inċiżjonijiet ta' natura anatomika (għajnejn, widnejn, ħluq ...) imma qatt ma' lestieh[4]. Bejn l-1630 u l-1648, ma pproduċiex inċiżjonijiet aktar u l-aħħar xogħol tiegħu kien minn din is-sena bir-ritratt ekwestru ta' Don Juan José tal-Awstrija.

  1. ^ Augé JL, Ribera ou l'essence du réel, Dossier de l'art nru. 159, p. 2-20
  2. ^ Ressort C, Ribera : La période romaine, nouvelles attributions, Dossier de l'art nru. 159, p. 28-33
  3. ^ Augé JL,Ribera et l'antique, une nouvelle lecture, Dossier de l'art nru 159, p. 34-43
  4. ^ Augé JL, Ribera, les effet maîtrisés de la gravure, Dossier de l'art nru 159, p. 60-63