Gżejjer Galapagos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Mappa tal-Gżejjer Galapagos

Il-Gżejjer Galapagos jew il-Galapagos (magħrufa wkoll bħala Archipiélago de Colón jew Las Islas Galápagos), parti mir-Repubblika tal-Ekwador, huma arċipelagu ta’ gżejjer vulkaniċi mferrxin fuq iż-żewġ naħat tal-ekwatur fl-Oċean Paċifiku qrib iċ-ċentru tal-Emisferu tal-Punent. Il-gżejjer jinsabu 906 kilometru fil-Punent tal-Ekwador kontinentali u huma magħrufa għan-numru kbir ta’ speċijiet endemiċi li ġew studjati minn Charles Darwin matul it-tieni vjaġġ tiegħu bl-HMS Beagle. L-osservazzjonijiet u l-kollezzjonijiet tiegħu kkontribwew għat-teorija tal-evoluzzjoni ta’ Darwin permezz tas-selezzjoni naturali.

Il-Gżejjer Galapagos u l-baħar ta’ madwarhom jiffurmaw il-Provinċja tal-Galapagos tal-Ekwador, il-Park Nazzjonali tal-Galapagos, u r-Riżerva tal-Baħar tal-Galapagos. Il-lingwa prinċipali fuq il-gżejjer hija l-Ispanjol. Il-popolazzjoni tal-gżejjer hija kemxejn iktar minn 25,000 ruħ.[1]

Iljun tal-baħar tal-Galapagos f’Punta Pitt, San Cristóbal

L-ewwel żjara li qatt ma ġiet irreġistrata seħħet b’ċikka fl-1535, meta Fray Tomás de Berlanga, l-Isqof tal-Panama, waqt vjaġġ tiegħu lejn il-Perù biex jaqdi r-rwol ta’ arbitru f’diżgwid bejn Francisco Pizarro u Diego de Almagro, baqa’ sorpiż b’din l-art li kienet għadha ma ġietx skoperta. De Berlanga eventwalment irritorna fl-Imperu Spanjol u ddeskriva l-kundizzjonijiet tal-gżejjer u l-annimali li kienu jgħixu fuqhom. Il-grupp ta’ gżejjer intwerew bl-isem ta’ "Insulae de los Galopegos" (Gżejjer tal-Fkieren tal-Art) fl-atlas ta’ Abraham Ortelius li ġie ppubblikat fl-1570. L-ewwel mappa approssimattiva tal-gżejjer saret fl-1684 mill-furban Ambrose Cowley, li semma l-gżejjer individwali f’isem sħabu l-pirati jew f’isem xi Brittaniċi rjali u nobbli. Dawn l-ismijiet intużaw fil-mapep awtoritattivi tan-navigazzjoni tal-gżejjer li tħejjew matul l-isħarriġ tal-Beagle taħt il-kaptan Robert FitzRoy, u fil-ktieb popolari ta’ Darwin The Voyage of the Beagle (Il-Vjaġġ tal-Beagle). Ir-Repubblika tal-Ekwador, li kienet għadha kemm kisbet l-indipendenza, ħadet il-gżejjer mis-sjieda tal-Ispanjoli fl-1832, u sussegwentement tathom ismijiet Spanjoli uffiċjali.[2][3] L-ismijiet antiki baqgħu jintużaw fil-pubblikazzjonijiet bl-Ingliż, inkluż f’The Encantadas ta’ Herman Melville fl-1854. Amministrattivament, il-Galapagos jikkostitwixxu waħda mill-provinċji tal-Ekwador. Il-provinċja hija maqsuma fi tlieta bl-ismijiet tal-iktar gżejjer li jgħixu nies fuqhom, jiġifieri San Cristóbal, Santa Cruz u Isabela.

Ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Id-depressjoni vulkanika (caldera) tal-vulkan Fernandina

L-attività vulkanika jew vulkaniżmu fil-Gżejjer Galapagos ilha għaddejja kontinwament għal mill-inqas 20 miljun sena u x’aktarx anke iktar minn hekk. Il-konvezzjoni vulkanika taħt il-qoxra tal-Plakka ta’ Nazca li miexja lejn il-Lvant (51 km/myr) wasslet biex tinħoloq pjattaforma ħoxna tliet kilometri taħt il-katina ta’ gżejjer u l-għoljiet f’qiegħ il-baħar. Apparti l-Arċipelagu tal-Galapagos, karatteristiċi tettoniċi ewlenin oħra fir-reġjun jinkludu l-Provinċja Vulkanika tat-Tramuntana tal-Galapagos bejn l-arċipelagu u ċ-Ċentru tat-Tifrix tal-Galapagos (GSC) xi 200 kilometru fit-Tramuntana lejn il-konfini tal-Plakka ta’ Nazca u tal-Plakka tal-Gżejjer Cocos. Dan iċ-ċentru tat-tifrix jieqaf ħesrem fit-Tlugħ tal-Paċifiku tal-Lvant fil-Punent u huwa kkonfinat bil-Quċċata ta’ Taħt il-Gżejjer Cocos u bil-Quċċata ta’ Carnegie fil-Lvant. Barra minn hekk, il-Hotspot tal-Galapagos jinsab fil-konfini tat-Tramuntana tal-Provinċja l-Kbira tal-Paċifiku tal-Mewġ Trasversali Baxx (magħrufa wkoll bħala superplume) filwaqt li l-Hotspot tal-Gżira tal-Għid jew ta’ Rapa Nui tinsab fil-konfini tan-Nofsinhar.[4][5][6]

L-Arċipelagu tal-Galapagos huwa kkaratterizzat minn diversi vulkani kontemporanji, uħud b’sorsi tal-magma b’konvezzjoni vulkanika minn taħt il-qoxra, oħrajn mill-astenosfera, possibbilment minħabba l-qoxra oċeanika rqiqa u pjuttost reċenti. Il-GSC ikkawża dgħufijiet strutturali f’din il-litosfera rqiqa li jwasslu għall-iżbruffar li fforma l-Pjattaforma tal-Galapagos. Il-gżejjer Fernandina u Isabela b’mod partikolari huma allinjati tul dawn id-dgħufijiet. Minħabba n-nuqqas ta’ żona definita sew b’qasma kkaġunata minn ċediment fil-qoxra tad-Dinja, il-gżejjer għandhom rata għolja ta’ inflazzjoni qabel ma jseħħ xi żbruffar.

Sula ta’ saqajh blu

Il-vulkan Sierra Negra fuq Isabela ġie olzat b’240 cm bejn l-1992 u l-1998, u l-iżjed żbruffar reċenti seħħ fl-2005, filwaqt li l-vulkan Fernandina fuq il-gżira ta’ Fernandina ġie olzat b’90 cm, u l-iżjed żbruffar reċenti seħħ fl-2009. Il-vulkan Alcedo fuq il-gżira ta’ Isabela ġie olzat b’iktar minn 90 cm, u l-iżjed żbruffar reċenti seħħ fl-1993. Karatteristiċi oħra tal-Arċipelagu tal-Galapagos huma l-ispazjar iktar qrib tal-vulkani, id-daqsijiet iżgħar tal-vulkani, u d-depressjonijiet vulkaniċi (calderas) ikbar mis-soltu. Pereżempju, il-gżira ta’ Isabela fiha 6 vulkani kbar: Ekwador, Wolf, Darwin, Alcedo, Sierra Negra u Cerro Azul, u l-iktar żbruffar reċenti seħħ bejn l-1813 u l-2008. Il-gżejjer ġirien ta’ Santiago u Fernandina żbruffaw l-aħħar fl-1906 u fl-2009, rispettivament. B’mod kumplessiv, id-disa’ vulkani attivi fl-arċipelagu żbruffaw 24 darba bejn l-1961 u l-2011. L-għamla ta’ dawn il-vulkani qisha “skutella tas-soppa bil-kontra” meta mqabbla mal-għamla ta’ “plattina bil-kontra” tal-Gżejjer ta’ Hawaii. L-għamla tal-Gżejjer Galapagos hija hekk minħabba kif inhuma x-xquq radjali u ċirkonferenzjali tagħhom; jiġifieri radjali fil-ġnub, iżda ċirkonferenzjali qrib il-qċaċet tal-calderas. Minħabba dawn ix-xquq ċirkonferenzjali, xi kultant ifeġġu qishom munzelli li jiffurmaw minn flussi qosra tal-lava.[7]

Il-granċ ikkulurit Grapsus grapsus tal-Galapagos

Il-vulkani fit-tarf nett tal-Punent tal-arċipelagu, inġenerali huma itwal, iffurmaw iktar reċentement, għandhom calderas żviluppati sew, u huma komposti l-iktar mill-bażalt tolejitiku, filwaqt li dawk lejn il-Lvant huma iqsar, iktar antiki, m’għandhomx calderas, u għandhom kompożizzjoni iktar varjata. L-etajiet tal-gżejjer, mill-Punent għal-Lvant huma 0.05 Ma għal Fernandina, 0.65 Ma għal Isabela, 1.10 Ma għal Santiago, 1.7 Ma għal Santa Cruz, 2.90 Ma għal Santa Fe, u 3.2 Ma għal San Cristobal. Il-calderas tal-vulkani Sierra Negra u Alcedo għandhom sistemi ta’ qsim attivi. Il-qasma ta’ Sierra Negra fault hija assoċjata ma’ qisu ħoġor xi żewġ kilometri taħt il-caldera. Fil-caldera tal-vulkan Fernandina seħħ l-ikbar kollass vulkaniku bażaltiku fl-istorja, bl-iżbruffar freatomagmatiku tal-1968. Il-vulkan Fernandina kien ukoll l-iktar vulkan attiv mill-1790 ’l hawn, bi żbruffar reċenti fl-1991, fl-1995, fl-2005, u fl-2009, u s-superfiċe kollha ġiet mgħottija b’diversi flussi minn 4.3 Ka. Il-vulkani tal-Punent għandhom ukoll diversi koni vulkaniċi tat-tufu.[8][9]

Ġeografija fiżika[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżejjer Galapagos jinsabu fil-Lvant tal-Oċean Paċifiku, 973 kilometru lil hinn mill-kosta tal-Punent tal-Amerka t’Isfel. L-iktar massa ta’ art fil-qrib hija dik tal-Ekwador kontinentali.

Il-gżejjer jinsabu fil-koordinati 1°40'N–1°36'S, 89°16'–92°01'W. Il-gżejjer tal-arċipelagu jinsabu tul l-ekwatur fiż-żewġ emisferi, u l-vulkani Wolf u Ekwador fuq il-gżira Isabela jinsabu eżatt fuq l-ekwatur. Il-gżira ta’ Española, l-iktar gżejra fin-Nofsinhar tal-arċipelagu, u Darwin, l-iktar waħda fit-Tramuntana, huma mifruxa fuq distanza ta’ 220 kilometru. Madankollu, l-Organizzazzjoni Idrografika Internazzjonali (IHO) tikkunsidrahom kollha kemm huma fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku.[10] L-arċipelagu tal-Galapagos fih 7,880 km2 ta’ art mifruxa fuq 45,000 km2 ta’ oċean. L-ikbar gżira tal-arċipelagu, Isabela, għandha erja ta’ 5,800 km2[11] u tirrappreżenta kważi tliet kwarti tal-erja totali ta’ art tal-Galapagos. L-ogħla punt huwa l-vulkan Wolf fuq il-gżira Isabela, b’elevazzjoni ta’ 1,707 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.

Ritratt satellitari tal-Gżejjer Galapagos bl-ismijiet tagħhom fuqu

L-arċipelagu huwa magħmul minn 18-il gżira prinċipali, tliet gżejjer iżgħar, kif ukoll 107 blatiet u gżejriet. Il-gżejjer jinsabu fil-punt fejn jiltaqgħu tliet plakek tettoniċi (magħruf bħala Galapagos Triple Junction). L-arċipelagu jinsab fuq il-Plakka ta’ Nazca, li qed timxi lejn il-Lvant/ix-Xlokk, u li qed togħdos taħt il-Plakka tal-Amerka t’Isfel b’rata ta’ madwar 2.5 pulzieri (6.4 cm) fis-sena.[12] L-arċipelagu jinsab fuq il-Hotspot tal-Galapagos, li huwa post fejn il-qoxra tad-Dinja qed iddub minn taħt, minħabba l-fenomenu ta’ konvezzjoni vulkanika taħt il-qoxra (magħruf bħala mantle plume), u li l-ħin kollu qed joħloq vulkani ġodda. L-ewwel gżejjer iffurmat hawnhekk mill-inqas tmien miljun sena ilu u possibbilment sa 90 miljun sena ilu.[13]

Filwaqt li l-gżejjer iktar antiki għebu taħt il-baħar hekk kif imxew lil hinn mill-konvezzjoni vulkanika taħt il-qoxra, l-iżgħar gżejjer f’termini ta’ età, Isabela u Fernandina, għadhom qed jiffurmaw. F’April 2009, il-lava mill-gżira vulkanika ta’ Fernandina bdiet tiżbroffa kemm lejn il-kosta tal-gżira kif ukoll fil-caldera ċentrali.

Fl-aħħar ta’ Ġunju 2018, Sierra Negra, wieħed mill-ħames vulkani fuq il-gżira ta’ Isabela u wieħed mill-iktar attivi fl-arċipelagu, beda jiżbroffa għall-ewwel darba fl-2005. Il-flussi tal-lava waslu sal-kosta, u għalhekk xi ħamsin resident li kienu jgħixu fil-qrib kellhom jiġu evakwati u l-aċċess tat-turisti kellu jiġi ristrett.[14]

Gżejjer prinċipali[immodifika | immodifika s-sors]

Dawn huma t-18-il gżira prinċipali[15] (u kull gżira b’erja tal-art ta’ mill-inqas 1 km2) tal-arċipelagu (bl-ismijiet bl-Ingliż li kienu ngħataw fi żmien Darwin fil-parentesi):

  • Baltra (South Seymour/Seymour ta’ Fuq) – il-gżira ta’ Baltra hija gżira żgħira ċatta li tinsab fiċ-ċentru tal-Galapagos. Inħolqot permezz ta’ olzar ġeoloġiċi. Il-gżira hija arida ħafna, u l-veġetazzjoni tikkonsisti minn arbuxelli marittimi, bajtar tax-xewk u s-siġar magħrufa bħala palo santo. Sal-1986, l-Ajruport ta’ Baltra (Seymour) kien l-uniku ajruport li kien qed jaqdi lill-Gżejjer Galapagos. Illum il-ġurnata, hemm żewġ ajruporti li jirċievu titjiriet mill-kontinent; l-ajruport l-ieħor jinsab fuq San Cristóbal. L-ajruplani privati li jtiru lejn il-Galapagos iridu jużaw l-ajruport ta’ Baltra, għaliex huwa l-uniku ajruport b’faċilitajiet għalihom lejl u nhar. Malli l-viżitaturi jaslu Baltra, jiġu ttrasportati minnufih b’xarabank lejn wieħed miż-żewġ mollijiet. L-ewwel moll jinsab f’bajja żgħira, fejn id-dgħajjes tat-turisti jistennew lill-passiġġieri jaslu. Mit-tieni moll, jitilqu wkoll il-laneċ li jikkollegaw il-gżejjer ta’ Baltra u Santa Cruz. Matul is-snin 40 tas-seklu 20, ix-xjentisti ddeċidew li jċaqilqu 70 igwana tal-art ta’ Baltra għal fuq il-gżira ta’ Seymour ta’ Fuq bħala parti minn esperiment. Din il-mossa inzertat kienet waħda f’utli għaliex wara ftit l-igwani nattivi li kien għad fadal fuq Baltra saru estinti, b’riżultat tal-okkupazzjoni militari tal-gżira fit-Tieni Gwerra Dinjija. Matul is-snin 80 tas-seklu 20, l-igwani minn Seymour ta’ Fuq ittieħdu fl-Istazzjon tar-Riċerka Charles Darwin bħala parti minn proġett ta’ tnissil u ta’ ripopolazzjoni, u fid-disgħinijiet tas-seklu 20, l-igwani tal-art reġgħu ġew introdotti fuq Baltra. Mill-1997 ’l hawn, ix-xjentisti sabu li hemm 97 igwana tal-art jgħixu fuq Baltra; 13 minnhom kienu faqqsu fuq il-gżira stess.
  • Bartolomé (Bartholomew) – il-gżira ta’ Bartolomé hija gżejra vulkanika tefgħa ta’ ġebla bogħod mill-kosta tal-Lvant tal-gżira ta’ Santiago. Hija waħda mill-gżejjer l-inqas antiki fl-arċipelagu. Din il-gżira u l-Bajja Sulivan f’Santiago, issemmew wara l-ħabib kbir ta’ Charles Darwin, Sir Bartholomew James Sulivan, li kien logutenent abbord l-HMS Beagle.[16] Illum il-ġurnata, isem il-bajja Sulivan spiss jiġi spellut ħażin, b’s doppja minflok waħda. Din il-gżira hija waħda mill-ftit li fuqhom jgħix il-pingwin tal-Galapagos, li huwa l-uniku speċi ta’ pingwin fis-selvaġġ li jgħix fl-ekwatur. Il-fekruna tal-baħar ħadra hija annimal ieħor li jgħix qrib il-kosta ta’ din il-gżira.
  • Darwin (Culpepper) – din il-gżira hija msemmija għal Charles Darwin u għandha erja ta’ 1.1 km2 u altitudni massima ta’ 168 metru. Hawnhekk jgħixu l-foki tal-Galapagos, il-frigati (Fregatidae) tal-Galapagos, l-igwani tal-baħar, il-gawwijiet ta’ denbhom wiesa’ (Creagrus furcatus), l-iljuni tal-baħar, il-balieni, il-fkieren tal-baħar, is-suli ta’ saqajhom ħomor (Sula sula) u s-suli ta’ Nazca (Sula granti).
  • Española (Hood) – il-gżira ssemmiet hekk biex tagħti ġieħ lil Spanja. L-isem bl-Ingliż Hood, ingħata f’isem il-Viskonti Samuel Hood. Għandha erja ta’ 60 km2 u altitudni massima ta’ 206 metri. Española hija l-iktar ġżira antika u għandha madwar 3.5 miljun sena, u hija l-iktar waħda fin-Nofsinhar. Minħabba l-pożizzjoni remota tagħha, Española għandha għadd kbir ta’ speċijiet endemiċi, fosthom gremxula tal-lava, l-għasfur Mimus macdonaldi, u sottospeċi endemika tal-fekruna tal-art tal-Galapagos. L-igwani tal-baħar ta’ Española jibdlu l-kulur ta’ ġisimhom għal aħmar partikolari bejn staġun tat-tnissil u ieħor. Española hija l-unika gżira li fuqha jbejjet l-albatru tal-Galapagos (Phoebastria irrorata). Xi pari ppruvaw jitnisslu fuq il-gżira ta’ Genovesa iżda mingħajr suċċess. L-albatru tal-Galapagos jużaw l-irdumijiet wieqfa ta’ Española bħala mitjar perfett minn fejn itiru lejn l-oċean biex isibu l-ikel qrib l-art kontinentali tal-Ekwador u tal-Perù. Española għandha żewġ punti li jilqgħu lill-viżitaturi. Il-Bajja ta’ Gardner hija bajja bir-ramel li hi perfetta għall-għawm u għall-isnorkelling. Punta Suarez għandha organiżmi selvaġġi migranti, residenti, u endemiċi, inkluż igwani tal-baħar b’kuluri tassew jgħajtu, gremxul tal-lava, għasafar Mimus macdonaldi, gawwijiet ta’ denbhom wiesa’, suli ta’ saqajhom blu(Sula nebouxii), suli ta’ Nazca, fetonti tal-munqar aħmar (Phaethon aethereus), isqra tal-Galapagos, tliet speċijiet ta’ sponsuni ta’ Darwin, u l-albatru tal-Galapagos.
  • Fernandina (Narborough) – isem il-gżira ngħata biex jagħti ġieħ lir-Re Ferdinandu II ta’ Aragona, li sponsorja l-vjaġġ ta’ Kristoforu Kolombu. Fernandina għandha erja ta’ 642 km2 u altitudni massima ta’ 1,494 metru. Din hija l-iktar gżira fil-Punent u l-iktar gżira reċenti. Fit-13 ta’ Mejju 2005, beda proċess ta’ żbruffar qawwi ħafna fil-gżira, li ġġenerat sħaba ta’ rmied u ta’ fwar tal-ilma li laħqet għoli ta’ seba’ kilometri u l-lava gelglet mill-quċċata tal-vulkan sal-baħar. Punta Espinosa hija biċċa art dejqa bi blat tal-lava fejn jinġabru mijiet ta’ igwani tal-baħar. Il-marguni tant famużi li ma jtirux jgħixu fuq din il-gżira, flimkien mal-pingwini tal-Galapagos, il-pellikani, l-iljuni tal-baħar u l-foki tal-Galapagos. Il-gżira fiha tipi differenti ta’ flussi tal-lava kif ukoll foresti ta’ mangrovji.
  • Floreana (Charles jew Santa María) – isem il-gżira ngħata biex jagħti ġieħ lil Juan José Flores, l-ewwel President tal-Ekwador, li taħt l-amministrazzjoni tiegħu, il-gvern tal-Ekwador ħa l-arċipelagu bħala parti mill-pajjiż. L-isem Santa Maria ngħata wara wieħed mill-karavelli ta’ Kolombu. Il-gżira għandha erja ta’ 173 km2 u elevazzjoni massima ta’ 640 metru. Din hija waħda mill-gżejjer bl-iktar storja umana interessanti, u l-ewwel waħda li bdew jgħixu nies fiha. Fuq din il-gżira jbejtu l-fjamingi u l-fkieren tal-baħar ħodor (minn Diċembru sa Mejju). Il-patapegada jew il-kanġu tal-Galapagos huwa għasfur tal-baħar li jbejjet fuq din il-gżira għalkemm iqatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu fuq il-baħar. Fil-Bajja tal-Uffiċċju Postali, il-kaċċaturi tal-balieni tas-seklu 19 kienu kkonvertew bettija tal-injam f’uffiċċju postali, minn fejn il-posta kienet tinġabar u tintbagħat lejn id-destinazzjonijiet mixtieqa, l-iktar fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, mill-vapuri fi triqithom lura minn fejn ġew. Fil-“Kuruna tax-Xitan”, hemm konu vulkaniku taħt il-baħar b’ħafna formazzjonijiet ta’ qroll.
  • Genovesa (Tower) – isem il-gżira ġej minn Genova, l-Italja, il-belt fejn twieled Kristoforu Kolombu. Għandha erja ta’ 14 km2 u altitudni massima ta’ 76 metru. Din il-gżira ffurmat mit-tarf li kien fadal ta’ caldera kbira li kienet tinsab taħt il-baħar. Għandha l-laqam tal-“gżira tal-għasafar” li huwa tassew iġġustifikat. Fil-Bajja ta’ Darwin, wieħed jista’ jara l-frigati u l-gawwijiet ta’ denbhom wiesa’, l-unika speċi ta’ gawwijiet fid-dinja li jkunu attivi billejl. Is-suli ta’ saqajhom ħomor, iċ-ċirlewwi tal-Galapagos, il-gawwijiet tal-lava, il-fetonti, il-ħamiem tal-Galapagos, il-kanġu tal-Galapagos u l-isponsuni ta’ Darwin. Wieħed mill-aqwa punti biex wieħed josserva l-għasafar tal-gżira huwa magħruf bħala t-Taraġ tal-Prinċep Filippu fejn jgħixu ħafna suli ta’ saqajhom ħomor u suli ta’ Nazca. Barra minn hekk, hemm foresta tas-siġar magħrufa bħala palo santo.
  • Isabela (Albemarle) – isem il-gżira ngħata biex jagħti ġieħ lir-Reġina Isabella I ta’ Kastilja.[17] B’erja ta’ 4,640 km2, din hija l-ikbar gżira tal-Galapagos. L-ogħla punt tagħha huwa l-vulkan Wolf, b’altitudni ta’ 1,707 metru. L-għamla tal-gżira qisha ta’ żiemel il-baħar hija l-prodott tal-fużjoni ta’ sitt vulkani kbar f’massa unika ta’ art. Fuq din il-gżira, jgħixu ħafna pingwini tal-Galapagos, marguni li ma jtirux, igwani tal-baħar, pellikani u granċijiet ikkuluriti. Fit-truf u fil-calderas tal-vulkani ta’ Isabela, jgħixu igwani tal-art u fkieren tal-art tal-Galapagos, kif ukoll sponsuni ta’ Darwin, isqra tal-Galapagos, ħamiem tal-Galapagos u veġetazzjoni interessanti ħafna fil-pjanura. It-tielet l-ikbar raħal tal-arċipelagu, Puerto Villamil, jinsab fix-Xlokk tal-gżira.
  • Marchena (Bindloe) – il-gżira hija msemmija għal Fray Antonio Marchena. Għandha erja ta’ 130 km2 u altitudni massima ta’ 343 metru. Fuq il-gżira jgħixu l-isqra tal-Galapagos, l-iljuni tal-baħar u l-gremxul tal-lava endemiċi ta’ Marchena.
  • Seymour ta’ Fuq (North Seymour) – isem il-gżira oriġina minn isem nobbli Brittaniku, Lord Hugh Seymour. Il-gżira għandha area ta’ 1.9 km2 u altitudni massima ta’ 28 metru. Din il-gżira għandha popolazzjoni kbira ta’ suli ta’ saqajhom blu u ta’ gawwijiet ta’ denbhom wiesa’. Tospita wkoll waħda mill-ikbar popolazzjonijiet ta’ frigati. Il-gżira ffurmat minn olzar ġeoloġiku.
  • Pinzón (Duncan) – isem il-gżira ngħata f’isem l-aħwa Pinzón, il-kaptana tal-karavelli Pinta u Niña. Il-gżira għandha erja ta’ 18 km2 u altitudni massima ta’ 458 metru.
  • Pinta (Louis) – l-isem ġej mill-karavell Pinta. Il-gżira għandha erja ta’ 60 km2 u altitudni massima ta’ 777 metru. Hawnhekk wieħed jista’ jara l-iljuni tal-baħar, l-isqra tal-Galapagos, il-fkieren tal-art tal-Galapagos, l-igwani tal-baħar u d-dniefel. Il-gżira kellha speċi endemika ta’ fkieren tal-art li issa hija estinta. Din l-ispeċi hija l-istess waħda tal-aħħar fekruna tal-art ta’ din l-ispeċi mlaqqam Lonesome George. Kien ġie mċaqlaq lejn l-Istazzjoni tar-Riċerka Charles Darwin f’Santa Cruz, fejn ix-xjentisti ppruvaw inisslu fkieren oħra tal-istess speċi minnu. Madankollu, Lonesome George miet f’Ġunju 2012 mingħajr nisel ġdid.
  • Rábida (Jervis) – l-isem tal-gżira joriġina minn isem il-kunvent ta’ Rábida, fejn Kolombu ħalla lil ibnu matul il-vjaġġ tiegħu lejn l-Amerki. Il-gżira għandha erja ta’ 4.95 km2 u altitudni massima ta’ 367 metru. L-ammont kbir ta’ ħadid fil-lava ta’ Rábida jagħti l-kulur ħamrani lill-gżira. Qrib il-bajja hemm laguna bl-ilma baħar fejn jgħixu u jbejtu silfjuni tal-Galapagos (Anas bahamensis galapagensis), pellikani kannella u suli. Sa ftit żmien ilu, kien ikun hemm fjamingi wkoll fil-laguna, iżda dan l-aħħar iċċaqilqu lejn gżejjer oħra, x’aktarx minħabba nuqqas ta’ ikel f’Rábida. F’din il-gżira ġew irrappurtati li hemm saħansitra disa’ sponsuni.
  • San Cristóbal (Chatham) – isem il-gżira joriġina minn isem San Kristoforu, il-qaddis patrun tal-baħħara. L-isem bl-Ingliż ingħata għal William Pitt, l-Earl ta’ Chatham. Il-gżira għandha erja ta’ 558 km2 u altitudni massima ta’ 730 metru. Din kienet l-ewwel gżira fl-arċipelagu tal-Galapagos li żar Charles Darwin matul il-vjaġġ tiegħu abbord il-Beagle. Il-gżira tospita l-frigati, l-iljuni tal-baħar, il-fkieren tal-art tal-Galapagos, is-suli ta’ saqajhom ħomor jew blu, il-fetonti, l-igwani tal-baħar, id-dniefel u l-gawwijiet ta’ denbhom wiesa’. Il-veġetazzjoni l-iktar interessanti tal-gżira tinkludi l-Calandrinia galapagos, il-Lecocarpus darwinii, u s-siġar bħal-Lignum vitae. L-ikbar lag tal-ilma ħelu fl-arċipelagu, Laguna El Junco, tinsab fil-partijiet għoljin tal-gżira. Il-kapitali tal-provinċja tal-Galapagos hija Puerto Baquerizo Moreno, li tinsab fin-Nofsinhar tal-gżira, qrib l-Ajruport ta’ San Cristóbal.
  • Santa Cruz (Indefatigable) – il-gżira ngħatat l-isem tal-Kurċifiss Imqaddes bl-Ispanjol. Oriġinarjament Cowley kien semmiha l-gżira ta’ Norfolk, iżda mbagħad il-gżira ngħata isem il-frigata Brittanika HMS Indefatigable li żaret il-gżira fl-1812.[18] Santa Cruz għandha erja ta’ 986 km2 u altitudni massima ta’ 864.5 metru. Il-gżira tospita l-ikbar popolazzjoni umana fl-arċipelagu fil-belt ta’ Puerto Ayora. L-Istazzjon tar-Riċerka Charles Darwin u l-kwartieri ġenerali tas-Servizz tal-Park Nazzjonali tal-Galapagos jinsabu hawnhekk. Dawn joperaw ċentru tat-tnissil, fejn fkieren tal-art żgħar ifaqqsu, jiġu mitmugħa, u jitħejjew biex jiġu introdotti mill-ġdid fil-ħabitat naturali tagħhom. L-artijiet b’altitudni għolja ta’ Santa Cruz għandhom flora eżuberanti, u huma famużi għall-mini tal-lava u għall-popolazzjonijiet kbar ta’ fkieren tal-art tal-Galapagos li jinsabu hemmhekk. Il-Qala s-Sewda tal-Fkieren hija mdawra bil-mangrovji, li l-fkieren tal-baħar, ir-raj u l-klieb il-baħar żgħar xi kultant jużaw bħala post tat-tgħammir. Cerro Dragón hija laguna famuża għall-fjamingi u hemm mogħdija fejn wieħed faċilment jinzerta l-igwani tal-art ifittxu għall-ikel.
  • Santa Fe (Barrington) – Named after a city in Spain, it has an area of 24 km2 (9.3 sq mi) and a maximum altitude of 259 m (850 ft). Santa Fe hosts a forest of Opuntia cactus, which are the largest of the archipelago, and Palo Santo. Weathered cliffs provide a haven for swallow-tailed gulls, red-billed tropic birds and shearwater petrels. Santa Fe species of land iguanas are often seen, as well as lava lizards.
  • Santiago (San Salvador, James) – l-isem huwa l-ekwivalenti Spanjol ta’ San Ġakbu. Il-gżira hija magħrufa wkoll bħala San Salvador, għal isem l-ewwel gżira skoperta minn Kolombu fil-Baħar Karibew. Il-gżira għandha erja ta’ 585 km2 u altitudni massima ta’ 907 metru. Hawnhekk jgħixu igwani tal-baħar, iljuni tal-baħar, foki tal-Galapagos, fkieren tal-art u tal-baħar, fjamingi, dniefel u klieb il-baħar. Il-ħnieżer u l-mogħoż li kienu ġew introdotti mill-bniedem ikkawżaw ħafna ħsara lill-ispeċijiet endemiċi u tneħħew għalkollox (il-ħnieżer fl-2002; il-mogħoż fl-aħħar tal-2006). Xi kultant jiġu osservati sponsuni ta’ Darwin u isqra tal-Galapagos, kif ukoll kolonja ta’ foki tal-Galapagos. Fil-Bajja Sulivan, wieħed jista’ josserva fluss tal-lava tat-tip pahoehoe ta’ xi 100 sena ilu.
  • Wolf (Wenman) – din il-gżira hija msemmija għall-ġeologu Ġermaniż Theodor Wolf. Għandha erja ta’ 1.3 km2 u altitudni massima ta’ 253 metru. Hawnhekk jgħixu foki tal-Galapagos, frigati, suli ta’ Nazca u ta’ saqajhom ħomor, igwani tal-baħar, klieb il-baħar, balieni, dniefel u gawwijiet ta’ denbhom wiesa’. L-iktar speċi endemika famuża huwa l-isponsun vampir, li jgħix parzjalment bis-saħħa tad-demm ta’ għasafar oħra li jnaqqar b’munqaru.

Gżejjer minuri[immodifika | immodifika s-sors]

  • Daphne Major – gżira żgħira fit-Tramuntana ta’ Santa Cruz u fil-Punent ta’ Baltra. Din il-gżira tassew inaċċessibbli tidher fuq il-mappa tan-navigazzjoni ta’ Ambrose Cowley tal-1684, għalkemm bla isem. Hija importanti bħala l-post fejn għal għexieren ta’ snin saru studji fuq il-popolazzjonijiet ta’ sponsuni minn Peter u Rosemary Grant.
  • Plaza t’Isfel/South Plaza (Plaza Sur) – isem il-gżira ngħata biex jagħti ġieħ lill-eks President tal-Ekwador, il-Ġeneral Leónidas Plaza. Il-gżira għandha erja ta’ 0.13 km2 u altitudni massima ta’ 23 m. Il-flora tal-Plaza t’Isfel tinkludi l-kaktus Opuntia u l-pjanti Sesuvium, li jiffurmaw qisu tapit ħamrani li jiksi l-formazzjonijiet tal-lava. Hemm popoplazzjonijiet abbundanti ta’ igwani (tal-art, tal-baħar u xi ibridi taż-żewġ speċijiet), u għadd kbir ta’ għasafar speċjalment fl-irdumijiet fin-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira, fosthom il-fetonti u l-gawwijiet ta’ denbhom wiesa’.
  • Gżira Bla Isem/Nameless Island – gżejra żgħira li tintuża l-iktar għall-għadis biċ-ċilindri tal-arja.
  • Roca Redonda – gżejra ta’ madwar 25 km fil-Majjistral ta’ Isabela. Herman Melville jiddedika t-tielet u r-raba’ abbozzi ta’ The Encantadas biex jiddeskrivi din il-gżera (li hu jsejjaħ “Rock Rodondo”) u l-veduta minnha.

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gżejjer Galapagos ġew iddeżinjati fost l-ewwel Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fil-1978 u fl-2001 iż-żona marittima ta’ lqugħ tagħhom ġiet estiża.

Veduta tal-gżira ta’ Bartolomé

Il-valur naturali universali straordinarju tagħhom ġie rrikonoxxut mill-UNESCO abbażi ta’ erba’ kriterji tal-għażla: il-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”; il-kriterju (viii) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta’ art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti”; il-kriterju (ix) “Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta’ ekosistemi u ta’ komunitajiet ta’ pjanti u ta’ annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar”; u l-kriterju (x) “Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta’ valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni”.[19]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ ""Censo 2010". Instituto Nacional de Estadística y Censos. 2010. Arkivjat 11-12-2011". Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-12-11. Miġbur 2021-02-14. Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ ""Discovery, Pirates, and Whalers" - Galapagos Geologyon The Web". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  3. ^ ""Darwin and Evolution" - Galapagos Geologyon The Web". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  4. ^ Mittlestaedt, Eric; d'Ozouville, Noemi; Harpp, Karen; Graham, David (2014). Harpp, Karen; Mittelstaedt, Eric; d'Ozouville, Noemi; Graham, David (eds.). Introduction, in The Galapagos: A Natural Laboratory for the Earth Sciences. Hoboken: John Wiley & Sons, Inc. pp. 1–3, 42. ISBN 9781118852415.
  5. ^ Harpp, Karen; Hall, Paul; Jackson, Matthew (2014). Harpp, Karen; Mittelstaedt, Eric; d'Ozouville, Noemi; Graham, David (eds.). Galapagos and Easter: A Tale of Two Hotspots, in The Galapagos: A Natural Laboratory for the Earth Sciences. Hoboken: John Wiley & Sons, Inc. pp. 27–29. ISBN 9781118852415.
  6. ^ Geist, Dennis; Bergantz, George; Chadwick, William (2014). Harpp, Karen; Mittelstaedt, Eric; d'Ozouville, Noemi; Graham, David (eds.). Galapagos Magma Chambers, in The Galapagos: A Natural Laboratory for the Earth Sciences. Hoboken: John Wiley & Sons, Inc. pp. 56–57. ISBN 9781118852415.
  7. ^ Poland, Michael (2014). Harpp, Karen; Mittelstaedt, Eric; d'Ozouville, Noemi; Graham, David (eds.). Contrasting Volcanism in Hawai'i and the Galapagos, in The Galapagos: A Natural Laboratory for the Earth Sciences. Hoboken: John Wiley & Sons, Inc. pp. 5–21. ISBN 9781118852415.
  8. ^ Merlen, Godfrey (2014). Harpp, Karen; Mittelstaedt, Eric; d'Ozouville, Noemi; Graham, David (eds.). Plate Tectonics, Evolution, and the Survival of Species: A Modern Day Hotspot, in The Galapagos: A Natural Laboratory for the Earth Sciences. Hoboken: John Wiley & Sons, Inc. p. 122. ISBN 9781118852415.
  9. ^ Kurz, Mark; Rowland, Scott; Curtice, Joshua; Saal, Alberto; Naumann, Terry (2014). Harpp, Karen; Mittelstaedt, Eric; d'Ozouville, Noemi; Graham, David (eds.). Eruption Rates for Fernandina Volcano: A New Chronology at the Galapagos Hotspot Center, in The Galapagos: A Natural Laboratory for the Earth Sciences. Hoboken: John Wiley & Sons, Inc. pp. 41–44, 49. ISBN 9781118852415.
  10. ^ ""Limits of Oceans and Seas, 3rd edition" (PDF). International Hydrographic Organization. 1953" (PDF). Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  11. ^ ""Galápagos Islands." The Columbia Encyclopedia. New York: Columbia University Press, 2015". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  12. ^ Pearson, David L.; David W. Middleton (1999). The New Key to Ecuador and the Galápagos (3rd ed.). Berkeley: Ulysses Press.
  13. ^ ""The Galapagos Mantle Plume" - Galapagos Geologyon The Web". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  14. ^ "Mack, Eric. "Galapagos Volcanoes Keep Erupting Around One Of The World's Most Incredible Islands". Forbes". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  15. ^ Miller, B.; Breckheimer, I.; McCleary, A.; Guzmán-Ramirez, L.; Caplow, S.; Jones-Smith, J. & Walsh, S. (2010). "Using stylized agent-based models for population–environment research: a case study from the Galápagos Islands". Population & Environment. 31 (4): 279–287.
  16. ^ Grant, K. Thalia and Estes, Gregory B. (2009). Darwin in Galápagos: Footsteps to a New World. Princeton: Princeton University Press.
  17. ^ ""Isabela Island". Galapagos Conservation Trust". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)
  18. ^ McEwen, Alec (July 1988). "The English Place-Names of the Galápagos". The Geographical Journal. The Royal Geographical Society. 154 (2): 234–242.
  19. ^ ""Galápagos Islands" - UNESCO". Parametru mhux magħruf |aċċess= injorat (forsi ridt tuża |data-aċċess= minflok) (għajnuna); Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |koawturi= (għajnuna)