Aqbeż għall-kontentut

Nemanja Vidić

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Vidič)
Nemanja Vidić
Informazzjoni personali
Twelid21 ta' Ottubru 1981 (1981-10-21) (43 sena)
Titovo Užice, RFS Jugożlavja
Tul1.90 m
RwolDifensur
Mixtliet
1989–1994Jedinstvo Užice
1994–1996Sloboda Užice
1996–2000Red Star Belgrade
Karriera professjonali
SninKlabb
2000–2004Red Star Belgrade
2000–2001Spartak Subotica (self)
2004–2006Spartak Moscow
2006–2014Manchester United
2014–2016Inter
Tim nazzjonali
2002–2011Serbja

Nemanja Vidić (bis-Serb: Немања Видић; twieled fil-21 ta' Ottubru 1981) huwa eks-plejer tal-futbol Serbjan, u fforma parti mit-tim nazzjonali Serb bejn l-2002 u l-2011.

Bidu tal-karriera

[immodifika | immodifika s-sors]

Vidić beda l-futbol f'età ta' 7 snin , flimkien ma' ħuh Dušan, mat-tim lokali ta' Jedinstvo Užice. Hu għamel progress kbir, u mexa mat-tim ta' Sloboda Užice f'età ta' tnax-il sena.[1]

Sentejn u nofs wara, f'għeluq il-ħmistax-il sena, Red Star Belgrade kisbu lil Vidić għas-sistemà taż-żgħażagħ. Hu beda l-karriera professjonista tiegħu b'self għal staġun mat-tim ta' Spartak Subotica fis-sena 2000. Hu reġa' rritorna ma' Red Star Belgrade wara s-sena ta' self, fejn lagħab regularment fl-aqwa serje tal-Yugoslav League. Hu rebaħ it-Tazza Jugożlava fl-2001–02 ma' Red Star. Vidić mal-ewwel kiseb il-faxxa ta' kaptan, u matul it-tliet snin ta' kaptan, hu skorja tnax-il gowl f'67 logħba, u spiċċa l-karriera ma' Red Star Belgrade fuq nota pożittiva billi wassal lill-klabb għal doppjetta domestika. Hu rebaħ l-kampjonat tas-Serbja u Montenegro 2004 u t-Tazza tas-Serbja u Montenegro ma' Red Star Belgrade, u f'Lulju tal-2004, hu ngħaqad mat-tim tal-kampjonat Russu Spartak Moscow. Id-dettalji tat-trasferiment ma kinux magħrufa imma kien rappurat li Vidić sar l-aktar difensur għoli fl-istorja tal-Premier League Russu.

Manchester United

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara li lagħab staġun ma' Spartak Moscow, Vidić iffirma ma' Manchester United għal somma ta' madwar £7 miljun fil-5 ta' Jannar 2006;[2] sentejn u nofs wara li Manchester United irrapurtaw interess fih. Hu kien mogħti n-numru 15 u ddebutta ma' Manchester United bħala sostitut għal Ruud Van Nistelrooy fl-aħħar minuti tar-rebħa ta' United kontra Blackburn Rovers fit-tieni leg tas-semi-finali tal-Carling Cup fil-25 ta' Jannar 2006.

Matul l-istaġun 2006–07, Vidić ifforma koppja ma' Rio Ferdinand fiċ-ċentru tad-difiża u stabbilixxa lilu nnifsu mal-ewwel tim. Vidić skorja l-ewwel gowl għal Manchester United fl-14 ta' Ottubru 2006 kontra Wigan Athletic - United ħarġu 3-1 rebbieħa. L-ewwel gowl tiegħu f'Old Trafford kien fir-rebħa ta' 3–0 kontra Portsmouth fl-4 ta' Novembru. L-ewwel gowl fiċ-Champions League għal Manchester United kien kontra SL Benfica fis-6 ta' Diċembru, waqt il-fażi tal-gruppi; partita fejn United ħarġu 3–1 rebbieħa.

Vidić kiser l-għadma tal-ispalla waqt il-partita kontra Blackburn Rovers fil-31 ta' Marzu 2007, u ma kien barra mill-azzjoni għal madwar xahar. Vidić irritorna lura biex jaffaċċja lil AC Milan f'San Siro fit-2 ta' Mejju, f'logħba fejn Manchester United ħarġu telliefa 3–0, u b'hekk sfaw eliminati miċ-Champions League, b'riżultat aggregat ta' 5–3. Minkejja dan kollu, hu rnexxielu jagħmel prestazzjoni solida tliet ijiem wara meta United affaċċjaw lil Manchester City fis-City of Manchester Stadium. United rebħu 1–0 u t-titlu tal-Premier League kien assigurat ġurnata wara meta Chelsea spiċċaw pari mat-tim ta' Arsenal fl-Emirates.

Hu hu rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa difensuri tal-Premiership u l-Ewropa. Imlaqqam "Vida" minn sħabu tat-tim,[3] hu hu magħruf għall-abilità kbira fid-daqqiet tar-ras kemm fid-difiża u anki fuq l-attakk, kif ukoll għall-preżenza fiżika tiegħu u l-bravura tiegħu. Minħabba dan, hu hu ħafna drabi mqabbel ma' difensur li kien jilgħab ma' Manchester United, Steve Bruce, minħabba li għandhom karatteristiċi simili.

Vidić, fl-2005 rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tas-Serbja li jilgħab barra minn pajjiżu, meta kien qed jilgħab għal Spartak Moscow, wara sondaġġ mill-kaptani tas-sittax-il klabb tal-kampjonat Serb li hu organizzat kull sena mill-gazzetta Večernje novosti. Hu rċieva dan l-unur ukoll fl-2007, meta kien qed jilgħab ma' Manchester United. Hu kien imsemmi fost it-Tim tas-Sena tal-Premiership 2006–07 flimkien ma' seba plejers oħra ta' United. Kien imsemmi ukoll fil-31 ta' Awissu 2007 għad-Difensur tas-Sena tal-UEFA, u kien ukoll magħżul fil-25 ta' Settembru 2007, għall-unur tal-plejer tal-FIFPro World XI.

Fit-8 ta' Novembru, Vidić iffirma estenzjoni tal-kuntratt għal sentejn, fejn b'hekk se jżommu mal-klabb ta' Manchester United sas-sena 2012.[4]

Internazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Hu għamel id-debutt internazzjonali fit-12 ta' Ottubru 2002, kontra l-Italja fil-fażi ta' kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej 2004. Vidić kien parti mid-difiża tas-Serbja u Montenegro magħrufa aħjar bħala l-"Famużi Erbgħa", flimkien ma' Mladen Krstajić, Ivica Dragutinović u Goran Gavrančić. Id-difiża tal-"Famużi Erbgħa"[2] laqqtu biss gowl wieħed matul l-għaxar partiti tal-fażi ta' kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2006, l-aqwa rekord difensiv minn tim kwalifikat. Vidić lagħab parti importanti fl-aħħar partita ta' kwalifikazzjoni, kontra l-Bożnija u Ħerżegovina. Is-Serbja u Montenegro rebħu 1–0 u assiguraw il-kwalifikazzjoni, minkejja li Vidić laqqat karta ħamra ħames minuti qabel it-tmiem. Vidić tilef l-ewwel partita tas-Serbja u Montenegro fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Olanda minħabba l-karta l-ħamra li kien laqqat fl-aħħar logħba ta' kwalifikazzjoni, u fit-12 ta' Ġunju 2006 hu weġġa' l-ligament tal-irkoppa x-xellugija matul it-taħriġ u ma lagħab l-ebda logħba tat-Tazza tad-Dinja 2006.[5] Wara t-Tazza tad-Dinja 2006, Vidić irrapreżenta lit-tim nazzjonali l-ġdid tas-Serbja.

Klabb Staġun Kampjonat Tazza League Cup Ewropa Oħrajn[6] Total
App Gowls App Gowls App Gowls App Gowls App Gowls App Gowls
Red Star Belgrade 2000–01 0 0 0 0
Spartak Subotica (self) 2000–01 27 6 27 6
Red Star Belgrade 2001–02 22 2 22 2
2002–03 25 5 25 5
2003–04 20 5 20 5
Total 67 12 67 12
Spartak Moscow 2004 12 2 12 2
2005 27 2 27 2
Total 39 4 39 4
Manchester United 2005–06 11 0 2 0 2 0 0 0 0 0 15 0
2006–07 25 3 5 0 0 0 8 1 0 0 38 4
2007–08 32 1 3 0 0 0 9 0 1 0 45 1
2008–09 34 4 4 0 4 0 8 1 4 2 54 7
Total 102 8 14 0 6 0 25 2 5 2 152 12
Total fil-karriera 235 30 14 0 6 0 25 2 5 2 285 34

Korretti sas-16 ta' Mejju 2009[7]

Red Star Belgrade
Manchester United
  • Plejer tas-Sena tas-Serbja: 2005, 2008
  • Tim tas-Sena tal-PFA: 2006–07, 2007–08, 2008–09
  • Plejer tax-Xahar tal-Premier League: Jannar 2009
  • Plejer tal-iStaġun tal-Barclays: 2008–09
  1. ^ Rođen za Mančester minn glas-javnosti.co.yu (Serb)
  2. ^ a b "Vidic completes £7m Man Utd move" (bl-Ingliż). BBC. 2006-01-05.
  3. ^ "Vida wants Pompey fillip" (bl-Ingliż). Manchester United FC. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-09-02. Miġbur 2008-10-20.
  4. ^ "Vidic signs new Man Utd contract" (bl-Ingliż). BBC. 2007-10-08. Miġbur 2008-10-15.
  5. ^ BCC (ed.). "Injured Vidic out of tournament" (bl-Ingliż).
  6. ^ Tinkludi kompetizzjonijiet kompetittivi oħrajn, fejn tinkludi l-FA Community Shield, is-Supertazza Ewropea, it-Tazza Interkontinentali, Tazza tad-Dinja tal-Futbol tal-Klabbs
  7. ^ "Nemanja Vidic". StretfordEnd.co.uk (bl-Ingliż). Miġbur 2009-01-31.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]