Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Darien

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Arakari tal-kullar fil-Park Nazzjonali ta' Darien.

Il-Park Nazzjonali ta' Darien (bl-Ispanjol: Parque Nacional Darién) huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Panama.[1] Jinsab madwar 325 kilometru (202 mili) mill-Belt tal-Panama, huwa l-iżjed park nazzjonali estensiv tal-Panama, u huwa wieħed mill-iżjed Siti ta' Wirt Dinji importanti fl-Amerka Ċentrali.

L-arpa.

Il-Park Nazzjonali ta' Darien huwa "pont" naturali bejn l-Amerka ta' Fuq u l-Amerka t'Isfel. Jinsab fl-iżjed punt fin-Nofsinhar tal-Panama fil-provinċja ta' Darién u l-konfini tan-Nofsinhar tiegħu huwa estiż tul 90 fil-mija tal-fruntiera bejn il-Kolombja u l-Panama.[2] Il-park jinsab bejn il-katina muntanjuża ta' Serranía del Darién, b'mod parallel mal-Baħar Karibew, 16-il kilometru (9.9 mili) lejn il-Grigal, u l-kosta tal-Oċean Paċifiku. Jinsab biswit mal-Park Nazzjonali ta' Los Katíos fil-Kolombja.

Fl-1972, erja ta' 700,000 ettaru (1,700,000 akru) saru parti mill-Foresta ta' Protezzjoni ta' Alto Darién. Fl-1980, iż-żona ġiet iddikjarata park nazzjonali. Fl-1983, erja ta' 859,333 ettaru (2,123,460 akru) saret riżerva ta' bijosfera tal-UNESCO. B'kollox, il-park ikopri erja ta' 5,790 km2 (2,240 mil kwadru).[3]

Paka tat-tikek.

Il-Park Nazzjonali ta' Darien għandu firxa wiesgħa ta' ħabitats, li jvarjaw minn kosti tal-blat għal bajjiet bir-ramel u l-mangrovji. Il-park fih ukoll meded kbar ta' artijiet bassasa u żoni kbar ta' foresti tropikali. Għandu rikkezza ta' bijodiversità u fih bosta speċijiet mhedda. Il-BirdLife International iddeżinjawh bħala Żona Importanti tal-Għasafar.[4]

Abitanti indiġeni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park huwa wieħed mill-ftit eżempji li għad fadal fid-dinja ta' żona protetta abitata mill-bnedmin. Hemm żewġ tribujiet nattivi li jgħixu fi ħdan il-park.

Kukkudrill Amerikan (Crocodylus acutus).

Minħabba l-iżolament estrem tas-sit, il-Park Nazzjonali ta' Darien ma tantx huwa wisq aċċessibbli. Madankollu, hemm żewġ postijiet fejn sikwit xi viżitaturi jżuru l-park. Santa Cruz de Cana (jew Cana fil-qosor) huwa wieħed minnhom. Dan jinsab fin-nofs tal-park qrib ix-xaqliba tal-Lvant ta' Cerro Pirre u huwa wieħed mill-iżjed postijiet fil-beraħ inkredibbli tal-Panama. Ġie msejjaħ bħala wieħed mill-aqwa postijiet fid-dinja għall-osservazzjoni tal-għasafar u fih diversi mogħdijiet għall-mixi u uffiċċju tar-rangers.

It-tieni punt ta' aċċess huwa l-uffiċċju tar-rangers ta' Pirre. Dan l-uffiċċju tar-rangers ta' ANAM ġie stabbilit fuq in-naħa opposta ta' Cerro Pirre. Din iż-żona fiha foresti primordjali u abbundanza ta' organiżmu selvaġġi, fosthom diversi tipi ta' xadini, sloths, u bosta speċijiet ta' għasafar. Hemm diversi mogħdijiet għall-mixi li jibdew mill-uffiċċju tar-rangers. Il-vjaġġaturi li jżuru din iż-żona tal-park jistgħu joqogħdu f'dormitorju bażiku fl-uffiċċju tar-rangers.

Il-park huwa notevoli għat-Tapp ta' Darién, li huwa l-unika interruzzjoni fl-Awtostrada Pan-Amerikana minn Arġentina sal-Alaska.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Darien ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. ^ a b ċ "Darién National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-06.
  2. ^ "World Conservation Monitoring Centre - Darién National Park" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2012-06-16. Miġbur 2025-01-06.
  3. ^ "CPD: Middle America, Site MA20, Darien Province and Darien National Park, Panama". web.archive.org. 2012-01-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-01-26. Miġbur 2025-01-06.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "Darién National Park (Panama) IBA | Summary | BirdLife International". datazone.birdlife.org. Miġbur 2025-01-06.