Camagüey
Camagüey | ||
---|---|---|
Kuba | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Stat gżira | Kuba | |
Province of Cuba | Provinċja ta' Camagüey | |
Isem uffiċjali | Camagüey | |
Ismijiet oriġinali | Camagüey | |
Kodiċi postali |
70100 | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 21°22′43″N 77°55′07″W / 21.3786°N 77.9186°WKoordinati: 21°22′43″N 77°55′07″W / 21.3786°N 77.9186°W | |
Superfiċjenti | 1,106 kilometru kwadru | |
Għoli | 5 m | |
Fruntieri ma' | Jimaguayú (en) , Sibanicú (en) , Minas (en) , Sierra de Cubitas (en) , Esmeralda (en) , Florida (en) u Vertientes (en) | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 321,992 abitanti (2011) | |
Informazzjoni oħra | ||
Fondazzjoni | 1514 | |
Kodiċi tat-telefon |
322 | |
Żona tal-Ħin | Żona tal-Ħin tal-Lvant | |
bliet ġemellati | Mérida, Madisonu Mérida | |
camaguey.cu |
Camagüey jew Camaguey (pronunzja bl-Ispanjol: [kamaˈ(ɣ)wej]) hija belt u muniċipalità f'Kuba ċentrali u hija t-tielet l-ikbar belt tan-nazzjon b'iktar minn 333,000 abitant.[1] Hija wkoll il-belt kapitali tal-Provinċja ta' Camagüey.
Il-belt ġiet stabbilita bħala Santa María del Puerto del Príncipe fl-1514 minn kolonjalisti Spanjoli tul il-kosta tat-Tramuntana li ressqu iktar 'il ġewwa fl-1528 sas-sit tal-villaġġ ta' Taino li mbagħad ġie msejjaħ Camagüey. Din kienet waħda mis-seba' insedjamenti oriġinali (villas) stabbiliti f'Kuba mill-Ispanjoli. Wara li Henry Morgan ta n-nar lill-belt fis-seklu 17, ġiet iddisinjata mill-ġdid bħal labirint biex min jattakkaha jsibha diffiċli li jiċċaqlaq fi ħdan il-belt.
Is-simbolu tal-belt ta' Camagüey hija l-borma tat-tafal jew tinajón, li kienet tintuża biex jinġabar fiha l-ilma tax-xita u jibqa' frisk. F'Camagüey twieled ukoll Ignacio Agramonte (1841), figura importanti tal-Gwerra ta' Għaxar Snin kontra Spanja. Monument li sar mill-iskultur Salvatore Buemi fiċ-ċentru tal-belt ġie ddedikat lil Ignacio Agramonte, u ġie żvelat minn martu fl-1912. Huwa magħmul minn statwa ekwestri, riljievi tal-bronż li joħorġu fid-dieher frammenti mill-ħajja ta' Agramonte, u skultura ta' mara bħala simbolu tal-art nattiva.
F'Lulju 2008, iċ-ċentru storiku tal-belt tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, minħabba l-pjanta irregolari qisha labirint li għandha l-belt, ir-rwol prominenti tagħha fil-kolonizzazzjoni bikrija mill-Ispanjoli u fl-agrikoltura, u l-arkitettura rikka tagħha b'varjetà ta' influwenzi.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Camagüey ġiet stabbilita bħala Santa María del Puerto del Príncipe fit-2 ta' Frar 1514, mill-kolonjalisti Spanjoli mmexxija minn Diego Velázquez de Cuéllar f'post li issa huwa magħruf bħala Nuevitas tul il-kosta tat-Tramuntana. Dan il-post kien wieħed mis-seba' insedjamenti oriġinali (villas) li ġew stabbiliti f'Kuba mill-Ispanjoli. L-insedjament tressaq iktar 'il ġewwa fl-1528 lejn is-sit tal-villaġġ ta' Taíno li ġie msejjaħ Camagüey.
Il-belt il-ġdida nbniet bi pjanta mhux uniformi b'toroq iserrpu. Hemm bosta sqaqien u toroq li joforqu u li jagħtu għal pjazez ta' daqsijiet differenti. Spjegazzjoni waħda għal dan hi li d-disinn sar hekk apposta, biex il-belt tkun tista' tiġi difiża iktar faċilment f'każ ta' xi attakki; bl-istess ħsieb, ir-raġuni li kien hemm ħruġ wieħed biss mill-belt kienet li f'każ li l-pirati jerġgħu jattakkaw il-belt u jirnexxielhom jidħlu fiha, l-abitanti lokali b'dan il-mod setgħu jfixkluhom u joqtluhom. Madankollu, l-abitanti lokali ma jaqblux ma' dan il-ħsieb u jsostnu li huwa leġġenda, għaliex isostnu li l-verità hi li l-belt żviluppat mingħajr ippjanar, u li t-toroq iserrpu żviluppaw hekk minħabba li kulħadd ried joqgħod qrib il-knisja lokali tiegħu (fil-belt hemm 15-il knisja).
Matul is-seklu 18, il-belt kienet tissejjaħ Santa María del Puerto del Príncipe; bejn l-1747 u l-1753 Luis de Unzaga y Amézaga, li dak iż-żmien kien il-kaptan-gvernatur ta' Puerto del Príncipe, irriabilita l-belt, li kienet ġarrbet ħsarat estensivi matul il-Gwerra tal-Widna ta' Jenkins, u Unzaga reġa' bena wkoll il-Knisja tal-Ħniena.
Malli Kuba kisbet l-indipendenza tagħha minn Spanja fl-1898, il-belt u l-provinċja tal-madwar ingħataw l-isem attwali ta' Camagüey. L-isem indiġenu diġà kien jintuża qabel għar-reġjun ta' "El Camagüey" b'referenza għall-kap lokali (cacique) Camagüebax, li kien imexxi bejn ix-xmajjar Tínima u Hatibonico, u ġie approvat fl-1898 għall-provinċja li kienet inħolqot fl-1878.
Il-muniċipalità tinsab fuq pjanura f'nofs il-provinċja u l-konfini tagħha jmissu ma' Vertientes, Florida, Esmeralda, Sierra de Cubitas, Minas, Sibanicú u Jimaguayú.
Demografija
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2022, il-muniċipalità ta' Camagüey kellha popolazzjoni ta' 333,251 ruħ. B'erja totali ta' 1,106 km2 (427 mil kwadru), il-muniċipalità għandha densità tal-popolazzjoni ta' 300/km2 (780/mil kwadru).
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru Storiku ta' Camagüey ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Kultura
[immodifika | immodifika s-sors]Is-simbolu tal-belt ta' Camagüey huwa l-borma tat-tafal jew tinajón, li kienet tintuża biex jinġabar l-ilma tax-xita biex jintuża iktar 'il quddiem, u jibqa' frisk. Hemm dawn il-borom tat-tafal kullimkien, uħud żgħar daqs pala ta' id, uħud kbar biżżejjed biex joqogħdu fihom tnejn min-nies, jew bħala monumenti jew għall-użu reali. Leġġenda lokali ssostni li jekk wieħed jixrob l-ilma minn tinajón, jibqa' f'Camagüey (bl-Ispanjol: Quien tome agua del tinajón, en Camagüey se queda), bil-ħsieb ukoll li jekk wieħed jiltaqa' ma' tfajla minn Camagüey, isir iħobbha u qatt ma jitlaq. L-istituzzjonijiet prinċipali tal-edukazzjoni sekondarja huma l-Università ta' Camagüey u l-Instituto Pedagógico de Camagüey.
Il-ġarer kbar tat-tafal jew tinajones kienu ġarer tal-ħżin li kienu jintużaw għat-trasport tal-inbid, taż-żejt u tal-qmuħ fil-belt u ġew introdotti mill-Ispanjoli matul iż-żminijiet moderni bikrin bħala s-soluzzjoni għall-iskarsezza tal-ilma fil-belt; kienu jitpoġġew taħt gandotti biex jimtlew bl-ilma meta jkun possibbli. Fuq tarf minnhom kienu jkun kemxejn mikula u kienu jkunu mirduma nofshom taħt l-art, biex l-ilma ta' ġo fihom jibqa' biered u frisk. F'qasir żmien bdew jiġu prodotti fil-belt u l-ġid ta' kull familja seta' jiġi vvalutat minn ġewwa u minn barra skont l-istil u l-kwantità tat-tinajones. Dan ġie kkonfermat mill-istoriċi u mill-arkeologi. Fil-bidu, fi Spanja dawn il-ġarer kienu jintużaw għall-preservazzjoni taż-żjut, speċjalment taż-żejt taż-żebbuġa, u mbagħad l-Ispanjoli ġabu dan il-mudell magħhom f'Camagüey, u minnufih saru jintużaw b'mod tradizzjonali u saru simbolu lokali fost ir-residenti ta' Camagüey, li adottaw modi kreattivi biex bihom jiddekoraw il-belt Kubana.
Infrastruttura
[immodifika | immodifika s-sors]Tqassim tat-toroq
[immodifika | immodifika s-sors]It-tqassim taċ-ċentru storiku tal-belt qisu ta' labirint, b'toroq dojoq u qosra li dejjem iduru lejn naħa jew oħra. Wara li Henry Morgan ta n-nar lill-belt fis-seklu 17, il-belt ġiet iddisinjata bħala labirint sabiex min jattakkaha jsibha diffiċli li jiċċaqlaq fi ħdan il-belt.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Camagüey hija belt kolonjali bi tqassim tat-toroq qisha labirint u hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Il-belt fiha iktar minn 30 knisja Kattolika, li jixhdu l-imgħoddi kolonjali tal-belt, fosthom:
- Il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, knisja Barokka b'żewġ kampnari, li tlestiet fl-1825.
- Il-Katidral ta' Camagüey, li jmur lura għall-1530 meta nbena bħala kappella, u tlesta fl-1864.
- Il-Knisja tal-Madonna tas-Solitudni, li hija l-iżjed knisja simbolika fil-belt u li nbniet matul is-seklu 18. Fir-ritratti storiċi tagħha ma tidhirx impittra, u b'hekk il-faċċata u l-kampnar tagħha kellhom bixra rustika ħafna. Fuq ġewwa tagħha hemm affreski Barokki u l-fonti sagru fejn ġie mgħammed l-eroj lokali Ignacio Agramonte fl-1841.
- Il-Knisja u l-Isptar-Kunvent ta' San Juan de Dios: l-ewwel aħbarijiet dwar il-knisja u l-kunvent ta' San Juan de Dios imorru lura għall-1687 u għall-1692 f'dokumenti marbuta mad-difniet u li jsemmu l-eremitaġġ ta' San Juan de Dios jew tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna rispettivament. F'Mejju 1731, il-pirjol tal-isptar ta' Ħavana ta' San Juan de Dios, Joseph Díaz Ponte, irrikonoxxa li huwa kien il-fundatur tal-isptar-kunvent tat-Tlugħ is-Sema tal-Madonna fil-belt ta' Puerto del Príncipe, u b'hekk wera bil-provi x'kienet id-denominazzjoni tal-knisja fl-imgħoddi. Il-kostruzzjoni tat-tempju attwali bdiet fl-1736 u tlestiet fl-1755. Sa din id-data l-isqof uffiċjalment ifformalizza l-Aħwa Ospedalieri ta' San Juan de Dios. Fl-artal prinċipali tal-knisja hemm it-Trinità Mqaddsa fil-forma ta' tliet figuri umani, l-uniku eżemplar f'Kuba, għalkemm xbieha simili tinsab ukoll fi knisja kolonjali f'Lima, il-Perù.
- Il-Knisja ta' Sant'Anna: f'dokument ta' donazzjoni li saret mill-Indjana Catalina Carmona fl-1617 ġie ddikjarat li kien hemm eremitaġġ iddedikat lill-Madonna ta' Sant'Anna, u dan huwa biss wieħed minn bosta dokumenti li jsemmu din il-knisja.
- Il-Knisja tal-Madonna tal-Karità: sas-snin 30 tas-seklu 18, din il-knisja kienet eremitaġġ b'replika tal-Madonna tal-Karità tar-Ram, li tinsab fil-Bażilika Nazzjonali u s-Santwarju tar-Ram f'Santiago de Cuba; u skont xi wħud milli jidher kienet l-ewwel sit li nbena barra minn dak is-santwarju għall-qima ta' xi ħadd meqjus bħala l-"Patruna ta' Kuba". Il-knisja l-ewwel ġiet sostitwita b'kappela u fl-istess żmien, sa tmiem is-seklu 18 u l-bidu tas-seklu 19, kien qed jinbena l-kwartier ta' La Caridad (il-Karità). Dan il-camino real kien ikkaratterizzat mill-kostruzzjoni tal-ewwel villeġġjaturi tal-iktar familji għonja, li nbena f'grilji kbar, għad-differenza tal-eqdem parti li fiha ġiet stabbilita l-belt ta' Camagüey. Din il-knisja saret parroċċa fl-1801. Fil-kampnar tagħha kien hemm l-arloġġ pubbliku mill-1822 sal-1825, li mbagħad ġie ttrasferiet lejn il-Knisja tal-Ħniena minħabba li kienet iktar ċentrali u l-kampnar tagħha kien ogħla.
- Il-Knisja tal-Qalb Imqaddsa ta' Ġesù: knisja b'arkitettura Neo-Gotika, li nbniet bejn l-1912 u l-1919, fis-sit tal-eks Kunvent ta' San Franġisk.
- Il-Gran Hotel Camagüey, li ġie inawgurat fl-1938.
Trasport
[immodifika | immodifika s-sors]Camagüey titqies bħala stazzjon ferrovjarju importanti tul il-linja ferrovjarja prinċipali ta' Ħavana-Santiago b'kollegamenti lejn linji minuri. L-istazzjon jinsab fl-Avenida Van Horne ċentrali, kantuniera mal-Avenida Finlay. Qalb il-belt tgħaddi l-awtostrada magħrufa bħala Carretera Central. L-awtostrada A1, li se tikkollega lil Ħavana ma' Guantánamo, u li nbniet parzjalment, tinsab fil-fażi ta' proġettar fl-inħawi tal-belt.
- Ajruporti
Camagüey għandha l-ajruport internazzjonali tagħha stess, magħruf bħala l-Ajruport Internazzjonali Ignacio Agramonte li jionsab fis-subborg tal-Grigal. Il-biċċa l-kbira tat-turisti li jmorru jew li jitilqu mill-Bajja ta' Santa Lucía jagħmlu dan permezz ta' dan l-ajruport.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Skont is-sistema tal-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen, Camagüey għandha klima ta' savanna tropikali, (Aw) fuq il-mapep klimatiċi. Ladarba Kuba hija hotspot taċ-ċikluni tropikali, ġiet affettwata kemm-il darba, bħal fl-1932, bl-urugan ta' Kuba tal-1932. It-temperaturi ta' waranofsinhar ikunu temperaturi sħan u t-temperaturi ta' filgħodu jkunu miti sa sħan matul is-sena kollha. L-eqqel tax-xita tinżel f'Ġunju u x-xita tinżel l-inqas fi Frar.
Data klimatika Camagüey | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord °C (°F) | 32.8 (91.0) |
34.4 (93.9) |
36.7 (98.1) |
37.8 (100.0) |
38.9 (102.0) |
38.3 (100.9) |
37.8 (100.0) |
38.9 (102.0) |
36.7 (98.1) |
36.1 (97.0) |
33.9 (93.0) |
33.9 (93.0) |
38.9 (102.0) |
Medja massima kuljum °C (°F) | 27.2 (81.0) |
28.3 (82.9) |
30.0 (86.0) |
31.7 (89.1) |
31.7 (89.1) |
31.7 (89.1) |
32.8 (91.0) |
32.8 (91.0) |
32.2 (90.0) |
30.6 (87.1) |
28.9 (84.0) |
27.8 (82.0) |
30.5 (86.9) |
Medja kuljum °C (°F) | 22.2 (72.0) |
23.1 (73.6) |
24.5 (76.1) |
25.8 (78.4) |
26.4 (79.5) |
26.7 (80.1) |
27.5 (81.5) |
27.5 (81.5) |
27.0 (80.6) |
25.8 (78.4) |
24.2 (75.6) |
22.8 (73.0) |
25.3 (77.5) |
Medja minima kuljum °C (°F) | 17.2 (63.0) |
17.8 (64.0) |
18.9 (66.0) |
20.0 (68.0) |
21.1 (70.0) |
21.7 (71.1) |
22.2 (72.0) |
22.2 (72.0) |
21.7 (71.1) |
21.1 (70.0) |
19.4 (66.9) |
17.8 (64.0) |
20.1 (68.2) |
Temp. baxxa rekord °C (°F) | 7.8 (46.0) |
9.4 (48.9) |
11.1 (52.0) |
13.9 (57.0) |
13.3 (55.9) |
16.7 (62.1) |
18.9 (66.0) |
18.9 (66.0) |
17.8 (64.0) |
15.6 (60.1) |
10.0 (50.0) |
7.2 (45.0) |
7.2 (45.0) |
Medja tax-xita cm (pulzieri) | 38.1 (1.50) |
35.6 (1.40) |
61.0 (2.40) |
91.4 (3.60) |
193.0 (7.60) |
266.7 (10.50) |
142.2 (5.60) |
139.7 (5.50) |
185.4 (7.30) |
137.2 (5.40) |
78.7 (3.10) |
50.8 (2.00) |
1,419.8 (55.90) |
Sors: Sistema de Clasificación Bioclimática Mundial |
Tqassim Politiku u Amministrattiv
[immodifika | immodifika s-sors]Attwalment il-belt hija maqsuma f'erba' distretti:
- id-Distrett ta' Joaquín de Agüero;
- id-Distrett ta' Cándido González;
- id-Distrett ta' Julio Antonio Mella;
- id-Distrett ta' Ignacio Agramonte.
Sport
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klabb tal-baseball lokali huwa Toros de Camagüey, imlaqqam bħala Alfareros, u l-grawnd tiegħu huwa l-Estadio Cándido González. Il-klabb tal-futbol lokali huwa FC Camagüey u l-grawnd tiegħu huwa l-Estadio Patricio Lumumba.
Instituto Pre-Universitario Vocacional de Ciencias Exactas
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm mhijiex l-unika skola tal-edukazzjoni għolja fil-belt, il-Pre-Universitario, xi kultant imsejħa bħala "Skola Vokazzjonali" iżda formalment magħrufa bħala l-Instituto Pre-Universitario Vocacional de Ciencias Exactas (IPVCE) Máximo Gómez Báez, hija l-ikbar tat-tip tagħha fil-provinċja ta' Camagüey. Id-daqs tal-istituzzjoni jikkwalifikaha bħala "belt tat-tagħlim". Dan iċ-ċentru huwa omologu għal oħrajn li jeżistu fil-bqija tal-provinċji tal-pajjiż. Normalment l-istudenti jiffurmaw rabtiet sfiqa u ħbiberiji fit-tul huma u jattendu l-istituzzjoni, iżda r-rabtiet tal-familja xi kultant ibatu u l-attitudnijiet morali "tradizzjonali" spiss jinbidlu peress li l-adolexxenti jqattgħu ġimgħat sħaħ 'il bogħod mill-familja tagħhom. Sabiex jiġu aċċettati fl-IPVCE, l-istudenti jridu jgħaddu minn eżami tad-dħul wara li jlestu t-tħejjija tal-Edukazzjoni Sekondarja Bażika (is-7 sad-9 sena). Matul it-tliet snin ta' wara, l-istudenti jingħataw tħejjija intensiva sabiex jiġu aċċettati fil-kulleġġ.
Skejjel oħra tal-edukazzjoni għolja
[immodifika | immodifika s-sors]L-iskejjel tal-edukazzjoni għolja f'Kuba huma maqsuma fis-Secundaria (is-Sekondarja), mis-7 sad-9 sena) u fil-Pre-Universitario (il-Post-Sekondarja), mill-10 sat-12-il sena. Xi skejjel Secundarias f'Camagüey huma La Avellaneda, Torre Blanca, Javier de la Vega, Ana Betancourt de Mora, Ignacio Agramonte, u bosta oħrajn. Fil-belt ta' Camagüey, hemm skejjel oħra tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll skejjel għall-atleti (ESPA u EIDE), għall-artisti (l-Iskola tal-Arti), u l-Iskola tal-Edukazzjoni Militari Għolja ta' Camilo Cienfuegos (magħrufa wkoll bħala Camilitos, f'ġieħ Camilo Cienfuegos, eroj tar-Rivoluzzjoni Kubana).
Università
[immodifika | immodifika s-sors]L-Università ta' Camagüey, bi programmi tal-inġinerija, tax-xjenzi bażiċi u tal-umanitajiet, tinsab fi ħdan il-belt. Hemm kulleġġ universitarju separat għall-edukazzjoni medika (l-Università ta' Carlos J. Finlay tax-Xjenza Medika). Mill-2016, l-Università ta' Camaguey hija taħlita bejn università sportiva u università tax-xjenzi pedagoġiċi, b'iktar minn 12,000 student 3,000 professur.
Residenti notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]F'Camagüey twieled il-lottatur professjonali Luis Ortiz (1979).
F'Camagüey twieled ukoll Ignacio Agramonte (1841), figura importanti tal-Gwerra ta' Għaxar Snin kontra Spanja bejn l-1868 u l-1878. Agramonte fassal l-ewwel Kostituzzjoni Kubana fl-1869, u iktar 'il quddiem, bħala Ġeneral-Maġġur, ifforma l-korp irrispettat tal-kavallerija ta' Camagüey li wassal biex l-Ispanjoli jaħarbu. Huwa miet fil-ġlied fil-11 ta' Mejju 1873; ġismu ngħata n-nar fil-belt minħabba li l-Ispanjoli beżgħu li r-ribelli setgħu jattakkaw il-belt biex jirkupraw il-katavru tiegħu. Ir-riġment tal-kavallerija ta' Agromonte tal-Ejercito Libertador matul il-Gwerra tal-Indipendenza Kubana ngħatat ismu. Dan ir-riġment ġie stabbilit minn persuna notevoli oħra li twieldet f'Camagüey, Lope Recio Loynaz, li sar l-ewwel Gvernatur tal-Provinċja ta' Camagūey matul żmien ir-Repubblika ta' Kuba.
Il-kontorn tal-istatwa ekwestri ta' Ignacio Agramonte fil-park iddedikat lilu huwa simbolu ieħor ta' Camagüey. Din ġiet stabbilita hemmhekk fl-1911, u ġiet żvelata mill-armla tiegħu Amalia Simoni.
Visial artists include José Iraola, a contemporary painter who was born in Camagüey, on 19 September 1961; sculptor Roberto Estopiñán, born in Camagüey in 1921; and artist Juan Boza, born in Camagüey in 1941.
Fost il-poeti u l-kittieba li twieldu fil-belt hemm Brígida Agüero y Agüero (1837-1866), Domitila García Doménico de Coronado (1847-1938), Emelina Peyrellade Zaldívar (1842-1877) u l-poeta tar-rivoluzzjoni Raúl Rivero (1945-2021). Fil-belt hemm triq li ġiet iddedikata lil Agüero.
Fil-belt twieldu wkoll il-membru tal-klassifika tal-aqwa plejers tal-baseball Atanasio Perez Rigal (Tony Pérez), li rebaħ żewġ kampjonati tal-World Series ma' Cincinnati Reds u kien wieħed ukoll mill-plejers ukoll li lagħbu fil-logħba bejn l-aqwa plejer fl-1967.
Fil-belt twieldu wkoll il-poeta nazzjonali Kuban Nicolás Guillén u Carlos J. Finlay, tabib u xjenzat straordinarju, li kien l-ewwel wieħed li identifika n-nemusa Aedes aegyptis bħala l-kawża tat-tixrid tad-deni isfar.
F'Camagüey twieldu wkoll il-plejer tal-volleyball Mireya Luis, Gertrudis Gomez de Avellanada (poeta), Silvestre de Balboa (1563–1649, kittieb), Salvador Cisneros Betancourt, Marqués de Santa Lucia (patrijott Kuban u firmatarju tal-Kostituzzjoni ta' Guaimaro tal-1869 kif ukoll President tar-Repubblika Kubana).
Il-patri José Olallo Valdés ħadem fil-belt u ġie bbeatifikat fil-belt stess fid-29 ta' Novembru 2008.
Il-lottatur dilettant u ċampjin Olimpiku b'piż ta' 75 kg f'Sydney 2000, Jorge Gutiérrez Espinosa, twieled fil-belt fit-18 ta' Settembru 1975.
Fil-belt twieled ukoll il-kittieb Kuban Severo Sarduy, membru tal-komunità intellettwali Ewropea li kkonsolidat fis-snin 60 tas-seklu 20 wara Tel Quel, ġurnal ta' ħsieb kritiku. Sarduy, li ġie ċċensurat f'Kuba matul is-seklu 20, għex f'Pariġi, Franza bħala eżiljat mill-1960 sa mewtu fl-1993. Fi ħdan l-istorja letterarja huwa baqa' magħruf bħala dak li rriforma r-rikonfigurazzjonijiet trans-Atlantiċi tal-istil estetiku Barokk Ispaniku taħt it-terminu "Neo-Barokk".
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Cuba: Administrative Division (Provinces and Municipalities) - Population Statistics, Charts and Map". www.citypopulation.de. Miġbur 2024-11-29.
- ^ a b ċ d "Historic Centre of Camagüey - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-29.