Diego Maradona
Diego Maradona wara r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1986 | |||
Informazzjoni personali | |||
---|---|---|---|
Isem sħiħ | Diego Armando Maradona | ||
Twelid | 30 ta' Ottubru 1960 Lanús, Arġentina | ||
Mewt | 25 ta' Novembru 2020 (60 sena) Dique Luján, Arġentina | ||
Tul | 1.65 m | ||
Rwol | Midfilder offensiv, attakkant | ||
Mixtliet | |||
1969–1976 | Argentinos Juniors | ||
Karriera professjonali | |||
Snin | Klabb | ||
1976–1981 | Argentinos Juniors | ||
1981–1982 | Boca Juniors | ||
1982–1984 | Barcelona | ||
1984–1991 | Napoli | ||
1992–1993 | Sevilla | ||
1993–1994 | Newell's Old Boys | ||
1995–1997 | Boca Juniors | ||
Tim nazzjonali | |||
1977–1994 | Arġentina | ||
Timijiet ikkowċjati | |||
1994 | Deportivo Mandiyú | ||
1995 | Racing Club | ||
2008–2010 | Arġentina | ||
2011–2012 | Al-Wasl | ||
2017–2018 | Fujairah | ||
2018–2019 | Dorados de Sinaloa | ||
2019–2020 | Gimnasia de La Plata |
Diego Armando Maradona (twieled fit-30 ta' Ottubru 1960 – miet fil-25 ta' Novembru 2020) kien plejer u kowċ tal-futbol Arġentin. Rikonoxxut fost l-aqwa plejers fl-istorja tal-isport, Maradona jibqa' magħruf għall-viżjoni, it-teknika, it-tqassim u l-kontroll tal-ballun li kellu. L-istatura qasira tiegħu servietu biex jimmanuvra aħjar minn ħafna plejers oħrajn.[1] Maradona kien imlaqqam "El Pibe de Oro" ("It-Tfajjel tad-Deheb"), isem li baqa' miegħu matul il-karriera tiegħu. Barra l-futbol, kellu problemi f'ħajtu u kien sospiż mil-logħba fl-1991 u l-1994 wara li nstab li kien qiegħed jabbuża mid-droga.
L-ewwel snin
[immodifika | immodifika s-sors]Diego Armando Maradona twieled fit-30 ta' Ottubru 1960, fl-Isptar Policlínico Evita f'Lanús, fil-Provinċja ta' Buenos Aires.[2][3] Hu kien l-ewwel tifel wara ħamest ibniet. Missieru, Diego Maradona "Chitoro" (1927–2015), kien jaħdem f'fabbrika tal-kimika u kien ta' dixxendenza indiġena u Baska, waqt li ommu Dalma Salvadora Franco, "Doña Tota" (1930–2011), kienet ta' dixxendenza Taljana.[4][5]
Maradona irċieva l-ewwel ballun tal-futbol ta' tliet snin u mal-ewwel għoġbitu l-logħba. F'Marzu tal-1969, hu kien rakommandat lil Los Cebollitas (Il-Basal iż-Żgħar), it-tim taż-żgħar ta' Argentinos Juniors.[6] Maradona mal-ewwel beda jibrilla mas-Cebollitas u ta' tnax-il sena kien iħobb jagħti pjaċir lill-ispettaturi tal-logħbiet tat-tim tal-kbar billi juri l-ħiliet tiegħu bil-ballun.[7] Matul l-1973 u l-1974, Maradona wassal lis-Cebollitas għar-rebħ ta' żewġ kampjonati Evita u 141 logħba mingħajr telfa, spalla ma' spalla ma' Adrián Domenech u Claudio Rodríguez, f'tim li baqa' rikonoxxut fost l-aqwa tim taż-żgħar fl-istorja tal-futbol Arġentin.[8] L-ispirazzjonijiet ta' Maradona kienu l-Brażiljan Rivellino u l-midfilder ta' Manchester United George Best.[9]
Karriera mal-klabbs
[immodifika | immodifika s-sors]Argentinos Juniors
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-20 ta' Ottubru 1976, Maradona għamel id-debutt professjonali ma' Argentinos Juniors ta' ħmistax-il sena, għaxart ijiem qabel għeluq is-sittax-il sena, kontra Talleres de Córdoba.[10] Hu libes il-flokk numru 16 u b'hekk sar l-iżgħar plejer li qatt lagħab fl-istorja tal-Primera División Arġentina. Ftit minuti wara li ġie introdott, Maradona għadda l-ballun bejn saqajn Juan Domingo Cabrera, li kellha tkun simbolu tat-talent tiegħu.[11] Wara l-logħba, Maradona tenna li "dik il-ġurnata ħassejt li kelli s-sema f'idejja".[12] Maradona skorja l-ewwel gowl tiegħu fil-Primera División kontra San Lorenzo fl-14 ta' Novembru 1976, ġimgħatejn wara li għalaq is-sittax.[13]
Boca Juniors
[immodifika | immodifika s-sors]Ma' Argentinos Juniors għamel ħames snin u skorja 115-il gowl f'167 logħba. Fl-20 ta' Frar 1981 ittrasferrixxa ma' Boca Juniors għas-somma ta' $4 miljun.[14] River Plate kienu daħlu wkoll fin-negozjati għall-firma ta' Maradona tant u hekk li offrewlu li jkun l-aktar plejers imħallas fil-klabb.[15] Madanakollu, River kellhom ireġġgħu lura l-offerta minħabba l-istress finanzarju li kellhom biex iżommu lil Daniel Passarella u Ubaldo Fillol.[16]
Id-debutt tiegħu wasal kontra Talleres de Córdoba f'rebħa ta' 4–1, fejn skorja darbtejn. Fl-10 ta' April, Maradona lagħab l-ewwel Superclásico tiegħu kontra River Plate fil-La Bombonera. Boca rebħu l-konfront 3–0 b'Maradona jiskorja gowl wara li qabeż lil Alberto Tarantini u Fillol.[17] Minkejja r-relazzjoni mhux perfetta bejn Maradona u l-kowċ ta' Boca Juniors Silvio Marzolini,[18] Boca kellhom staġun ta' suċċess hekk kif rebħu l-kampjonat wara li assiguraw punt kontra Racing Club.[19] Dan kellu jkun l-uniku titlu li Maradona rebaħ fil-kampjonat domestiku Arġentin.
Barcelona
[immodifika | immodifika s-sors]Wara t-Tazza tad-Dinja tal-1982, f'Ġunju, Maradona ingħaqad mal-Ispanjoli ta' Barcelona għas-somma rekord ta' $7.6 miljun.[20] Taħt il-gwida ta' César Luis Menotti, fl-1983, Barcelona u Maradona rebħu t-Tazza tar-Re fuq ir-rivali ta' Real Madrid, u s-Supercopa kontra Athletic Bilbao. Fis-26 ta' Ġunju 1983, Barcelona rebħu barra minn darhom kontra Real Madrid fil-famuż El Clásico, logħba fejn Maradona skorja u sar l-ewwel plejer ta' Barcelona li l-benjamini ta' Real Madrid ċapċpu bħala għarfien għall-abilitajiet li wera waqt dan il-konfront.[21][22]
Minħabba mard u korrimenti kif ukoll inċidenti kontroversjali fil-grawnd, l-avventura ta' Maradona ma' Barcelona kienet waħda diffiċli.[23] Din kienet tinkludi l-epatite u aktar tard għaksa miksura wara intervent skorrett tad-difensur ta' Athletic Bilbao Andoni Goikoetxea — imlaqqam "il-Biċċier ta' Bilbao — f'logħba mil-La Liga fl-24 ta' Settembru tal-1983. Din heddet il-karriera ta' Maradona, però wara żmien ta' trattament u rijabilitazzjoni hu rritorna lura fil-grawnd wara tliet xhur.[10][24]
Fil-finali tat-Tazza tar-Re tal-1984 fis-Santiago Bernabéu kontra Athletic Bilbao, Maradona kien involut fi ġlieda vjolenti.[25] Kommozzjoni nqalgħet wara li rċieva intervent ieħor aħrax minn Goikoetxea filwaqt li kien qiegħed jirċievi insulti razzisti minħabba d-dixxendenza Nattiva Amerikana ta' missieru, kif ukoll il-provokazzjoni ta' Miguel Sola fi tmiem il-logħba li Barcelona tilfu 1–0. Wara battibekk bejn Maradona u Sola, fejn dan tal-aħħar beda juża kliem ksenofobiku.[26] Maradona ta daqqa ta' ras lil Sola, ta daqqa ta' minkeb fil-wiċċ ta' plejer ieħor ta' Bilbao u daqqa oħra bl-irkoppa f'ras plejer ieħor.[25] L-iskwadra ta' Bilbao daret madwar Bilbao għar-retribuzzjoni, b'Goikoetxea jolqot lil Maradona f'sidru. Minn dan il-punt, il-plejers ta' Barcelona u Bilbao spiċċaw fi ġlieda waħda b'Maradona fiċ-ċentru tal-azzjoni.[25]
Din il-ġlieda seħħet quddiem ir-Re ta' Spanja Juan Carlos u 100,000 partitarju fl-istadju, u iktar minn nofs Spanja fuq il-mezzi tax-xandir.[27] Din il-ġrajja kienet id-daqqa mortali għal Maradona mal-Blaugrana hekk kif din fissret l-aħħar darba li libes il-flokk tal-klabb.[26] Eżekuttiv ta' Barcelona stqarr li "wara li rajt dawk ix-xeni ta' Maradona jiġġieled u l-kaos li nqala', indunajt li ma stajniex nibqgħu sejrin iktar miegħu".[27] Maradona ġie ras imb'rass diversi drabi mal-eżekuttiv tal-klabb, partikularment mal-president Josep Lluís Núñez, sakemm ma talab li jiġi trasferit 'il barra minn Camp Nou fl-1984. Matul iż-żewġ staġuni tiegħu ma' Barcelona, Maradona skorja 38 gowl fi 58 logħba.[28]
Napoli
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar il-5 ta' Lulju 1984, Maradona ġiet ippreżentat uffiċjalment bħala l-akkwist il-ġdid ta' Napoli, quddiem quddiem folla ta' madwar 80,000 spettatur fi Stadio San Paolo.[29] Is-somma għat-trasferiment kienet waħda rekord ta' $10.48 miljun.[30] Il-kittieb sportiv David Goldblatt fakkar, "huma [il-partitarji] kienu żguri bil-wasla tas-salvatur", filwaqt li gazzetta lokali kitbet kif minkejja li l-belt kienet nieqsa minn "sindku, djar, skejjel, karozzi tal-linji, impjiegi u sanità, dawn ma kinux importanti ġaladarba hemm Maradona".[31] Il-plejer Arġentin wasal fi żmien fejn il-kampjonat Taljan kien iddominat mill-klabbs tat-Tramuntana u ċ-Ċentru tal-pajjiż, bħal Milan, Inter, Juventus u Roma, u l-ebda klabb min-Nofsinhar qatt ma rebaħ titlu.
Mal-wasla tiegħu f'Napli hu mal-ewwel ingħata l-faxxa tal-kaptan minn idejn id-difensur veteran Giuseppe Bruscolotti[32] u sar l-istilla fiż-żmien li kellu jkun l-iktar ta' suċċess fl-istorja tal-klabb. Maradona lagħab f'perjodu fejn it-tensjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar kienu fl-aqwa tagħhom, speċjalment fuq l-isfera ekonomika.[31] Taħt il-gwida tal-kowċ Ottavio Bianchi, Napoli rebħu l-kampjonat Taljan tal-istaġun 1986–87,[31] bid-dro ta' 1–1 kontra Fiorentina tagħtihom il-punt neċessarju għar-rebħ tat-titlu.[33] In-Napoli rebħu wkoll it-tielet Coppa Italia fl-istorja tagħhom, meta rebħu t-tlettax-il logħba fil-kompetizzjoni, fosthom il-finali doppja kontra l-Atalanta. Sa dakinhar, id-doppjetta tal-kampjonat u t-tazza nazzjonali kienet irnexxiet biss mill-Grande Torino u 'l-Juventus.[34]
Fl-istaġun ta' wara, Napoli ħadu sehem għall-ewwel darba fit-Tazza taċ-Ċampjins fejn ġew eliminati fuq żewġ legs kontra Real Madrid.[35] Fil-kampjonat, sal-għoxrin ġurnata huma kienu ħames punti vantaġġ fuq it-tieni klassifikat. Madanakollu, erba' telfiet mill-aħħar ħames logħbiet wassal biex il-Milan jirbħu t-titlu. Maradona kien l-aqwa skorer bi ħmistax-il gowl.[36]
Fl-1989, Napoli kienu ftit passi 'l bogħod mit-tripletta ta' trofej, fejn għalkemm rebħu t-Tazza UEFA kontra Stuttgart (it-tielet titlu internazzjonali), huma spiċċaw it-tieni fil-kampjonat wara l-Inter u tilfu l-finali tal-Coppa Italia. Fis-sajf wara dan l-istaġun, Maradona kien qrib it-trasferiment lejn Olympique de Marseille fejn kien anke iffirma l-kuntratt, imma l-president ta' Napoli ta' dak iż-żmien, Corrado Ferlaino, imblokka n-negozjati.[37] Fl-istaġun 1989–90, taħt il-gwida l-ġdida ta' Albertino Bigon, Napoli rebħu t-tieni titlu tagħhom. Maradona ma lagħabx l-ewwel ftit logħbiet tal-istaġun u kien ġie sostitwit minn Gianfranco Zola. Il-kontribut ta' Maradona kien wieħed sostanzjali u spiċċa l-kampjonat bħala l-aqwa skorer b'sittax-il gowl.[38]
L-avventura Taljana ta' Maradona intemmet fis-17 ta' Marzu 1991 wara test ta' anti-doping li sar fi tmiem logħba bejn Napoli u Bari li wera riżultat pożittiv għall-kokaina.[39][40]
L-aħħar snin
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li serva sospensjoni ta' ħmistax-il xahar, Maradona ħalla lil Napoli fl-1992. Minkejja l-interess ta' Real Madrid u Marseille, hu ffirma ma' Sevilla fejn magħhom għamel sena. Fl-uniku staġun li għamel mal-klabb Andalusjan hu skorja ħames gowls u assista tnax-il gowl, hekk kif il-klabb falla milli jirbaħ il-kwalifikazzjoni għat-Tazza UEFA.
Maradona mar lura l-Arġentina ma' Newell's Old Boys, imma wara biss ħames logħbiet, fit-12 ta' Frar 1994, Maradona xolja l-kuntratt mal-klabb.[41] Fis-7 ta' Ottubru 1995, reġa' ngħaqad ma' Boca Juniors u għamel it-tieni debutt tiegħu fil-konfront kontra Colón (SF). Magħhom għamel sentejn qabel ma rtira wara s-superclásico kontra River Plate li ntlagħbet fil-25 ta' Ottubru 1997.[42]
Karriera internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Ftit xhur wara d-debutt fil-kampjonat Arġentin, għal Maradona wasal ukoll id-debutt internazzjonali. Fis-27 ta' Frar 1977 lagħab fil-logħba ta' ħbiberija kontra l-Ungerija fil-Bombonera.[43] Ftit wara ddebutta wkoll mat-tim nazzjonali ta' taħt l-20 sena, nhar it-3 ta' April tal-istess sena.[44]
Minkejja li kien spiċċa l-aqwa skorer fil-kampjonat nazzjonali, hu kien eskluż mil-lista finali għat-Tazza tad-Dinja tal-1978 minħabba li kien għad kellu biss sbatax-il sena u mhux meqjus kbir biżżejjed.[45] Wara r-rebħa tal-ewwel titlu fl-istorja tal-Arġentina, Maradona sar figura permanenti fit-tim. Hu skorja l-ewwel gowl internazzjonali f'rebħa ta' 3–1 fuq l-Iskozja nhar it-2 ta' Ġunju 1979.[46] Biswit il-preżenzi mat-tim nazzjonali tal-kbar, hu lagħab ukoll mat-tim nazzjonali ta' taħt l-20 sena fit-Tazza tad-Dinja tal-istess kategorija, fejn bis-sitt gowls tiegħu (fosthom gowl fil-finali mirbuħa kontra l-Unjoni Sovjetika) hu għen lill-Arġentina jirbħu l-ewwel titlu.[47]
Maradona lagħab l-ewwel Tazza tad-Dinja tiegħu fl-1982. Hu lagħab fil-ħames logħbiet u skorja darbtejn kontra l-Ungerija, u kien ukoll imkeċċi meta rċieva karta ħamra kawża ta' fawl aħrax fuq Batista fil-logħba kontra l-Brażil.[48]
Tazza tad-Dinja 1986
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1986, Maradona wassal lit-tim Arġentin għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-edizzjoni li saret fil-Messiku.[49] Hu skorja ħames gowls u assista ħamsa oħra fis-seba' logħbiet li kollha ġew mirbuħa minbarra d-dro kontra l-Italja fil-fażi tal-gruppi. F'din l-edizzjoni tibqa' mfakkra l-logħba mill-kwarti tal-finali fl-Estadio Azteca kontra l-Ingilterra li l-Arġentini rebħu 2–1. Fit-tieni taqsima hu skorja żewġ gowls li għaddew fl-istorja tal-futbol bħala l-"Id ta' Alla" u l-"Gowl tas-Seklu".[50] Maradona fetaħ l-iskor b'gowl b'idejh wara li qabeż biex jantiċipa lill-gowler avversarju Peter Shilton. Ir-referi u l-assistenti ma ndunawx b'din l-infrazzjoni u vvalidaw il-gowl.[51] It-tieni gowl tiegħu erba' minuti wara wasal meta rċieva l-ballun f'nofs il-grawnd u għadda bejn ħames plejers Ingliżi, sakem qabeż lil Shilton biex tefa' l-ballun fix-xibka. L-aħħar gowl kien ivvutat bħala l-isbaħ gowl fl-istorja tal-kompetizzjoni f'sondaġġ li sar mill-FIFA.[52]
Fis-semifinali l-Arġentina affaċċjaw lill-Belġju u Maradona għal darb'oħra ħalla l-marka b'żewġ gowls fir-rebħa ta' 2–0 li taw l-aċċess għall-finali kontra l-Ġermanja tal-Punent. Fil-finali, il-Ġermaniżi ppruvaw irażżmuh b'żewġ plejers iddedikati fuqu, però xorta waħda sab spazju biex iqassam lil Jorge Burruchaga għall-gowl tar-rebħa. L-Arġentina għelbu lill-Ġermanja tal-Punent 3–2 quddiem folla ta' 115,000 spettatur fl-Azteca b'Maradona jgħolli t-Tazza bħala kaptan.[53] Minbarra r-rebħ tat-titlu, Maradona ġie ppremjat bil-Ballun tad-Deheb bħala l-aqwa plejer tat-turnew.[54]
Tazza tad-Dinja 1990
[immodifika | immodifika s-sors]Maradona reġa' libes il-faxxa tal-kaptan għat-Tazza tad-Dinja tal-1990 li saret fl-Italja. Uġigħ fl-irkoppa affetwat il-prestazzjonijiet tiegħu u kien inqas dominanti minn erba' snin qabel.[55] Wara telfa fl-ewwel logħba kontra l-Kamerun, l-Arġentina kienu qrib l-eliminazzjoni fejn ikkwalifikaw biss bħala t-tielet mill-grupp.[56] Fir-rawnd tal-aħħar sittax, kontra l-Brażil, Maradona kien l-awtur tal-assist għall-gowl tar-rebħa ta' Claudio Caniggia.
Fil-kwarti tal-finali, l-Arġentina sabu lill-Jugożavlja. Wara li l-logħba ntemmet mingħajr gowls wara 120 minuta, l-Arġentina rebħu l-lotterija tal-penalties 3–2 minkejja li Maradona falla t-tentattiv tiegħu minn ħdax-il metru.[57] Is-semifinali kontra l-Italja wkoll kellha tgħaddi għall-penalties wara dro ta' 1–1. Din id-darba Maradona skorja l-penalty tiegħu u l-Arġentina rebħu post fil-finali.[57] Fil-finali li ntlagħbet f'Ruma, l-Arġentina sabu quddiemhom għal darb'oħra lill-Ġermanja tal-Punent. Din id-darba l-Ġermanja rebħu 1–0, bl-uniku gowl jasal ħames minuti mit-tmiem wara penalty kontroversjali skorjat minn Andreas Brehme.[56]
Tazza tad-Dinja 1994
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-Tazza tad-Dinja tal-1994 fl-Istati Uniti, Maradona lagħab biss żewġ logħbiet u skorja gowl wieħed kontra l-Greċja qabel ma ġie sospiż wara li nstab pożittiv għall-efedrina.[58] Il-gowl kontra l-Greċja kellu jkun l-aħħar wieħed tiegħu man-nazzjonal[59] u l-logħba ta' wara kontra n-Niġerja kienet l-aħħar logħba tiegħu, fejn irnexxielu jassisti ż-żewġ gowls fir-rebħa ta' 2–1.[60] L-Arġentina eventwalment ġew eliminati mir-Rumanija ta' Gheorghe Hagi fir-rawnd tal-aħħar sittax.[61]
Fl-awtobijografija tiegħu, Maradona afferma li r-riżultat pożittiv kien minħabba x-xarba enerġetika Rip Fuel li ngħatatlu mid-dietista u l-fiżjoterapista personali.[62] L-istqarrija tiegħu kienet li l-verżjoni Amerikana tax-xarba, ikkumparata ma' dik Arġentina, kellha l-kimika.[62] Maradona stqarr ukoll li hu kellu qbil mal-FIFA, li l-istess organizzazzjoni iktar tard irrifjutat, biex juża d-droga sabiex jonqos mill-piż qabel il-kompetizzjoni.[63]
Il-karriera tiegħu mal-Arġentina damet sbatax-il sena u fihom skorja 34 gowl f'91 logħba.[64]
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]- Boca Juniors
- Primera División: 1981
- Barcelona
- Tazza tar-Re: 1982–83
- Copa de la Liga: 1983
- Supercopa de España: 1983
- Napoli
- Serie A: 1986–87, 1989–90
- Coppa Italia: 1986–87
- Supercoppa Italiana: 1990
- Tazza UEFA: 1988–89
- Arġentina
- Tazza tad-Dinja: 1986
- Tazza Artemio Franchi: 1993
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Small is beautiful" (bl-Ingliż). FIFA. 2009-05-08. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-08-13.
- ^ Dart, James; Doyle, Paul; Hill, Jon (2006-04-12). "The greatest rags-to-riches stories ever" (bl-Ingliż). The Guardian. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-03-20.
- ^ "Don Diego, father of Maradona, dies in Argentine clinic" (bl-Ingliż). Reuters.
- ^ Welch, Julie (2020-11-25). "Diego Maradona obituary". The Guardian (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-05-24.
- ^ "Sinagra: Maradona ha origini italiane? Vi racconto cosa mi diceva Diego. Messi...". AreaNapoli.it (bit-Taljan).
- ^ "The story of Francis Cornejo". eldestapeweb.com (bl-Ispanjol). 2021-10-28.
- ^ "The Hand of God" (bl-Ingliż). Fundus. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2006-02-17.
- ^ "Argentinos Juniors: The 'Argentinean Ajax'" (bl-Ingliż). BBC. 2019-05-02.
- ^ "Maradona hails 'inspirational' Best" (bl-Ingliż). RTÉ Sport. 2005-11-26. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-04-10.
- ^ a b "A Summary of Maradona's Life". vivadiego.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2003-12-11.
- ^ "Maradona. Así empezó todo" (bl-Ispanjol). El Gráfico. 2021-10-20.
- ^ "Diego, el de Argentinos" (bl-Ispanjol). Clarín. 2013-04-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-04.
- ^ "Los primeros gritos de D10S" (bl-Ispanjol). La Selección. 2012-11-14. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-10-08.
- ^ Arcucchi, Daniel (2011-02-22). "Aquella jugada que llevó a Maradona a Boca" (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-30.
- ^ Maradona, Diego (2004-05-01). Yo Soy El Diego, autobiography of Diego Armando Maradona (bl-Ispanjol). ISBN 9871144628.
- ^ "Un mes sin el 10. Maradona era de Independiente, quiso jugar en River, terminó enojado con Boca, fue DT de Racing y admiraba a San Lorenzo". La Nación (bl-Ispanjol).
Ahora lo más firme parece ser lo de Boca. Lo de River quedó un poquito muerto por el ofrecimiento que hizo Aragón Cabrera de ganar lo mismo que Fillol y Passarella, que son los que más ganan. Yo le dije que no tenía problema, Dios quiera que ellos ganen 5 millones de dólares de contrato. Yo no tengo problemas, pero en caso de que me den lo que yo les pido. Y me dijo que no, porque se le iba a hacer muy embromado todo para poder pagarles a todos... Las tratativas las hace Jorge, pero me entero de todo.
- ^ "25 años de romance" (bl-Ispanjol). Clarín. 2006-02-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-09-04. Miġbur 2022-12-24.
- ^ "Maradona por Maradona" (bl-Ispanjol). Clarín. 2000-09-24.
- ^ Gorgazzi, Osvaldo José (2005-10-15). "Argentina 1981 - Campeonato Metropolitano" (bl-Ingliż). RSSSF.
- ^ Williams, Bob (2008-10-29). "Life and crimes of Diego Armando Maradona" (bl-Ingliż). The Telegraph.
- ^ "30 years since Maradona stunned the Santiago Bernabéu" (bl-Ingliż). FC Barcelona. 2013-06-25.
- ^ Kwesi O'Mard, Marcus (2015-11-21). "Real Madrid Fans Applaud Barcelona's Andres Iniesta In 'El Clasico'" (bl-Ingliż). New England Sports Network.
- ^ "That's one hell of a diet, Diego" (bl-Ingliż). The Observer. 2006-01-08.
- ^ "Diego Maradona dies: Guillem Balague on 'the magician, the cheat, the god, the flawed genius'" (bl-Ingliż). BBC. 2020-11-26.
- ^ a b ċ Murray, Scott (2008-12-05). "Diego Maradona gives hot, hot heat to The Butcher of Bilbao". The Guardian (bl-Ingliż).
- ^ a b Caioli, Luca (2013). Messi: The Inside Story of the Boy Who Became a Legend (bl-Ingliż). Icon Books. ISBN 978-1906850395.
- ^ a b Burns, Jimmy (2011). Maradona: The Hand of God (bl-Ingliż). A&C Black. pp. 121–122.
- ^ "Backgrounder: Diego Maradona" (bl-Ingliż). CBC Sports. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-28.
- ^ "Cristiano Ronaldo welcomed by 80,000 fans at Real Madrid unveiling" (bl-Ingliż). Londra: The Guardian. 2009-07-06.
- ^ "Snapshot: Maradona is toast of the town after signing for Napoli" (bl-Ingliż). The Times. 2012-02-20.
- ^ a b ċ Carter, Jon (2012-03-09). "Maradona brings success to Napoli" (bl-Ingliż). ESPN. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-10-10. Miġbur 2022-12-25.
- ^ Sellitti, Nicola (2016-02-09). "Bruscolotti, una vita in azzurro: "Napoli, ricorda quella partita dell'86"". la Repubblica (bit-Taljan).
- ^ Marucci, Lorenzo (2021-05-10). "10 maggio 1987, il Napoli conquista il primo scudetto della sua storia" (bit-Taljan).
- ^ Kempes, Dan (2020-09-06). "Il double del Napoli nel 1987: dopo lo scudetto, la Coppa Italia" (bit-Taljan).
- ^ "Champions, Napoli e quel precedente del 1987 col Real" (bit-Taljan). 2016-12-12.
- ^ Mariani, Maurizio (2000-10-26). "Italy Championship 1987/88" (bl-Ingliż). RSSSF.
- ^ "Maradona: "Nel 1989 avevo firmato per il Marsiglia"" (bit-Taljan). Sky Sport Italia. 2009-02-10. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-02-06.
- ^ Mariani, Maurizio (2000-10-26). "Italy Championship 1989/90" (bl-Ingliż). RSSSF.
- ^ "1991: Maradona y el doping positivo en el Nápoli" (bl-Ispanjol). Notas. 2014-03-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-12-18.
- ^ Paloma, Lisandro; Prieto, Gonzalo (2013-10-28). "1991 - Diego, positivo y negativo" (bl-Ispanjol). Publicable. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-12-18.
- ^ "Diego Maradona, con la camiseta de Newell's: "Fui, soy y seré leproso como el 75% de Rosario"" (bl-Ispanjol). La Nacion. 2013-09-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-09-11.
- ^ Dotto, Matteo (2006-10-20). "Così iniziò la favola del Pibe de oro" (bit-Taljan). Corriere della Sera.
- ^ Pierrend, José Luis (2020-11-26). "Diego Armando Maradona - International Appearances" (bl-Ingliż). RSSSF.
- ^ "Selección Nacional". diegomaradona.com (bl-Ispanjol). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-10-18.
- ^ "Diego Maradona" (bl-Ingliż). Encyclopædia Britannica.
- ^ MacPherson, Graeme (2008-10-30). "Maradona to receive Hampden welcome" (bl-Ingliż). The Herald. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-12-07.
- ^ "FIFA World Youth Tournament 1979 Technical Study Report" (PDF) (bl-Ingliż). FIFA. pp. 97–109. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-07-12.
- ^ Darby, James (2010-06-10). "Castrol World Cup Legends: Diego Maradona - 1986" (bl-Ingliż). Goal. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-06-13.
- ^ Brewin, John; Williamson, Martin (2009-11-10). "World Cup 1986" (bl-Ingliż). ESPN. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-01-26.
- ^ Falzon, Chris (2020-11-26). "Diego Armando Maradona – Il-leġġenda, l-idolu u wieħed mill-aqwa plejers ta' kull żmien". TVM.
- ^ Burke, Chris (2016-06-22). "30 years on: Maradona's 'hand of God'" (bl-Ingliż). UEFA.
- ^ "Diego Maradona goal voted the FIFA World Cup™ Goal of the Century" (bl-Ingliż). FIFA. 2002-05-30. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-05-23.
- ^ Gammon, Clive (1986-07-07). "Tango Argentino! Superstar Diego Maradona fast-stepped Argentina to the World Cup championship over West Germany in Mexico City" (bl-Ingliż). Sports Illustrated. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-05-14.
- ^ "Pelé and Maradona – two very different number tens" (bl-Ingliż). FIFA. 2001-01-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-07-17.
- ^ "MARADONA MIGLIORA, L'ARGENTINA SI PREPARA" (bit-Taljan). la Repubblica. 1990-06-27.
- ^ a b Brewin, John; Williamson, Martin (2009-11-10). "World Cup 1990" (bl-Ingliż). ESPN. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-02-03.
- ^ a b "World Cup 1990" (bl-Ingliż). RSSSF.
- ^ Sam Howe, Verhovek (1994-07-01). "After Second Test, Maradona Is Out of World Cup". The New York Times (bl-Ingliż).
- ^ Jensen, Mike (1994-07-22). "From our archives: Diego Maradona scored his last World Cup goal in the United States" (bl-Ingliż). The Philadelphia Inquirer.
- ^ Sutherland, Ben (2020-11-26). "Diego Maradona: how his genius shone in his last Argentina game" (bl-Ingliż). BBC.
- ^ McCracken, Craig (2018-06-26). "The best ever World Cup match? Romania 3-2 Argentina at USA 94" (bl-Ingliż). The Guardian.
- ^ a b Heydari, Keyvan Antonio (1994-08-24). "FIFA to Decide Maradona's Status". The Washington Post (bl-Ingliż).
- ^ Hylands, Alan. "Diego Maradona - Career History". about.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-03-30.
- ^ "Argentina's tribute to Maradona" (bl-Ingliż). BBC. 2001-11-09.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Diego Maradona (Diego Maradona) |
- Diego Maradona fuq National-Football-Teams.com
- Diego Maradona – rekord kompetittiv tal-FIFA (arkivjat)