Aqbeż għall-kontentut

Cuenca (Spanja)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Cuenca (Spanja)
 Spanja
Amministrazzjoni
Stat sovranSpanja
Autonomous community of SpainKastilja-La Mancha
Provinċja ta' SpanjaProvinċja ta' Cuenca
Kap tal-Gvern Juan Manuel Avila Frances (mul) Translate
Isem uffiċjali Cuenca
Ismijiet oriġinali Cuenca
Kodiċi postali 16000
Ġeografija
Koordinati 40°04′18″N 2°08′06″W / 40.0717°N 2.135°W / 40.0717; -2.135Koordinati: 40°04′18″N 2°08′06″W / 40.0717°N 2.135°W / 40.0717; -2.135
Cuenca (Spanja) is located in Spain
Cuenca (Spanja)
Cuenca (Spanja)
Cuenca (Spanja) (Spain)
Superfiċjenti 911,060,000 metru kwadru
Għoli 946 m
Fruntieri ma' Abia de la Obispalía (en) Translate, Palomera (en) Translate, Buenache de la Sierra (en) Translate, Tragacete (en) Translate, Vega del Codorno (en) Translate, Poyatos (en) Translate, Fuentenava de Jábaga (en) Translate, Chillarón de Cuenca (en) Translate, Villar de Domingo García (en) Translate, Bascuñana de San Pedro (en) Translate, Sotorribas (en) Translate, Mariana (en) Translate, Villalba de la Sierra (en) Translate, Las Majadas (en) Translate, Uña (en) Translate, Arcos de la Sierra (en) Translate, Castillejo-Sierra (en) Translate, Fresneda de la Sierra (en) Translate, Fuertescusa (en) Translate, Cañizares (en) Translate, Beteta (en) Translate, Santa María del Val (en) Translate, Lagunaseca (en) Translate, Masegosa (en) Translate, Checa (en) Translate, Albarracín (en) Translate, Zafrilla (en) Translate, Valdemeca (en) Translate, Huélamo (en) Translate, Valdemoro-Sierra (en) Translate, Beamud (en) Translate, La Cierva (en) Translate, Cañada del Hoyo (en) Translate, Fuentes (en) Translate, Arcas del Villar (en) Translate, Villar de Olalla (en) Translate, Monteagudo de las Salinas (en) Translate, Olmeda del Rey (en) Translateu Las Valeras (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 53,512 abitanti (2023)
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+1
bliet ġemellati Camogli, L'Aquila, Ronda, Plasenciau Cuenca
cuenca.es

Cuenca (pronunzjata bl-Ispanjol: [ˈkweŋka]) hija belt u muniċipalità fi Spanja li tinsab fil-komunità awtonoma ta' Kastilja-La Mancha. Hija l-belt kapitali tal-provinċja ta' Cuenca.

Isem il-belt jaf oriġina mit-terminu Latin conca li jfisser "baċir tax-xmara", b'referenza għall-fondoq tax-xmajjar Júcar u Huécar. Jaf oriġina wkoll mill-fdalijiet tal-kastell Għarbi, Kunka. Ġew issuġġeriti wkoll ismijiet oriġinali alternattivi oħra, inkluż "Anitorgis", "Sucro" jew "Concava". Il-belt ta' Cuenca hija magħrufa wkoll bħala l-"Bejta tal-Ajkla" minħabba l-pożizzjoni prekarja tagħha fit-tarf ta' fondoq.

Meta l-peniżola Iberika kienet parti mill-Imperu Ruman, kien hemm diversi insedjamenti importanti fil-provinċja, fosthom Segobriga, Ercavica u Gran Valeria. Madankollu, il-post fejn tinsab Cuenca llum il-ġurnata ma kienx abitat dak iż-żmien.

Meta l-Musulmani ħakmu l-inħawi fis-714, malajr indunaw il-valur tal-pożizzjoni strateġika tal-belt u bnew fortizza (imsejħa Kunka) bejn żewġ fniedaq bejn ix-xmajjar Júcar u Huécar, imdawra b'ħajt twil kilometru. L-ekonomija ta' Cuenca malajr saret dominata mill-biedja u mill-manifattura tat-tessuti, u dawn wasslu għal prosperità kbira li kulma jmur baqgħet tiżdied.

Fil-bidu tas-seklu 11, il-Kaliffat ta' Córdoba nqasam f'diversi stati (taifas) differenti. Cuenca kienet immexxija mit-taifa ta' Toledo — x'aktarx l-ikbar wieħed — b'ġurisdizzjoni li kienet mifruxa sal-qofol tal-Marċ Nofsani ta' Al-Andalus.[1] Fl-1076, Cuenca ġiet assedjata minn Sancho Ramírez ta' Aragona, li ma rnexxilux jaħkem il-post. Fl-1080 ir-Re Yahya al-Qadir ta' Toledo tilef it-taifa tiegħu, u l-viżier tiegħu ffirma trattat fi Cuenca ma' Alfonso VI ta' León u Kastilja li permezz tiegħu ċedielu xi fortizzi bi skambju għal għajnuna militari.

Wara t-telfa li ġarrbu l-Kristjani fil-Battalja ta' Sagrajas (1086), Cuenca nħakmet mir-re tat-taifa ta' Sivilja, Al-Mu'tamid ibn Abbad. Madankollu, meta l-artijiet tiegħu ġew attakkati mill-Almoravidi, huwa bagħat lil bintu tar-rispett Zaida għand Alfonso, u offrielu Cuenca bi skambju għal appoġġ militari. L-ewwel truppi Kristjani daħlu fil-belt fl-1093. Madankollu, l-Almoravidi ħakmuha fl-1108. Il-gvernatur tagħhom fi Cuenca ddikjara l-indipendenza fl-1144, segwit minn Murcia kollha s-sena ta' wara. Fl-1147 Muhammad ibn Mardanis sar ir-Re ta' Cuenca, Murcia u Valencia. Huwa ddefenda l-artijiet tiegħu mill-invażjoni tal-Almoħadi sa mewtu fl-1172, u mbagħad ibnu kellu jiffirma patt ta' tariffi mal-ħakkiema l-ġdida. Meta kellu 17-il sena, Alfonso VIII ta' Kastilja pprova jaħkem il-post, iżda wara ħames xhur ta' assedju, kellu jirtira wara l-wasla tat-truppi mibgħuta mill-kaliff tal-Almoħadi Abu Yaqub Yusuf. Alfonso ffirma tregwa ta' seba' snin iżda meta fl-1176 in-nies lokali ta' Cuenca okkupaw xi artijiet Kristjani f'Huete u f'Uclés, Alfonso intervjena flimkien ma' koalizzjoni li kienet tinkludi wkoll lil Ferdinandu II ta' León, Alfonso II ta' Aragona u l-Ordnijiet Militari ta' Calatrava, Santiago u Montegaudio, u assedja lil Cuenca għal xhur sħaħ mill-Epifanija tal-1177. Il-kmandant ta' Cuenca, Abu Bakr, mill-ġdid reġa' fittex l-appoġġ ta' Yaqub Yusuf, iżda dan tal-aħħar kien fl-Afrika u ma għenux. Wara kampanja bla suċċess kontra l-Kristjani fis-27 ta' Lulju, Cuenca nħakmet mit-truppi ta' Alfonso fil-21 ta' Settembru 1177, filwaqt li l-gwarniġjon ta' Musulmani daħal għall-kenn fiċ-ċittadella.

Dan il-gwarniġjon tilef f'Ottubru, u b'hekk intemm id-dominju Għarbi. Cuenca ngħatat sett ta' liġijiet, magħrufa bħala l-Fuero, miktuba bil-Latin, li rregolaw liċ-ċittadini ta' Cuenca, u kienu meqjusa bħala wieħed mill-iżjed sett ta' liġijiet miktuba b'mod perfett f'dak iż-żmien. Id-djoċesi ta' Cuenca ġiet stabbilita fl-1183; it-tieni isqof tagħha kien San Ġiljan ta' Cuenca, li sar il-qaddis patrun tal-belt.

Alfonso X ta t-titlu ta' "belt" (ciudad) lil Cuenca fl-1257.[2]

Pittura ta' Cuenca ta' Anton van den Wyngaerde (1565).

Matul il-ftit sekli ta' wara, Cuenca gawdiet prosperità kbira, bis-saħħa tal-manifattura tat-tessuti u l-isfruttament tal-bhejjem. Il-katidral beda jinbena għall-ħabta ta' dan iż-żmien, bi stil Anglo-Normann, permezz ta' bosta ħaddiema Franċiżi, peress li l-mara ta' Alfonso VIII, Eleanor, kellha affinità kulturali Franċiża.

Matul is-seklu 18 l-industrija tat-tessuti battiet, speċjalment meta Carlos IV ipprojbixxa l-din l-attività fi Cuenca sabiex jipprevjeni l-kompetizzjoni mar-Real Fábrica de Tapices (Fabbrika Rjali tat-Tapizzeriji), u b'hekk l-ekonomija ta' Cuenca qabdet it-triq tan-niżla, li wasslet għal tnaqqis drammatiku fil-popolazzjoni (5,000 abitant). Matul il-gwerra tal-indipendenza kontra t-truppi ta' Napuljun il-belt ġarrbet qerda kbira, u l-kriżi kompliet tiżdied. Il-belt esperjenzat tnaqqis fil-popolazzjoni, b'madwar 6,000 abitant biss, u Cuenca ġiet ingħatat spinta biss permezz tal-wasla tal-linji ferrovjarji fis-seklu 19 flimkien mal-industrija tal-injam, u l-popolazzjoni b'hekk reġgħet żdiedet għal 10,000 abitant. Fl-1874, matul it-Tielet Gwerra Karlista, Cuenca ttieħdet mit-truppi Karlisti, u l-belt ġarrbet ħsarat kbar għal darb'oħra.

Inċiżjoni f'La Ilustración Española y Americana li turi s-serq f'Cuenca mill-Karlisti f'Lulju 1874.

Is-seklu 20 beda bit-tiġrif tat-torri tal-katidral ta' Giraldo fl-1902, li affettwa wkoll il-faċċata. Il-katidral kellu jerġa' jinbena minn Vicente Lámperez, b'żewġ torrijiet ġodda daqs xulxin fuq iż-żewġ naħat tal-faċċata, u l-parti ta' fuq tagħhom baqgħet qatt ma tlestiet.

L-ewwel deċennji tas-seklu 20 kienu turbolenti bħal f'reġjuni oħra fi Spanja. Fiż-żoni rurali kien hemm il-faqar, u l-Knisja Kattolika ġiet attakkata, u nqatlu patrijiet, sorijiet, qassisin u isqof ta' Cuenca, Cruz Laplana y Laguna. Matul il-Gwerra Ċivili Spanjola Cuenca kienet parti miż-żona repubblikana (zona roja jew "żona ħamra"). Ittieħdet fl-1938 mit-truppi tal-Ġeneral Franco. Matul il-perjodu ta' wara l-gwerra ż-żona għaddiet minn deklin ekonomiku, u dan wassal biex bosta nies jemigraw lejn reġjuni b'iktar prosperità, l-iktar il-Pajjiż Bask u l-Katalonja, iżda anke lejn pajjiżi oħra bħall-Ġermanja. Il-belt bdiet tirkupra bil-mod mill-1960 sal-1970, u l-limiti tal-belt twessgħu ferm iktar mill-fondoq sal-artijiet ċatti tal-madwar.

Fl-aħħar deċennji l-belt esperjenzat tkabbir moderat fil-popolazzjoni u fl-ekonomija, l-iktar bis-saħħa tat-tkabbir fis-settur tat-turiżmu, u permezz ta' titjib fit-toroq u l-linji ferrovjarji. Cuenca bbażat ruħha ferm fuq il-kultura u bis-saħħa ta' dan ġiet iddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3] F'dan l-aħħar, l-infrastruttura kulturali ġdida bħas-Sala tal-Kunċerti muniċipali u l-Mużew tax-Xjenza wasslu biex Cuenca tipprova tapplika għat-titlu ta' Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2016 iżda mingħajr suċċess.[4]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta ta' Cuenca mill-fondoq.

Il-Belt Iffortifikata Storika ta' Cuenca ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[3]

Ġeografija u klima

[immodifika | immodifika s-sors]

Cuenca tinsab fit-tarf ta' fondoq wieqaf, b'xaqlibiet li jinżlu fil-fond sax-xmajjar Júcar u Huécar. Il-belt hija maqsuma f'żewġ insedjamenti separati: il-belt il-"ġdida" li tinsab fil-Lbiċ tal-belt l-antika, li hija maqsuma mix-xmara Huécar.

Il-klima ta' Cuenca hija klima Mediterranja tipika bi sjuf sħan tal-Meseta (promontorju fuq ġewwa) ta' Spanja. Ix-xtiewi jkunu relattivament kesħin, iżda s-sjuf ikunu pjuttost sħan binhar b'iljieli okkażjonali kesħin. L-istaġuni tar-rebbiegħa u tal-ħarifa jkunu qosra, b'temperaturi pjaċevoli binhar iżda b'iljieli pjuttost kesħin minħabba l-altitudni tal-belt bejn 956 metru (3,136 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar sa 1,000 metru (3,281 pied) fiċ-ċentru storiku tal-belt l-antika.

Data klimatika għal Cuenca (948 metru; 1981-2010)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord f'°C (°F) 22.6

(72.7)

24.5

(76.1)

26.9

(80.4)

29.0

(84.2)

35.1

(95.2)

38.0

(100.4)

39.6

(103.3)

39.7

(103.5)

38.2

(100.8)

31.5

(88.7)

25.5

(77.9)

21.2

(70.2)

39.7

(103.5)

Temp. għolja medja f'°C (°F) 9.7

(49.5)

11.5

(52.7)

15.1

(59.2)

16.6

(61.9)

20.9

(69.6)

27.3

(81.1)

31.4

(88.5)

30.7

(87.3)

25.6

(78.1)

19.2

(66.6)

13.3

(55.9)

10.1

(50.2)

19.3

(66.7)

Temp. medja f'°C (°F) 4.6

(40.3)

5.9

(42.6)

8.8

(47.8)

10.6

(51.1)

14.6

(58.3)

20.1

(68.2)

23.6

(74.5)

23.2

(73.8)

18.8

(65.8)

13.4

(56.1)

8.3

(46.9)

5.4

(41.7)

13.1

(55.6)

Temp. baxxa medja f'°C (°F) −0.5

(31.1)

0.2

(32.4)

2.5

(36.5)

4.5

(40.1)

8.2

(46.8)

12.8

(55.0)

15.7

(60.3)

15.6

(60.1)

11.9

(53.4)

7.7

(45.9)

3.2

(37.8)

0.7

(33.3)

6.9

(44.4)

Temp. baxxa rekord f'°C (°F) −17.8

(0.0)

−14.5

(5.9)

−15.6

(3.9)

−5.8

(21.6)

−1.4

(29.5)

1.6

(34.9)

3.5

(38.3)

4.8

(40.6)

1.2

(34.2)

−4.6

(23.7)

−8.2

(17.2)

−12.8

(9.0)

−17.8

(0.0)

Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) 40

(1.6)

38

(1.5)

35

(1.4)

58

(2.3)

52

(2.0)

41

(1.6)

10

(0.4)

20

(0.8)

42

(1.7)

60

(2.4)

48

(1.9)

58

(2.3)

501

(19.7)

Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni 7 6 6 8 8 5 2 3 5 8 7 8 71
Medja ta' jiem bil-borra 2 2 1 1 0 0 0 0 0 0 1 1 9
Umdità relattiva medja (%) 73 67 60 60 56 48 41 45 55 67 73 76 60
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar 154 162 211 206 258 309 357 329 246 188 151 136 2,707
Sors: Agencia Estatal de Meteorología[5]

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Katidral tal-Madonna tal-Grazzji u ta' San Ġiljan

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Katidral ta' Cuenca.

Il-Katidral ta' Cuenca nbena mill-1182 sal-1270. Il-faċċata reġgħet inbniet wara li ġġarrfet fl-1902. Huwa l-ewwel katidral bi stil Gotiku fi Spanja (flimkien ma' dak ta' Avila), minħabba l-influwenza tal-mara ta' Alfonso VIII, Eleanor, bint ir-Re Enriku II tal-Ingilterrau l-mara tiegħu, Eleanor ta' Aquitaine, li introduċew l-istil Anglo-Normann.

Minn dik id-data l-katidral sarulu xi tibdiliet. Apsida-korsija (doble girola) żdiedet fis-seklu 15, filwaqt li l-Arkata Rinaxximentali ta' Esteban Jamete nbniet fis-seklu 16. L-artal prinċipali ġie ddisinjat mill-ġdid matul is-seklu 18 mill-arkitett famuż Ventura Rodríguez, b'grilja prezzjuża b'lavur tal-ħadid. Il-faċċata nbniet mill-ġdid fl-1902 mit-tiġrif tat-torri preċedenti tal-kampnar magħruf bħala l-Giraldo. Fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20 twaħħlu twieqi moderni kkuluriti, u fl-2006 ġie rkuprat wieħed miż-żewġ orgnijiet Barokki minn Julián de la Orden. L-orgni l-ieħor ġie rrestawrat ukoll, u fl-4 ta' April 2009 saret ċerimonja ta' inawgurazzjoni.

L-apsida-korsija tal-Katidral ta' Cuenca.

In-navati ma jsegwux eżattament linja dritta. L-artal ta' San Julián, iddedikat lil San Ġiljan ta' Cuenca, fl-apsida-korsija, jikkonsisti minn kolonni magħmula bl-irħam aħdar.

Kurżità oħra huma l-kitbiet "Unum ex septem" f'xi kappelli. Jingħad li jekk wieħed jitlob waqt li jħares lejn dawn il-kitbiet, jingħata maħfra ta' ħames snin għal dnubietu, u maħfra ta' seba' snin jekk wieħed jitlob f'jum il-qaddis patrun.

Knisja ta' San Pietru (Iglesia de San Pedro)

[immodifika | immodifika s-sors]

B'oriġini Rumaneski, il-Knisja ta' San Pietru reġgħet inbniet minn Jose Martin de la Aldehuela matul is-seklu 18 u minn dak iż-żmien għandha faċċata Barokka. Għandha għamla ottagonali fuq barra iżda hija ċirkolari fuq ġewwa, u tinsab fil-pjazza msejħa Plaza del Trabuco.

Wieħed jista' jasal għal din il-knisja billi jitla' Triq San Pedro mill-Plaza Mayor.

Knisja ta' San Mikiel (Iglesia de San Miguel)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja ta' San Mikiel inbniet matul is-seklu 13, b'navata waħda biss u apsida. Fis-seklu 15 żdiedet it-tieni navata fin-naħa tat-Tramuntana. Il-koppla nbniet minn Esteban Jamete fis-seklu 16, u finalment is-saqaf tal-injam taż-żewġ navati ġiet sostitwit b'volti tal-ġebel matul is-seklu 18.

Il-Knisja ta' San Mikiel ġiet irrestawrata fis-seklu 20, u l-ġestjoni tagħha ġiet ittrasferita lill-muniċipalità ta' Cuenca mid-Djoċesi ta' Cuenca, sabiex il-knisja setgħet tintuża għal kunċerti tal-mużika klassika. Fil-fatt, il-Knisja ta' San Mikiel tospita l-Ġimgħa tal-Mużika Reliġjuża (Semana de Musica Religiosa) flimkien ma' postijiet oħra fi ħdan il-belt u l-provinċja tagħha.

Il-knisja tinsab fi Triq San Mikiel, qrib Plaza Mayor. Wieħed jasal għall-Knisja ta' San Mikiel minn passaġġ dejjaq għan-niżla li jibda min-naħa tax-xellug ta' Plaza Mayor (jekk wieħed iħares mill-Muniċipju).

Knisja tas-Salvatur (Iglesia del Salvador)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja tas-Salvatur inbniet bi stil Neo-Gotiku matul is-seklu 18, b'navata waħda u torri għoli. Għandha faċċata Barokka mudesta u xi artali Barokki notevoli fuq ġewwa. Madankollu, id-daħla tal-knisja hija pjuttost moderna u żdiedet fl-aħħar tas-snin 90 tas-seklu 20.

Il-purċissjoni reliġjuża famuża ta' "Las Turbas", li ssir binhar fil-Ġimgħa l-Kbira, tibda minn din il-knisja, peress li l-vara ta' Ġesù Nazzarenu, li hija l-qofol tal-purċissjoni, tinżamm ġo fiha.

Il-Pont ta' San Pawl.

Pont ta' San Pawl

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Pont ta' San Pawl (Puente de San Pablo) inbena mill-1533 sal-1589 bħala kostruzzjoni mmexxija mill-Kanonku Juan del Pozo minn naħa għall-oħra tal-fondoq tax-xmara Huecar, bl-għan li l-belt l-antika tiġi kkollegata mal-Kunvent ta' San Pawl.

Il-pont oriġinali kkrolla u l-pont attwali nbena fl-1902 bl-injam u l-ħadid skont l-istil dominanti fil-bidu tas-seklu 20. Huwa għoli madwar 40 metru u huwa mirfud mill-fdalijiet tal-pont l-antik.

Is-Seminarju (Seminario), binja rettangolari minn Plaza de la Merced sal-Pjazza ta' Mangana, ġie stabbilit taħt it-tmexxija ta' José Flores y Osorio, l-Isqof ta' Cuenca (1738-1759), u nbena minn Vicente Sevill għall-ħabta tal-1745. Il-faċċata Barokka f'Plaza de la Merced inbniet fl-1748.

Is-seminarju fih librerija b'bosta kotba antiki, uħud minnhom "incunables" (ta' qabel l-1501). Hemm ukoll kamra ta' lqugħ bi stil Rokokò fuq ġewwa u artal Gotiku fil-kappella, iżda ż-żjarat mill-pubbliku mhumiex permessi.

Fl-2004 xi kotba minn din il-librerija nsterqu, iżda s-suspettat ewlieni tas-serqa nqabad u l-kotba ġew irkuprati qabel ingħataw għall-irkantar.

Illum il-ġurnata medja ta' 10-15-il patri jitħarrġu hemmhekk, skont l-istatistika tal-Konferenza Episkopali Spanjola.

Kunvent Antik ta' San Pawl

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kunvent ta' San Pawl.

Il-Kunvent ta' San Pawl inbena fis-seklu 16 taħt it-tmexxija tal-patri Kanonku Juan del Pozo, li kien parti mill-Ordni Dumnikana. L-aħwa Juan u Pedro de Alviz kienu inkarigati mill-proġett tal-kostruzzjoni; Pedro ħadem fuq il-kunvent u l-kjostru u Juan ħadem fuq il-knisja. Il-knisja tlestiet fis-seklu 18 bi stil Rokokò.

Il-kunvent kien immexxi minn patrijiet Dumnikana, iżda matul is-seklu 19 ingħata lill-patrijiet Pawlini, li kienu bbażati hemmhekk sal-1975, meta telqu minħabba l-ikkrollar possibbli tal-binja. Fis-snin 90 tas-seklu 20 il-kunvent ġie rrestawrat biex jospita l-Parador Nacional de Turismo in Cuenca, lukanda li tippermetti żjara fil-kunvent kif ukoll tagħti aċċess lill-knisja.

Il-kjostru għandu sors ornamentali tal-ilma, u l-kafetterija tinsab fil-kappella l-antika. Mill-kunvent wieħed jista' jasal sal-belt antika faċilment billi jaqsam minn fuq il-Pont ta' San Pawl.[6]

Palazz tal-Isqof

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz tal-Isqof fih il-Mużew tad-Djoċesi, li għandu kollezzjoni notevoli ta' arti reliġjuża. Jista' jiġi aċċessat faċilment mill-katidral.

Il-kmamar fejn tintwera l-kollezzjoni ġew immudellati mill-ġdid mill-arkitett Fernando Barja Noguerol, u Gustavo Torner għażel l-opri tal-arti minn inventarju magħmul minn xi patrijiet tad-djoċesi fl-1977. Uħud mill-wirt artistiku tad-djoċesi ntilef matul il-Gwerra Peniżolari, il-konfiska tal-proprjetà ekkleżjastika minn Juan Álvarez Mendizábal, u l-Gwerra Ċivili Spanjola.

Fil-mużew wieħed jista' jara kapulavuri bħad-Dittiku Biżantin (lavur tal-fidda b'għamla ta' ktieb b'oriġini datata għall-ħabta tal-1370, li fih ir-relikwi tal-qaddisin), pitturi ta' El Greco, u twapet magħmulin bl-idejn mill-iskola ta' Cuenca.

El Castillo huwa l-isem tal-fdalijiet ta' fortizza Għarbija antika, li jirrappreżenta l-istrutturi iktar antiki ta' Cuenca. Torri, żewġ blokok tal-ġebel, l-arkata ta' aċċess lejn iċ-ċentru storiku tal-belt u ta' ħruġ minnu mill-Barrio del Castillo u framment tal-ħitan għadhom jeżistu. L-arkata (arco de Bezudo) hija msemmija għal Gutierre Rodriguez Bezudo, minn Segovia, li ġġieled kontra l-Għarab mar-Re Alfonso VIII biex jaħkem lil Cuenca.

Il-kastell kien jospita l-Inkwiżizzjoni Sagra wara l-1583, u finalment inqered matul is-seklu 19 mis-suldati Franċiżi matul il-Gwerra tal-Indipendenza Spanjola.

Fil-qrib hemm il-kappella żgħira u ċ-ċimiterju ta' San Isidro.

Torri ta' Mangana

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Torri ta' Mangana.

L-oriġini tat-Torri ta' Mangana mhijiex ċara. Fl-1565 ġie miżbugħ minn Anton van den Wyngaerde, li jindika li dak iż-żmien it-Torri ta' Mangana diġà kien inbena, u wara l-attakki tas-suldati Franċiżi matul il-Gwerra tal-Indipendenza Spanjola – fil-bidu tas-seklu 19 – wara li kien diġà ntlaqat minn sajjetta fis-seklu 18, iġġarraf għalkollox. It-Torri ta' Mangana reġa' nbena minn Fernando Alcántara bi stil Neo-Mudejar – ispirat minn motivi dekorattivi Għarab – fl-1926. Finalment Victor Caballero ta lit-Torri ta' Mangana l-bixra attwali tiegħu bi stil qisu ta' fortizza fl-1968.

It-torri għandu arloġġ fuq naħa waħda tiegħu u r-reġistrazzjoni ta' tokki tal-qniepen jista' jinstema' fiċ-ċentru storiku tal-belt f'ċertu ħinijiet (kull kwarta).

Wieħed jista' jaċċessa t-torri bil-mixi minn Plaza Mayor u hemm veduti mill-fondoq qrib ix-xmara Jucar u l-kwartieri moderni.

Il-Muniċipju huwa binja bi stil Barokk li nbniet matul ir-renju tar-Re Carlos III. Huwa mirfud fuq tliet ħnejjiet Rumani u tlesta fl-1762, kif wieħed jista' jara b'għajnejh mill-faċċata. Minkejja dan, fis-seklu 18 Mateo Lopez kien l-arkitett inkarigat mill-estensjoni tal-binja peress li kien meħtieġ li l-binja titkabbar biex ikun hemm spazju għall-oratorju kif ukoll għall-arkivju.

Il-ħnejja ċentrali hija l-unika waħda li tagħti aċċess għall-vetturi biex jaċċessa il-Plaza Mayor.[7]

Uħud mid-"Djar Imdendlin".

Djar Imdendlin

[immodifika | immodifika s-sors]

Mibnija f'xifer il-blat tal-fondoq fuq ix-xmara Huecar fis-seklu 15, id-"Djar Imdendlin" jew Casas Colgadas huma l-unika eżemplari li għad fadal ta' dan it-tip ta' bini li kien komuni f'din il-belt fl-imgħoddi.

Id-Djar Imdendlin jistgħu jitqiesu bħala l-iżjed binjiet ċivili famużi fi Cuenca. Jospitaw ristorant u l-Mużew tal-Arti Astratta u jservu ta' sfond għal miljuni ta' ritratti li jittieħdu mill-Pont ta' San Pawl.

Monument iddedikat lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù

[immodifika | immodifika s-sors]

Fuq l-għolja Cerro del Socorro wieħed jista' jsib il-monument iddedikat lill-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù. Il-materjali għall-kostruzzjoni tiegħu ġew ittrasportati fuq il-ħmir f'nofs is-seklu 20. Dan il-post huwa post mill-aqwa għal veduti panoramiċi tal-belt. Jista' jiġi aċċessat mit-triq lejn Palomera / Buenache de la Sierra (il-fondoq tax-xmara Huecar) u mbagħad wara madwar 5 km (3 mili) iddur fuq il-lemin.

Kunsill Provinċjali ta' Cuenca

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sede tal-Kunsill Provinċjali ta' Cuenca (Diputación provincial de Cuenca) hija binja b'żewġ sulari li nbniet fil-bidu tas-seklu 20 skont proġett ikkonċeput mill-arkitett provinċjali Rafael Alfaro. L-istemma ta' Cuenca mal-faċċata hija magħmula bl-irħam ta' Carrara.

Binjiet notevoli oħra fi Cuenca jinkludu l-Knisja ta' San Felipe Neri, il-Knisja tal-Madonna tad-Dawl (Iglesia de Nuestra Señora de La Luz) u l-Konvent ta' Las Petras.

  • Il-Mużew Arkeoloġiku li fih oġġetti mill-Park Arkeoloġiku ta' Segóbriga.
  • Il-Mużew tad-Djoċesi.
  • Il-Mużew tal-Arti Astratta Spanjola.
  • Il-Mużew tax-Xjenza ta' Kastilja-La Mancha.
  • Il-Mużew tal-Ġimgħa Mqaddsa ta' Cuenca.
  • Il-Fundación Antonio Pérez.
  • Il-Fundación Antonio Saura.
  • El Escardillo, bi ftit siġar u funtana fuq roqgħa żgħira ta' art. Huwa wieħed mill-ftit żoni ħodor fiċ-ċentru storiku tal-belt.
  • Los Moralejos, li jinsab qrib il-punt ta' dħul minn Madrid, huwa magħruf ukoll bħala "Carrero" (l-isem antik tiegħu kien Carrero Blanco), u huwa park li tkabbar fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20, meta l-fiera ta' San Ġiljan tressqet lejn il-pożizzjoni attwali tagħha, u b'hekk ġiet illiberata ftit art. Dan l-aħħar żdiedet korsija għar-roti, kif ukoll kollegament ġdid maċ-ċentru sportiv ta' "el Sargal".
  • Santa Ana, "El Vivero", qrib l-arena tal-barrin ta' Cuenca, b'siġar kbar li jagħtu d-dell fil-biċċa l-kbira tal-park.
  • San Fernando, li jinsab fiż-żona tal-espansjoni ta' Cuenca, huwa park fuq xaqliba u jinkludi tliet lagi żgħar.
  • San Julián, l-eqdem park fi Cuenca, maħluq fil-bidu tas-seklu 20, permezz ta' art mogħtija b'donazzjoni minn Gregoria Fernández de la Cuba, li għandha skultura tagħha fil-park. Dan il-park huwa eżempju ta' disinn sostenibbli: minflok ħaxix hemm rettangoli tal-ħamrija tul perimetru b'siġar kbar, isseparati b'ringieli ta' arbuxelli u mogħdijiet biż-żrar. Fiċ-ċentru, hemm spazju miftuħ b'post fejn tarma l-banda. Hemm ukoll skultura ta' Lucas Aguirre y Juárez, li ddedika l-isforzi filantropiċi tiegħu għall-edukazzjoni tat-tfal foqra. "Manneken pis" funzjonali għalkollox jaqta' l-għatx lill-viżitaturi fil-jiem tas-sajf.
  • Jueves Lardero.
  • Jum San Ġiljan ta' Cuenca – it-28 ta' Jannar.
  • Jum San Mattew – il-21 ta' Settembru; barri żgħir (vaquilla) jinħeles fit-toroq u jitmexxa min-nies bil-ħbula, filwaqt li n-nies minn Cuenca, raggruppati f'"peñas", jieklu u jixorbu fit-toroq għal perjodu ta' erbat ijiem. Fl-ewwel jum, il-peñas jinġabru fil-Plaza Mayor bil-mixi u jiġu mxarrba mill-abitanti taċ-ċentru storiku mill-gallariji tagħhom.
  • Ġimgħa Mqaddsa: il-Festa Spanjola ta' Interess Internazzjonali għat-Turisti.

Il-belt hija moqdija mill-istazzjon ferrovjarju ta' Cuenca. Hija ġita popolari għal jum jew għal tmiem il-ġimgħa minn Madrid, bis-saħħa tal-kollegament tajjeb ħafna bejn iż-żewġ bliet. Fid-19 ta' Diċembru 2010 ġie stabbilit kollegament ta' veloċità għolja bejn Madrid – Atocha u Valencia u wħud mill-kollegamenti jieqfu wkoll fl-istazzjon ferrovjarju ta' Cuenca–Fernando Zóbel, u b'hekk il-vjaġġaturi jkunu moqdija kuljum b'kollegamenti ma' Madrid u ma' Valencia, bi tnaqqis tal-ħin tal-vjaġġ għal 50 minuta biss minn/lejn Madrid u għal siegħa minn/lejn Valencia. Renfe topera wkoll servizz ferrovjarju mhux b'veloċità għolja li jdum tliet sigħat minn Madrid. Auto Res, operatur tal-karozzi tal-linja, jikkollega lil Madrid ma' Cuenca bi vjaġġ ta' xi sagħtejn jew sagħtejn u nofs. L-awtostrada A-40, li tlestiet dan l-aħħar, tikkollega l-belt mal-A-3 f'Tarancón, 82 kilometru (51 mil) 'il bogħod minn Madrid, b'total ta' 166 kilometru (103 mili) sal-belt kapitali ta' Spanja, u 200 kilometru (120 mil) 'il bogħod minn Valencia, permezz tal-A-3 fid-direzzjoni opposta.

Cuenca hija ġemellata ma':[8]

Dawn li ġejjin huma platti tipiċi mill-inħawi ta' Cuenca, li bażikament huma r-riżultat ta' kombinament tal-platti tipiċi tal-inħawi ta' Serranía u Mancha:

  • Ajo arriero, magħmul bil-bakkaljaw, il-patata u t-tewm, jista' jiddellek mal-ħobż;
  • Cordero, biċċiet tal-ħaruf sempliċement mixwija jew f'caldereta;
  • Morteruelo, tip ta' pâté magħmul minn tipi different ta' laħam, l-iktar xi fenek selvaġġ, ħaġla, tiġieġa jew laħam tal-majjal;
  • Pisto manchego, taħlita ta' ħxejjex (tadam, bżar, qarabagħli) imqatta' u moqlija flimkien, simili għar-"ratatouille" fi Franza;
  • Queso manchego, li ġej minn Villarejo de Fuentes, Santa María del Campo Rus jew Villamayor de Santiago, huwa ġobon magħmul biss mill-ħalib tan-nagħaġ;
  • Setas, fil-ħarifa varjetà kbira ta' faqqiegħ jista' jinġabar fil-foresti qrib Cuenca. L-iżjed frekwenti huma l-hekk imsejħa Níscalo, iżda speċijiet oħra bħall-boletus jistgħu jinstabu fl-inħawi;
  • Trucha, trota mixwija mix-xmajjar tal-muntanji;
  • Oreja, Forro, Panceta: qatgħat differenti ta' laħam tal-majjal, normalment mixwija;
  • Mojete: insalata tradizzjonali magħmula bit-tadam.

Għad-deżerta, l-Alajú huwa kejk Għarbi magħmul bl-għasel, il-lewż, il-ġewż u l-qoxra tal-larinġ maħkuka. Resoli hija xarba tipika, servuta f'tazza bis-silġ jew li wieħed jixrobha direttament minn "porrón" wara ikla.

  1. ^ Izquierdo Benito, Ricardo (1986). Alfonso VI y la toma de Toledo. Toledo: Diputación Provincial de Toledo. p. 13. ISBN 84-00-06167-5.
  2. ^ "Conjunto Histórico de Cuenca | Portal de Cultura de Castilla-La Mancha". cultura.castillalamancha.es. Miġbur 2022-10-03.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Walled Town of Cuenca". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-10-03.
  4. ^ "European Capital of Culture 2016" (PDF).
  5. ^ Meteorología, Agencia Estatal de. "Cuenca: Cuenca - Agencia Estatal de Meteorología - AEMET. Gobierno de España". www.aemet.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-10-03.
  6. ^ "Cuenca y su lado más natural: ¿qué podemos ver y hacer? - Vipealo" (bl-Ispanjol). 2021-01-04. Miġbur 2022-10-03.
  7. ^ Farfán, Lourdes María Morales. "Cuenca (V): siglo XVIII, el intento de regeneración de una ciudad barroca". www.unaventanadesdemadrid.com. Miġbur 2022-10-03.
  8. ^ "Ayuntamiento de Cuenca". ayuntamiento.cuenca.es (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-10-03.