Aqbeż għall-kontentut

Bergpark Wilhelmshöhe

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-monument ikoniku ta' Erkole.

Il-Bergpark Wilhelmshöhe huwa park pajsaġġistiku f'Kassel, il-Ġermanja. L-erja tal-park hija 2.4 kilometri kwadri (590 akru), u b'hekk huwa l-ikbar park Ewropew f'għolja, u t-tieni l-ikbar park f'għolja fid-dinja. Il-kostruzzjoni tal-Bergpark, litterlament "park tal-għolja", bdiet fl-1689 taħt il-patroċinju tal-Landgravji ta' Hesse-Kassel u damet madwar 150 sena. Il-park huwa miftuħ għall-pubbliku u fl-2013 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Bad Wilhelmshöhe, Stadtteil ta' Kassel fit-Tramuntana ta' Hesse, jinsab fil-Punent taċ-ċentru tal-belt taħt l-għoljiet ta' Habichtswald. Huwa magħruf ukoll għall-istazzjon Kassel-Wilhelmshöhe fil-linja ferrovjarja ta' veloċità għolja Hanover–Würzburg.

Oriġinarjament il-park kien ġie stabbilit bl-istil Barokk tal-ġonna Taljani u tal-ġonna formali Franċiżi, b'karatteristiċi tal-ilma jnixxu 'l isfel bħala kaskati sal-Palazz ta' Wilhelmshöhe (bil-Ġermaniż: Schloss Wilhelmshöhe), u iktar 'il quddiem ġie rranġat mill-ġdid fi ġnien pajsaġġistiku Ingliż.

Fl-1143, il-Kanoniċi Regolari minn Mainz stabbilew il-Monasteru ta' Weißenstein fis-sit fejn illum il-ġurnata hemm il-Palazz ta' Wilhelmshöhe, u dan tneħħa matul ir-Riformazzjoni Protestanta. Il-Landgravju Filippu I ta' Hesse uża l-binjiet li kien għad fadal bħala loġġa tal-kaċċa, fil-biċċa l-kbira rikostruwità mid-dixxendent tiegħu Maurice ta' Hesse-Kassel bejn l-1606 u l-1610.

L-Imperatur Wilhelm II fil-Bergpark fl-1906.

Il-Bergpark inbena bħala park Barokk taħt il-Landgravju Karlu I ta' Hesse-Kassel. Fl-1701, l-arkitett Taljan Giovanni Francesco Guerniero beda l-kostruzzjoni tal-monument ta' Erkole u l-kaskati ġganteski. Fl-1785, Wilhelm IX, il-Landgravju ta' Hesse, beda estensjoni kbira tal-park, u fis-sena ta' wara, l-arkitett tiegħu Simon Louis du Ry, iddisinja l-palazz Neoklassiku ta' Wilhelmshöhe.

Sadanittant, l-ideali pajsaġġistiċi nbidlu mill-Barokk Franċiż għall-ġnien Ingliż. Matul l-estensjoni u l-modifiki li saru, Heinrich Christoph Jussow, apparti li kkontribwixxa bid-disinn tal-palazz, ħoloq kostruzzjonijiet li għadhom jikkaratterizzaw il-park sa llum il-ġurnata: fdalijiet artifiċjali bħal-Löwenburg (il-Kastell tal-Iljun) u l-akkwedott Ruman, kif ukoll estensjonijiet tal-ġnien tal-ilma bħal-lag, il-vaska bil-funtana u t-Teufelsbrücke (il-Pont tax-Xitan) flimkien mal-Höllenteich (il-Vaska tal-Infern). Fl-1793, Karl Steinhöfer żied il-Kaskata ta' Steinhöfer fil-ġnien tal-ilma.

Kassel saret il-belt kapitali tar-Renju l-ġdid ta' Westfalen, stat vassall ta' Franza, immexxi minn ħu Napuljun, Jérôme Bonaparte. Huwa kellu l-qorti rjali fil-Palazz ta' Wilhelmshöhe (li beda jissejjaħ Napoleonshöhe, il-Palazz ta' Napuljun) sal-1813, wara t-telfa li ġarrab Napuljun u l-istabbiliment mill-ġdid tal-elettorat. Iċ-Ċambellan Ewlieni tar-Re u l-gvernatur ta' Napoleonshöhe kien il-Konti Heinrich von Blumenthal. Fl-1826, William II, Elettur ta' Hesse ordna l-aħħar kostruzzjoni kbira tal-Bergpark Wilhelmshöhe, il-grosser Wasserfall (il-Kaskata l-Kbira).

Membri tal-Oberste Heeresleitung, il-Kmand Għoli tal-Armata Ġermaniża, Novembru 1918.

Peress li żamm mal-Awstrija fil-Gwerra bejn l-Awstrija u l-Prussja għas-supremazija fil-Ġermanja, il-prinċipat ġie anness mir-Renju tal-Prussja fl-1866. L-amministrazjoni Prussjana għaqdet lil Nassau, Frankfurt u Hesse-Kassel fil-provinċja l-ġdida ta' Hesse-Nassau. Kassel ma baqgħetx residenza tal-prinċpijiet iktar u d-dinastija tal-ħallieqa tal-park intemmet.

Fl-1870, wara l-Battalja ta' Sedan, l-Imperatur Franċiż Napuljun III ntbagħat bħala priġunier fil-Palazz ta' Schloss Wilhelmshöhe qabel ma ntbagħat f'eżilju fir-Renju Unit. Mill-1899, l-Imperatur Ġermaniż Wilhelm II, li kien mar l-iskola f'Kassel, għażel il-Palazz ta' Wilhelmshöhe bħala r-residenza tas-sajf tiegħu, u b'hekk il-palazz u l-park saru ċentru tal-politika Ewropea għaż-żewġ deċennji ta' wara. Wara l-armistizju li temm l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-Oberste Heeresleitung immexxi minn Paul von Hindenburg organizza u wassal għall-irtirar u d-demobilizzazzjoni tat-truppi Ġermaniżi minn Kassel minn Novembru 1918 sa Frar 1919.

Sekli 20 u 21

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mill-monument ta' Erkole.

Il-Palazz ta' Wilhelmshöhe ġarrab ħsarat mill-bumbardamenti tal-Alleati fit-Tieni Gwerra Dinjija. Mill-1968 sal-1974, inbena mill-ġdid bħala mużew tal-arti.[2] Jospita kollezzjoni ta' wallpapers, kollezzjoni ta' antikitajiet Griegi-Rumani, u gallerija ta' pitturi tal-Artisti l-Kbar l-Antiki. Il-kollezzjoni tiffoka fuq is-sekli 16 u 17, b'kapulavuri ta' pitturi Ġermaniżi, Taljani, Franċiżi u Spanjoli. Il-mużew għandu wkoll it-tieni l-ikbar kollezzjoni ta' pitturi ta' Rembrandt fil-Ġermanja. Il-pittura famuża ta' Rembrandt Saskia u r-Raġel tal-Kappell Wiesa' ta' Frans Hals huma fost l-iktar magħrufin.

Fl-1972, il-Kanċillier tal-Ġermanja tal-Punent Willy Brandt u l-Prim Ministru tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża Willi Stoph iltaqgħu fil-Palazz ta' Wilhelmshöhe għan-negozjati bejn iż-żewġ stati Ġermaniżi.

Il-pittura Saskia ta' Rembrandt.

Ma saret l-ebda estensjoni fil-park matul is-seklu 20. Min-naħa l-oħra, fis-seklu 21 saru rinnovazzjonijiet estensivi tal-monument ta' Erkole u tal-kaskati.[3]

Il-park jinkludi erja ta' madwar 2.4 kilometri kwadri (0.93 mili kwadri), u jibqa' sejjer sal-għolja ta' Karlsberg bil-monument ta' Erkole fil-quċċata tagħha f'għoli ta' 526.2 metru (1,726 pied).

L-Erkole ta' Kassel hija statwa tar-ram tas-semialla tal-Greċja Antika Erakle jew Erkole. Din hija kopja tal-istatwa tas-seklu 3 ta' Erkole tal-Palazz Farnese f'Ruma, l-Italja, u nħolqot minn Johann Jacob Anthoni, arġentier (tad-deheb) minn Augsburg.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-funtana l-kbira tal-park.

Il-Bergpark Wilhelmshöhe huwa amministrat mill-Istat ta' Hesse u huwa affiljat man-Network tal-Wirt tal-Ġonna Ewropej mill-2009. Fit-23 ta' Ġunju 2013 ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sessjoni li saret fi Phnom Penh, il-Kambodja.[4] Il-park jagħmel parti mill-Museumslandschaft Hessen Kassel.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

L-istoriku tal-arti Georg Dehio (1850-1932), l-ispiratur tad-dixxiplina moderna tal-preservazzjoni storika, iddeskriva l-park bħala "x'aktarx l-iżjed kombinament grandjuż ta' pajsaġġ u ta' arkitettura li l-Barokk qatt azzarda fi kwalunkwe post" ("vielleicht das Grandioseste, was irgendwo der Barock in Verbindung von Architektur und Landschaft gewagt hat").[5]

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Giovanni Francesco Guerniero, Delineatio Montis, Kassel, 1706.
  • Paul Heidelbach, Die Geschichte der Wilhelmshöhe. Klinkhardt & Biermann, Leipzig, 1909.
  • Horst Becker und Michael Karkosch, Park Wilhelmshöhe, Parkpflegewerk, Bad Homburg u Regensburg, 2007, ISBN 978-3-7954-1901-1.
  • Verwaltung der Staatlichen Schlösser und Gärten Hessen, ComputerWorks AG und Michael Karkosch, Kassel-Wilhelmshöhe, Gartendenkmalpflegerische Zielplanung mit VectorWorks Landschaft, Lörrach, 2007.
  • Bernd Modrow und Claudia Gröschel, Fürstliches Vergnügen, 400 Jahre Gartenkultur in Hessen, Verlag Schnell und Steiner, Bad Homburg u Regensburg, 2002, ISBN 3-7954-1487-3.
  • Michael Karkosch, Zeitreise in die Jahrhundertwende, Der Kaiserpark Wilhelmshöhe in Kassel, in: SehensWerte, Heft 4, Besuchermagazin der Verwaltung der Staatlichen Schlösser und Gärten Hessen, Bad Homburg, 2008, p. 28f.
  • Dunja Richter, Der Duft der großen weiten Welt, Wilhelminische Pflanzenhausarchitektur in Kassel, in: SehensWerte, Heft 4, Besuchermagazin der Verwaltung der Staatlichen Schlösser und Gärten Hessen, Bad Homburg, 2008, p. 30.
  • Michael Karkosch, Zurückgelassen in der Heimat, Erdmann – Lieblingsteckel Seiner Majestät, in: SehensWerte, Heft 4, Besuchermagazin der Verwaltung der Staatlichen Schlösser und Gärten Hessen, Bad Homburg 2008, p. 35.
  • Siegfried Hoß, Kaiserliche Farbenpracht – neu entfacht!, in: SehensWerte, Heft 4, Besuchermagazin der Verwaltung der Staatlichen Schlösser und Gärten Hessen, Bad Homburg, 2008, p. 42.
  • Marianne Bolbach, Geschichte und soziale Bedeutung des Bergparks Wilhelmshöhe, Kassel, 1988.
  • Paul Heidelbach, Die Geschichte der Wilhelmshöhe, Leipzig 1909, Nachdruck, hrsg. v. Dieter Carl, Vellmar, 2005.
  • Alfred Hoffmann und Herrmann Mielke. Kassel – Schlosspark Wilhelmshöhe – Bäume und Sträucher, hrsg. v. d. Verwaltung der Staatlichen Schlösser und Gärten Hessen, Bad Homburg, 1994.
  • Jutta Korsmeier, Wasserkünste im Schlosspark Wilhelmshöhe, hrsg. v. d. Verwaltung der Staatlichen Schlösser und Gärten Hessen, Bad Homburg u Regensburg, 2000, ISBN 3-7954-1287-0.
  • Helmut Sander, Das Herkules-Bauwerk in Kassel-Wilhelmshöhe, Kassel, 1981.
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Bergpark Wilhelmshöhe". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.
  2. ^ "Museumslandschaft Hessen Kassel". web.archive.org. 2015-06-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-06-19. Miġbur 2022-08-27.
  3. ^ "3 Orte in Deutschland mit kulturellem Wert - Kulturportal Hessen" (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-08-27.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sites in Germany and Italy bring to 19 the number of sites inscribed on the World Heritage List this year". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.
  5. ^ "Herkulesbauwerk Kassel - bei TORKRET GmbH" (PDF).