Hans Memling

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Hans Memling
Memling30.jpg
Ħajja
Twelid Seligenstadtu Mainzc. 1435
Nazzjonalità Nofsinhar tan-Netherlands
Ġermanja
Mewt Bruges, 11 Awwissu 1494
Post tad-dfin Bruges
Edukazzjoni
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Rogier van der Weyden
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
artist
Post tax-xogħol Köln
Brussell
Bruges
Xogħlijiet importanti St John Altarpiece (en) Translate
Qerda tal-innoċenti
L-Aħħar Ġudizzju
Trittiku ta' Greverade
Dittiku ta' Maarten Nieuwenhove
Dittiku ta' Bembo
Tommaso di Folco Portinari (1428–1501); Maria Portinari (Maria Maddalena Baroncelli, born 1456) (en) Translate
Master of the Prado Adoration of the Magi (en) Translate
Ritratt ta' Raġel
Ritratt ta' Raġel Xiħ
Ritratt ta' raġel tal-familja Lespinette
Ritratt ta' Mara Xiħa
The Canon Gilles Joye (en) Translate
Ritratt ta' Jacob Obrecht
Retrat d'un home amb un barret vermell (en) Translate
Dittiku ta' żewġ donaturi
Dittiku ta' koppja anzjana
Christ with singing and music-making Angels (en) Translate
Xeni mill-Passjoni ta' Kristu
Triptych of the Rest on the Flight into Egypt (en) Translate
Trittiku ta' Jan Crabbe
Trittiku tal-Adorazzjoni tal-Maġi
Trittiku ta' Donne
Moreel Triptych (en) Translate
Virgin and Child with St Anthony the Abbot and a Donor (en) Translate
Madonna ta' Jacob Floreins
Moviment pittura bikrija tan-Netherlands

Hans Memling (spellut Memlinc ukoll; twieled għall-ħabta tal-1430 – miet fil-11 ta' Awwissu 1494) kien pittur attiv fil-Fjandri, li ħadem skont it-tradizzjoni tal-pittura bikrija tan-Netherlands. Huwa twieled fir-reġjun tal-Main Nofsani u x'aktarx li qatta' tfulitu f'Mainz, il-Ġermanja. Huwa ttrasferixxa ruħu fin-Netherlands u qatta' xi żmien fl-istudjo ta' Rogier van der Weyden fi Brussell, il-Belġju. Sussegwentement għamluh ċittadin ta' Bruges fl-1465, fejn sar wieħed mill-artisti ewlenin, u kellu studjo kbir, fejn tpittru xogħlijiet reliġjużi li sikwit kienu jinkorporaw ritratti tal-patruni għonja tiegħu. Il-patruni ta' Memling kienu jinkludu bankiera, merkanti, politiċi, membri tal-kleru u aristokratiċi.[1]

Ir-ritratti ta' Memling kienu msejsa fuq l-istili li tgħallem meta kien żagħżugħ. Huwa kiseb suċċess kbir, u fl-1480 ġie elenkat fost l-iżjed ċittadini għonja f'lista tat-taxxi tal-belt.

Huwa żżewweġ lil Anna de Valkenaere f'xi żmien bejn l-1470 u l-1480, u flimkien kellhom tlett itfal. L-arti ta' Memling ġiet skoperta mill-ġdid fis-seklu 19, u reġgħet kisbet popolarità kbira.

Ħajja u xogħlijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Madonna bil-Bambin flimkien ma' San Ġakbu u San Duminku (1488-1490) f'hekk imsejjaħ "tapit ta' Memling".[2]

Imwieled f'Seligenstadt[3], qrib Frankfurt fir-reġjun tal-Main Nofsani, Memling wettaq l-apprendistat tiegħu f'Mainz jew f'Köln u iktar 'il quddiem ħadem fin-Netherlands taħt Rogier van der Weyden (għall-ħabta tal-1455 u l-1460) fi Brussell, id-Dukat ta' Brabant. Imbagħad mar jaħdem fi Bruges, il-Kontea tal-Fjandri għall-ħabta tal-1465.[3]

Huwa pitter għall-Kavallieri ta' San Ġwann fl-1479 u fl-1480. Fl-1477, meta kien maħsub li kien miet, fil-fatt kellu kuntratt biex joħloq opra għal fuq l-artal tal-knisja tax-xirka tal-bejjiegħa tal-kotba ta' Bruges. Din l-opra, Xeni tal-Passjoni ta' Kristu, issa tinsab fil-Galleria Sabauda ta' Torino, l-Italja. L-Aħħar Ġudizzju, li ilha tinsab fi Gdańsk, il-Polonja (dak iż-żmien il-Ġermanja), mill-1473, tinsab fil-Mużew Nazzjonali ta' hemmhekk. L-Aħħar Ġudizzju ġiet ikkummissjonata minn Angelo Tani, li dak iż-żmien kien id-direttur tal-fergħa ta' Bruges tal-Bank tal-Medici, għal kappella f'dik li issa hija l-Badia Fiesolana fi Fiesole. Meta t-trittiku jingħalaq, Tani u martu jidhru għarkopptejhom jitolbu. It-trittiku ġie ttrasportat lejn Fiesole fuq bastiment li nħataf minn Paul Beneke f'April 1473.

L-Aħħar Ġudizzju, 1466-1473, il-Mużew Nazzjonali ta' Gdańsk

L-eqdem allużjonijiet għal pitturi marbuta ma' Memling huma marbuta mar-relazzjonijiet tiegħu mal-qorti tal-Istat Burgundjan fi Brussell. L-inventarji ta' Margarita tal-Awstrija, imfassla fl-1524, jalludu għal trittiku tal-Alla tal-Ħniena ta' Rogier van der Weyden, fejn il-partijiet tal-ġnub bl-anġli ġew impittra mill-"Mastru Hans".

Il-pittura ta' Ġwanni l-Battista ta' Memling (għall-ħabta tal-1470) tinsab fil-gallerija ta' Munich, il-Ġermanja.

Ir-ritratti ta' Memling, b'mod partikolari, kienu popolari fl-Italja.[4] Skont Paula Nuttall, il-kontribut siewi ta' Memling għar-ritratti kien l-użu tiegħu tal-isfondi pajsaġġistiċi, ikkaratterizzati minn "kuntrast ibbilanċjat bejn fuq u isfel, quddiem u l-isfond: il-parti ewlenija b'ras is-suġġett ibbilanċjata bil-kobor newtrali tas-sema, u l-parti newtrali tal-ispalel mogħtija l-ħajja permezz tad-dettall tal-pajsaġġ fl-isfond".[5] L-istil tar-ritratti ta' Memling influwenza x-xogħol ta' bosta pitturi Taljani tal-aħħar tas-seklu 15[6], kif huwa evidenti fix-xogħlijiet ta' pereżempju Raffaello, Ritratti ta' Agnolo u Maddalena Doni.[7] Ix-xerrejja tal-pitturi tiegħu jinkludu l-Kardinal Grimani u l-Kardinal Bembo f'Venezja, kif ukoll il-kapijiet tal-Familja Medici f'Firenze.

Pitturi oħra jinkludu l-Madonna u l-Qaddisin (li għaddiet mill-kollezzjoni ta' Duchatel għal-Louvre f'Pariġi, Franza), il-Madonna bil-Bambin (impittra għal Sir John Donne u li issa tinsab fil-Gallerija Nazzjonali ta' Londra, ir-Renju Unit), u l-erba' ritratti attribwiti fl-Uffizi ta' Firenze (inkluż ir-Ritratt ta' Folco Portinari), ix-Xeni mill-Passjoni ta' Kristu fil-Galleria Sabauda ta' Torino u l-Wasla u t-Trijonf ta' Kristu.

Għall-ħabta tal-1492, Memling ġie kkummissjonat biex ipitter l-opra ta' fuq l-artal ta' Najera għall-Monasteru Benedittin ta' Santa Maria la Real f'Najera, La Rioja, Spanja. L-opra ta' fuq l-artal, li tlestiet fil-Fjandri, kienet tikkonsisti minn xbieha ta' Alla mdawwar bl-anġli jdoqqu varjetà ta' strumenti mużikali fuq ringiela sħab bi sfond lewn id-deheb. Studju reċenti ta' Bart Fransen iddetermina li Gonzalo de Cabredo u l-Patri Superjuri Pablo Martinez kienu kkummissjonaw il-ħolqien ta' din l-opra tal-arti.[8]

Trittiku tal-Vanità Dinjija u s-Salvazzjoni Divina (minn quddiem; tal-ħabta tal-1485)

Memling kiseb biżżejjed prosperità biex ismu jidher f'lista tat-875 ċittadin l-iktar għonja ta' Bruges li b'mod obbligatorju kellhom jikkontribwixxu għas-self miġbur minn Massimiljanu I tal-Awstrija sabiex jiġu ffinanzjati l-ostilitajiet lejn Franza fl-1480.[9] Isem Memling ma jibqax jidher fil-listi sussegwenti ta' din ix-xorta.[10]

Iktar 'il quddiem f'ħajtu, Memling pitter is-Santwarju ta' Santa Ursula fil-mużew tal-isptar ta' Bruges, San Kristofru u l-Qaddisin (1484) fl-akkademja, id-Dittiku ta' Maarten van Nieuwenhove fl-isptar ta' Bruges, u Kurċifissjoni kbira, b'xeni mill-Passjoni ta' Kristu (1491), mill-Katidral ta' Lübeck, li issa tinsab fil-Mużew ta' Sant'Anna f'Lübeck. Lejn l-aħħar tal-karriera ta' Memling, ir-reġistri tax-xirka tal-pitturi fi Bruges isemmu l-ismijiet ta' żewġ apprendisti li ħadmu ma' Memling u li ħallsu l-miżati tagħhom biex ikunu parti mix-xirka fl-1480 u fl-1486.

Memling miet fi Bruges. Il-fiduċjarji tat-testment tiegħu dehru quddiem il-qorti fi Bruges fl-10 ta' Diċembru 1495, u r-rekords jindikaw li Memling ħalla warajh diversi tfal u proprjetà konsiderevoli.[11]

Twapet ta' Memling[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm erba' xogħlijiet ta' Memling li jidhru f'tapit Orjentali. Dawn huma t-Trittiku bil-Madonna u l-Bambin fuq it-Tron (li jinsab fil-Mużew tal-Istorja tal-Arti fi Vjenna, l-Awstrija), it-Trittiku ta' John Donne (li jinsab fil-Gallerija Nazzjonali ta' Londra, ir-Renju Unit), il-Madonna bil-Bambin fuq it-Tron flimkien ma' familja kbira (li tinsab fil-Louvre f'Pariġi, Franza), u r-Ritratt ta' żagħżugħ jitlob (li tinsab f'Madrid fil-Fundacion Coleccion Thyssen-Bornedmisza). Dawn kollha għandhom mudell ripetut b'mod indefinit li huwa rappreżentattiv ta' tip arkajku ta' tiżjin fit-twapet Torok mill-Anatolja jew mill-Armenja. Dawn it-tipi ta' twapet ingħataw kunjom Memling u huma magħrufa bħala t-twapet ta' Memling. Huma kkaratterizzati minn linji b'qishom "ganċijiet" li jirradjaw minn korp ċentrali.[12]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Memling [Memlinc], Hans". Grove Art Online (bl-Ingliż).
  2. ^ King, Donald and Sylvester, David eds. The Eastern Carpet in the Western World, From the 15th to the 17th century, p. 57, Arts Council of Great Britain, Londra, 1983, ISBN 0-7287-0362-9
  3. ^ a b Murray, P. and Murray, L. (1963) The Art of the Renaissance. London: Thames & Hudson, p. 156. ISBN 978-0-500-20008-7
  4. ^ Borchert, Till-Holger (2005). Memling's Portraits. Thames & Hudson. ISBN 0-500-09326-1. p. 70.
  5. ^ Borchert, Till-Holger (2005). Memling's Portraits. Thames & Hudson. ISBN 0-500-09326-1. p. 74.
  6. ^ Borchert, Till-Holger (2005). Memling's Portraits. Thames & Hudson. ISBN 0-500-09326-1. p. 78.
  7. ^ Borchert, Till-Holger (2005). Memling's Portraits. Thames & Hudson. ISBN 0-500-09326-1. p. 83.
  8. ^ Fransen, Bart (February 2018). "Hans Memling's Najera Altarpiece: New Documentary Evidence". Burlington Magazine. 160: 101–105.
  9. ^ Borchert, Till-Holger (2005). Memling's Portraits. Thames & Hudson. ISBN 0-500-09326-1. p. 15.
  10. ^ Borchert, Till-Holger (2005). Memling's Portraits. Thames & Hudson. ISBN 0-500-09326-1. pp. 15-16.
  11. ^ Memlinc, Hans. 17. Miġbur 2022-08-12.
  12. ^ Batari, Ferenc (1994). The "Memling" carpets in de Vos, Dirk, editor (1994). Essays Hans Memling. Essay bundle ippubblikat bil-katalogu ta' Hans Memling, vijf eeuwen werkelijkheid en fictie fil-Mużew ta' Groeningen, Bruges, 12 ta' Awwissu - 15 ta' Novembru 1994.