Aqbeż għall-kontentut

Auguste Rodin

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Auguste Rodin
Ħajja
Isem propju René François Auguste Rodin
Twelid Pariġi, 12 Novembru 1840
Nazzjonalità Franza
Mewt Meudon (en) Translate, 17 Novembru 1917
Post tad-dfin Villa des Brillants (en) Translate
Meudon (en) Translate
Familja
Missier Jean Baptiste Rodin
Omm Marie Cheffer
Konjuga/i Rose Beuret Mignon (en) Translate  (29 Jannar 1917 -
Koppja/i Camille Claudel (mul) Translate
Gwen John
Edukazzjoni
Alma mater École nationale supérieure des arts décoratifs (en) Translate
Lingwi Franċiż
Għalliema Albert-Ernest Carrier-Belleuse (mul) Translate
Horace Lecoq de Boisbaudran (mul) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni skultur
disinjatur
fotografu
pittur
tipografu
Parteċipant
Post tax-xogħol Brussell
Meudon (en) Translate
Pariġi
Ruma
Dordrecht (en) Translate
Londra
Buenos Aires
Xogħlijiet importanti Il-Ħassieb
L-età tal-Bronż
Il-Borgiżi ta' Calais
Il-Bieb tal-Infern
Amor u Psike
The Kiss (en) Translate
Monument to Balzac (en) Translate
Premjijiet
Influwenzat minn Mikelanġlu
Jean-Baptiste Carpeaux (mul) Translate
Sħubija Accademia delle Arti del Disegno (en) Translate
Moviment arti moderna
Simboliżmu
Moviment artistiku ritratt
allegorija
figure (en) Translate
nudu artistiku
public art (en) Translate

François-Auguste-Rodin René (Pariġi, 12 ta' Novembru 1840 – Meudon, 17 ta' Novembru 1917) kien skultur Franċiż, wieħed mill-iskulturi l-aktar importanti tat-tieni nofs tas-seklu 19.

Aguste Rodin twieled Pariġi f'kwartier tal-klassi tal-ħaddiema, qrib il-Kwartier Latin – nru 3, Rue de l'Arbalète. Missieru, Jean-Baptiste Rodin, minn Normandija, imwieled f'Yvtot, kien skrivan meta twieled ibnu, u wara laħaq spettur fil-Prefettura tal-Pulizija. Ommu, Marie Cheffer, kienet minn Lorraine. Jidher li l-familja kienet magħquda u reliġjuża ħafna. Rodin kien l-iżgħar minn żewġ ulied. Oħtu, li kienet sentejn ikbar minnu, daħlet soru, imma mietet fl-1862 wara marda qasira. Lil oħtu kien iħobbha ħafna u mewtha ġabitlu ħafna niket u tbatija. Minkejja li l-familja ma kinetx tat-tajjeb, it-tfal kienu edukati b'attenzjoni kbira, it-tifla f'kunvent u Auguste l-ewwel fi skola tal-patrijiet fil-kwartier ta' Val-de-Grâce u wara fil-belt ta' Beauvais fi skola li kien waqqaf zijuh, bniedem kolt ħafna li ħa t-tagħlim bħala professjoni u rnexxielu joħloq pożizzjoni interessanti għalih innifsu. Auguste baqa' ma' zijuh sakemm għalaq 14-il sena.

Kien jidher ċar minn kmieni li t-tifel kien jinqala' ħafna fid-disinn u għalhekk missieru bagħtu l-iskola tad-disinn u l-matematika f'Rue de l'École de Médicine. Din l-istituzzjoni kienu jsibuha bħala "l-iskola ż-żgħira", biss jiddistingwuha mill-iskola tal-Belle Arti uffiċjali; l-għan tagħha kien li teduka ż-żgħażagħ li kienu ħa jaħdmu fl-industriji artistiċi. Sa hemm kienet tasal l-ambizzjoni għat-tifel dak iż-żmien. Id-direttur tal-iskola kien wieħed jismu Belloc, imma kien hemm ukoll professur, Lecocq de Boisbaudran, li għamel isem kbir mhux bħala artista imma bħala għalliem, għax ħoloq sistema notevoli għat-tagħlim tad-disinn permezz tat-tħarriġ tal-memorja u b'hekk għen biex jifforma għadd ta' artisti famużi[1]. Fost l-istudenti tiegħu kien hemm Fantin-Latour, Cazin, Legros, Lhermitte u l-iskultur Dalou. Kien hemm ukoll professur ieħor jismu Fort, li wkoll kellu influwenza kbira fuq iż-żagħżugħ Rodin, li infatti żmien wara stqarr li l-vokazzjoni tiegħu kien jafha lilu. Iż-żaghżugħ studja wkoll fl-iskola ta' Gobelins, fejn kien hemm professur jismu Lucas li lejh esprima l-istess gratitudni. Bla dubju li dawk in-nies skoprew fiż-żagħżugħ studjuż u akkanit il-kwalitajiet li jagħmlu artista. Meta x-xeħta tiegħu bdiet tidher ċara, ġie deċiż min-nies ta' madwaru li kien hemm bżonn li jieħu parir minn skultur jismu Maindron li dak iż-żmien kellu fama konsiderevoli. Il-verdett tiegħu kien favorevoli u ż-żagħżugħ Rodin applika biex jidħol fl-École des Beaux-Arts. Ġie rrifjutat tliet darbiet.

Imbagħad għal xi snin kien jaqla' x'jgħix billi jaħdem f'bosta snajja’ li kellhom x'jaqsmu ftit jew wisq mal-professjoni tal-iskultur – jagħmel il-forom, l-ornamenti u l-induratura u affarijiet oħra, u l-ħin kollu kien qiegħed jiġbor esperjenza prezzjuża għall-karriera tiegħu ta' artista. Meta kellu tlieta u għoxrin sena, Rodin imġiegħel min-niket tal-mewt tal-maħbuba oħtu, ħa l-voti reliġjużi u daħal fil-monasteru tal-Ewdisti fil-Faubourg Saint Jacques. Din il-ħeġġa spiritwali però ma damitx wisq, u ħames jew sitt xhur wara reġa' mar lura d-dar. Ftit wara ltaqa' ma' Rose Bueret li kienet is-sieħba tiegħu għal ħajtu kollha u mietet ftit xhur biss qablu.

L-Età tal-Bronż (Alte Nationalgalerie, Berlin)

Fl-1886 Rodin beda jieħu l-lezzjonijiet mingħand Barye[2], l-iskultur tal-annimali li kien artista ammirevoli ta' qawwa kbira, imma jgħidu li bħala għalliem ma tantx kellu ħeġġa. Imbagħad mar jaħdem fl-istudju ta' Carrier-Belleuse, skultur ieħor ta' talent kbir, student ta' David d'Angers, u baqa' assistent miegħu għal xi sitt snin. Imma minkejja li Rodin kien isejjaħ lilu nnifsu student taż-żewġ artisti, biex jissodisfa r-regoli tas-Salon, fil-każ tal-ewwel wieħed kien jattendi biss il-lezzjonijiet tiegħu ta' filgħaxija u fil-każ tal-ieħor kien lavrant miegħu. Sa dak iż-żmien ftit hemm xogħlijiet magħrufa ta' Rodin, ħlief xi ordnijiet kummerċjali, bħall-karjatidi tat-teatru Gobelins, il-fuklar tat-teatru Gaîté, ir-riljievi dekorattivi fis-Salle de Rubens tal-Mużew tal-Louvre, eċċ. Hemm bust ta' missieru li skont il-leġġenda tal-familja għamlu meta kellu sbatax-il sena, imma Rodin innifsu qal li kien għamlu xi sena jew sentejn qabel ix-xogħol li jmiss – il-bust ta' Patri Eymard, is-superjur tas-Societas Sanctissimi Sacramenti, li ż-żagħżugħ sar miġbud ħafna lejh fil-ftit żmien li għamel fil-monasteru. Id-data ta' dan ix-xogħol kienet l-1863. Ma niskantawx li dan il-qassis serju, li Rodin dejjem baqa' jiftakru bil-ġieħ, malajr induna li l-vokazzjoni vera taż-żagħżugħ ma kinetx fil-kjostru. Sablu studju u wara ftit bil-ħlewwa kollha ħeġġu biex ibiddel ħsiebu u jmur id-dar. Il-bust juri l-qawwa tal-osservazzjoni li kellu Rodin, il-fedeltà lejn in-natura u kemm kien jifhimha. It-tielet xogħol kien il-famuż Raġel bi mnieħru miksur, li bagħat lis-Salon u li ġie rifjutat.[3]

Matul l-assedju ta' Pariġi Rodin baqa' fil-belt u daħal suldat fil-Gwardja Nazzjonali. Imma fi Frar 1871, inħass li minħabba li ma kienx jara mill-bogħod ma kienx adattat għas-servizz militari[4] u mar ma' Carrier-Beleuze il-Belġju, bil-ħsieb li jkompli jaħdem miegħu. Imma kien hemm xi tilwim jew nuqqas ta' qbil bejniethom, u Rodin ħallieh u mar mal-iskultur Belġjan Van Rasbourg, li kompla d-dekorazzjoni tal-Borża ta' Brussell li kien beda l-iskultur Franċiż u ħadem ukoll fuq il-Palais des Académies. Ħadem ukoll għal rasu, u fl-1875 (is-sena meta wera żewġ busti aktarx timidi fis-Salon), wara li kien warrab biżżejjed flus, wettaq ambizzjoni li kienet ilha fih li jmur l-Italja biex jistudja x-xogħlijiet ta' Donatello u Mikelanġlu. Imma l-finanzi naturalment ma kinux wisq u ma damx fit-tul. Qatta' l-parti l-kbira taż-żmien Firenze u Ruma, imma żar ukoll Venezja u Napli. Reġa' lura b'entużjażmu kbir mimli bl-influwenza taż-żewġ imgħallmin kbar tal-iskultura.[5]

L-ewwel xogħlijiet kbar u l-ewwel suċċess

[immodifika | immodifika s-sors]
San Ġwann Battista (Mużew ta' Orsay)

Ix-xogħol ta' Rodin li jmiss kien influwenzat ħafna minn Donatello, imma kien oriġinali biżżejjed li lill-iskultur għamlu famuż minnufih u qajjem kontroversja sħiħa. Din kienet l-istatwa li l-ewwel kienet magħrufa bħala 'Il-bniedem iqajjem in-Natura', issa magħrufa bħala L-Età tal-Bronż[6]. Xi wħud mill-kollegi tiegħu u mill-kritiċi stqarru li kienu jaraw il-qerq fiha, u akkużawh li kien ħa forma min-natura. Dan wassal għall-ewwel skandlu tal-karriera ta' Rodin (kien hemm bosta oħrajn warajh), u għadd ta' skulturi u pitturi ffirmaw protesta kollettiva biex jiddefenduh. L-Istat ftit wara patta għall-offiża billi kiseb l-istatwa tal-bronż u ta midalja tat-tielet klassi lill-iskultur żagħżugħ.[6] L-Istat wara ftit żmien akkwista wkoll l-istatwa tiegħu ta' San Ġwann Battista, li tqegħdet fil-ġnien ta' Lussemburgu. Minħabba dawn iż-żewġ xogħlijiet għamel ħafna ħbieb ġodda kemm fid-dinja artistika kif ukoll fost l-intellettwali. Madwar dan iż-żmien Rodin kien qiegħed jaħdem fuq id-dekorazzjoni tal-Palazz Trocadéro f'Pariġi (dan kien twaqqa' minħabba l-Wirja Internazzjonali tal-1937) mal-iskultur Legrain u mmudella għadd ta' busti tat-terrakotta fl-istil u l-manjiera tas-seklu 18.[7] Imbagħad is-sottosegretarju għall-Belle Arti, bħala amende honorable għat-tmaqdir li kien ġarrab, offrielu li jagħżel ordni tal-istat kif xtaq hu. Rodin, li kien għadu mħeġġeg mill-istudji tal-iskultura Taljana, talab li jħalluh iwettaq bieb għall-Mużew tal-Arti Dekorattiva li kellu jinbena, u ispirat minn Dante, għażel bħala suġġett "Il-Bieb tal-Infern".

Fl-1877 Rodin mar lura Pariġi, biex joqgħod hemm għalkollox, wara li għamel dawra ma' Franza biex iżur il-katidrali. Kienet waħda minn ħafna żjarat għax bħall-predeċessur kbir tiegħu Mikelanġlu, Rodin kellu interess profond fl-arkitettura tal-katidrali u bini ieħor. Kien hemm xi żmien meta kien joħlom li jsir perit u matul il-vjaġġi tiegħu kien iħobb jistudja d-dettalji arkitettoniċi, iħażżeż skizzi u jieħu n-noti. Fis-sena 1910 ġie ppubbikat il-ktieb tiegħu Les Cathédrales de France, Il-Katidrali ta' Franza, illustrat bit-tpinġijiet tiegħu. Bħal xi wħud mill-predeċessuri tiegħu, miss bosta friegħi tal-arti u ibbrilla f'kollha – ritratti, veduti, inċiżjoni, u anki ċeramika; għaliex meta kien impjegat għal xi żmien fil-fabbrika statali tal-porċellana f'Sèvres (1879-92 ma' Carrier-Belleuse, l-imgħallem li kien ħadem taħtu xi żmien qabel) ħoloq bosta vażuni ta' min ifaħħarhom.[8] Il-vjaġġi tiegħu madwar Franza bħal dak ġo l-Italja, ħallew impressjoni profonda fih. Waqt żjara li għamel Marsilja biex jaħdem fuq il-Palazz tal-Belle Arti, flimkien ma' artista ieħor jismu Fourquet, kien impressjonat ħafna mis-sbuħija tat-tip Grieg tan-nisa tal-bliet Provenzali.

Il-Bieb tal-Infern

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Bieb tal-Infern (Mużew Rodin)

L-ordni għal il-Bieb tal-Infern ġiet ikkonfermata fl-1880, u Rodin beda jaħdem fuqu.[7] Din il-biċċa xogħol enormi okkupatu u ffaxxinatu għal 'il fuq minn għoxrin sena, u fuqha uża l-aspetti kollha tal-ġenju kbir tiegħu. Bħal fix-xogħlijiet l-oħra kollha tiegħu, il-karatteristika ewlenija tagħha hi l-ħajja tiċċaqlaq. Fiha xi 186 figura virili jew armonjuża fl-istati kollha ta' dieqa, biża' u senswalità.[9] L-istatwa famuża tal-Ħassieb (li għall-ewwel sejħilha l-Poeta) kellha tiddomina dawn ix-xeni varji kollha u tikkontemplahom. Għal żmien twil dan ix-xogħol kien dak li Rodin kien jaħli fuqu l-parti l-kbira tal-enerġija tiegħu; għamel mijiet ta' disinji u skizzi għalih. Aktar tard kien qisu xeba' minnu, jew mill-inqas beda jikkritika l-kunċetti tiegħu stess; u għal xi żmien użah bħala tip ta' għajn li minnu seta' jagħżel il-forom varji tax-xogħol tiegħu.[2] Infatti nistgħu ngħidu li l-figuri mimlijin passjoni kważi kollha ġew mill-Bieb. Imma fis-snin ta' wara reġa' beda jaħdem fuq din il-biċċa xogħol kbira u stinka biex ilestiha għal kollox fl-irħam u l-bronż. Però qatt ma tlestiet għalkollox.

Il-Borgiżi ta' Calais

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Borgiżi ta' Calais

F'xi l-1882 il-Gvern poġġa studju f'Rue de l'Université għad-dispożizzjoni ta' Rodin bla ħlas. Matul dawn is-snin Rodin wera għadd kbir ta' xogħlijiet fis-Salon – pereżempju, San Ġwann jippriedka, Il-Ħolqien tal-Bniedem, Ugolino u busti ta' J.P. Laurens, Legros, Dalou, Victor Ugo u oħrajn. Matul dawn is-snin li l-iskultur sar jaf lil-litterati eminenti ta' dak iż-żmien, bħal Alphonse Daudet u l-aħwa Goncours. Fl-1880 ikkompeta għall-monument tad-Difiża Nazzjonali li kien ħa jinbena f'Courbevoie, ħdejn il-bibien ta' Pariġi, fil-post fejn kienet saret reżistenza kbira mill-Franċiżi fl-1871, meta ġew megħluba. Ix-xogħol li daħħal għal din il-kompetizzjoni, Il-Ġenju tal-Gwerra, ma ntagħżilx għax il-membri tal-ġurija ħasbu li 'kien feroċi wisq'. Dan il-monument fl-1916 intgħażel minn kumitat Olandiż li xtaq joffri monument lill-belt ta' Verdun bħala tifkira tad-difiża erojka ta' dak il-post, li kellha sehem kbir fl-isforz biex jitfarrak l-attentat kontra l-libertà tal-umanità. Rodin ippreżenta x-xogħol lil kumitat li aċċetah bl-entużjażmu. Fl-1883 irċieva ordni għal statwa ekwestri tal-Ġeneral Lynch għall-Amerika t'Isfel. Fl-1884 il-belt ta' Calais fetħet kompetizzjoni għal monument li jfakkar lil Eustache de St Pierre, iċ-ċittadin storiku li ta l-imfietaħ tal-belt lir-re Ingliż. Rodin daħal għall-kompetizzjoni u minflok figura waħda wera l-eroj imdawwar minn ħamsa minn sħabu fl-isfortuna. L-ordni ngħatat lilu, imma mhux mingħajr problemi. Rodin beda jaħdem fuq il-proġett ispirat mill-kronaki tal-assedju miktubin minn Jean Froissart[10], u ddedika għalih għaxar snin ta' studju u ħidma. Il-monument li sar magħruf bħala Il-Borgiżi ta' Calais, ġie inawgurat fl-1895, u bħal l-iskuturi l-oħra tiegħu qajjem ħafna kritika u kontroversja. Dan hu wieħed mix-xogħlijiet l-iżjed magħrufin u mfaħħrin ta' Rodin.[10]

Ordnijiet u kontroversji

[immodifika | immodifika s-sors]
Monument lil Balzac, Musée Rodin

Ix-xogħliet kbar ta' Rodin kollha jew kważi kollha wasslu għal kontroversji akkaniti u kultant ħorox. Hekk kienet l-istatwa ta' Claude Lorrain li ħadem għal Nancy fl-1889, u twaqqfet fl-1892; Victor Hugo, li ġie rrifjutat mill-kummissjoni għax l-iskultur għamel figura bilqiegħda minnflok bilwieqfa, kif kien meħtieġ mid-disinn arkitettoniku. Però l-istatwa bilqiegħda tqegħdet fil-ġnien ta' Lussemburgu u l-Ministru ta' dak iż-żmien ordna waħda bilwieqfa għall-Pantéon. L-istess ġara fil-każ tal-monument tal-President Sarmiento tal-Arġentina għal Buenos Aires. Imma l-eħrex kontroversja minnhom kollha kienet dwar il-famuż monument ta' Balzac, li kien ordnat mis-Société de Gens de Lettres u ntwera fis-Salon tal-1898.[11] Is-soċjetà rrifjutat ix-xogħol u l-President, il-poeta Jean Aicard, kien tant diżgustat bid-deċiżjoni li rriżenja. L-istatwa ttieħdet lura fl-istudju ta' Rodin f'Meudon, u l-ordni ngħatat lil Falguière. F'Londra wkoll, il-kumitat li kien ordna minn Rodin monument ta' Whistler ma aċċettahx.[12]

Il-Bewsa (Ny Carlsberg Glyptotek)

Madankollu kien hemm dawk li għarfu u faħħru l-ġenju tal-artista, u dawn, Franċiżi jew barranin, kienu entużjasti. Fost ix-xhieda tal-apprezzament li kellu f'dan iż-żmien, insibu li fl-1886 grupp ta' ammiraturi ħallsu għal kolata ta' Il-Bewsa. Kritiċi bħal Gustave Geffroy u Octave Mirbeau appoġġawh bil-pinen tagħhom matul dan il-perjodu diffiċli. Ir-ritratti li għamel, bħalma qal Léonce Bénédite, li kien kuratur tal-Mużew Rodin, kienu biżżejjed biex jagħmlu famuż kwalunkwe artista – xogħlijiet bħal busti ta' Madame Rodin, Carrier-Belleuse, Dalou, Puvis de Chavannes, Henri Rochefort.

Għall-Ingilterra għamel il-busti ta' Henley, l-poeta, li dak iż-żmien kien editur tal-Magazine of Art, George Wyndham, Bernard Shaw, Lord Howard de Walden, Mrs Hunter, Lady Sackville, Lady Warwick u Miss Fairfax, Mr Kay u Mr Ryan. Kien minħabba l-inizjattiva u l-ġenerożita tar-raġel imsemmi l-aħħar li ġiet inawgurata l-kollezzjoni Rodin fil-Metropolitan Museum ta' New York.

Il-monument lil Bastien Lapage twaqqaf f'Damvillier (Meuse) fl-1889. F'dik is-sena matul il-Wirja Universali, għadd ta' xogħlijiet tiegħu ntwerew fil-gallerija Georges Petit f'Pariġi. Fosthom kien hemm il-Perseju u Gorgun u d-Danajde li kien għadu kif lesta u ħafna oħrajn. Ir-riżultat kien suċċess għall-iskultur. Fl-istess sena is-Société Nationale des Beaux-Arts, li fiha kellu pożizzjoni mlaħħqa żguratlu l-kariga tiegħu bħala kap ta' skola. Kien hemm wirja f'paviljun speċjali fil-Place de l'Alma fl-1900 li kienet għalih tassew trijonf. Il-fama li damet ma ġiet issa bdiet tiġri warajh. Kien hemm ġabra għall-Ħassieb fost l-ammiraturi tiegħu li tawha rigal lin-nies ta' Pariġi u fl-1906 tqegħdet quddiem il-Pantéon. Erba' riljievi magħmulin għall-Villa tal-Baruni Vitta f'Evian ntwerew fil-Mużew Luxembourg fl-1905. B'kollox 42 mix-xogħlijiet tiegħu ntwerew f'dan il-mużew.[13]

L-aħħar snin

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Ħassieb

L-unika passjoni kbira li imliet il-karriera ta' dan il-bniedem ta' ġenju tremend kienet ix-xogħol, u ħajtu kienet mimlija bih. Infatti bilkemm kien interrot ħlief b'xi ftit vjaġġi lejn il-Belġju, l-Ingilterra u Ruma. Fl-1903 mar Praga biex jattendi wirja tax-xogħol tiegħu. Ħajruh imur l-Amerka imma qatt ma seta' jiddeċiedi. Fis-snin ta' wara kien iddispjaċieh li qatt ma' kien mar il-Greċja. Fost ix-xogħlijiet aħħarin tiegħu insibu l-busti tad-Duc de Rohan u Georges Clemenceau, u tal-Papa Benedittu XV, li ħadem fl-1915 meta kien Ruma. L-aħħar xogħol kien il-bust ta' Etienne Clementel, il-Ministru tal-Kummerċ. Fl-1916 l-iskultur marad u spiċċa fis-sodda. Bil-mod fieq imma kellu jieqaf għalkollox mix-xogħol. Imbagħad beda jirranġa il-proprjetà artistika tiegħu u jorganizza l-Mużew Rodin. Martu mietet fis-17 ta' Frar 1917 u qatt ma rkupra minn din id-daqqa ta' ħarta. Rodin stess miet fis-17 ta' Novembru 1917. Indifen fil-ġnien tal-villa tiegħu f'Meudon, b'replika tal-Ħassieb fuq il-qabar.

Dak is-sajf kollu bilkemm ħareġ mill-villa tiegħu f'Meudon, fejn kien joqgħod ma' żewġ kuġini nisa li kienu jduru bih, Léonce Bénédite u xi żewġ ħbieb tal-qalb. Kultant, imma inqas u inqas, kien imur l-Hôtel Biron (il-Mużew Rodin) jew jiltaqa' ma' ftit ħbieb. Kien juri l-affezzjoni u jkun ferrieħi, kuntent bl-attenzjoni li kienu jagħtuh, iżda l-ispirtu kombattiv ta' qabel kien ħallieh.

Victor Hugo (musée des Beaux-Arts et d'archéologie de Besançon).

Rodin kien singolarment indifferenti għall-unuri tad-dinja, l-uniku unur li kien jixtieq kien ir-rikonoxximent tax-xogħol tiegħu. Qatt ma fittex l-unuri akkademiċi, imma kien japprezza ħafna l-approvazzjoni tal-ammiraturi barranin, u l-unuri li tawh l-istituzzjonijiet barranin, bħad-dottorat honoris causa mill-Università ta' Oxford.

Rodin bħalma ddeskrivieh ħabibu Camille Mauclair kien ta' statura medja, b'ras enormi fuq tronk massiv; imnieħer prominenti, daqna griża twila, u għajnejn żgħar ileqqu, b'ironija ħafifa li fihom wieħed kien jista' jara li ma kienx jara mill-bogħod. L-impressjoni ta' qawwa fil-bniedem kienet imsaħħa mill-mixja mżegilga mill-koxox, ħuġbejn imħassbin qishom tal-blat taħt xagħar oħxon imħabbel, l-imnieħer akwilin mgħaddam u d-daqna kbira. L-impressjoni, però, kienet parzjalment kontradetta mill-barma siekta ta' xufftejh, il-ħarsa ħafifa, li kienet fl-istess ħin penetranti, malizzjuża u inġenwa ("waħda mill-iżjed komplessi li qatt rajt", żied jgħid Mauclair), u fuq kollox mil-leħen maħnuq, immodulat bid-diffikultà u mħallat b'inflessjonijiet ta' ħoss baxx. Kien jidher mhux komplikat, preċiż, riżervat, ġentili u dħuli imma mhux iż-żejjed. Ftit ftit, il-mistħija tinbidel f'awtorità sempliċi u trankwilla. Ma kienx entużjasta ż-żejjed imma lanqas bla grazzja, u l-manjiera ġenerali tiegħu kienet aktarx imnikkta u spirata. Mill-ġesti kalmi u meqjusa kienet qisha toħroġ enerġija immensa. Il-mod kif kien jitkellem bil-mod u qisu mistħi u l-pawżi fi kliemu kienu jagħtuh sinifikat speċjali.[14]

Quddiem wieħed mix-xogħlijiet tiegħu, Rodin kien jispjegah b'mod ellettiku imma ċar. Kien jgħid biss dak li kien meħtieġ u jispiċċa l-kliem b'ġest. Kien iħares lejn il-kreazzjonijiet tiegħu bl-imħabba, u kultant kien qisu jiskanta u jitħasseb bl-idea li kien ħalaqhom hu, jitkellem fuqhom qisu jeżistu apparti minnu. Ftit ftit, taħt is-sempliċità ta' Rodin bdew jidhru kwalitajiet li qabel kienu moħbija; kien ironiku, senswali, nervuż u kburi. Fih kienu jinstabu flimkien il-passjonijiet li esprima b'grandjożità hekk imħassba, u wieħed jista' jibda jifhem ir-rabta sigrieta bejn dan il-bniedem u l-arti li żvela. Kien moderat fl-espressjoni tal-ideat u l-opinjonijiet tiegħu u ta' ftit kliem man-nies. Kien jagħti l-impressjoni li ried jeħles malajr mid-dmirijiet soċjali. Kien kapaċi ħafna ta' ħbiberija li kien jillimita għal fehma taċita tas-suġġetti essenzjali tal-ħsieb; kellu inqas fiduċja fl-individwi milli fl-ideat ġenerali. Billi kien iddedikat daqshekk għal xogħlu, l-affarijiet l-oħra kienu jxebbgħuh, imma ma kienx juri, u kien jistmerr id-diskussjonijiet jew li jiġi ddisturbat.

L-artisti ħżiena ma kienx jagħti kashom – ma kienx jikkritikahom. Issaporta d-diskussjonijiet ħarxa u l-kritika inġusta kollha kontra x-xogħol tiegħu mingħajr ma qatt qal xejn, għax kien kburi wisq biex jiddiskuti l-kwistjoni. Meta kienet għaddejja l-kontroversja dwar Balzac, sħabu tawh parir biex jiġġieled, billi l-kundizzjonijiet tal-kuntratt kienu kollha favurih. Imma rringrazzjahom tal-parir li tawh u ħa lura l-istatwa mingħajr ma tniffes.

Dan mhux għax kien dgħajjef, għax ħajjet Rodin kienet waħda iebsa. Kien ġej mid-dinjità li kellu ġewwa fih u mill-indifferenza għal-fażijiet tranżitorji tal-ħajja. Kien hemm ftit affarijiet li jinteressawh, imma dawk il-ftit kien jinteressa ruħu fihom ħafna. Ftit kien jaqra imma kellu ammirazzjoni profonda għal ċertu kittieba. Wieħed minn dawn kien Baudelaire. Kellu passjoni għall-mużika, l-iżjed ta' Gluck, imma qatt ma kien jitkellem fuqha.

Kien jissemplifika kollox f'ħajtu u jobgħod kollox li ma kienx meħtieġ. Meta tkun sirt tafu sewwa kien isir impossibli li tifirdu minn xogħlu. L-istatwi tiegħu kienu l-istati ta' ruħu. Is-sigriet tal-hena għalih kien ix-xogħol imwettaq bl-imħabba, u l-moralità tiegħu kienet li tħobb il-ħajja u l-għamliet naturali, u li ma tagħmel xejn li jgħaddab il-liġijiet tan-natura. Kien jidher iżolat fi żmienu kemm minħabba l-ġenju tiegħu kif ukoll minħabba l-karattru tal-kunċett artistiku tiegħu, imma fil-verità dan l-iżolament kien biss minn barra. Wara snin sħaħ jitħabat mat-tmaqdir u n-nuqqas ta' interess fix-xogħol tiegħu, kien sar imgħallem li l-artisti ż-żgħażagħ kienu jammiraw. Kif qal l-artista Pierre Roche, kien:[15]

"fetaħ tieqa vasta fid-dar imdallma tal-iskultura moderna, u l-iskultura li kienet arti timida u kompromessa, għamilha waħda awdaċi u mimlija tama".

Ix-xogħol ta' Rodin

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-Dell (Musée de l'Orangerie)

Ix-xogħol kien il-liġi li gvernat il-ħajja ta' Rodin, u l-karriera tiegħu kienet sforz twil wieħed. Qatt ma kien hemm bniedem li ħadem daqshekk, u ftit hemm nies li għandhom idea tal-produttività vasta matul il-ħajja twila tiegħu. Kellu passjoni ta' ġenju, xewqa insazjabbli li joħloq u paċenzja ta' patri tal-Medjuevu. Lejn l-aħħar ta' ħajtu stqarr li kien għadu kemm beda jifhem ir-regoli tal-iskultura. Kien sikwit ikkritikat u rredikolat dwar it-tul taż-żmien li kien jieħu fuq ix-xogħol tiegħu; imma dan kien ġej minn fittaġni żejda. "Xogħol, anki meta jkun lest qatt mhu perfett" kien jgħid. Kien ħa ħames snin jimmudella l-figuri taż-żewġ nisa li jirrappreżentaw il-Mużi fl-istatwa ta' Victor Hugo. Fuq l-istatwa ta' Balzac ħa seba' snin u meta kienet ħa tħalli l-istudju tiegħu kien qiegħed jiddispjaċieh li ma setax iżommha għandu ftit żmien ieħor biex iżid xi daqqiet li kien jaħseb li kienu ħa jgħinu biex jagħmluha perfetta. Kien iwissi l-ħaddiema żgħażagħ biex ma jemmnux fl-ispirazzjoni u kien jgħidilhom li ma jistgħu jwettqu xejn tajjeb ħlief bix-xogħol iebes. Aktar tard infatti kien x'aktarx inklinat li ma tantx jistma s-sehem tal-ispirazzjoni fix-xogħol artistiku, u l-idea kien isejħilha “ħolma”. Ix-xogħol kien għalih tassew reliġjon. Imma l-ispirazzjoni kienet tirrappreżenta xi ħaġa oħra għal Rodin; kien iħobb iżomm xogħol ħdejh biex ikun jista' jikkomtemplah għal żmien twil wara li oħrajn kienu jqisuh lest, u jagħmel xi tibdiliet 'l hawn u 'l hemm malli jiġuh f'rasu ideat kif jista' jagħmlu aħjar. Qabbluh ma' wieħed minn dawk il-ħaddiema tal-Medjuevu li ma nafux isimhom li qattgħu ħajjithom kollha jnaqqxu l-figuri fil-katidrali; imma fil-wisa' ġenerali tal-karattru tiegħu u l-affinitajiet tiegħu kien dixxendent tal-Griegi, bin-naturaliżmu tal-Griegi magħqud ma' sentiment reliġjuż profond.

Qatt ma kien hemm artista ieħor li fehem il-kundizzjonijiet tal-materja jew il-liġijiet tal-plastika daqs Rodin. Għal żmien twil, kif qal hu stess, kien jaħsibha jmurx lejn l-influwenza ta' Mikelanġlu jew ta' Fidja, in-nisrani u l-pagan – l-espressiv u l-plastiku. Il-fideltà tiegħu spiċċat bejn il-Grieg u l-Gotiku. "Imxi man-natura", kienet ir-regola tiegħu matul ħajtu kollha. Kien permeat profondament bil-misteru tan-natura u l-freskezza tal-arti tal-antiki.

Ma kienx jammetti li hemm il-kruha fin-natura. Kien jgħid:

"Dik li s-soltu tissejjaħ kruha fin-natura, fl-arti tista' ssir sbuħija kbira".

Darba dan spjegah hekk:

"Billi hi sempliċiment il-qawwa tal-karattru li tagħmel is-sbuħija fl-arti, sikwit jiġri li iżjed ma ħlejqa tkun kerha fin-natura, iżjed ma tkun sabiħa fl-arti. Fl-arti dawk il-ħwejjeġ biss li huma bla karattru huma koroh – bħal dawk li m'għandhomx sbuħija minn barra jew minn ġewwa. Għall-artista li jistħoqqlu dak l-isem, fin-natura kollox sabiħ, għaliex għajnejh waqt li jaċċettaw bil-kuraġġ dak li jaraw minn barra, jaqraw il-verità ġewwiena bħal f'ktieb miftuħ. Dak li hu ikrah fl-arti hu l-falz u l-artifiċjali – dak li jipprova jkun ħelu jew anki sabiħ mingħajr ma jkun espressiv".

Fi kliem ieħor, dak li hu affettat, għall-wiri, mingħajr ruħ u verità. Li taħbi jew tnaqqas il-fatti tan-natura biex togħġob dawk li ma jifhmux, għalih kien ix-xogħol ta' artista inferjuri. Wieħed jara fix-xogħlijiet tiegħu bħal 'San Ġwann' (raħħal sempliċi, imma ispirat, b'ħalqu miftuħ) u fil-'Borgiżi ta' Calais' (irġiel goffi sempliċi għerwenin barra l-ilbies tal-ixkora, li ma għandhom xejn erojku la f'wiċċhom u lanqas f'qagħdithom) kemm jinsisti bil-qawwa fuq l-interpretazzjoni assoluta tan-natura, waqt li jirrifjuta li jċedi ebda ħaga lill-ideat konvenzjonali tas-sbuħija. L-ebda skultur qatt ma fehem aħjar il-possibilitajiet kollha tal-istat għerwien. Kien iġib paragun bejn l-immudellar tal-ġisem u tal-veduta.

Sa ma kellu tletin sena, kien kważi kompletament okkupat jgħin l-oħrajn fit-twettiq tax-xogħol tagħhom. Imma l-ħin kollu kien qiegħed jitgħallem, u dawn is-snin twal ta' apprendistat kienu imprezzabbli għall-esperjenza varja li tawh fl-istudju tal-effetti fi tqegħid tal-gruppi u fis-sengħa fl-użu tal-għodda tal-iskultur, waqt li pprovdewlu għadd bla tarf ta' opportunitajiet biex jikkritika d-difetti. Fl-esperjenza tiegħu fi Brussell kellu l-opportunità li jaħdem barra fuq skala kbira u li josserva l-effetti tal-klima fuq l-iskultura, u kif kull figura tidher meta d-dawl jinbidel matul il-jum. Irrealizza kmieni li l-pożi ta' mudelli ħajjin huma l-uniċi li għandhom jiġu rrappreżentati fl-istatwi, u kull tentattiv li tiddetta l-poża jew li ġġiegħel lil xi ħadd jippoża bilfors jeqred ir-relazzjoni armonjużà li teżisti bejn il-partijiet tal-ġisem. Is-superjorità tal-iskultura antika fuq il-moderna ġejja primarjament mill-osservanza ta' din il-liġi. Waħda mill-iskoperti l-oħra tiegħu kienet li mal-impulsi wieħed wara l-ieħor, il-kontorn tal-ġisem il-ħin kollu jinbidel – il-muskoli jintefħu u jerħu f'xorta ta' mewġa ritmika – l-iskultur għandu ħafna opportunità li jagħżel il-profil u l-linji li jinterpretaw il-poża l-iżjed fedelment u effettivament.

Rodin josserva x-xogħol fuq il-monument ta' Victor Hugo fl-istudju tal-assistent tiegħu Henri Lebossé fl-1896

Il-metodu ta' Rodin, kiteb Paul Gsell, kien speċjali. Fl-istudju tiegħu kien ikollu għadd ta' mudelli għerwenin, nisa u rġiel, jimxu jew jistrieħu. Rodin kien iħallashom biex jipprovduh il-ħin kollu bix-xbieha tan-nudità f'pożi differenti u fil-libertà tal-ħajja ordinarja[2]. Kien il-ħin kollu jħares lejhom u għalhekk kien jaf sewwa d-dehra tal-muskoli jiċċaqilqu. Allura l-istat għerwien li dak iż-żmien in-nies kienu rari jaraw, u li anki l-iskulturi kienu jarawh biss fiż-żmien qasir tal-poża, għal Rodin kien dehra ta' kuljum. Hekk sar jaf il-ġisem imneżża' li kien komuni għall-Griegi billi kienu spiss jitħarrġu fl-isport u l-logħob, u tgħallem l-espressjoni tas-sensazzjoni fil-partijiet kollha tal-ġisem. Il-wiċċ hu s-soltu meqjus bħala l-unika mera tar-ruħ, u l-mobbiltà tal-fattizzi suppost hi l-uniku sinjal minn barra tal-ħajja spiritwali. Imma fil-verità m'hemm ebda muskolu tal-ġisem li ma jurix il-ħsieb u s-sensazzjoni.

Allura meta kien jara poża li togħġbu u kienet tidher espressiva fuq mudell – il-grazzja delikata ta' mara tgħolli dirgħaja biex tirranġa xagħarha jew tinklina sidirha biex terfa' xi ħaġa, jew l-enerġija nervuża ta' raġel miexi – kien ikun iridu jżomm il-poża, imbagħad kien jaqbad l-għodda malajr malajr u jagħmel mudell, u mbagħad bl-istess ħeffa kien jgħaddi għal mudell ieħor. Hawn tidher id-differenza bejn il-metodu ta' Rodin li jħares lejn il-pożi naturali u dak ta' ħafna mill-kontemporanji tiegħu li kien jippożaw il-mudell fuq pedestall u jirranġaw il-pożizzjonijiet li rieduh jieħu bħallikieku kien manikin. Kif rajna qatt ma kellu d-drawwa li jibda biċċa xogħol, ilestiha u jitlaqha. Dejjem kien ikollu f'rasu għadd ta' ideat li kien jimmedita fuqhom bil-paċenzja għal snin huma u jimmaturaw f'moħħu.

Kien wara l-1900, meta l-fama tiegħu kient stabbilita fis-sod, li Rodin ġieh il-kunċett awdaċi li juri figuri umani (bħal Meditazzjoni, Raġel miexi u oħrajn) mingħajr ras, riġlejn jew dirgħajn, li għall-ewwel jixxukkjaw l-ispettatur, imma wara li dan jeżaminhom isib li tant huma bilanċjati u perfettament armonizzati li ma jistax isib ħlief sbuħija fihom. U hemm r-raġuni artistikament profonda għal dan, għalkemm forsi hemm minn jaħseb li dan jieħu 'r-reliġjon tal-arti' għall-estrem. Fl-iżvilupp tal-idea ewlenija – tal-ħsieb, meditazzjoni, l-att tal-mixi – xewqtu kienet li jelimina kulma seta' jinnewtralizza jew jiġbed l-attenzjoni minn dan il-ħsieb ċentrali.[16] "L-irfinar tad-dwiefer jew in-nokkli ma jinteressanix", qal, "itellef l-attenzjoni mil-linji ewlenin u r-ruħ li irrid ninterpreta". Madankollu ma naqasx fl-istima tas-sengħa tal-arti tiegħu. Għalkemm kien iqisha biss bħala mezz biex jilħaq l-għan, qal li l-artista li jittraskuraha qatt ma jikseb l-iskop tiegħu, l-interpretazzjoni tas-sentimenti u l-ideat. "Jeħtieġ li wieħed ikollu kmand mill-aqwa fuq is-sengħa" qal, "biex jaħbi x'jaf".

Darba qal lil Paul Gsell dwar lezzjoni prezzjuża fis-sengħa tal-mudellar li rċieva minn ċertu Constant, li kien jaħdem fl-istudju fejn hu beda bħala skultur. Ġurnata waħda kien qiegħed jarah jimmudella fit-tafal kapitell bil-weraq, u qallu "Rodin, mhux qed tagħmlu tajjeb. Il-weraq kollha ċatti – għalhekk ma jidhrux ta' veru. Għamilhom biex xi wħud minnhom jippuntaw lejk. Imbagħad meta tarahom, ikollok sens ta' fond. Qatt tħares lejn il-forom fil-wisa' imma ħares lejhom fil-fond. Dejjem qis wiċċ ta' oġġett fit-tarf ta' volum". Mexa ma' din it-twissija prezzjuża u skopra iżjed tard li l-antiki kienu jipprattikaw eżattament dan il-metodu ta' mudellar; minn hemm ġejjin l-enerġija u l-versatilità ta' xogħolhom.

Kif rajna, l-influwenza ta' Mikelanġlu kienet kbira. Darba għamel kopji ta' xi pitturi ta' Rubens bl-amment tant kien studjahom. Stqarr li kien tgħallem ħafna fuq il-chiaroscuro fl-iskultura minn Rembrandt. Iktar tard interressa ruħu fl-arti Ġappuniża, li l-aħwa Goncour ħadmu tant biex jagħmluha popolari fi Franza; jingħad li il-pożi ta' xi mudelli tiegħu kienu ssuġġeriti minn disinji Ġappuniżi. Imma kien jinteressa ruħu f'kull għamla ta' arti – Eġizzjana, Azteka, mil-Lvant Imbiegħed jew Franċiża tas-seklu tmintax, u l-ħin kollu kien ikun qiegħed jitgħallem.

Natura elementari

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien jgħid li żjara fil-Louvre kient taffettwah daqs mużika sabiħa u ġġegħlu jagħmel sforzi ġodda. Rodin kien jinteressa ruħu b'mod speċjali fir-rappreżentazzjoni tan-natura elementari. Moħħu kien jieħdu lura lejn in-nisel tal-ħlejjaq, u darba wara l-oħra irrappreżenta ħlejqiet li kienu qegħdin jinbidlu f'bnedmin minn kundizzjonijiet primittivi jew elementari, ħlejjaq li mhumiex 'il bogħod ħafna minn natura li kibru fiha – parti bnedmin, parti bhejjem jew ħarġu mis-siġar, għejun tal-ilma u l-materjal tal-ħajja elementari. Għalih, bħalma kien għall-Griegi bikrija, in-natura kollha kienet imdewda b'għamliet semiumani: kien jara d-driadi fil-boskijiet u n-narajdi fin-nixxijiet u n-natura u l-aspetti fiżiċi tagħhom ma kinux differenti ħafna mill-elementi li wellduhom. Għadd mill-ħlejjaq tiegħu ħerġin mill-materja, oħrajn huma assimilati mas-siġar, mal-blat u l-art stess. Billi n-natura hi l-għajn tal-ħajja kollha, jidher li qisu ma setax jimmaġina l-ħajja maqtugħa minn dan l-għajn tal-enerġija.

Ritratti ta' Rodin

[immodifika | immodifika s-sors]

Albert Besnard għamel ritratt tiegħu fl-1900 (inċiżjoni bl-aqua forte)[17].

  1. ^ Jianou 1990, p. 31.
  2. ^ a b ċ Morey, C. R. (1918). "The Art of Auguste Rodin". The Bulletin of the College Art Association of America (bl-Ingliż). 1 (4): 145–154. doi:10.2307/3046338.
  3. ^ "Rodin, Famous Sculptor, Dead". The New York Times (bl-Ingliż). 1917-11-18. p. E3.
  4. ^ Jianou 1990, p. 34.
  5. ^ Hale 1978, p. 49–50.
  6. ^ a b Hale 1978, p. 51.
  7. ^ a b Janson 2001, p. 638.
  8. ^ Hale 1978, p. 70.
  9. ^ Jianou 1990, p. 41.
  10. ^ a b Swedberg, Richard (2005). "Auguste Rodin's 'The Burghers of Calais': The Career of a Sculpture and its Appeal to Civic Heroism". Theory, Culture, & Society (bl-Ingliż). 22 (2): 45–67. doi:10.1177/0263276405051665.
  11. ^ Bell, Millicent (2005). "Auguste Rodin". Raritan (bl-Ingliż). 14: 1–31.
  12. ^ Goldscheider 1979, p. 9.
  13. ^ Goldscheider 1979, p. 10.
  14. ^ Goldscheider 1979, p. 13.
  15. ^ Goldscheider 1979, p. 14.
  16. ^ Hale 1978, p. 69.
  17. ^ Nru. 130 fil-katalgu ta' Louis Godefroy tal-inċiżjonijiet tal-pittur, Paris 1926.

Biblijografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Elsen, Albert E (1963). Rodin (bl-Ingliż). The Museum of Modern Art. ASIN B08RWDJWGT.
  • Hale, William Harlan (1978). World of Rodin, 1840-1917 (bl-Ingliż) (3et ed.). Time-Life Books. ASIN B000T09BQU.
  • Janson, Anthony F. (2001). History of Art. Harry N. Abrams (bl-Ingliż) (6tt ed.). New York. ISBN 978-0810934467.
  • Jianou, Ionel (1990). Rodin (bl-Ingliż). Tradott minn Muston, Kathleen; Skelding, Geoffrey. Pariġi, Franza: Editions du Musée Rodin. ISBN 9782901428282.
  • Taillandier, Yvon (1995). Rodin (bl-Ingliż). Crown Publications. ISBN 978-0517883785.
  • Tucker, William (1974). Early Modern Sculpture (bl-Ingliż). New York: Oxford University Press. ISBN 978-0195197730.
  • Butler, Ruth (1993). Rodin: The Shape of Genius (bl-Ingliż). Yale University Press. ISBN 978-0300064988.
  • Weisberg, Gabriel; Dixon, Laurinda S., ed. (1987). The Documented Image, Visions in Art History (bl-Ingliż). Syracuse University Press. ISBN 978-0815624103.
  • Morseburg, Jeffrey (2010), The Indefatigable Miss Hallowell
  • Goldscheider, Ludwig (1979). Rodin: Sculptures (bl-Ingliż) (9sa ed.). Phaidon. ASIN B004SIO0X8.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]
  • (EN) [1] Auguste Rodin f'Artcyclopedia
  • (ENFR) [2] Musée Rodin, Pariġi
  • (EN) [3] Rodin Museum, Philadelphia
  • (EN) [4] Rodin Collection, Stanford University
  • (EN) [5] Film ta' 26 minuta dwar Auguste Rodin u l-Bieb tal-Infern
  • (EN) [6] Veduti mill-Musée Rodin
  • (EN) [7] Rodin-Web.org: Sit akkademiku dwar Rodin
  • (EN) [8] Rodin: Punti di vista akkademiċi
  • (EN) [9] Auguste Rodin: Il-Borgiżi ta' Calais, Metropolitan Museum of Art, 2000
  • (EN) [10] Rodin fil-Victoria and Albert Museum
  • (FR) [11] Wirja tal-2009 Exhibition ta' Rodin bħala ritrattista
  • (ES) [12] Museo Soumaya li jinsab f'Mexico City, għandu kollezzjoni kbira tax-xogħlijiet ta' Rodin's
  • [13] Korrispondenza ma' Walter Butterworth miżmuma fl-Università ta' Salford
  • (IT) [14] Auguste Rodin
  • (IT) [15] Associazione Parrellarte, Auguste Rodin
  • (DE) [16] Rainer Maria Rilke dwar Auguste Rodin