Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Los Katíos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-wikkiel ġgantesk tan-nemel, wieħed mill-annimali li jgħixu fil-Park Nazzjonali ta' Los Katíos.

Il-Park Nazzjonali ta' Los Katíos jew il-Park Naturali Nazzjonali ta' Los Katíos (bl-Ispanjol: Parque Nacional Natural (PNN) Los Katíos) huwa żona protetta u jinsab fil-Majjistral tal-Kolombja b'erja ta' madwar 720 km2 (280 mil kwadru). L-elevazzjoni tvarja bejn 50 metru u 600 metru (160 pied u 1,970 pied). Jagħmel parti mit-Tapp ta' Darién, żona densament forestata maqsuma bejn il-Panama u l-Kolombja, u jmiss mal-Park Nazzjonali ta' Darién fil-Panama. L-Awtostrada Pan-Amerikana, meta titlesta kif propost, se tgħaddi qrib jew mill-Park Nazzjonali ta' Los Katíos. Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994 bis-saħħa tad-diversità straordinarja ta' speċijiet ta' pjanti u ta' annimali rrappreżentati fih.[1]

It-topografija tal-Park Nazzjonali ta' Los Katíos tvarja sew, b'għoljiet baxxi, foresti u pjanuri bl-ilmijiet.

L-ikbar żewġ partijiet tal-park huma l-muntanji ta' Serranía del Darién, li jinsabu lejn il-Punent, u l-pjanuri tal-għargħar tax-xmara Atrato fil-Lvant. Il-pjanuri tal-għargħar fihom ħamrija tassew għammiela u jikkonsistu minn żewġ tipi ta' pjanuri alluvjonali. Waħda tikkonsisti minn artijiet imtarrġa baxxi li spiss jesperjenzaw l-għargħar, u l-oħra tikkonsisti minn artijiet imtarrġa għoljin li qajla jesperjenzaw l-għargħar. Hemm ukoll għoljiet baxxi li ma jaqbżux il-250 metru (820 pied) bħala elevazzjoni, u oħrajn li huma għoljin 600 metru (2,000 pied). L-imraġ ikopru kważi nofs l-erja totali tal-park. L-artijiet mistagħdra tal-pjanura tal-għargħar tax-xmara Atrato huma uniċi. Il-cativo, waħda mill-ispeċijiet indiġeni, tista' tikber sa għoli ta' 50 metru (160 pied). Minnha oriġina l-isem ta' formazzjoni ġeoloġika msejħa catival li ma tinsab imkien ieħor ħlief fil-Kolombja, fin-Nofsinhar tal-Amerka Ċentrali u fil-Ġamajka.

Il-Park Nazzjonali ta' Los Katíos għandu bijodiversità tassew rikka, u flimkien mal-Park Nazzjonali ta' Darien biswitu fil-Panama, huwa ċentru ta' endemiżmu, b'bosta speċijiet li huma ristretti fir-reġjun biss. Il-park jospita mill-inqas 450 speċi ta' għasafar. Fil-fatt, mill-25 % tal-ispeċijiet ta' għasafar irrapportati għall-Kolombja f'erja ta' inqas minn 1 % tat-territorju Kolombjan totali, kważi 20 % tal-ispeċijiet ta' pjanti fil-park huma endemiċi għall-foresti tal-indewwa ta' Chocó-Darién.

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika fit-Tramuntana tal-Kolombja, fit-tarf tan-Nofsinhar tal-pont tal-art tal-Amerka Ċentrali, dan ir-reġjun serva bħala filtru għall-iskambju ta' speċijiet ta' annimali bejn l-Amerka ta' Fuq u l-Amerka t'Isfel fil-perjodi Terzjarji u tal-Plejstoċen. Dan il-proċess għadu għaddej sal-lum, u l-Park Nazzjonali ta' Los Katíos huwa l-uniku reġjun fl-Amerka t'Isfel fejn hemm bosta speċijiet komuni tal-Amerka Ċentrali, fosthom speċijiet ta' yew, il-wikkiel ġgantesk tan-nemel, u t-tapir tal-Amerka Ċentrali.

Il-park jipproteġi wkoll karatteristiċi pajsaġġistiċi importanti bħall-Kaskata ta' Tendal għolja 25 metru, il-Kaskata ta' Tilupo għolja 100 metru u l-imraġ ta' Tumaradó.

Fl-1990, il-park sar aċċessibbli permezz ta' mogħdijiet għall-mixi u akkomodazzjoni għal gruppi żgħar ta' viżitaturi, li jingħataw l-aċċess għall-park nazzjonali mill-amministrazzjoni tal-park f'Sautatá.

Oriġinarjament ir-reġjun kien abitat mill-poplu indiġenu tal-Guna, li wara ġlied intern kellu jarrendi r-reġjun ta' Choc lill-Katío-Embera u emigra lejn il-Panama. Ir-reġjun ta' Darién, li jagħmel parti minnu l-Park Nazzjonali ta' Los Katíos, storikament kien importanti għall-ewwel insedjaturi li użaw il-pont tal-art mill-Amerka ta' Fuq għall-Amerka t'Isfel xi 20,000 sena ilu. Fil-perjodu Post-Kolombjan, il-konkwistaturi Spanjoli Rodrigo de Bastidas, Alonso de Ojeda u Vasco Núñez de Balboa kienu l-ewwel nies li skoprew ir-reġjun fl-1501.

Fi żminijiet iktar reċenti, madwar wieħed fil-mija tal-park fiż-żona ta' Sautatá ġie żviluppat għall-agrikoltura u ntuża primarjament għall-kultivazzjoni tal-kannamiela. Wara l-istabbiliment tal-park fl-1974, matul is-7 snin ta' wara, il-150 familja lokali ġew rilokati lejn l-irħula fil-qrib ta' Unguía, Puente América, Tumaradó u Cacarica.

Il-park tqiegħed fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu fl-2009 fuq talba tal-gvern Kolombjan sabiex jiġu indirizzati t-theddidiet marbuta mal-protezzjoni tiegħu, l-iktar id-deforestazzjoni, l-insedjamenti mhux awtorizzati, is-sajd illegali u l-kaċċa.

Fl-2015, il-park tneħħa mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu bis-saħħa tat-titjib sinifikanti fil-ġestjoni tal-park u l-passi li ttieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali biex inaqqsu l-estrazzjoni illegali tal-injam u s-sajd eċċessiv.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Los Katíos ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. ^ a b ċ "Los Katíos National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-10.
  2. ^ "Colombia's Los Katíos National Park removed from List of Heritage in Danger - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-10.