Aqbeż għall-kontentut

Anse aux Meadows

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Djar Nordiċi rikostruwiti f'Anse aux Meadows.

L-Anse aux Meadows (li litteralment tfisser "Qala tal-Mergħat") huwa sit arkeoloġiku, li ġie skavat għall-ewwel darba fis-snin 60 tas-seklu 20, ta' insedjament Nordiku li jmur lura għal madwar 1,000 sena ilu. Is-sit jinsab fl-iżjed punt fit-Tramuntana tal-gżira ta' Newfoundland fil-provinċja Kanadiża ta' Newfoundland u Labrador qrib St. Anthony.

Skont l-istimi tad-datazzjoni bil-karbonju għal bejn id-990 u l-1050 W.K.,[1][2][3] tad-datazzjoni taċ-ċrieki taz-zkuk tas-siġar għall-1021[4][5] u tad-datazzjoni medja bil-karbonju għall-1014, l-Anse aux Meadows huwa l-uniku sit ċert fejn sar kuntatt transoċeaniku pre-Kolombjan bejn l-Ewropej u l-Amerki 'l barra minn Greenland. Huwa notevoli bħala evidenza tal-preżenza Nordika fl-Amerka ta' Fuq u għall-kollegament possibbli ma' Leif Erikson kif imsemmi fis-Saga taċ-Ċittadini ta' Greenland u fis-Saga ta' Erik l-Aħmar,[6] li nkitbu fis-seklu 13. Evidenza arkeoloġika li nstabet fis-sit tindika li l-Anse aux Meadows jaf intuża bħala bażi għall-esplorazzjoni Nordika tal-Amerka ta' Fuq, inkluż ir-reġjuni lejn in-Nofsinhar.[7]

Is-sit ikopri 7,991 ettaru (30.85 mil kwadru) ta' art u ta' baħar, u fih il-fdalijiet ta' tmien binjiet li nbnew b'saff tal-ħamrija bil-ħaxix fuq qafas tal-injam. Fis-sit ġew skavati iktar minn 800 oġġett Nordiku.[8] Ġiet identifikata wkoll evidenza tal-produzzjoni ta' artefatti tal-ħadid, tal-bronż, tal-għadam u tal-ġebel.[9] Is-sit ġie ddeżinjat bħala Sit Storiku Nazzjonali tal-Kanada fl-1968 u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1978.[10] Il-ġestjoni tas-sit hija responsabbiltà ta' Parks Canada kif definit skont l-Att dwar l-Aġenzija Parks Canada (1998) u l-Att dwar il-Parks Nazzjonali tal-Kanada (2000).[11]

"Anse aux Meadows" huwa isem Franċiż-Ingliż li jista' jiġi tradott litteralment bħala "Qala tal-Mergħat".[12] Ma hemmx qbil dwar kif il-villaġġ stess ingħata l-isem ta' "Anse aux Meadows". Possibbiltà minnhom hi li "Anse aux Meadows" hija varjant tad-deżinjazzjoni bil-Franċiż L'Anse aux Méduses, li tfisser "Qala tal-Bram".[13][14] Suppożizzjoni iktar reċenti hi li l-isem oriġina minn "L'Anse à la Médée" ("Qala ta' Medea")[15] li huwa l-isem li jidher fuq mappa navali Franċiża tal-1862. Kemm Medea kif ukoll Medusa, jaf kienu jirreferu għal isem ta' bastiment navali Franċiż.[16] It-tranżizzjoni lejn "Meadows" minn Méduses jew Médée jaf seħħet minħabba etimoloġija folkloristika li torbot l-isem mal-pajsaġġ miftuħ madwar il-qala, b'bosta mergħat.[17]

Okkupazzjoni indiġena

[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel il-wasla tan-Nordiċi (jew tal-Vikingi) f'Newfoundland, hemm evidenza ta' okkupazzjonijiet minn ħames gruppi indiġeni fis-sit ta' Anse aux Meadows, u l-eqdem okkupazzjoni tmur lura għal madwar 6,000 sena ilu. L-ebda okkupazzjoni ma kienet kontemporanja għall-okkupazzjoni min-Nordiċi. L-iżjed prominenti fost dawn l-okkupazzjonijiet bikrin kienet dik mill-poplu ta' Dorset, li okkupa s-sit madwar 300 sena qabel in-Nordiċi. Birgitta Wallace tagħti datazzjoni bir-radjokarbonju li għal dawn il-gruppi tvarja bejn madwar l-4000 u madwar l-1000 Q.K. għat-tradizzjoni Marittima Arkajka, bejn madwar l-1000 u madwar il-500 Q.K. għat-tradizzjoni ta' Groswater, bejn madwar l-400 u madwar is-750 għat-tradizzjoni Nofsanija ta' Dorset, bejn madwar it-800 u madwar it-850 għat-tradizzjonijiet tal-Gruppi u tal-Bajjiet ta' Cow Head, u bejn madwar l-1200 u madwar l-1500 W.K. għat-tradizzjoni tal-Passaġġ iż-Żgħir.[18]

Attività Nordika

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa ta' Anse aux Meadows. A = Sala kbira, B = Dar, C = Għorfa, D = L-iżgħar fost it-tliet swali, E = Għorfa, F = Sala tal-mexxej, G = Għorfa, J = Għorfa tat-tidwib.

L-insedjament Nordiku ta' Anse aux Meadows ġie datat li jmur lura għal madwar l-1000 W.K. (skont stimi tad-datazzjoni bil-karbonju lejn l-990–1050), b'datazzjoni medja bil-karbonju tal-1014,[19] valutazzjoni li taqbel mad-datazzjoni relattiva tat-tipi ta' artefatti u ta' strutturi li nstabu fis-sit. Studju tal-2021 tar-rivista Nature, li uża l-analiżi bir-radjokarbonju ta' tliet kampjuni separati taċ-ċrieki taz-zkuk tas-siġar u l-evidenza mill-anomalija fil-konċentrazzjonijiet atmosferiċi ta' 14C fid-993, indika l-1021 bħala d-data tal-attività Nordika f'Anse aux Meadows.[20]

L-antropologu John Steinberg issuġġerixxa li s-sit jaf kien ġie "okkupat mill-inqas b'mod sporadiku għal x'aktarx 20 sena". Eleanor Barraclough, lekċerer tal-istorja u tal-letteratura Medjevali fl-Università ta' Durham,[21] tissuġġerixxi li s-sit ma kienx insedjament permanenti, iżda li minflok kien faċilità temporanja tat-tiswija tad-dgħajjes.[22] Hija tinnota li ma kien hemm l-ebda sejba ta' difniet, għodod, agrikoltura jew postijiet għall-annimali — u b'hekk tissuġġerixxi li l-abitanti abbandunaw is-sit b'mod ordnat.[23] Skont studju tal-2019 tal-PNAS, jaf kien hemm attività Nordika f'Anse aux Meadows saħansitra għal seklu sħiħ.[24]

Mudell tal-insedjament Nordiku stabbilit f'Anse aux Meadows.

Ma hemm l-ebda mod kif wieħed jista' jkun jaf kemm għexu nies fis-sit f'xi żmien partikolari; l-evidenza arkeoloġika tal-abitazzjonijiet tissuġġerixxi li kellu kapaċità ta' bejn 30 u 160 ruħ.[25] Il-popolazzjoni kollha ta' Greenland dak iż-żmien kienet ta' madwar 2,500 ruħ, li jfisser li s-sit ta' Anse aux Meadows kien inqas minn 10 fil-mija tal-insedjament Nordiku f'Greenland. Kif jinnota Julian D. Richards: "Huwa pjuttost improbabbli li n-Nordiċi kellhom biżżejjed riżorsi biex jibnu sensiela ta' tali insedjamenti".[26]

Illum il-ġurnata, is-sit jikkonsisti l-iktar minn mergħat miftuħa, iżda 1,000 sena ilu kien hemm foresti li kienu konvenjenti għall-bini tad-dgħajjes, għall-bini tad-djar u għall-estrazzjoni tal-ħadid.[27] Instabu l-fdalijiet ta' tmien binjiet (immarkati A–J). Huwa maħsub li nbnew b'saff tal-ħamrija u tal-ħaxix fuq qafas tal-injam. Abbażi ta' artefatti assoċjati, il-binjiet ġew identifikati bħala abitazzjonijiet jew workshops. L-ikbar abitazzjoni (F) kienet 28.8 metru bi 15.6-il metru (94 pied b'51 pied) u kien fiha diversi kmamar. Tliet binjiet żgħar (B, C u G) jaf kienu workshops jew kwartieri residenzjali għall-ekwipaġġ jew għall-iskjavi bi status inferjuri. Il-workshops ġew identifikati bħala faċilità tat-tidwib tal-ħadid (il-binja J) li kien fiha forġa u gagazza tal-ħadid, faċilità ta' mastrudaxxa (il-binja D) li ġġenerat fdalijiet tal-injam, u żona speċjalizzata għat-tiswija tad-dgħajjes li kien fiha msiemer irbattuti mikulin.

Oġġetti oħra li nstabu fis-sit kienu jikkonsistu f'oġġetti Nordiċi ta' kuljum, inkluż lampa tal-ġebel li taħdem biż-żejt, imwielaq, qafla tal-bronż, labbra tal-insiġ magħmul mill-għadam u parti minn magħżel. Xi piżijiet tal-ġebel, li nstabu fil-binja G, jaf kienu parti minn newl. Il-preżenza ta' magħżel u ta' labbra tissuġġerixxi li n-nisa u l-irġiel kienu jgħixu fl-insedjament.[28]

Fost il-fdalijiet tal-ikel instab il-qargħa aħmar, li huwa sinifikanti għaliex ma jikbirx naturalment fit-Tramuntana ta' New Brunswick. Il-preżenza tagħha x'aktarx li tindika li l-abitanti Nordiċi vvjaġġaw iktar lejn in-Nofsinhar biex jiksbuhom.[29] Hemm evidenza li tissuġġerixxi li n-Nordiċi kienu jikkaċċjaw firxa ta' annimali li kienu jgħixu fl-inħawi. Dawn kienu jinkludu l-karibù, il-lupu, il-volpi, l-ors, il-linċi, il-marten, bosta tipi ta' għasafar u ħut, il-foka, il-baliena u l-walrus. F'din iż-żona ma għadhomx jgħixu daqshekk annimali, l-iktar minħabba x-xtiewi qalila. B'hekk l-annimali jkollhom imorru għall-ibernazzjoni jew imorru iktar lejn in-Nofsinhar peress li r-riħ, il-borra fonda, u folji tas-silġ jiksu l-inħawi. Dan kien iwassal biex ix-xtiewi qalila kienu jkunu diffiċli ferm għan-Nordiċi f'Anse aux Meadows.[30] Dan in-nuqqas ta' annimali jappoġġa t-twemmin tal-arkeologi li s-sit kien abitat min-Nordiċi għal żmien relattivament qasir.

Skoperta u importanza (1960–1968)

[immodifika | immodifika s-sors]
Anne Stine Ingstad f'Anse aux Meadows, 1963. Ingstad, flimkien mar-raġel tagħha, mexxiet l-iskavi arkeoloġiċi tas-sit.

Fl-1960, ġew skoperti fdalijiet arkeoloġiċi ta' binjiet Nordiċi f'Newfoundland mit-tim ta' koppja Norveġiża magħmula mill-esploratur Helge Ingstad u mill-arkeologa Anne Stine Ingstad. Abbażi tal-idea li l-isem bin-Norveġiż Antik "Vinland", imsemmi fis-Sagi Iżlandiżi, kien ifisser "l-art tal-inbid", l-istoriċi kienu ilhom jispekulaw li r-reġjun kien jikber fih l-għeneb selvaġġ.[31] Minħabba dan, l-ipoteżi komuni qabel it-teoriji tal-koppja Ingstad kienet li r-reġjun ta' Vinland kien jeżisti xi mkien fin-Nofsinhar tal-kosta tat-Tramuntana ta' Massachusetts, minħabba li l-għeneb jikber naturalment sa dak il-punt fit-Tramuntana. Din hija suppożizzjoni falza. L-għeneb selvaġġ kiber u għadu jikber ukoll tul il-kosta ta' New Brunswick u fil-wied tax-xmara St. Lawrence ta' Quebec. L-iskavi arkeoloġiċi f''Anse aux Meadows twettqu mill-1960 sal-1968 minn tim internazzjonali mmexxi minn Anne Stine Ingstad.[32]

Il-koppja Ingstad iddubitaw din l-ipoteżi, u sostnew "li l-isem ta' Vinland x'aktarx kien ifisser l-art tal-mergħat... u jinkludi peniżola".[33] Din l-ispekulazzjoni kienet ibbażata fuq it-twemmin li n-Nordiċi ma kinux ikunu komdi jinsedjaw ruħhom f'żoni tul il-kosta Atlantika Amerikana. Din id-dikotomija bejn iż-żewġ fehmiet jaf seħħet minħabba iż-żewġ modi storiċi kif kien jiġi ppronunzjat il-ħoss tal-ewwel vokali ta' "Vinland". L-iskoperta tal-qargħa aħmar fis-saff Nordiku tas-sit mill-arkeologi ta' Parks Canada timplika li n-Nordiċi kienu marru mill-inqas sal-kosta ta' New Brunswick, fejn jikber il-qargħa aħmar (u fejn kiber għal sekli sħaħ) flimkien mal-għeneb selvaġġ. Għaldaqstant, in-Nordiċi kellhom kuntatt mal-għeneb tas-sagi.

Fdalijiet tal-pedamenti tal-binjiet Nordiċi għall-wiri. Il-fdalijiet ta' seba' binjiet Nordiċi ġew skavati matul l-iskavi arkeoloġiċi tal-koppja Ingstad.

Fl-1960, George Decker, ċittadin ta' villaġġ tas-sajd żgħir ta' Anse aux Meadows, ħa lil Helge Ingstad lejn grupp ta' tumbati tal-ħamrija u tal-ħaxix qrib il-villaġġ li n-nies tal-post kienu jsejħulhom il-"kamp antik tal-Indjani". Dawn it-tumbati miksijin bil-ħaxix kienu jidhru qishom fdalijiet ta' xi djar. Helge Ingstad u Anne Stine Ingstad wettqu seba' skavi arkeoloġiċi hemmhekk mill-1961 sal-1968. Huma investigaw il-fdalijiet ta' tmien binjiet u x'aktarx il-fdalijiet ta' binja oħra.[34] Huma stabbilew li s-sit kien ta' oriġini Nordika minħabba similaritajiet definittivi bejn il-karatteristiċi tal-istrutturi u tal-artefatti li nstabu fis-sit, meta mqabbla ma' siti f'Greenland u fl-Iżlanda tal-ħabta tal-1000 W.K.

Anse aux Meadows huwa l-uniku sit Nordiku kkonfermat fl-Amerka ta' Fuq, 'il barra minn Greenland.[35] Jirrappreżenta l-iżjed post imbiegħed magħruf tal-esplorazzjoni u tal-insedjament tal-Ewropej fid-Dinja l-Ġdida qabel il-vjaġġi ta' Kristofru Kolombu kważi 500 sena wara. L-istoriċi spekulaw li kien hemm siti Nordiċi oħra, jew mill-inqas kuntatti kummerċjali oħra bejn in-Nordiċi u l-Amerikani Nattivi fl-Artiku Kanadiż.[36] Fl-2012 x'aktarx li ġew identifikati siti Nordiċi oħra f'Nanook fil-Wied ta' Tanfield fil-Gżira ta' Baffin, kif ukoll f'Nunguvik, il-Gżira ta' Willows u fil-Gżejjer Avayalik.[37] Point Rosee, fil-Lbiċ ta' Newfoundland, li n-National Geographic u l-BBC urew bħala sit Nordiku ieħor, ġie skavat fl-2015 u fl-2016, iżda ma nstabet l-ebda evidenza ta' preżenza Nordika.

Sit Storiku Nazzjonali (1968–preżent)

[immodifika | immodifika s-sors]
Rikostruzzjoni interna ta' dar twila Nordika b'saff tal-ħamrija u tal-ħaxix fuq qafas tal-injam, fit-Tramuntana tas-sit arkeoloġiku.

F'Novembru 1968, il-gvern tal-Kanada ddeżinja s-sit arkeoloġiku bħala Sit Storiku Nazzjonali tal-Kanada. Is-sit tniżżel ukoll fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1978.[10] Wara li Anse aux Meadows ġie ddeżinjat bħala Sit Storiku Nazzjonali, l-inħawi, u l-programmi turistiċi relatati, ġew ġestiti minn Parks Canada. Wara li tlestew l-ewwel skavi, ġew ordnati żewġ skavi oħra tas-sit minn Parks Canada. L-iskavi tmexxew minn Bengt Schonbach mill-1973 sal-1975 u minn Birgitta Wallace fl-1976. Wara kull perjodu ta' skavi, is-sit reġa' ġie mirdum għall-protezzjoni u għall-konservazzjoni tar-riżorsi kulturali.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[10]

Il-fdalijiet ta' seba' binjiet Nordiċi jinsabu għall-wiri fis-Sit Storiku Nazzjonali. Fit-Tramuntana tal-fdalijiet hemm binjiet rikostruwiti, li nbnew fl-aħħar tas-seklu 20, bħala parti minn wirja interpretattiva tas-Sit Storiku Nazzjonali. Fis-sit hemm ukoll il-fdalijiet ta' kamp tal-kaċċa tal-Aboriġini, fil-Lbiċ tal-fdalijiet Nordiċi. Faċilitajiet oħra fis-sit jinkludu żoni għal picnics u ċentru għall-viżitaturi.

Rabta mas-sagi ta' Vinland

[immodifika | immodifika s-sors]

Adam ta' Bremen, ekkleżjastiku Ġermaniż, kien l-ewwel Ewropew li semma lil Vinland. F'test li fassal għall-ħabta tal-1073, huwa kiteb li:

Hu [ir-re Daniż, Sven Estridsson] qalli wkoll bi gżira oħra skoperta minn bosta f'dak l-oċean. Tissejjaħ Vinland peress li hemmhekk jikber l-għeneb selvaġġ, li jintuża għall-produzzjoni ta' nbid mill-aqwa. Barra minn hekk, li hemmhekk jikbru l-għelejjel selvaġġi b'abbundanza, ma aċċertajnihx mill-għajdut iżda minn rapporti affidabbli tad-Daniżi.[38]

Il-Mappa ta' Skálholt tal-1590 li turi l-ismijiet Latinizzati tal-postijiet Nordiċi fl-Amerka ta' Fuq:• L-Art tar-Risi (post mitiku);• Greenland; • Helluland (il-Gżira ta' Baffin)• Markland (il-Peniżola ta' Labrador); • L-Art tal-iSkrælings (pożizzjoni mhux identifikata);• Promontorju ta' Vinland (il-Peniżola l-Kbira tat-Tramuntana).

Din is-silta ta' hawn fuq hija minn storja li ħejja Adam ta' Bremen dwar l-arċisqfijiet ta' Amburgu-Bremen li dak iż-żmien kellhom awtorità ekkleżjastika fuq l-Iskandinavja (id-dar oriġinali tal-popli Nordiċi).

Is-sagi Nordiċi huma verżjonijiet bil-miktub ta' tradizzjonijiet iktar antiki bil-fomm. Żewġ sagi Iżlandiżi, magħruf iktar bħala s-Saga taċ-Ċittadini ta' Greenland u s-Saga ta' Erik l-Aħmar, jiddeskrivu l-esperjenzi taċ-ċittadini Nordiċi ta' Greenland li skoprew u ppruvaw jinsedjaw l-art lejn il-Punent ta' Greenland, li huma sejħulha Vinland. Is-sagi jissuġġerixxu li l-insedjament ta' Vinland ma rnexxiex minħabba kunflitti fi ħdan il-komunità Nordika, kif ukol bejn in-Nordiċi u l-poplu nattiv tal-post, li sejħulhom l-iSkrælings.[39]

Is-sit ta' Anse aux Meadows intuża bħala bażi għall-esplorazzjoni u kamp tax-xitwa għal spedizzjonijiet lejn in-Nofsinhar fil-Golf ta' St. Lawrence. L-insedjamenti ta' Vinland imsemmija f'dawn iż-żewġ sagi, Leifsbudir (Leif Ericson) u Hóp (ċittadini Nordiċi ta' Greenland), it-tnejn ġew indikati bħala s-sit ta' Anse aux Meadows.[40][41]

  1. ^ Nydal, Reidar (1989). "A Critical Review of Radiocarbon Dating of a Norse Settlement at L'Anse Aux Meadows, Newfoundland Canada". Radiocarbon. 31 (3): 976–985.
  2. ^ Cordell, Linda S.; Lightfoot, Kent; McManamon, Francis; Milner, George (2009). "L'Anse aux Meadows National Historic Site". Archaeology in America: An Encyclopedia. ABC-CLIO. p. 82. ISBN 978-0-313-02189-3.
  3. ^ Ledger, Paul M.; Girdland-Flink, Linus; Forbes, Véronique (15 July 2019). "New horizons at L'Anse aux Meadows". Proceedings of the National Academy of Sciences. 116 (31): 15341–15343.
  4. ^ Andrei, Mihai (2023-09-11). "Vikings did reach North America a thousand years ago -- and now we know exactly when". ZME Science (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  5. ^ Kuitems, Margot; Wallace, Birgitta L.; Lindsay, Charles; Scifo, Andrea; Doeve, Petra; Jenkins, Kevin; Lindauer, Susanne; Erdil, Pınar; Ledger, Paul M.; Forbes, Véronique; Vermeeren, Caroline (l-20 ta' Ottubru 2021). "Evidence for European presence in the Americas in AD 1021". Nature. 601 (7893): 388–391.
  6. ^ Wallace, Birgitta (2009). "L'Anse aux Meadows, Leif Eriksson's Home in Vinland". Journal of the North Atlantic: 115. ISSN 1935-1984. JSTOR 26686942.
  7. ^ Kuitems, Margot; Wallace, Birgitta L.; Lindsay, Charles; Scifo, Andrea; Doeve, Petra; Jenkins, Kevin; Lindauer, Susanne; Erdil, Pınar; Ledger, Paul M.; Forbes, Véronique; Vermeeren, Caroline; Friedrich, Ronny; Dee, Michael W. (Jannar 2022). "Evidence for European presence in the Americas in ad 1021". Nature. 601 (7893): 388–391.
  8. ^ Sarolta Anna Takacs; Eric H. Cline (is-17 ta' Lulju 2015). The Ancient World, Volumes 1–5. Routledge. pp. 272–. ISBN 978-1-317-45839-5.
  9. ^ Kirsten Wolf (2004). Daily Life of the Vikings. Greenwood Publishing Group. p. 139. ISBN 978-0-313-32269-3.
  10. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "L’Anse aux Meadows National Historic Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  11. ^ "ENVIRONMENT". www.ourcommons.ca. Miġbur 2024-06-17.
  12. ^ Hamilton, William Baillie (1996). Place Names of Atlantic Canada. University of Toronto Press. p. 226. ISBN 978-0-8020-7570-3.
  13. ^ William B. Hamilton, The Macmillan book of Canadian place names, 2e édition (1978), Philip 118.
  14. ^ Mentionné également par Lawrence Millman dans Coins perdus : un parcours dans l'Atlantique nord (titre original : Last Places), Terres d'aventure, 1995 ISBN 2-7427-0475-2.
  15. ^ Horwitz, Tony (2008). A Voyage Long and Strange: Rediscovering the New World (1st ed.). New York: Henry Holt and Company. p. 18. ISBN 978-0-8050-7603-5.
  16. ^ Gagnon, Marie-julie (27 April 2017). Cartes postales du Canada. Michel Lafon. ISBN 9782749932941.
  17. ^ Wahlgren, Erik (2000). The Vikings and America. Thames & Hudson. p. 124. ISBN 978-0-500-28199-4.
  18. ^ "L'Anse aux Meadows". www.thecanadianencyclopedia.ca (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  19. ^ Cordell, Linda S.; Lightfoot, Kent; McManamon, Francis; Milner, George (2009). "L'Anse aux Meadows National Historic Site". Archaeology in America: An Encyclopedia. ABC-CLIO. p. 82. ISBN 978-0-313-02189-3.
  20. ^ Magazine, Smithsonian; Handwerk, Brian. "New Dating Method Shows Vikings Occupied Newfoundland in 1021 C.E." Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  21. ^ "Eleanor Rosamund Barraclough | The Guardian". www.theguardian.com. Miġbur 2024-06-17.
  22. ^ "Maps and brochures - L'Anse aux Meadows National Historic Site". web.archive.org. 2019-01-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-01-09. Miġbur 2024-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  23. ^ Barraclough, Eleanor Rosamund (2016). Beyond the Northlands: Viking Voyages and the Old Norse Sagas. Oxford University Press. p. 129. ISBN 978-0-19-100448-3.
  24. ^ Forbes, Véronique; Girdland-Flink, Linus; Ledger, Paul M. (l-10 ta' Lulju 2019). "New horizons at L'Anse aux Meadows". Proceedings of the National Academy of Sciences. 116 (31): 15341–15343.
  25. ^ Kolodny, Annette (2012). In Search of First Contact: The Vikings of Vinland, the Peoples of the Dawnland, and the Anglo-American Anxiety of Discovery. Duke University Press. p. 95. ISBN 978-0-8223-5286-0.
  26. ^ Richards, J. D. (2005). The Vikings: A Very Short Introduction. Oxford University Press. p. 112. doi:10.1093/actrade/9780192806079.003.0011. ISBN 978-0-19-280607-9.
  27. ^ Ingstad, Helge; Ingstad, Anne Stine (2000) [1991]. The Viking Discovery of America: The Excavation of a Norse Settlement in L'Anse Aux Meadows, Newfoundland. Breakwater Books. ISBN 978-1-55081-158-2. p. 135.
  28. ^ Parks Canada Agency, Government of Canada (2019-04-04). "index". parks.canada.ca. Miġbur 2024-06-17.
  29. ^ "Parks Canada - L'Anse aux Meadows National Historic Site of Canada - Is l'Anse aux Meadows Vinland?". web.archive.org. 2007-05-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-05-22. Miġbur 2024-06-17.
  30. ^ Ingstad, Helge; Ingstad, Anne Stine (2000) [1991]. The Viking Discovery of America: The Excavation of a Norse Settlement in L'Anse Aux Meadows, Newfoundland. Breakwater Books. ISBN 978-1-55081-158-2. p. 124.
  31. ^ Boissoneault, Lorraine (2015-07-23). "L'Anse Aux Meadows & the Viking Discovery of North America". JSTOR Daily (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  32. ^ Wallace, Birgitta Linderoth (2006). The Saga of L'Anse aux Meadows. Historic Sites Association of Newfoundland and Labrador. pp. 98–99.
  33. ^ Ingstad, Helge; Ingstad, Anne Stine (2000) [1991]. The Viking Discovery of America: The Excavation of a Norse Settlement in L'Anse Aux Meadows, Newfoundland. Breakwater Books. ISBN 978-1-55081-158-2. p. 123.
  34. ^ Ingstad, Helge; Ingstad, Anne Stine (2000) [1991]. The Viking Discovery of America: The Excavation of a Norse Settlement in L'Anse Aux Meadows, Newfoundland. Breakwater Books. ISBN 978-1-55081-158-2. p. 141.
  35. ^ "Archeological quest for Codroy Valley Vikings comes up short | CBC News". web.archive.org. 2018-06-03. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-06-03. Miġbur 2024-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  36. ^ "The Norse: An Arctic Mystery". web.archive.org. 2016-10-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-10-27. Miġbur 2024-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  37. ^ "Vikings and Native Americans - Pictures, More From National Geographic Magazine". web.archive.org. 2018-01-19. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-01-19. Miġbur 2024-06-17.
  38. ^ Perkins, R.M. (June 1974). "Norse Implications". The Geographical Journal. 140 (2): 199–205.
  39. ^ Murrin, John M.; Johnson, Paul E.; McPherson, James M.; Fahs, Alice; Gerstle, Gary (2008). Liberty, Equality, Power: A History of the American People, Compact (5th ed.). Thomson Wadsworth. p. 6. ISBN 978-0-495-41101-7.
  40. ^ Wallace, Birgitta; Sollbach, Gerhard E. (it-18 ta' Mejju 2010). "Vinland-Rätsel gelöst" [Vinland Riddle Solved]. Damals (bil-Ġermaniż). Vol. 42, no. 5. pp. 47–48.
  41. ^ Wallace, Birgitta (2003). "The Norse in Newfoundland: L'Anse aux Meadows and Vinland". Newfoundland & Labrador Studies (bl-Ingliż). 19 (1).