Banská Štiavnica

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Banská Štiavnica
 Slovakkja
Amministrazzjoni
Historical countryL-Ewwel Repubblika Ċekoslovakka
Stat sovranSlovakkja
Region of SlovakiaReġjun ta' Banská Bystrica
District of SlovakiaDistrett ta' Banská Štiavnica
Isem uffiċjali Banská Štiavnica
Selmecbánya
Schemnitz
Selmecbánya
Schemnitz
Ismijiet oriġinali Banská Štiavnica
Kodiċi postali 969 01
Ġeografija
Koordinati 48°27′31″N 18°53′35″E / 48.4586°N 18.8931°E / 48.4586; 18.8931Koordinati: 48°27′31″N 18°53′35″E / 48.4586°N 18.8931°E / 48.4586; 18.8931
Banská Štiavnica is located in Slovakia
Banská Štiavnica
Banská Štiavnica
Banská Štiavnica (Slovakia)
Superfiċjenti 46.38 kilometru kwadru
Għoli 621 m
Fruntieri ma' Žiar nad Hronom
Demografija
Popolazzjoni 9,628 abitanti (1 Jannar 2021)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni 1156 (Gregorian)
Kodiċi tat-telefon 045
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Hünenbergu Székesfehérvár
banskastiavnica.sk…

Banská Štiavnica (pronunzja bis-Slovakk: [ˈbanskaː ˈʂcɪɐʋɲitsa]; bil-Ġermaniż: Schemnitz; bl-Ungeriż: Selmecbánya (Selmec), pronunzja: [ˈʃɛlmɛd͡zbaːɲɒ]) huwa raħal fis-Slovakkja ċentrali, fin-nofs ta' krater enormi maħluq miċ-ċediment ta' vulkan antik. Minħabba d-daqs tiegħu, il-krater huwa magħruf bħala l-Muntanji ta' Štiavnica. Banská Štiavnica għandu popolazzjoni ta' iktar minn 10,000 ruħ. Huwa raħal Medjevali li ġie ppreservat għalkollox. Minħabba l-valur storiku tagħhom, ir-raħal u l-inħawi tal-madwar tiegħu tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-11 ta' Diċembru 1993.[1]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Id-destin ta' Banská Štiavnica kien marbut mill-qrib mal-isfruttament tar-riżorsi abbundanti tiegħu ta' minerali tal-fidda. Skont evidenza mill-iskavi, is-sit ġie insedjat matul in-Neolitiku.

L-ewwel insedjament li wettaq xogħol tal-estrazzjoni ġie stabbilit miċ-Ċeltiċi fis-seklu 3 Q.K. X'aktarx ġie okkupat mit-tribù Ċeltika tal-Cotini. Awturi Rumani semmew l-attivitajiet tal-estrazzjoni tat-tribù tal-Cotini li kienu jgħixu fis-Slovakkja ċentrali attwali sa ma ġew deportati lejn il-Pannonja fil-Gwerer Markomanniċi minn Ruma. Is-sit ġie insedjat ukoll minn Slavi bikrin u fis-sekli 10 u 11 kien hemm insedjament iffortifikat Slovakk. Is-sit kien jissejjaħ terra banensium (l-art tal-minaturi) diġà mill-1156. Il-popolazzjoni lokali tat l-isem Štiavnica (nixxiegħa aċiduża) lill-insedjament fil-wied, u l-insedjament ta' fuq l-għolja Ligotavá hora jew Glanzenberg (il-muntanja li tleqq) kienet tissejjaħ Bana (minjiera). L-isem komuni uniku Schebnyzbana ġie ddokumentat għall-ewwel darba fl-1255. Flimkien mal-popolazzjoni Slavika lokali ngħaqdu insedjaturi Ġermaniżi bil-ħiliet fis-seklu 13. Dawn adattaw l-isem lokali għall-isem Ġermaniż Schemnitz. Banská Štiavnica kiseb l-istatus ta' raħal irjali fl-1238, bħala wieħed mill-ewwel irħula fir-Renju tal-Ungerija.

Fil-qalba u fl-aħħar tal-Medju Evu, ir-raħal kien il-produttur prinċipali tal-fidda u tad-deheb fir-Renju tal-Ungerija. Matul il-Gwerer Ottomani, it-Torok għamlu sforzi kbar biex jaħkmu l-irħula sinjuri li kellhom il-minjieri fin-naħa ta' fuq tar-Renju tal-Ungerija (Banská Štiavnica, Banská Bystrica u Kremnica). Fis-seklu 16, din it-theddida ġdida wasslet biex f'Banská Štiavnica jinbnew fortifikazzjonijiet qawwijin, inkluż żewġ kastelli. Bħala wieħed mill-iżjed ċentri importanti tar-Riformazzjoni tal-Protestantiżmu fil-pajjiż, ir-raħal kien parti mil-"Lega Protestanta tas-Seba' Rħula tal-Minjieri" flimkien ma' Banská Belá, Banská Bystrica, Kremnica, Ľubietová, Nová Baňa u Pukanec.

Ir-raħal kien ukoll ċentru ewlieni ta' innovazzjoni fl-industrija tax-xogħol tal-estrazzjoni. Fl-1627, intużaw il-porvli f'minjiera għal waħda mill-ewwel drabi fid-dinja (wara Le Thillot, Franza). Fis-seklu 18, ix-xjenzati lokali Jozef Karol Hell, Maximilian Hell u Samuel Mikovíny iddisinjaw u bnew sistema sofistikata ta' ġibjuni u ta' kanali tal-ilma, magħrufa bħala tajchy, sabiex jitbattal l-ilma mill-minjieri mgħerrqa. It-tajchy mhux biss salvat il-minjieri milli jingħalqu, talli pprovdiet ukoll l-enerġija għall-fażi bikrija ta' industrijalizzazzjoni.

L-Akkademja tax-Xogħol fil-Minjieri u l-Forestrija.

L-Akkademja tax-Xogħol fil-Minjieri tar-raħal, stabbilita hemmhekk fl-1735 minn Samuel Mikovíny, kienet l-ewwel skola tax-xogħol fil-minjieri fir-Renju tal-Ungerija. Mill-1763, il-Hofkammer fi Vjenna bl-appoġġ mir-Reġina Marija Tereża, ittrasformat l-iskola fl-Akkademja tax-Xogħol fil-Minjieri.[2] Fl-1807, Istitut tal-Forestrija ġie "stabbilit permezz ta' deċiżjoni tal-Imperatur Franz I"; fl-1848 l-istitut beda jissejjaħ l-Akkademja tax-Xogħol fil-Minjieri u l-Forestrija, prattikament "l-ewwel università teknika fid-dinja".[3] Fl-1919, wara l-ħolqien taċ-Ċekoslovakkja, l-Akkademja ġiet ittrasferita lejn Sopron fl-Ungerija. It-tradizzjonijiet tal-istudenti tal-Akkademja (it-tradizzjonijiet skolastiċi ta' Selmec) għadhom ħajjin fis-suċċessuri tagħha, l-Università ta' Miskolc u l-Università Slovakka tat-Teknoloġija fi Bratislava, kif ukoll fil-kulleġġi f'Sopron, f'Székesfehérvár u f'Dunaújváros.[4]

Fl-1782, Banská Štiavnica kien it-tielet l-ikbar raħal fir-Renju tal-Ungerija (bi 23,192 abitant jew b'40,000 abitant jekk jiġu inklużi s-subborgi), wara Pozsony (illum il-ġurnata Bratislava) u Debrecen. Iżda l-iżvilupp tar-raħal kien marbut wisq mill-qrib mal-attività tal-estrazzjoni li progressivament kienet qed tmajna mit-tieni nofs tas-seklu 19. Illum il-ġurnata, Banská Štiavnica huwa ċentru importanti għar-rikreazzjoni u għat-turiżmu, bis-saħħa tal-wirt storiku rikk tiegħu.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, Banská Štiavnica ttieħed mit-truppi Sovjetiċi tat-53 Armata fis-7 ta' Marzu 1945.[5]

Attrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Mafkar tal-Akkademja tax-Xogħol fil-Minjieri u l-Forestrija.

Il-qalba tar-raħal hija l-Pjazza storika tat-Trinità (bis-Slovakk: Trojičné námestie) iddominata minn kolonna monumentali tal-pesta. Il-pjazza tintuża spiss għal avvenimenti kulturali u fiha hemm ukoll mużew mineraloġiku. Fir-raħal hemm żewġ kastelli, l-hekk imsejjaħ "l-antik" (bis-Slovakk: Starý zámok) u "l-ġdid" (bis-Slovakk: Nový zámok), li ġew ittrasformati f'mużewijiet.

Il-Kastell l-Antik.

Il-mużew tal-estrazzjoni fil-beraħ joffri eskursjoni taħt l-art twila 1.5 km (0.93 mili) f'minjieri li jmorru lura għas-seklu 17. Il-viżitaturi jingħataw elmi, ġagagi u lampi biex jużawhom waqt l-eskursjoni.[6] Wieħed jista' jitlob bil-quddiem għal gwida bl-Ingliż, bil-Ġermaniż jew bl-Ungeriż. Minjiera antika oħra li hija miftuħa għall-pubbliku (bis-Slovakk: Glanzenberg) hija saħansitra eqdem. Din il-minjiera, li tinsab eżatt taħt iċ-ċentru tar-raħal, attirat bosta viżitaturi famużi fl-imgħoddi, mill-Imperatur Josef II għall-Prinċep Albert ta' Monaco.

Ir-raħal huwa mdawwar b'ġibjuni artifiċjali antiki tal-ilma msejħa tajchy li kienu jintużaw għax-xogħol tal-estrazzjoni. Bejn is-sekli 15 u 18 inbnew sittin ġibjun sabiex jipprovdu l-enerġija għall-industrija tal-estrazzjoni li kienet qed tikber ġmielha dak iż-żmien. Il-ġibjuni huma kkollegati permezz ta' network ta' kanali twal iktar minn 100 kilometru (62 mil). Dawn il-monumenti storiċi straordinarji issa jintużaw l-iktar għar-rikreazzjoni.

Il-Muniċipju.

Knejjes[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Kalvarju ta' Banská Štiavnica hemm kumpless ta' knejjes u kappelli qrib Ostry vrch li nbnew fis-seklu 18 mill-Ġiżwiti.

Demografija[immodifika | immodifika s-sors]

Banská Štiavnica għandha popolazzjoni ta' 10,674 ruħ (skont iċ-ċensiment tal-31 ta' Diċembru 2005). Skont iċ-ċensiment tal-2001, 93.9 % tal-abitanti kienu Slovakki u 2 % kienu Rom. Bosta nies huma dixxendenti tal-Ġermaniżi mill-Karpazji, li kellhom rwol importanti ħafna fl-istorja Medjevali tar-raħal. Il-kompożizzjoni reliġjuża tar-raħal hi: 65 % Kattoliċi Rumani, 18.9 % mingħajr affiljazzjoni reliġjuża, u 7.6 % Luterani.[7]

Ġemellaġġ[immodifika | immodifika s-sors]

Banská Štiavnica hija ġemellata ma':

Waħda mill-knejjes ewlenin tal-Kalvarju ta' Banská Štiavnica.

Nies notevoli[immodifika | immodifika s-sors]

Riżorsi ġenealoġiċi[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-rekords għar-riċerka ġeneoloġika huma disponibbli fl-arkivju statali Statny Archiv f'Banska Bystrica, is-Slovakkja.

  • Rekords tal-Knisja Kattolika Rumana (twelid/żwieġ/mewt): 1627-1892 (paroċċa A);
  • Rekords tal-Knisja Luterana (twelid/żwieġ/mewt): 1594-1925 (paroċċa A).

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Raħal Storiku ta' Banská Štiavnica u l-Monumenti Tekniċi fil-Qrib ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Town of Banská Štiavnica and the Technical Monuments in its Vicinity". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-30.
  2. ^ Skont il-mafkar fiċ-ċentru tar-raħal (ara l-istampa iktar 'l isfel fuq ix-xellug).
  3. ^ "UNESCO Treasury". www.cestaunesco.sk. Miġbur 2023-03-31.
  4. ^ Bratislava, S. T. U. "The history". www.stuba.sk (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-31.
  5. ^ "Освобождение городов". www.soldat.ru. Miġbur 2023-03-31.
  6. ^ "Banské múzeum v prírode | Slovenské banské múzeumSlovenské banské múzeum". web.archive.org. 2017-11-29. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-11-29. Miġbur 2023-03-31.
  7. ^ "Statistika". web.archive.org. 2007-05-13. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-11-16. Miġbur 2023-03-31.