Aqbeż għall-kontentut

Gżira ta' Cocos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Gżira ta' Cocos mill-baħar.

Il-Gżira ta' Cocos (bl-Ispanjol: Isla del Coco) hija gżira vulkanika fl-Oċean Paċifiku li tiġi amministrata mill-Costa Rica, madwar 550 kilometru (342 mil; 297 mil nawtiku) fil-Lbiċ tal-art kontinentali tal-Costa Rica.[1] Tikkostitwixxi l-11-il distrett[2] mill-15 tal-Kanton ta' Puntarenas tal-Provinċja ta' Puntarenas.[3][4] B'erja ta' madwar 23.85 km2 (9.21 mili kwadri), il-gżira għandha għamla pjuttost rettangolari. Hija l-iżjed punt fin-Nofsinhar tal-Amerka ta' Fuq ġeopolitika jekk jiġu inklużi l-gżejjer mhux kontinentali, u l-unika massa ta' art 'il fuq mil-livell tal-baħar li tinsab fuq il-plakka tettonika ta' Cocos.

Il-Gżira ta' Cocos kollha ġiet iddeżinjata bħala Park Nazzjonali tal-Costa Rica fl-1978, u ma hemm l-ebda abitant permanenti fuqha għajr ir-rangers tal-park tal-Costa Rica. B'hekk, ġiet ittikkettata bħala l-ikbar gżira tropikali mhux abitata fid-dinja.[5] Il-Gżira ta' Cocos hija mdawra b'baħar fond b'kontrokurrenti, u għaldaqstant tiġi ammirata mill-bugħaddasa għall-popolazzjonijiet ta' kurazzi, rajja, dniefel u speċijiet kbar oħra tal-baħar. Il-klima bil-preċipitazzjoni u l-kwalitajiet oċeaniċi jagħtu karattru ekoloġiku lill-Gżira ta' Cocos li mhuwiex l-istess bħal dak fl-Arċipelagu tal-Galápagos jew fi gżejjer oħra (pereżempju, Malpelo, Gorgona jew Coiba) fil-Lvant tal-Oċean Paċifiku.[6] Minħabba l-ekoloġija unika tal-gżira u tal-ilmijiet ta' madwarha, il-Park Nazzjonali tal-Gżira ta' Cocos tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[7] Il-gżira tista' tintlaħaq biss bil-baħar, b'vjaġġ li normalment idum bejn 36 u 48 siegħa.[8]

Status attwali u rikonoxximenti internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]
Projezzjoni ortografika dwar il-Gżira ta' Cocos.

Il-Gżira ta' Cocos ġiet iddikjarata bħala Park Nazzjonali tal-Costa Rica permezz ta' digriet eżekuttiv fl-1978 u l-park ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997. Fl-2002, is-sit ġie estiż biex tiġi inkluża wkoll iż-żona tal-baħar ta' 1,997 km2 (771 mil kwadru). Barra minn hekk, il-gżira hija inkluża fil-lista tal-Artijiet Mistagħdra ta' Importanza Internazzjonali.[9] Fl-2009, il-Gżira ta' Cocos tressqet bħala kandidat għat-titlu ta' wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Ġodda tan-Natura tal-Fondazzjoni Dinjija tas-Seba' Għeġubijiet Ġodda tan-Natura, u kklassifikat fit-tieni post fil-kategorija tal-gżejjer.[10]

Bis-saħħa tad-diversità kbira ta' ħlejqiet tal-baħar fl-ilmijiet tagħha, il-Gżira ta' Cocos issemmiet bħala wieħed mill-aqwa għaxar postijiet tal-għadis fid-dinja mill-Assoċjazzjoni Professjonali tal-Għalliema tal-Bugħaddasa u post li wieħed għandu jżur skont l-esperti tal-għadis.[11] Postijiet popolari fost il-bugħaddasa madwar il-gżira huma Bajo Alcyone (għall-kurazzi), il-Ġnien ta' Manuelina (għall-qroll) u Dos Amigos Grande (formazzjoni naturali ta' ħnejja taħt il-baħar). Għal bosta, l-attrazzjonijiet prinċipali huma l-ispeċijiet ta' ħut pelaġiku kbir, li huma abbundanti ħafna f'dan il-punt uniku bejn l-ilmijiet fondi u l-ilmijiet baxxi. L-ikbar ġlejjeb ta' kurazzi fid-dinja b'mod konsistenti jiġu rrapportati hemmhekk. F'kull għadis hemm kważi ċertezza assoluta li l-bugħaddasa se jiltaqgħu ma' għexieren jew mhux mijiet ta' kurazzi u ta' annimali kbar oħra. L-ispeċijiet iżgħar u kkuluriti huma abbundanti wkoll f'wieħed mill-iżjed skolli estensivi tal-qroll fix-Xlokk tal-Paċifiku.[12] L-oċeanografu famuż Jacques Cousteau żar il-gżira diversi drabi u fl-1994 sostna li hi "l-isbaħ gżira fid-dinja". Min-naħa l-oħra dan xeħet dawl fuq il-ħtieġa urġenti li l-Gżira ta' Cocos tiġi protetta flimkien mal-ilmijiet ta' madwarha mis-sajd illegali fuq skala kbira, mill-insib u minn theddidiet oħra.

L-unika persuni li jitħallew jgħixu fuq il-Gżira ta' Cocos huma r-rangers tal-park tal-Costa Rica, li ramaw żewġ strutturi, inkluż waħda fil-Bajja tal-Ingliżi. L-aċċess huwa limitat ħafna; it-turisti u l-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti jitħallew jitilgħu l-art biss jekk jingħataw permess mingħand ir-rangers tal-gżira, u ma jitħallewx jikkampjaw, jorqdu fuq il-gżira jew jiġbru xi flora, fawna jew minerali mill-gżira. Qajla jitħallew isiru spedizzjonijiet tad-dilettanti tar-radju DX.[13][14]

Il-gżira kienet popolari ħafna mal-pirati. Jingħad li iktar minn 300 spedizzjoni fittxew għat-teżori hemmhekk, bħall-Orda ta' Benito Bonito, it-Teżor ta' Lima, u bosta oħrajn. Ġew skoperti xi sniedaq żgħar mistura, li wasslu biex bosta jemmnu li l-ġrajjiet ta' teżori enormi tal-pirati huma reali, iżda l-maġġoranza tat-tfittxijiet ma wasslu għal xejn. Il-kaċċa għat-teżori hija strettament ipprojbita mill-gvern tal-Costa Rica u ma jinħarġux permess għal dak l-iskop.

Riżerva tal-Baħar ta' Hermandad

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2022, il-President tal-Ekwador Guillermo Lasso ħabbar it-tkabbir tar-Riżerva tal-Baħar tal-Gżejjer Galápagos b'50 %, u żied 23,000 mil kwadru (60,000 km2) biex jiġu protetti l-muntanji ta' taħt il-baħar fil-Grigal tal-gżejjer bħala r-Riżerva tal-Baħar ta' Hermandad. B'hekk din ir-riżerva se tkun ikkollegata maż-żona protetta ta' madwar il-Gżira ta' Cocos.[15][16]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżira ta' Cocos ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997 u s-sit ġie estiż fl-2002.[7]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[7]

Kaskata fil-Bajja ta' Wafer, il-Gżira ta' Cocos.
Inżul ix-xemx fil-Bajja ta' Wafer.
Akkomodazzjonijiet għar-rangers tal-park magħmula minn volontiera taħt it-tmexxija teknika tal-arkitett Ibo Bonilla.

Il-Gżira ta' Cocos hija gżira oċeanika ta' oriġini kemm vulkanika kif ukoll tettonika. Hija l-unika gżira f'wiċċ l-ilma fuq il-plakka tettonika ta' Cocos, waħda mill-plakek tettoniċi minuri. Permezz tad-datazzjoni tal-potassju u tal-argon ġiet stabbilita l-età tal-eqdem blat li għandu bejn 1.91 miljun u 2.44 miljun sena u hija magħmula primarjament mill-bażalt, li jifforma bit-tkessiħ tal-lava. Il-Gżira ta' Cocos hija l-quċċata f'wiċċ l-ilma ta' vulkan "tarka" tal-Plijoċen u tal-Plejstoċen tul il-parti ċentrali tal-Katina Muntanjuża asismika ta' Cocos. Fiha kaldera b'koppla tal-lava fi ħdanha ta' kompożizzjoni trakitika. L-iżjed żbroffi reċenti fuq il-Gżira ta' Cocos oriġinaw mix-xquq orjentati lejn il-Grigal li kienu s-sorsi tal-fluss tal-lava.[17]

Il-gżira għandha għamla pjuttost rettangolari, ta' madwar 8 kilometri bi 3 kilometri (5 mili b'2 mili) b'perimetru ta' madwar 23.3 kilometru (14.5-il mil).[18] Il-pajsaġġ huwa muntanjuż u irregolari; l-ogħla punt tal-gżira huwa Cerro Iglesias, b'għoli ta' 575.5 metru (1,888 pied). Minkejja n-natura muntanjuża tal-gżira, hemm żoni iktar ċatti f'elevazzjoni ta' 200–260 metru (660–850 pied) fiċ-ċentru tal-gżira, li jingħad li huma stadju tranżizzjonali taċ-ċiklu ġeomorfoloġiku tal-widien b'għamla ta' V.[19]

Il-Gżira ta' Cocos għandha għadd ta' xmajjar u nixxigħat qosra li jbattlu abbundanza ta' xita f'erba' bajjiet, tlieta minnhom fin-naħa tat-Tramuntana tal-gżira (il-Bajjiet ta' Wafer, ta' Chatham u ta' Weston). L-ikbar xmajjar huma Genio u Pittier, li jbattlu l-ilma tagħhom fil-Bajja ta' Wafer. Il-biċċa l-kbira tal-gżira hija mdawra b'irdumijiet kbar għoljin 90 metru (300 pied), u b'hekk dan ixekkel l-aċċess konvenjenti għajr f'xi ftit bajjiet; l-iżjed punt ta' dħul faċli jinsab fil-Bajja ta' Chatham.[20] Il-pajsaġġ muntanjuż u l-klima tropikali flimkien joħolqu iktar minn 200 kaskata madwar il-gżira. Il-ħamrija tal-gżira hija kklassifikata bħala entisol, li hija tip ta' ħamrija aċidika ferm, u tbati sew mill-erożjoni kkawżata mill-ammont kbir ta' xita li tinżel fuq ix-xaqlibiet weqfin li kieku mhix protetta mill-kopertura densa tal-foresti.

L-irdumijiet u s-sikek magħrufa bħala l-"Moai".

Il-klima tal-Gżira ta' Cocos tiġi ddeterminata l-iktar miċ-ċaqliq latitudinali taż-Żona ta' Konverġenza Intertropikali, li toħloq temp imsaħħab u preċipitazzjoni kostanti matul is-sena kollha.[21] B'hekk il-klima hija waħda umduża u tropikali, b'temperatura annwali medja ta' 26.6 °C (79.9 °F) u bi preċipitazzjoni annwali medja ta' iktar minn 7,000 millimetru (276 pulzier). Ix-xita tinżel qliel matul is-sena kollha, għalkemm tbatti kemxejn minn Jannar sa Marzu u mill-ġdid lejn l-aħħar ta' Settembru u Ottubru.[22] Bosta kurrenti oċeaniċi mill-Oċean Paċifiku ċentrali, b'mod partikolari l-Kontrokurrent Ekwatorjali tat-Tramuntana, jiltaqgħu fuq il-gżira u jkollhom influwenza importanti fuqha. Il-gżira għandha klima ta' foresta pluvjali tropikali (Af skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen).

Data klimatika Gżira ta' Cocos
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Medja massima kuljum °C (°F) 28.0
(82.4)
29.0
(84.2)
29.0
(84.2)
29.0
(84.2)
29.0
(84.2)
28.0
(82.4)
28.0
(82.4)
28.0
(82.4)
28.0
(82.4)
27.0
(80.6)
27.0
(80.6)
28.0
(82.4)
28.2
(82.7)
Medja kuljum °C (°F) 26
(79)
27.5
(81.5)
27.5
(81.5)
27.5
(81.5)
27.0
(80.6)
26.0
(78.8)
26.0
(78.8)
26.0
(78.8)
26.0
(78.8)
25.5
(77.9)
25.5
(77.9)
26
(79)
26.4
(79.5)
Medja minima kuljum °C (°F) 24.0
(75.2)
26.0
(78.8)
26.0
(78.8)
26.0
(78.8)
25.0
(77.0)
24.0
(75.2)
24.0
(75.2)
24.0
(75.2)
24.0
(75.2)
24.0
(75.2)
24.0
(75.2)
24.0
(75.2)
24.6
(76.3)
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) 585.4
(23.05)
348.4
(13.72)
235.1
(9.26)
470.1
(18.51)
857.5
(33.76)
938.2
(36.94)
806.2
(31.74)
674.3
(26.55)
753.9
(29.68)
793.0
(31.22)
625.9
(24.64)
555.4
(21.87)
7,643.4
(300.94)
[bżonn referenza]
Il-Bajja ta' Chatham fil-Gżira ta' Cocos.

Il-Gżira ta' Cocos tospita foresti tropikali densi bl-indewwa. Hija l-unika gżira oċeanika fir-reġjun tal-Lvant tal-Paċifiku b'tali foresti pluvjali u t-tipi karatteristiċi ta' flora u ta' fawna tagħhom. Il-foresti tas-sħab preżenti fl-elevazzjonijiet iktar għoljin huma tassew uniċi fil-Lvant tal-Paċifiku. Il-gżira qatt ma kienet ikkollegata ma' kontinent, għaldaqstant il-flora u l-fawna waslu permezz tat-tixrid fuq distanza twila mill-Amerki, u b'hekk il-gżira għandha proporzjon kbir ta' speċijiet endemiċi.

Il-gżejra ta' Manuelita hija sit popolari fost il-bugħaddasa u għall-osservazzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar.

Il-gżira għandha 235 speċi magħrufa ta' pjanti li jarmu l-fjuri, li minnhom 70 speċi huma endemiċi. Studju komprensiv tajjeb dwar il-flora tal-gżira huwa pprovdut fil-ġurnal Proceedings of the California Academy of Sciences.[23] Barra minn hekk, 74 speċi ta' felċi u alleati tal-felċi (likopodjofiti u pteridofiti),[24] 128 speċi ta' muski u epatiċi, 90 speċi ta' fungi u 41 speċi ta' moffa biż-żlieġa ġew irrapportati.[25] Minkejja dan, huwa mistenni li iktar investigazzjonijiet eżawrjenti jiżvelaw iktar speċijiet.

Il-gżira għandha tliet komunitajiet prinċipali ta' pjanti. Il-foresti kostali huma estiżi mill-kosta sa elevazzjoni ta' 50 metru (160 pied). Is-siġar tal-qroll vjola (Erythrina fusca), is-siġar tal-palm tal-ġewż tal-Indì (Cocos nucifera), u s-siġar tal-għadajjar (Annona glabra) huma s-siġar predominanti, b'bosta felċi, arbuxxelli tal-familji Rubiaceae u Solanaceae, simar u ħaxix jikbru taħthom, kif ukoll pjanti tal-ħxejjex tal-familji Leguminosae u Malvaceae.

Il-foresti iktar fuq ġewwa tal-gżira huma estiżi minn elevazzjoni ta' 50 sa 500 metru (160 sa 1,640 pied). Il-"Palo de hierro" jew huriki (Sacoglottis holdridgei), l-"avokado" (Ocotea insularis) u s-siġra endemika Cecropia pittieri huma l-iżjed siġar komuni bil-weraq. Is-siġar huma mimlijin f'kull livell bi pjanti epifitiċi, fosthom orkidej, felċi, bromeliads u muski. Taħt is-siġar jikbru wkoll is-simar bħall-Hypolitrum amplum u diversi speċijiet ta' felċi u ta' felċi tas-siġar, inkluż is-Cyathea armata u d-Danaea media. Is-siġar tal-palm Euterpe precatoria huma komuni wkoll. Il-foresti tas-sħab jinsabu fl-ogħla elevazzjonijiet, 'il fuq minn 500 metru (1,600 pied), fejn l-ispeċijiet Melastoma huma predominanti.

Il-veġetazzjoni ġenerali tal-Gżira ta' Cocos inbidlet ferm minn mindu l-gżira ġiet imsemmija u deskritta għall-ewwel darba mill-Ewropej. Il-Kaptan Wafer, li żar il-gżira fl-1685 u li kunjomu ngħata għall-post tal-iżbark tiegħu, jiddeskrivi meded estensivi ta' siġar tal-palm tal-ġewż tal-Indì li jibqgħu sejrin san-naħa ta' ġewwa tal-gżira. Thor Heyerdahl sostna li dawn il-meded x'aktarx ma żviluppawx hemmhekk b'mod naturali, u li dawk li ġew qabel l-Ewropej wisq probabbli kklerjaw meded konsiderevoli fil-qigħan tal-fniedaq u fil-promontorji u fil-meded fuq ġewwa, sabiex jużawhom għall-pjantaġġuni tal-ġewż tal-Indì b'mod sostanzjali. Heyerdahl ħareġ bit-teorija li dawn il-pjantaġġuni ntużaw biex jipprovdu ilma u ikel għall-vjaġġi pre-Kolombjani (li kienu jsiru biċ-ċattri tal-balsa permezz tal-metodu tan-navigazzjoni magħruf bħala guara) bejn il-Gwatemala u l-Majjistral tal-Amerka t'Isfel. Wara l-konkwista Spanjola u l-konsegwenzi tagħha, dawn il-vjaġġi ntemmew u l-ġungla tropikali rkuprat l-art li kienet ġiet ikklerjata bl-għaraq ta' xbin in-nies bikrin li kienu jgħixu fuq il-gżira.[26] Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza arkeoloġika ta' abitazzjoni umana qabel il-kuntatt Ewropew.

Pont fuq ix-xmara Genius, magħmul bl-iskart li nstab fil-baħar mill-artist Tico "Pancho".

Il-gżira fiha iktar minn 400 speċi magħrufa ta' insetti, li minnhom 65 speċi (16 %) huma endemiċi. L-ikbar diversità tinsab fost il-ħanfus Lepidoptera u n-nemel Formicidae. Ġew deskritti iktar minn 50 speċi ta' artropodi oħra (brimb, ċentipiedi, millipiedi u iżopodi).

Fil-gżira jgħixu żewġ speċijiet ta' gremxul jew wiżgħat, il-gremxul tal-Gżira ta' Cocos (Anolis townsendi) u l-wiżgħa ż-żgħira tal-Paċifiku (Sphaerodactylus pacificus) u t-tnejn huma endemiċi. Ma ġewx irrapportati anfibji li jgħixu fil-gżira.

Ġew irraportati kważi 90 speċi ta' għasafar. Il-gżira u s-sikek tal-madwar jospitaw kolonji kbar li jbejtu ta' għasafar tal-baħar li jpassu, fosthom is-sula kannella (Sula leucogaster), is-sula tas-saqajn ħomor (Sula sula), il-fregata l-kbira (Fregata minor), iċ-ċirlewwa l-bajda (Gygis alba) u n-noddy l-kannella (Anous stolidus). Hemm seba' speċijiet ta' għasafar tal-art li jgħixu fil-gżira, inkluż tliet speċijiet endemiċi: id-daqquqa tal-Gżira ta' Cocos (Coccyzus ferrugineus), iż-żanżarell tal-Gżira ta' Cocos (Nesotriccus ridgwayi) u l-isponsun tal-Gżira ta' Cocos (Pinaroloxias inornata); dawn it-tnejn tal-aħħar huma monotipiċi fil-ġeneri rispettivi tagħhom. Il-gżira ġiet iddeżinjata bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International.

Il-gżira ma fiha l-ebda speċi ta' mammiferi tal-art, għalkemm il-bniedem introduċa ħames speċijiet: il-ħnieżer, iċ-ċriev, il-mogħoż, il-qtates u l-firien. Peress li jagħmlu ħsara lill-ekosistemi lokali billi jieklu l-flora u l-fawna nattiva, jiġu mmirati fl-isforzi ta' kontroll li jsiru fil-gżira.

L-iskolli tal-qroll rikki, il-mini vulkaniċi, l-għerien, il-ktajjen muntanjużi u l-ilmijiet fondi madwar il-Gżira ta' Cocos jospitaw iktar minn 30 speċi ta' qroll, 60 speċi ta' krustaċji, 600 speċi ta' molluski u iktar minn 300 speċi ta' ħut. Dawn jinkludu popolazzjonijiet kbar ta' tonn tal-pinna safra (Thunnus albacares), rajja ġganteski (Manta birostris), pixxivela (Istiophorus platypterus) u klieb il-baħar, bħall-kelb il-baħar tal-pinna xifirha abjad (Triaenodon obesus) u l-kurazza rari (Sphyrna lewini). L-ikbar fost l-ispeċijiet kollha tal-ħut hija preżenti wkoll, il-kelb il-baħar baliena (Rhincodon typus). F'Diċembru 2017, tawru femminili (speċi li rritornat fl-ilmijiet tal-Gżira ta' Cocos fl-2012, wara 30 sena li ma dehritx fl-inħawi) qatlet lil Rohina Bhandari minn New York waqt li kienet qed togħdos f'Manuelita fil-Park Nazzjonali tal-Gżira ta' Cocos.

Annimali kbar oħra tal-baħar jinkludu l-balieni tal-ġwienaħ kbar (Megaptera novaeangliae), l-orki (Orcinus orca), il-balieni suwed (Globicephala macrorhynchus), id-dniefel geddumhom qasir (Tursiops truncatus) u l-iljuni tal-baħar (Zalophus californianus).

Barra minn hekk, hemm ukoll ir-rettili: il-fkieren tal-baħar tat-tip hawksbill (Eretmochelys imbricata), il-fkieren il-baħar ħodor (Chelonia mydas) u l-fkieren il-baħar tat-tip olive ridley (Lepidochelys olivacea).

Ħabitats mhedda

[immodifika | immodifika s-sors]

Madankollu, il-ħabitats fil-biċċa l-kbira mhux mittiefsa tal-gżira, kulma jmur qed jiġu affettwati mill-attività tal-bniedem. L-insib illegali ta' speċijiet kbar tal-baħar fl-ilmijiet protetti u fil-madwar sar tħassib prinċipali. Iż-żieda fit-talba lokali u dinjija għat-tonn, għall-pinen tal-klieb il-baħar għas-soppa u għall-frott tal-baħar ieħor qed thedded l-ekosistemi fraġli tal-gżira. Il-gvern tal-Costa Rica ġie akkużat kemm-il darba li qed jibqa' passiv u saħansitra jgawdi bil-korruzzjoni mill-kummerċ illegali tal-pinen tal-klieb il-baħar u ta' frott tal-baħar ieħor lejn swieq kbar, bħaċ-Ċina u pajjiżi Asjatiċi oħra. Il-gvern wera kemxejn rieda li jipproteġi r-rikkezzi naturali tal-gżira u jressaq lin-nassaba quddiem il-liġi. Madankollu, l-isforzi biex tassew jiġu mgħassa l-ilmijiet u jiġu infurzati l-liġijiet ambjentali qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji u burokratiċi kbar, kif ukoll huma suxxettibbli għall-korruzzjoni tal-awtoritajiet lokali, nazzjonali u internazzjonali.

L-avvenimenti reċenti juru li l-insib illegali fuq skala kbira għadu għaddej. Minkejja t-tama inizjali li n-nassaba li jinqabdu b'evidenza abbundanti jitwaqqfu u jitressqu quddiem il-liġi, spiss inħelsu f'qasir żmien taħt ċirkostanzi suspettużi. Barra minn hekk, l-isforzi biex jinġabru l-fondi għall-protezzjoni huma biss qatra fl-oċean imqabbla mal-kummerċ illegali.

Taħt ċirkostanzi mċajpra, Marvin Orlando Cerdas, imħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja lokali ta' Puntarenas, ippermetta lil 22 nassaba li nqabdu fil-fatt jaħarbu mill-pajjiż. Taħt ċirkostanzi suspettużi u allegatament ta' korruzzjoni, l-Avukat Distrettwali Michael Morales Molina waqqaf l-irkant għall-benefiċċju pubbliku tal-oġġetti kkonfiskati wara t-talba li għamel il-kelliem tal-bastiment tal-insib illegali kbir Tiuna.

Huwa maħsub li l-gżira ma kinitx abitata mill-bniedem qabel l-iskoperta mill-Ewropej. Madankollu, ma tantx saru investigazzjonijiet arkeoloġiċi fil-gżejjer oċeaniċi tal-Lvant tal-Paċifiku, inkluż il-Gżira ta' Cocos. Dan minħabba l-ambjenti fraġli ta' dawn il-gżejjer, li għal bosta snin baqgħu mhux mittiefsa mill-bniedem, u minħabba li dawn il-gżejjer jinsabu f'bogħod konsiderevoli mill-gżejjer li kellhom popolazzjonijiet Polineżjani. Bl-istess mod, mhuwiex magħruf li l-Amerikani Indiġeni mal-kosta tal-Punent tal-kontinent abitaw xi gżejjer remoti tal-Lvant tal-Paċifiku. Fl-2008, saru stħarriġiet fil-Gżira ta' Cocos, fil-Gżejjer Desventuradas, fil-Gżejjer Galápagos u fil-Gżejjer ta' Juan Fernández (kollha diżabitati meta ġew skoperti mill-Ewropej) mill-arkeologi tal-Università Nazzjonali Awstraljana. Mill-investigazzjoni tagħhom instab li l-Gżejjer Galápagos jaf kienet żarithom xi opra tal-baħar Polineżjana, iżda mhux ċar x'kienu s-sejbiet għall-Gżira ta' Cocos.

Skoperta u kartografija bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Gżira ta' Cocos.

Fl-Historia general y natural de las Indias tiegħu (1535, estiż fl-1851 mid-dokumenti mhux ippubblikati preċedenti tiegħu), Gonzalo Fernández de Oviedo y Valdés jiddiskuti l-iskoperta tal-gżira mill-kontemporanju tiegħu, in-navigatur Spanjol Juan de Cabezas (magħruf ukoll bħala Juan de Grado), fl-1526. D. Lievre, f'Una isla desierta en el Pacífico; la isla del Coco in Los viajes de Cockburn y Lievre por Costa Rica (1962: 134) jirrakkonta li l-ewwel dokument bl-isem ta' "Isle de Coques" kien mappa mpinġija fuq parċmina, imsejħa l-mappa ta' Enriku II, li dehret fl-1542 matul ir-renju ta' Franġisku I ta' Franza. Il-planisferu ta' Nicolas Desliens (1556, Dieppe) iqiegħed lill-Ysle de Coques bejn wieħed u ieħor grad u nofs fit-Tramuntana tal-Ekwatur.

Il-Grand Atlas ta' Willem Blaeu, oriġinarjament ippubblikat fl-1662, fih mappa tad-dinja bil-kulur fuq in-naħa ta' wara tal-qoxra ta' quddiem tiegħu li turi lill-I. de Cocos proprju fuq l-Ekwatur. L-Atlas ta' Frederik De Witt tal-1680 juriha b'mod simili. Il-mappa ta' Hondius Broadside tal-1590 turi lill-I. de Cocos f'latitudni ta' 2 gradi u 30 minuta fit-Tramuntana, filwaqt li fl-1596 Theodore de Bry uriet il-Gżejjer Galápagos qrib 6 gradi fit-Tramuntana tal-Ekwatur. Emanuel Bowen, f'A Complete system of Geography, il-Volum II (Londra, 1747: 586), jiddikjara li l-Gżejjer Galápagos huma estiżi sa 5 gradi fit-Tramuntana tal-Ekwatur.

Fiż-żminijiet moderni l-gżira nħakmet sew mill-ġungla. Madankollu, il-gżira fl-imgħoddi kien jistħoqqilha l-isem deskrittiv tagħha, kif joħroġ fid-dieher mir-rendikonti verbali mogħtija lill-Kaptan Dampier min-navigaturi kontemporanji Spanjoli li għamlu l-iskoperti. Dampier jikteb: "Il-Gżira ta' Cocos issejħet hekk mill-Ispanjoli, minħabba l-abbundanza ta' siġar tal-palm tal-ġewż tal-Indì li jikbru fuqha... ħawwiela preistoriċi x'aktarx li ħassew li l-pożizzjoni tal-Gżira ta' Cocos kienet ideali għall-ammont kbir ta' xogħol li sar biex tiġi kklerjata l-ġungla naturali għat-tħawwil tas-siġar tal-palm tal-ġewż tal-Indì... b'hekk il-gżira hija port ideali għall-merkanti aboriġini li jittraffikaw f'nofs ta' baħar lill hinn mill-Panama".

Bl-eċċezzjoni notevoli tal-Gżejjer Galápagos, kien hemm nuqqas ta' riċerka xjentifika rigward il-gżejjer oċeaniċi tal-Lvant tal-Paċifiku qabel is-seklu 20. Il-pubblikazzjoni The American Naturalist iddikjarat fl-1891, "ma nafu xejn dwar il-fawna u l-flora tal-Gżira ta' Clipperton u ta' Malpelo daqstant iżolati; bil-kemm nafu xejn dwar il-Gżira ta' Cocos, li tidher pjuttost differenti mill-kumplament, f'ħafna aspetti, b'dehra iktar tropikali".

Storja amministrattiva

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżira ta' Cocos ġiet annessa mill-Costa Rica fl-1832 permezz tad-digriet Nru 54 tal-Assemblea Kostituzzjonali tal-pajjiż li kien għadu kemm sar indipendenti. Il-kaċċaturi tal-balieni kienu jieqfu regolarment fil-Gżira ta' Cocos sa nofs is-seklu 19, meta l-kerosene rħis beda jieħu post iż-żejt tal-balieni għat-tidwil.

F'Ottubru 1863, il-vapur Adelante żbarka 426 eks skjav minn Tonga meta ġie skopert li kien qabadhom il-ġidri u kienu ta' periklu għall-ekwipaġġ. Meta l-bastiment Tumbes wasal biex isalvahom xi xahar wara, instabu biss 38 ruħ li baqgħu ħajjin.

Fl-1897, il-gvern tal-Costa Rica ħatar lill-esploratur avventuruż u kaċċatur tat-teżori Ġermaniż August Gissler bħala l-ewwel Gvernatur tal-Gżira ta' Cocos u ħallieh jistabbilixxi kolonja hemmhekk għal żmien qasir.

Fit-12 ta' Mejju 1970, it-territorju tal-Gżira ta' Cocos ġie inkorporat amministrattivament permezz tad-Digriet Eżekuttiv Nru 27, u b'hekk sar il-ħdax-il distrett tal-Kanton ta' Puntarenas fil-Provinċja ta' Puntarenas. Bħala distrett, il-kodiċi postali tal-gżira huwa 60110.

It-33 resident tal-gżira, kollha rangers tal-park tal-Costa Rica, tħallew jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-Costa Rica tal-5 ta' Frar 2006. Madankollu, ir-rangers mhumiex meqjusa bħala residenti permanenti tad-distrett, għaldaqstant id-data taċ-ċensiment tqis li l-gżira hija diżabitata.

Piraterija u teżori moħbijin

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżira ta' Cocos feġġet kemm-il darba f'bosta ġrajjiet tal-piraterija u tat-teżori moħbijin. L-ewwel għajdut ta' xi teżor moħbi fil-gżira nibet mingħand mara jisimha Mary Welch, li sostniet li 350 tunnellata ta' deheb (madwar $16-il biljun attwali) misruqa mill-iġfna Spanjoli ġie moħbi fil-gżira mill-Kaptan Bennett Graham, uffiċjal navali li kien sar pirata fl-1818. Hija kienet membru ta' ekwipaġġ ta' pirati mmexxi mill-Kaptan Graham, u ġiet ittrasportata lejn kolonja penali Awstraljana minħabba r-reati li wettqet. Hija kellha mappa li turi fejn suppost kien ġie moħbi t-teżor ta' Graham. Malli nħelset, hija reġgħet lura lejn il-gżira flimkien ma' spedizzjoni iżda ma sabet xejn, peress li l-punti ta' referenza fil-mappa kienu għebu.

Pirata ieħor li suppost kien ħeba teżor fil-gżira kien il-Portugiż Benito Bonito, li beda jitterrorizza l-kosta tal-Punent tal-Amerki għall-ħabta tal-1818. Għalkemm Bonito ġie attakkat u ġustizzjat, it-teżor tiegħu qatt ma nstab.

X'aktarx li l-iżjed leġġenda magħrufa tat-teżori moħbijin fil-gżira hija dik tat-Teżor ta' Lima. Fl-1820, bl-armata ta' José de San Martín li kienet qed toqrob lejn Lima, il-Viċirè José de la Serna suppost li ta teżor mill-belt lill-kummerċjant Brittaniku, il-Kaptan William Thompson, biex iżommu sigur sa ma l-Ispanjoli jiżguraw il-kontroll tal-pajjiż. Minflok stennew fil-port skont l-istruzzjonijiet li ngħataw, Thompson u l-ekwipaġġ tiegħu qatlu lin-nies tal-Viċirè u baħħru lejn il-Gżira ta' Cocos, fejn allegatament ħbew it-teżor. Ftit wara, inqabdu minn bastiment tal-gwerra Spanjol. L-ekwipaġġ kollu ħlief Thompson u l-ewwel wieħed ta' taħtu ġew ġustizzjati minħabba l-piraterija. It-tnejn li huma qalu li kienu se juru lill-Ispanjoli fejn kienu ħbew it-teżor jekk ma jinqatlux, iżda malli żbarkaw fuq il-Gżira ta' Cocos, irnexxielhom jaħarbu fil-foresta u qatt ma reġgħu nqabdu.

Mijiet ta' tentattivi biex jinstab it-teżor sfaw fix-xejn. Diversi spedizzjonijiet bikrin ġew organizzati abbażi tad-dikjarazzjonijiet ta' raġel jismu Keating, li suppost kien ħabib ta' Thompson. Fi vjaġġ minnhom, Keating jingħad li sab xi deheb u ġojjelli mit-teżor. L-esploratur avventuruż Ġermaniż August Gissler għex fuq il-gżira għall-biċċa l-kbira tal-perjodu mill-1889 sal-1908, u fittex għat-teżor, iżda kulma sab kienu ftit muniti tad-deheb. L-esploratur Antartiku Brittaniku Aeneas Mackintosh vara spedizzjoni ta' kaċċa għat-teżor lejn il-Gżira ta' Cocos fl-1910, iżda ma kellux suċċess.

Il-ktieb Desert Island ippropona t-teorija dettaljata sew li Daniel Defoe uża l-Gżira ta' Cocos bħala mudell akkurat għad-deskrizzjonijiet tiegħu tal-gżira abitata minn Robinson Crusoe. Madankollu, Defoe ambjenta l-gżira ta' Crusoe mhux fil-Paċifiku, iżda lil hinn mill-kosta tal-Venezwela fl-Oċean Atlantiku.

It-Terra Firma fil-qrib ta' Robinson tintwera fil-mappa bil-kulur ta' Joannes Jansson (Amsterdam) li turi l-Grigal tal-Amerka t'Isfel, bit-titlu Terra Firma et Novum Regnum Granatense et Popayan. Din tagħmel parti minn grupp bikri ta' mapep stampati minn Willem Blaeu mill-1630 'il quddiem. Dik li ssejħet "Terra Firma" kienet l-Istmu ta' Darien.

Il-ġrajjiet tal-pirati u tat-teżori moħbijin assoċjati mal-gżira jingħad li ispiraw ir-rumanz Treasure Island ta' Robert Louis Stevenson.

  1. ^ Hogue, C. u Miller, S. 1981. Entomofauna of Cocos Island, Costa Rica. Atoll Research Bulletin 250: 1–29.
  2. ^ "Isla Del Coco". archive.ph. 2007-09-29. Miġbur 2025-01-08.
  3. ^ "Sistema Costarricense de Información Jurídica". web.archive.org. 2024-02-24. Miġbur 2025-01-08.
  4. ^ División Territorial Administrativa de la República de Costa Rica (bl-Ispanjol). Editorial Digital de la Imprenta Nacional. 8 March 2017. ISBN 978-9977-58-477-5.
  5. ^ Lee Enterprises (2000-08-03). The Times News (Idaho Newspaper) 2000-08-03 .Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  6. ^ Kirkendall, L. and Jordal, B. 2006. The bark and ambrosia beetles (Curculionidae, Scolytinae) of Cocos Island, Costa Rica and the role of mating systems in island zoogeography. Biological Journal of the Linnean Society 89(4): 729–743.
  7. ^ a b ċ "Cocos Island National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-08.
  8. ^ McArthur, Sarah (2023-12-07). "Cocos Island National Park in Costa Rica: Guide for Divers" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-08.
  9. ^ Peck, Dwight. "Ramsar Convention text in English". www.ramsar.org. Miġbur 2025-01-08.
  10. ^ "New7Wonders: Live Ranking". web.archive.org. 2009-07-05. Miġbur 2025-01-08.
  11. ^ "World's 10 best scuba spots - Travel - Active Travel | NBC News". web.archive.org. 2020-09-23. Miġbur 2025-01-08.
  12. ^ Guzmán, H. M. and Cortés, J. (1992). Cocos Island (Pacific of Costa Rica) coral reefs after the 2010-83 El Niño disturbance. Revista de Biología Tropical 40: 309–324.
  13. ^ "Cocos Island - TI9CF". hamgallery.com. Miġbur 2025-01-08.
  14. ^ "TI9A DXpedition to Cocos Island". web.archive.org. 2021-10-25. Miġbur 2025-01-08.
  15. ^ X; Email; Bluesky (2022-01-14). "Ecuador expands protected area around Galapagos Islands, providing safe passage for marine life". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-08.
  16. ^ Lasso, President Guillermo (2022-01-13). "Ecuador to announce creation of Hermandad Marine Reserve off Galapagos (commentary)". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-08.
  17. ^ "Global Volcanism Program | Isla del Coco". Smithsonian Institution | Global Volcanism Program (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-08.
  18. ^ Montoya, M. 2007. Conozca la Isla del Coco: una guía para su visitación. In Biocursos para amantes de la naturaleza: Conozca el parque nacional Isla del Coco, la isla del tesoro (26 abril al 6 de mayo 2007). (ed. Organization for Tropical Studies). Organization for Tropical Studies. San José, Costa Rica. 35–176.
  19. ^ Malavassi, E. 1982. Visita al Parque Nacional Isla del Coco. Revista Geográfica de América Central (15–16): 211–216.
  20. ^ "Isla de Coco, South Pacific - Costa Rica Travel Guide | Anywhere". www.anywhere.com (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-08.
  21. ^ Herrera, W. 1984. Informe de campo. Gira realizada a la Isla del Coco con el objetivo de recabar información climatológica. San José, Servicio de Parques Nacionales, p. 6.
  22. ^ Sinergia 69. 2000. Volumen 2. Aspectos meteorológicos y climatológico del ACMIC y su área de influencia. San José, Proyecto GEF/PNUD Conocimiento y uso de la biodiversidad del ACMIC, p. 184.
  23. ^ Trusty, J.L.; Kesler, H.C; Haug-Delgado, G. (2006). Vascular flora of Isla del Coco, Costa Rica. Proceedings of the California Academy of Sciences, 4th series. Vol. ser.4:v.57:no.1-11 (2006). San Francisco: California Academy of Sciences. pp. 247–355.
  24. ^ Gomez, L.D. 1975. The Ferns and Fern-Allies of Cocos Island, Costa Rica. American Fern Journal 65 (4): 102–104.
  25. ^ Rojas, C. and Stephenson, S.L. 2008. Myxomycete ecology along an elevation gradient on Cocos Island, Costa Rica. Fungal Diversity 29: 119–129.
  26. ^ Heyerdahl, T. 1978. Early Man and the Ocean. Doubleday & Company, New York.