Aqbeż għall-kontentut

Petra

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Al-Khazneh (it-Teżor)

Petra (bl-Għarbi: ٱلْبَتْرَاء‎, b’ittri Rumani: Al-Batrāʾ; bil-Grieg Antik: Πέτρα, "Blata"), magħrufa oriġinarjament mill-abitanti tagħha bħala Raqmu jew Raqēmō[1][2], hija belt storika u arkeoloġika fin-Nofsinhar tal-Ġordan. Petra tinsab madwar Jabal Al-Madbah f’baċir imdawwar bil-muntanji li jiffurmaw in-naħa tal-Lvant tal-Wied ta’ Arabah mill-Baħar il-Mejjet sal-Golf ta’ Aqaba.[3] Il-belt ilha Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1985 u fl-2007 il-binja tat-Teżor ġiet ivvutata bħala waħda mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja.[4][5][6]

Iż-żona madwar Petra ilha abitata saħansitra mis-7000 Q.K., u n-Nabatej x’aktarx li insedjaw ruħhom hemmhekk mir-raba’ seklu Q.K. u iktar ’il quddiem għamluha l-belt kapitali tagħhom.[7][5] Madankollu, l-iskavi arkeoloġiċi sa issa skoprew biss evidenza tal-preżenza tan-Nabatej li tmur lura għat-tieni seklu Q.K. meta Petra kienet ġa saret il-belt kapitali tagħha. In-Nabatej kienu nomadi tal-Arabja li investew fil-prossimità ta’ Petra għar-rotot kummerċjali u stabbilewha bħala ċentru kummerċjali reġjonali maġġuri.[8]

Mappa ta’ Petra

Il-kummerċ qalla’ dħul konsiderevoli lin-Nabatej u Petra saret is-sors ewlieni ta’ ġidhom. In-Nabatej kienu mdorrijin jgħixu f’ambjent tad-deżert, għad-differenza tal-għedewwa tagħhom, u setgħu faċilment joħorġu rebbieħa minn diversi attakki billi jieħdu vantaġġ tat-territorju muntanjuż taż-żona. Kellhom ħila partikolari fil-ġbir u l-ħżin tal-ilma tax-xita, fl-agrikoltura u fit-tinqix tal-ġebel. Petra laħqet il-quċċata tagħha fl-ewwel seklu W.K., meta nbniet l-istruttura famuża tagħha, Al-Khazneh (it-Teżor), li x’aktarx kienet mawżolew tar-Re tan-Nabatej Aretas IV, u l-popolazzjoni tagħha kienet 20,000 ruħ.[9]

Minkejja li r-renju tan-Nabatej sar stat klijent tal-Imperu Ruman fl-ewwel seklu Q.K., Petra tilfet l-indipendenza tagħha biss fis-sena 106 W.K. Petra nħakmet mir-Rumani, u wara l-annessjoni tar-renju ta’ Nabataea biddlulu ismu għal Arabia Petraea.[10] L-importanza ta’ Petra naqset kif feġġew ir-rotot kummerċjali bil-baħar, u wara terremot fit-363 li qered ħafna strutturi. Fi żmien il-Biżantini nbnew diversi knejjes Kristjani, iżda l-belt kompliet sejra lura, u sal-bidu tal-era Iżlamika ġiet abbandunata għalkollox għajr ftit nomadi tgħoddhom fuq ponot subgħajk. Il-belt baqgħet mhux magħrufa wisq għall-Punent sa ma reġgħet ġiet skoperta fl-1812 minn Johann Ludwig Burckhardt.[11]

Żmien in-Neolitiċi

[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta tas-7000 Q.K., skont l-iktar fdalijiet bikrin li nstabu, xi bdiewa diġà kienu stabbilew l-insedjament Neolitiku ta’ qabel żmien il-fuħħar imsejjaħ Beidha, fit-Tramuntana ta’ Petra.[12]

Żmien il-Bronż

[immodifika | immodifika s-sors]

Petra tissemma fid-dokumenti tal-kampanja Eġizzjana u fl-ittri fuq it-tavli ta’ Amarna bħala Pel, Sela jew Seir.[13]

Żmien il-Ħadid

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit Edomit li ġie skavat fil-quċċata tal-muntanja Umm el-Biyara f’Petra ġie stabbilit mhux qabel is-seba’ seklu Q.K. (Żmien il-Ħadid II).[14]

L-Edomiti kienu ċiviltà preistorika imnissla minn Esau. Ġenesi kapitlu 36 fih informazzjoni dwar il-ġenerazzjonijiet ta 'Esau. X’esperjenza inkredibbli kellha tkun għal Esau, ħu Jacob, li għex f’dawn il-muntanji inkredibbli. Għalkemm għadu mhux magħruf x'ġara mill-Oriti, li ġew maħkuma mill-Edomiti, u wara l-Edomiti, li ġew maħkuma min-Nabatej madwar l-400 QK. [15]

Oriġini ta’ Petra

[immodifika | immodifika s-sors]

In-Nabatej kienu wieħed minn fost diversi tribujiet Bedwini nomadiċi li kienu jgħixu fid-Deżert tal-Arabja u kienu jiċċaqilqu minn post għall-ieħor flimkien mal-merħliet tal-bhejjem tagħhom kull fejn kien ikun hemm mergħat u ilma.[7] Għalkemm in-Nabatej kienu inizjalment inkorporati fil-kultura Aramajka, it-teoriji li jgħidu li kellhom għeruq Aramajċi ma ntlaqgħux mill-biċċa l-kbira tal-istudjużi moderni. Minflok, l-evidenza arkeoloġika, reliġjuża u lingwistika tikkonferma li huma tribù tat-Tramuntana tal-Arabja.[16] Evidenza attwali tissuġġerixxi li l-isem tan-Nabatej għal Petra kien Raqēmō, spellut fl-inċiżjonijiet bħala rqmw jew rqm.[2]

L-inċiżjoni taħt il-pont modern

Petra bħala Rekem

[immodifika | immodifika s-sors]

L-istoriku Titus Flavius Josephus (għall-ħabta tas-37-100 W.K.) jikteb li r-reġjun kien abitat mill-Midjaniti fi żmien Mosè u li dawn kienu mmexxija minn ħames rejiet, li wieħed minnhom kien Rekem. Josephus isemmi li l-belt, imsejħa Petra mill-Griegi, kienet “ikklassifikata bħala l-ogħla waħda fit-territorju tal-Għarab” u kienet għadha msejħa Rekem mill-Għarab kollha ta’ żmienu, wara isem ir-re li stabbilixxa l-belt (Antikitajiet tal-Lhud iv. 7, 1; 4, 7).[17]

L-isem Rekem (rqm) kien inċiż fil-blat ta’ Wadi Musa faċċata tad-daħla fis-Siq li jwassal għat-Tezor ta’ Petra.[18] Madankollu, fiż-żminijiet reċenti nbena pont fuq il-wadi u din l-inċiżjoni tgħattiet taħt tunnellati ta’ konkos.[13]

Petra bħala Sela

[immodifika | immodifika s-sors]

Teorija antika kienet tgħid li Petra setgħet tiġi identifikata ma’ post imsejjaħ sela fil-Bibbja bil-Lhudi. L-isem Semitiku sela bil-Lhudi jfisser sempliċement “blata”, u b’hekk x’aktarx mhijiex il-belt imsemmija fil-Bibbja.[3]

Xi riċerkaturi ħasbu li s-silta ta’ Diodorus Siculus (xix. 94-97) li tiddeskrivi l-ispedizzjonijiet li Antigonu bagħat kontra n-Nabatej fit-312 Q.K. se tixħet ftit dawl fuq l-istorja ta’ Petra, iżda t-terminu petra (li bil-Grieg tfisser blata) kienet tirreferi għal fortizza naturali u post kenni li ma setax ikun isem proprju, għaldaqstant id-deskrizzjoni timplika li ma kienet teżisti l-ebda belt hemmhekk dak iż-żmien.[3][19]

Żmien ir-Rumani

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-106 W.K., meta Kornelju Palma kien gvernatur tas-Sirja, il-parti tal-Arabja taħt it-tmexxija ta’ Petra ġiet assorbita fl-Imperu Ruman bħala parti mill-Arabia Petraea, u Petra saret il-belt kapitali.[20] Id-dinastija nattiva ntemmet iżda l-belt kompliet tiffjorixxi taħt it-tmexxija tar-Rumani. Kien għal dik il-ħabta wkoll li nbniet it-Triq Rumana ta’ Petra. Seklu wara, fi żmien Alessandru Severu, meta fil-belt kollox kien ward u żahar, il-kwistjoni taz-zekkar tal-muniti ntemmet. Il-bini tal-oqbra mill-isbaħ waqaf ħesrem, u dan ġie spjegat b’xi katastrofi li ġrat f’daqqa waħda, bħall-invażjoni mis-setgħa neo-Persjana taħt l-Imperu tas-Sassanidi.[3]

Sadanittant, Palmyra (għall-ħabta tal-130-270) kisbet importanza kbira u attirat il-kummerċ tal-Arabja għad-detriment ta’ Petra, li b’hekk qabdet it-triq tan-niżla. Madankollu, milli jidher Petra baqgħet importanti bħala ċentru reliġjuż. Ħdejn is-sit inbniet triq Rumana oħra. Epifanu ta’ Salamis (xi 315-403) jikteb li fi żmienu saret festa hemmhekk fil-25 ta’ Diċembru f’ġieħ il-verġni Khaabou (Chaabou) u n-nisel tagħha Dushara. Dushara u al-Uzza kienu tnejn mill-allat prinċipali tal-belt, li kienet tinkludi diversi idoli oħra ta’ allat tan-Nabatej bħal Allat u Manat.[21]

Munita Rumana tal-bronż ta’ Geta u t-tempju ta’ Petra bl-istatwa ta’ Tike

Bejn il-111 u l-114, Trajanu bena l-Via Traiana Nova, triq mill-fruntiera Sirjana sal-Baħar l-Aħmar u li tgħaddi minn Petra. Din it-triq kienet issegwi r-rotot l-antiki tal-karovani tan-Nabatej. Fid-dell tal-Pax Romana, din ir-rotta reġgħet tat il-ħajja lill-kummerċ bejn l-Arabja, is-Sirja, u l-portijiet tal-Mediterran. Fil-125 W.K., wieħed mill-amministraturi tal-Imperatur Adrijanu ħalla xi traċċi f’Petra, u dan jiġi indikat minn dokumenti li nstabu fil-Baħar il-Mejjet. Fil-130 W.K., Adrijanu żar l-eks kapitali tan-Nabatej, u taha l-isem ta’ Hadriane Petra Metropolis, kif ġie zzekkat fil-muniti tiegħu. Madankollu, iż-żjara tiegħu ma wasslitx għal xi żieda fl-iżvilupp arkitettoniku u f’xi binjiet ġodda kif min-naħa l-oħra ġara f’Jerash. Il-gvernatur tal-provinċja, Sextius Florentinus, bena mawżolew monumentali għal ibnu ħdejn l-aħħar tal-oqbra ta’ al-Hubta (il-Ħajt tar-Re), li ġeneralment kien irriżervat għall-familja rjali fil-perjodu tan-Nabatej.[13]

L-interess li wrew l-imperaturi Rumani għall-belt fit-tielet seklu W.K. jissuġġerixxi li Petra u l-akkwati tagħha baqgħu apprezzati għal żmien twil. Instabet inċiżjoni lil Liber Pater, alla vvenerat mill-Imperatur Settimu Severu, fit-temenos tat-tempju magħruf bħala Qasr al-Bint, u l-oqbra tan-Nabatej kien fihom muniti tal-fidda bir-ritratt tal-imperatur, kif ukoll fuħħar mir-renju tiegħu. L-Imperatur Elagabalu ddikjara li Petra kienet kolonja Rumana, meta organizza l-Imperu Ruman mill-ġdid lejn l-aħħar tat-tielet seklu W.K. Iż-żona minn Petra sa Wadi Mujib, in-Negev, u l-Peniżola ta’ Sinaj ġew annessi fil-provinċja ta’ Palaestina Salutaris. Petra tidher ukoll fil-mużajk ta’ mappa ta’ żmien ir-renju tal-Imperatur Ġustinjanu f’Madaba.[13]

Żmien il-Biżantini

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Knisja Biżantina

Petra malajr marret lura taħt it-tmexxija tar-Rumani, l-iktar minħabba r-reviżjoni tar-rotot kummerċjali bil-baħar. Fit-363, terremot qered ħafna binjiet u ġarrab ħsarat estensivi fis-sistema tal-ġestjoni tal-ilma tant vitali.[11] Il-belt l-antika ta’ Petra kienet il-belt kapitali tal-provinċja Biżantina ta’ Palaestina III u ħafna knejjes minn dak iż-żmien ġew skavati ħdejn Petra. F’waħda minnhom, ġew skoperti 140 papiru, li kien fihom l-iktar kuntratti datati mill-530 sal-590, u li kienu jistabbilixxu li l-belt kienet għadha qed tiffjorixxi fis-sitt seklu. Din il-knisja Biżantina hija l-iprem eżempju ta’ arkitettura monumentali ta’ Petra fi Żmien il-Biżantini.[22]

L-aħħar referenza għal Petra fi Żmien il-Biżantini saret fil-Mergħa Spiritwali ta’ John Moschus, li nkiteb fl-ewwel deċennji tas-seba’ seklu. Huwa jsemmi aneddotu tal-isqof tagħha, Atenoġenu. Petra ma baqatx belt metropolitana mmexxija minn isqof għall-ħabta tas-687, meta dik il-funzjoni ġiet ittrasferiti lil Areopolis. Petra ma tissemma fl-ebda narrattiva tal-ħakma Musulmana tal-Lvant, u lanqas tidher f’xi reġistru Iżlamiku bikri.[23]

Kruċjati u Mamluk

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-seklu 12, dawk li wettqu l-Kruċjati bnew fortizzi bħall-Kastell ta’ Alwaeira, iżda wara ftit kellhom jabbandunaw il-belt ta’ Petra. B’riżultat ta’ dan, Petra intesiet mid-dinja tal-Punent sas-seklu 19.[24][25]

Jeżistu żewġ kastelli oħra ta’ żmien il-Kruċjati qrib Petra. L-ewwel wieħed huwa l-Kastell ta’ al-Wu'ayra, li jinsab fit-Tramuntana ta’ Wadi Musa. Wieħed jista’ jilmħu mit-triq li tagħti għal Petra ż-Żgħira. Huwa l-kastell li ġie ssekwestrat minn grupp ta’ Torok bl-għajnuna tal-Musulmani lokali u dawk li wettqu l-Kruċjati rkupraw il-kastell biss wara li bdew jeqirdu s-siġar taż-żebbuġ ta’ Wadi Musa. It-telf potenzjali tal-għajxien wassal biex in-nies tal-post iċedu. It-tieni kastell jinsab fuq il-quċċata ta’ el-Habis, fil-qalba ta’ Petra, u jista’ jiġi aċċessat min-naħa tal-Punent ta’ Qasr al-Bint.[3]

Il-fdalijiet ta’ Petra qanqlu ħafna kurżità matul il-Medju Evu u żaruhom il-Bajbari, minn wieħed mill-ewwel sultanati Mamluk tal-Eġittu, lejn l-aħħar tas-seklu 13.[3]

Sekli 19-20 u turiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-Oqbra Rjali ta’ Petra

L-ewwel Ewropew li ddeskrivihom kien il-vjaġġatur Żvizzeru Johann Ludwig Burckhardt matul il-vjaġġi tiegħu fl-1812. Dak iż-żmien, il-Knisja Griega ta’ Ġerusalemm kellha djoċesi f’Al Karak jisimha Battra (bl-Għarbi: باطره, u bil-Grieg: Πέτρας) u l-kleru ta’ Ġerusalemm kien tal-fehma li Kerak kienet fil-fatt il-belt antika ta’ Petra.[26]

Léon de Laborde u Louis-Maurice-Adolphe Linant de Bellefonds għamlu l-ewwel tpinġijiet bir-reqqa ta’ Petra fl-1828. Il-pittur Skoċċiż David Roberts żar il-belt ta’ Petra fl-1839 u reġa’ lura l-Ingilterra b’abbozzi ta’ pitturi u ġrajjiet dwar meta ltaqa’ mat-tribujiet lokali, li ġew ippubblikati fir-rendikont tal-ivvjaġġar The Holy Land, Syria, Idumea, Arabia, Egypt, and Nubia. Frederic Edwin Church, il-pittur ewlieni Amerikan tal-pajsaġġi tas-seklu 19, żar il-belt ta’ Petra fl-1868, u l-pittura tiegħu El Khasné, Petra hija l-iktar waħda importanti tiegħu u l-iktar waħda li ġiet iddokumentata.[27]

Minħabba li l-istrutturi ddgħajfu biż-żmien, ħafna mill-oqbra saru vulnerabbli, u ħafna mit-teżori ta’ ġo fihom insterqu mill-ħallelin. Fl-1929, tim magħmul minn erba’ min-nies, l-arkeologi Brittaniċi Agnes Conway u George Horsfield, it-tabib Palestinjan u l-espert folkloristiku Dr Tawfiq Canaan u l-istudjuż Daniż Dr Ditlef Nielsen, li skavaw u stħarrġu l-belt ta’ Petra.[28]

L-arkeologu Philip Hammond mill-Università ta’ Utah żar il-belt ta’ Petra għal kważi 40 sena. Huwa spjega li fil-folklor lokali hemm it-twemmin li l-belt inħolqot bil-ħatar ta’ Mosè, meta mess il-blata bil-ħatar biex l-Iżraeliti jkollhom l-ilma. Hammond kien jemmen li l-kanali mnaqqxin fil-fond tal-ħitan u tal-art kienu nħolqu mill-pajpijiet taċ-ċeramika li fl-imgħoddi wasslu l-ilma għall-belt.[29]

Diversi skrolli bil-Grieg u li jmorru lura għal Żmien il-Biżantini ġew skoperti fl-iskavi ta’ knisja ħdejn it-Tempju tal-Iljuni bil-Ġwienaħ f’Petra f’Diċembru 1993.[30]

L-aċċess għall-belt ta’ Petra huwa minn fondoq twil 1.2 km imsejjaħ is-Siq, li jwassal direttament għat-Teżor. Il-belt ta’ Petra hija famuża għall-arkitettura mnaqqxa fil-blat u għas-sistema tal-ġestjoni tal-ilma. Il-belt tissejjaħ ukoll “il-Belt ir-Roża” minħabba l-kulur tal-ġebla li minnha hija mnaqqxa.[31] Petra hija simbolu tal-Ġordan kif ukoll attrazzjoni turistika popolari ħafna. Fl-2010, l-għadd ta’ turisti laħaq id-918,000 ruħ, iżda mbagħad kien hemm tnaqqis temporanju waqt il-perjodu ta’ instabbiltà politika ġġenerata mir-Rebbiegħa Għarbija.[32] Wara dan il-perjodu, l-għadd rekord ta’ turisti ntlaħaq fl-2019 b’1.1 miljun turist.[33] It-turiżmu fil-belt staġna għalkollox fl-2020 u fl-2021 minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-gvern tal-Ġordan awtorizza skavi eżatt quddiem it-Teżor ladarba t-turiżmu kważi waqaf għalkollox.[34]

Importanza fi żmien il-qedem

[immodifika | immodifika s-sors]

Plinju x-Xiħ u kittieba oħra jidentifikaw il-belt ta’ Petra bħala l-belt kapitali tar-Renju tan-Nabatej u ċ-ċentru tal-kummerċ tal-karovani tagħhom. Imdawra bi blat għoli u b’nixxiegħa perenni, Petra mhux biss kellha l-vantaġġi ta’ fortizza, iżda kienet tikkontrolla r-rotot kummerċjali prinċipali li kienu jgħaddu minnha lejn Gaza fil-Punent, lejn Bosra u Damask fit-Tramuntana, lejn Aqaba u Leuke Kome mal-Baħar l-Aħmar, u tul id-deżert lejn il-Golf tal-Persja.[3]

Sit ta’ Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Belt ta’ Petra ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985. Ġiet deskritta mill-UNESCO bħala “wieħed mill-iktar siti kulturali prezzjużi tal-wirt kulturali tal-bniedem”. Il-valur universal straordinarju tagħha ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[4]

Kontroll tal-ilma

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iskavi wrew li l-belt ta’ Petra nbniet bis-saħħa tal-ħila tan-Nabatej li jikkontrollaw il-provvista tal-ilma u joħolqu oasi artifiċjali fid-deżert. Fiż-żona jkun hemm ħafna maltempati kbar tax-xita f’daqqa, iżda l-evidenza arkeoloġika turi li n-Nabatej irnexxielhom jikkontrollaw l-għargħar li kien jirriżulta minn dawn il-maltempati permezz tal-użu ta’ digi, ċisterni u pajpijiet jew mogħdijiet tal-ilma. Dawn l-innovazzjonijiet kienu jippermettu li l-ilma jinħażen biex jintuża fil-perjodi twal ta’ nixfa u l-belt setgħet anke tistagħna permezz tal-bejgħ tal-ilma stess.[35][36]

Is-Siq

Fil-qedem, l-aċċess għal Petra jaf kien min-Nofsinhar permezz ta’ mogħdija mill-art watja ħdejn Jabal Haroun (“il-muntanja ta’ Aron”), il-post fejn jingħad li hemm il-qabar ta’ Aron, ħu Mosè. Mod ieħor seta’ kien mill-irdum għoli lejn it-Tramuntana. Illum il-ġurnata, il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jaslu fis-sit mil-Lvant minn ġo fondoq dejjaq u mudlam imsejjaħ is-Siq, iffurmat qalb il-blat ramli, li f’xi postijiet mhuwiex iktar minn tliet metri.[37]

Ċentru tal-belt

[immodifika | immodifika s-sors]
It-teatru

Fl-aħħar tal-fondoq dejjaq imsejjaħ is-Siq, wieħed jasal quddiem l-iktar fdal elaborat ta’ Petra, magħruf bħala Al-Khazneh (“it-Teżor”), imnaqqax fil-blat ramli tal-irdum. Filwaqt li għadu f’kundizzjoni ppreservata tajjeb ħafna, il-faċċata tal-istruttura għandi marki ta’ mijiet ta’ tiri tal-armi tan-nar li kienu sparaw it-tribujiet Bedwini lokali bit-tama li jiskopru xi rikkezzi li kien jingħad li kienu moħbija fil-binja.[37] Ftit iktar lil hinn mit-Teżor, taħt il-muntanja msejħa en-Nejr, hemm teatru enormi, ippożizzjonat b’tali mod li minnu jkunu jidhru l-ikbar numru possibbli ta’ oqbra fl-isfond. Fil-punt fejn il-wied jiftaħ beraħ f’art watja, is-sit tal-belt jiġi żvelat b’effett tal-għaġeb. It-teatru tħaffer mill-ġebla tal-għolja u f’diversi oqbra matul il-kostruzzjoni tiegħu. Għad hemm spazji rettangolari viżibbli maġenb il-postijiet li kienu allokati biex wieħed ipoġġi bilqiegħda. Kważi jikkonfinaw it-teatru minn tliet naħat hemm muntanji roża li huma diviżi fi gruppi minħabba xquq fondi u allinjati b’għamliet ta’ torrijiet imnaqqxin fil-blat.[3]

Il-Kumpless tal-Pixxina u tal-Ġnien ta’ Petra huwa sensiela ta’ strutturi fiċ-ċentru tal-belt. Oriġinarjament kien jingħad li kienet żona tas-suq[38], iżda permezz ta’ skavi li saru fis-sit, l-istudjużi setgħu jidentifikawha bħala ġnien elaborat tan-Nabatej, li kien jinkludi pixxina kbira għall-għawm, gżira-padiljun, u sistema idrawlika ddettaljata.[39][40]

Struttura kbira skoperta fl-2016

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-2016, l-arkeologi użaw l-immaġni bis-satellita u droni biex jiskopru struttura monumentali kbira ħafna, li qabel ma kinitx magħrufa, li x’aktarx tmur lura għal madwar il-150 Q.K., iż-żmien meta n-Nabatej bdew il-programm pubbliku tagħhom tal-bini. Din tinsab ’il barra miż-żona prinċipali tal-belt, taħt Jabal an-Nmayr u xi 0.80 km fin-Nofsinhar taċ-ċentru tal-belt, iżda tħares lejn il-Lvant, mhux lejn il-belt, u ma għandha l-ebda rabta viżibbli magħha. L-istruttura tikkonsisti minn pjattaform enormi ta’ 56 metru b’49 metru, b’taraġ monumentali ħdejn in-naħa tal-Lvant tagħha. Il-pjattaforma kbira tikkonfina fiha oħra iżgħar, b’binja komparattivament żgħira ta’ 8.5 metri bi 8.5 metri, li tħares il-Lvant lejn it-taraġ. L-istruttura, iżgħar biss mill-kumpless tal-Monasteru, probabbli kellha funzjoni ċerimonjali li r-riċerkaturi lanqas biss ħjiel m’għandhom x’kienet għalissa.[41][42][43]

F’Petra, il-klima hija semiarida. Il-biċċa l-kbira tax-xita tinżel fix-xitwa. Il-klassifikazzjoni klimatika ta’ Köppen-Geiger hija BSk. It-temperatura annwali medja f’Petra hija 15.5 °C. Kull sena l-preċipitazzjoni tlaħħaq madwar 193 mm.

Data klimatika dwar Petra
Xahar Jan Frar Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. massima medja fi °C (°F) 11.0

(51.8)

13.1

(55.6)

16.6

(61.9)

20.9

(69.6)

25.1

(77.2)

28.6

(83.5)

29.8

(85.6)

30.0

(86.0)

28.1

(82.6)

24.6

(76.3)

18.2

(64.8)

13.4

(56.1)

21.6

(70.9)

Temp. minima medja fi °C (°F) 2.2

(36.0)

2.8

(37.0)

5.6

(42.1)

8.7

(47.7)

11.7

(53.1)

14.1

(57.4)

16.1

(61.0)

16.5

(61.7)

14.2

(57.6)

11.2

(52.2)

7.1

(44.8)

3.4

(38.1)

9.5

(49.1)

Preċipitazzjoni medja f’mm (pulzieri) 45

(1.8)

38

(1.5)

36

(1.4)

12

(0.5)

4

(0.2)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

0

(0)

2

(0.1)

15

(0.6)

41

(1.6)

193

(7.6)

Sors: Climate-Data.org,Climate data
It-Tempju l-Kbir ta’ Petra

In-Nabatej kienu jqimu l-allat maskili u femminili Għarab matul iż-żmien pre-Iżlamiku kif ukoll xi ftit mir-reijiet divini tagħhom. Re minnhom, Obodas I, ġie meqjus bħala alla wara mewtu. Dushara kien l-alla maskili primarju akkumpanjat mit-tliet allat femminili tiegħu: Al-‘Uzzā, Allat u Manāt. Ħafna statwi mnaqqxin fil-blat juru dawn l-allat maskili u femminili. Evidenza ġdida tindika li t-teoloġija usa’ tal-Edomiti u tan-Nabatej kellha rabtiet b’saħħithom mar-relazzjonijiet bejn id-Dinja u x-Xemx, li spiss kienet tiġi mmanifestata fl-orjentazzjoni tal-istrutturi prominenti ta’ Petra lejn it-tlugħ u l-inżul ix-xemx tal-ekwinozju u tas-solstizju.[44]

Hemm ukoll stele tar-re Qosmilk iddedikata lil Qos-Allah. Qos huwa identifikabbli ma’ Kaush (Qaush), l-alla tal-Edomiti. L-istele għandha qrun u s-siġill ta’ Tawilan l-Edomit bi stilla u n-nofs qamar ta’ Kaush, it-tnejn konsistenti mal-alla tal-Qamar. X’aktarx li dan tal-aħħar seta’ rriżulta mill-kummerċ ma’ Harran. In-natura ta’ Qos, li seta’ kien identifikat kemm ma’ alla tal-kaċċa (Qos - qaws) kif ukoll ma’ alla tat-temp (Qos - qawsalla), għalkemm in-nofs qamar fuq l-istele qisha qaws ukoll.[45]

L-inċiżjonijiet tan-Nabatej fis-Sinaj u f’postijiet oħra għandhom diversi referenzi għal ismijiet ta’ allat (Allah, El u Allat), b’referenzi reġjonali għal al-Uzza, Baal u Manutu (Manat). L-isem Allat jinstab ukoll fis-Sinaj bil-lingwa tan-Nofsinhar tal-Arabja. L-isem Allah jokkorri partikolarment bħala Garm-'allahi – “alla ddeċieda” (bil-Grieg Garamelos) u Aush-allahi – "il-patt t’Alla” (bil-Grieg Ausallos), u Shalm-lahi “Alla hu paċi” u Shalm-allat “il-paċi tal-alla femminili”, Amat-allahi "qaddejja femminili t’alla” u Halaf-llahi “is-suċċessur ta’ alla”.[46]

Dan l-aħħar, Petra tressqet bħala l-Mekka oriġinali minn xi skola reviżjonista tal-istudji Iżlamiċi, minħabba l-konstatazzjonijiet ta’ għadd kbir ta’ biċċiet ta’ evidenza indipendenti, b’mod partikolari li l-moskej oriġinali bikrin kienu jħarsu lejn Petra, mhux lejn Ġerusalemm jew lejn Mekka, bħala d-direzzjoni tat-talb Musulman, il-Qibla. Madankollu, oħrajn ma qablux man-nozzjoni tat-tqabbil tal-interpretazzjonijiet modern tad-direzzjonijiet tal-Qibla ma’ dawk tal-moskej bikrin peress li jsostnu li l-Musulmani bikrin ma setgħux jikkalkulaw bir-reqqa d-direzzjoni tal-Qibla lejn il-Mekka u għalhekk id-direzzjoni lejn Petra skonthom hija biss kumbinazzjoni. Petra (Raqēmō) tissemma fil-Koranfis-Surah al-Kahf bħala الرقيم al-Raqīm.[47]

Il-Monasteru

Il-Monasteru, l-ikbar monument ta’ Petra, imur lura għall-ewwel seklu Q.K. Kien iddedikat lil Obodas I u jingħad li huwa simpożju ta’ l-alla Obodas. Dan it-tagħrif huwa inċiż fuq il-fdalijiet tal-Monasteru (bl-Għarbi: Ad Deir).[3]

It-Tempju tal-Iljuni bil-Ġwienaħ huwa kumpless ta’ tempju kbir li jmur lura għar-renju tar-Re Aretas IV (9 Q.K.-40 W.K). It-tempju jinsab fl-hekk imsejjaħ Kwartier Sagru ta’ Petra, li hija żona li tinsab fl-aħħar tat-Triq bil-Kolonni ta’ Petra u li tikkonsisti minn żewġ tempji maestużi, il-Qasr al-Bint u fuq in-naħa opposta t-Tempju tal-Iljuni bil-Ġwienaħ fin-naħa tat-Tramuntana ta’ Wadi Musa.[3]

Il-Kristjaneżmu wasal Petra fis-seklu 4 W.K., kważi 500 sena wara li Petra ġiet stabbilita bħala ċentru kummerjali. Atanasju jsemmi isqof ta’ Petra li kien jismu Asterju. Minn tal-inqas wieħed mill-oqbra (x’aktarx “il-qabar tal-urna”) kien jintuża bħala knisja. Hemm inċiżjoni b’żebgħa ħamra li tfakkar il-konsagrazzjoni tagħha “fi żmien l-isqof imqaddes Jason” (fl-447 W.K.). Wara l-ħakma Iżlamika tas-629-632, il-Kristjaneżmu f’Petra, bħal kważi fil-kumplament tal-Arabja, ċeda postu lill-Iżlam. Matul l-Ewwel Kruċjata, Petra ġiet okkupata minn Baldwin I tar-Renju ta’ Ġerusalemm u kienet tifforma parti mit-tieni żona ta’ kontroll tal-Barunija ta’ Al Karak bit-titlu Château de la Valée de Moyse jew Sela. Petra baqgħet f’idejn il-Franki sal-1189 u għadha sede titolari tal-Knisja Kattolika.[3]

Skont it-tradizzjoni Għarbija, Petra hija l-post fejn Musa (Mosè) mess blata bil-ħatar tiegħu u ħareġ l-ilma, u fejn Aron, ħu Mosè, huwa midfun fil-Muntanja Hor, magħrufa llum bħala Jabal Haroun jew Muntanja Aron. Wadi Musa jew “Wadi ta’ Mosè” huwa l-isem Għarbi għall-wied dejjaq fejn tinsab Petra. Fi żmien Ġeromju fis-seklu 4, kien hemm is-santwarju ta’ Mirjam, oħt Mosè, fil-quċċata ta’ xi muntanja iżda l-post eżatt baqa’ ma ġiex identifikat.[48]

Wirt tal-Bedwini

[immodifika | immodifika s-sors]
Ġrajjiet folkloristiċi tal-Bedwini billejl quddiem it-Teżor imdawwal biss b’ħafna lanterni żgħar

Fl-1985, qabel il-proċess tad-deżinjazzjoni tal-UNESCO, il-gvern tal-Ġordan ordna li l-insedjament tal-Bidoul/Bidul (il-Bedwini ta’ Petra) jgħaddi mill-abitazzjonijiet fl-għerien f’Petra għal Umm Sayhoun/Um Seihun. Huma ngħataw blokok ta’ abitazzjonijiet moderni b’xi infrastruttura bħad-drenaġġ u s-sanitazzjoni. Fost is-sitt komunitajiet fir-Reġjun ta’ Petra, Umm Sayhoun hija waħda mill-iżgħar komunitajiet. Il-villaġġ ta’ Wadi Musa huwa l-ikbar fiż-żona, abitat l-iktar mill-Bedwini Layathnah, u attwalment huwa l-eqreb insedjament għaċ-ċentru tal-viżitaturi, id-daħla prinċipali permezz tas-Siq u s-sit arkeoloġiku inġenerali. Umm Sayhoun tagħti aċċess għal rotta sekondarja li twassal għas-sit bil-mixi msejħa r-rotta tal-mixi ta’ Wadi Turkmaniyeh.[49]

Il-Park Arkeoloġiku ta’ Petra sar entità legali awtonoma u ħa f’idejh il-ġestjoni tas-sit f’Awwissu 2007.[50]

Il-Bidul jappartjenu għal wieħed mit-tribujiet tal-Bedwini li l-wirt kulturali u l-ħiliet tradizzjonali tagħhom ġew imniżżla fil-Lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO fl-2008 wara proċess li kien inbeda fl-2005.[49]

Fl-2011, wara fażi ta’ ppjanar ta’ 11-il xahar, l-Awtorità tal-Iżvilupp u tat-Turiżmu tar-Reġjun ta’ Petra flimkien ma’ DesignWorkshop u JCP s.r.l. ippubblikaw Pjan Direzzjonali Strateġiku li jiggwida l-iżvilupp ippjanat tar-Reġjun ta’ Petra. B’hekk, l-iżvilupp ippjanat fir-Reġjun ta’ Petra jiġi ggwidat b’mod effiċjenti, ibbilanċjat u sostenibbli sal-2031 għall-benefiċċju tal-popolazzjoni lokali u tal-Ġordan inġenerali. Bħala parti minn dan il-pjan, ġie żviluppat Pjan Strateġiku għal Umm Sayhoun u ż-żoni tal-madwar.[51]

Il-proċess tal-iżvilupp tal-Pjan Strateġiku kkunsidra l-ħtiġijiet taż-żona minn ħames perspettivi:

  • il-perspettiva soċjoekonomika;
  • il-perspettiva tal-Park Arkeoloġiku ta’ Petra;
  • il-perspettiva tal-prodott turistiku ta’ Petra;
  • il-perspettiva tal-użu tal-art;
  • il-perspettiva ambjentali.

Hemm diversi theddidiet li jaffettwaw is-sit ta’ Petra, fosthom iċ-ċediment tal-istrutturi antiki, l-erożjoni mill-għargħar u l-iskular tal-ilma tax-xita, l-effetti tal-melħ fuq il-blat[52], ir-restawr ħażin tal-istrutturi antiki u t-turiżmu mhux sostenibbli.[53] Din tal-aħħar żdiedet b’mod sostanzjali, speċjalment minn mindu s-sit ingħata kopertura estensiva mill-mezzi tax-xandir meta sar wieħed mis-Seba’ Għeġubijiet Ġodda tad-Dinja.[54]

Fl-1989, f’tentattiv biex jittaffa l-impatt ta’ dawn it-theddidiet, ġiet stabbilita t-Trust Nazzjonali ta’ Petra. Din ħadmet ma’ bosta organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali fuq proġetti li jippromwovu l-protezzjoni, il-konservazzjoni, u l-preservazzjoni tas-sit ta’ Petra.[55] Barra minn hekk, l-UNESCO u l-ICOMOS dan l-aħħar ikkollaboraw biex jippubblikaw l-ewwel ktieb tagħhom fuq it-theddidiet umani u naturali għas-Siti ta’ Wirt Dinji sensittivi u għażlu lil Petra bħala l-iktar eżempju importanti ta’ pajsaġġi mhedda. Il-preżentazzjoni Tourism and Archaeological Heritage Management at Petra: Driver to Development or Destruction? (2012) kienet l-ewwel waħda minn sensiela biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin ta’ dawn il-binjiet, il-bliet, is-siti u r-reġjuni li qed jiddeterjoraw.[56]

Fl-2018, l-organizzazzjoni tal-Persuni għat-Trattament Etiku tal-Annimali, PETA, irrilaxxat filmat dwar l-abbuż kontra l-annimali li jintużaw għax-xogħol f’Petra. PETA ddikjarat li l-annimali jiġu sfurzati jġorru t-turisti jew iġorru l-karrijiet kuljum. Il-filmat wera lil dawk li suppost qed jieħdu ħsieb l-annimali, isawtuhom u jagħtuhom bil-frosta darba wara l-oħra kull meta l-annimali ma jobdux. PETA żvelat ukoll xi annimali feruti, b’ġerħiet miftuħa u infestati bid-dubbien.[57] L-awtorità Ġordana li tieħu ħsieb is-sit wieġbet billi fetħet klinika veterinarja u billi żiedet is-sensibilizzazzjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali fost dawk li kienu qed jieħdu ħsiebhom u jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom permezz tagħhom.[58]

Oqbra rjali fin-Nofsinhar tal-belt

Konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-belt ta’ Petra hija sit f’salib it-toroq bejn il-wirt naturali u l-wirt kulturali b’pajsaġġ kulturali uniku. Minn mindu Johann Ludwig Burckhardt[59] magħruf ukoll bħala x-Xejikk Ibrahim reġa’ skopra l-belt arkeoloġika ta’ Petra fl-1812, is-sit kulturali attira nies differenti li kienu jikkondividu interess fl-istorja u fil-kulturi tal-qedem tan-Nabatej, fosthom vjaġġaturi, pellegrini, pitturi, għorrief u studjużi.[60] Madankollu, ir-riċerkaturi arkeoloġiċi bdew jaħdmu b’approċċ sistematiku lejn l-aħħar tas-seklu 19. Minn dak iż-żmien ’l hawn saru skavi arkeoloġiċi regolari u riċerka kontinwa dwar il-kultura tan-Nabatej f’Petra.[61] Permezz tal-iskavi fil-Park Arkeoloġiku ta’ Petra, instabu għadd dejjem jikber ta’ fdalijiet kulturali tan-Nabatej iżda dawn ġew esposti għall-impatt ambjentali. Il-ġestjoni tal-ilma hija kwistjoni ċentrali biex jittaffa l-impatt fuq il-wirt mibni u fuq il-faċċati tal-fdalijiet imnaqqxin fil-blat.[62] L-għadd kbir ta’ skoperti u l-esponiment tal-istrutturi u tas-sejbiet jeħtieġu miżuri ta’ konservazzjoni li jirrispettaw l-isfida ċentrali tal-interkonnessjoni bejn il-pajsaġġ naturali u l-wirt kulturali.[63]

Konservazzjoni tal-wirt kulturali

[immodifika | immodifika s-sors]

F’dawn l-aħħar snin ġew stabbiliti kampanji u proġetti differenti ta’ konservazzjoni f’Petra. Ix-xogħlijiet prinċipali ffukaw fuq is-sitwazzjoni tad-daħla tas-Siq biex it-turisti jkunu protetti u biex l-aċċess jiġi ffaċilitat. Barra minn hekk, saru proġetti differenti għar-riċerka tal-konservazzjoni, fosthom:

  • 1958: restawr tat-tielet pilastru tal-binja tat-Teżor (Al-Khazneh). Dan il-proġett ġie ffinanzjat mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Internazzjonali tal-Istati Uniti (USAID)
  • 1974-1990: xogħol ta’ konservazzjoni fiż-żona skavata tat-Tempju tal-Iljuni bil-Ġwienaħ
  • 1981: xogħlijiet differenti ta’ restawr mid-Dipartiment tal-Antikitajiet tal-Ġordan[64]
  • 1985: xogħlijiet ta’ restawr fit-Tempju ta’ Qasr El Bint mid-Dipartiment tal-Antikitajiet tal-Ġordan[65]
  • 1990-1998: skavi u konservazzjoni tal-Knisja Biżantina miċ-Ċentru Amerikan tar-Riċerka Orjentali (ACOR)
  • 1992-2002: proġett GTZ Ġermaniż taċ-Ċentru tal-Konservazzjoni u r-Restawr f’Petra (CARCIP)[63]
  • 1993-2000: skavi, konservazzjoni u restawr tat-Tempju l-Kbir, iffinanzjati mill-Brown University, l-Istati Uniti[66]
  • 1996 ’il quddiem: restawr tas-Siq u riabilitazzjoni tal-art tas-Siq mit-Trust Nazzjonali ta’ Petra, iffinanzjati bejn il-Ġordan u l-Iżvizzera mill-fond tal-Aġenzija Żvizzera għall-Iżvilupp u mill-Fond Dinji għall-Monumenti[67]
  • 2001: restawr tal-artal quddiem il-Casr Bint Firaun mill-UNESCO
  • 2003: żvilupp ta’ pjan ta’ konservazzjoni u ta’ manutenzjoni tas-sistemi antiki tad-drenaġġ biex jiġu protetti l-faċċati mnaqqxin fil-blat[62]
  • 2003-2017: evalwazzjoni tad-desalinazzjoni u tar-restawr tal-faċċati tal-oqbra[68]
  • 2006-2010: preservazzjoni u konsolidazzjoni tal-arti mal-ħitan fis-Siq al Barid mit-Trust Nazzjonali ta’ Petra b’kooperazzjoni mad-Dipartiment tal-Antikitajiet tal-Ġordan u mal-Courtauld Institute of Art (Londra)
  • 2009 ’il quddiem: sforz imġedded biex jiġi ppreservat u riabilitat t-Tempju tal-Iljuni bil-Ġwienaħ permezz tal-Inizjattiva tal-Ġestjoni Kulturali tat-Tempju tal-Iljuni bil-Ġwienaħ, u l-kontribut tal-Park Arkeoloġiku ta’ Petra u d-Dipartiment tal-Antikitajiet tal-Ġordan
  • 2016-2019: karatterizzazzjoni u konservazzjoni tal-arti tal-ħitan u l-iskulturi tan-Nabatej f’Petra permezz tal-Proġett ta’ Konservazzjoni tal-Arti tal-Ħitan ta’ Petra (PPCP)[69], iffinanzjat mill-Fondazzjoni Ġermaniża tar-Riċerka (il-proġett nru 285789434).[70]

Kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Fl-1845, il-poeta Brittaniku John William Burgon rebaħ il-Premju Newdigate tal-Università ta’ Oxford għall-poeżija tiegħu “Petra”, li fiha d-deskrizzjoni famuża ...a rose-red city half as old as time (belt roża fl-aħmar li għandha nofs iż-żmien taż-żmien innifsu).
  • Petra tissemma fir-rumanzi Left Behind Series; Appointment with Death; The Eagle in the Sand; The Red Sea Sharks, id-dsatax-il ktieb fis-sensiela The Adventures of Tintin; u f’The Moon Goddess and the Son ta’ Kingsbury. Kellha rwol prominenti fir-rumanz misterjuż ta’ Marcus Didius Falco Last Act in Palmyra, u hija l-post fejn Agatha Christie ambjentat Appointment With Death. Fir-rumanz ta’ Blue Balliett Chasing Vermeer, il-karattru Petra Andalee ngħatat isem is-sit apposta.[71]
  • Fl-1979 Marguerite van Geldermalsen minn New Zealand iżżewġet lil Mohammed Abdullah, Bedwin minn Petra.[72] Huma għexu f’għar f’Petra sa mewt ir-raġel. Kienet l-awtriċi tal-ktieb Married to a Bedouin. Van Geldermalsen hija l-unika mara mill-Punent li qatt għexet f’għar f’Petra.
  • Joan Ward mill-Ingilterra kitbet Living With Arabs: Nine Years with the Petra Bedouin[73] u ddokumentat l-esperjenzi tagħha meta għexet f’Umm Sayhoun mal-Bedwini ta’ Petra fil-perjodu mill-2004 sal-2013.

Traġikummiedja

[immodifika | immodifika s-sors]
  • It-traġikummiedja Petra ta’ John Yarbrough iddebuttat fil-Manhattan Repertory Theatre fl-2014[74], u saret ukoll fil-Hudson Guild fi New York fl-2015, fejn rebħet diversi premjijiet. Barra minn hekk, intgħażlet għall-antoloġija Best American Short Plays 2014-2015.[75]
  • Is-sit deher f’diversi films, fosthom Indiana Jones and the Last Crusade, Arabian Nights, Passion in the Desert, Mortal Kombat: Annihilation, Sinbad and the Eye of the Tiger, The Mummy Returns, Krrish 3, Transformers: Revenge of the Fallen, Samsara u Kajraare.[76]
  • Petra dehret fl-episodju 20 ta’ Misaeng.[77]
  • Petra dehret f’episodju ta’ Time Scanners, magħmul għan-National Geographic, fejn sitt strutturi antiki ġew skenjati bil-laser, u r-riżultati nbnew f’mudelli 3D. Permezz tal-eżami bir-reqqa tal-mudell ta’ Petra, ingħata ħjiel kif setgħet inbniet fil-qedem.[78]
  • Petra kienet is-suġġett ċentrali ta’ programm speċjali tal-PBS Nova Amerikana msejjaħ Petra: Lost City of Stone, li deher għall-ewwel darba fl-Istati Uniti u fl-Ewropa fi Frar 2015.[79]
  • Petra hija ċentrali għall-ewwel sensiela oriġinali ta’ Netflix bl-Għarbi msejħa Jinn, li hija dramm supernaturali taż-żgħażagħ dwar ġenji maġiċi fil-belt antika ta’ Petra. It-tema tas-sensiela hija li d-dinja ma tinqeridx minn Jinn. Is-sensiela nġibdet fil-Ġordan u fiha ħames episodji.[80]
  • Petra dehret f’Destination Truth, fejn jingħad li fil-fdalijiet hemm il-fatati tal-ġenji jew tal-jinn, li fil-mitoloġija pre-Iżlamika bikrija u fit-teoloġija Iżlamika jitqiesu bħala spirti jew xjaten.[81]

Mużika u filmati mużikali

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Sitt xhur wara mixja li marret ħażin u li fiha miet żewġ persuni mill-Iżrael fl-1958, Haim Hefer kiteb il-kliem għal ballata msejħa Ha-Sela ha-Adom (“Il-Blata l-Ħamra”).[82]
  • Fl-1977, l-aħwa Libaniżi Rahbani kitbu l-musical Petra bħala rispons għall-Gwerra Ċivili Libaniża.[83]
  • Id-The Sisters of Mercy ġibdu l-filmat mużikali tagħhom għal "Dominion/Mother Russia" madwar l-Al-Khazneh ("it-Teżor") fi Frar 1988.[84]
  • Fl-1994, Petra dehret fil-filmat għas-single tal-Urban Species "Spiritual Love".[85]

Logħob elettroniku

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Petra tidher bħala mappa inizjali fil-logħba elettronika Overwatch.
  • Petra tidher bħala għaġeb tad-dinja li jista’ jinbena fil-ħames u fis-sitt edizzjonijiet tal-logħba elettronika Civilization.
  • Fil-logħba elettronika tal-2008 Sonic Unleashed, il-villaġġ ta’ Shamar huwa ispirat minn Petra.

Dokumentazzjoni 3D

[immodifika | immodifika s-sors]

Uħud mill-istrutturi fil-Park Arkeoloġiku ta' Petra ġew iddokumentat spazjalment permezz tal-proġett Zamani u huma viżibbli fir-repożitorju maDIH.[86]

  1. Stephan G. Schmid and Michel Mouton (2013). Men on the Rocks: The Formation of Nabataean Petra. ISBN 9783832533137.
  2. 1 2 Shaddel, Mehdy (2017-10-01). "Studia Onomastica Coranica: AL-Raqīm, Caput Nabataeae*". Journal of Semitic Studies. 62 (2): 303–318. ISSN 0022-4480.
  3. 1 2 3 4 5 6 7 8 9 10 11 Chisholm, Hugh (ed.). Encyclopædia Britannica. 21 (11th ed.). Cambridge University Press. pp. 309–310.
  4. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Petra". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-18.
  5. 1 2 ""Lost City" of Petra Still Has Secrets to Reveal". History (bl-Ingliż). 2017-01-26. Miġbur 2021-03-18.
  6. "Wonders". New7Wonders of the World (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-18.
  7. 1 2 Taylor, Jane (2001). Petra and the Lost Kingdom of the Nabataeans. London: I.B.Tauris. pp. 14, 17, 30, 31. ISBN 9781860645082.
  8. Jack D. Elliott, Jr. (1996). Joe D. Seger (ed.). The Nabatean Synthesis of Avraham Negev: A Critical Appraisal. Retrieving the Past: Essays on Archaeological Research and Methodology in Honor of Gus W. Van Beek. Eisenbrauns. p. 56. ISBN 9781575060125.
  9. ""Petra Lost and Found". National Geographic. Arkivjat 08-04-2018". Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-04-08. Miġbur 2021-03-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. "Ancient Petra Jordan's Lost Oasis". History (bl-Ingliż). 2018-02-09. Miġbur 2021-03-18.
  11. 1 2 Glueck, Grace (2003-10-17). "ART REVIEW; Rose-Red City Carved From the Rock". The New York Times (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |aċċess= (għajnuna)
  12. ""A Short History". Petra National Foundation. Arkivjat 04-12-2017". Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-12-04. Miġbur 2021-03-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. 1 2 3 4 "Terhaal". Terhaal (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-18.
  14. Bienkowski, P. (1992). "The beginning of the Iron Age in Edom: A reply to Finkelstein". Levant. 24 (1): 167–169.
  15. The Many Mysteries Of Petra Jordan
  16. Maalouf, Tony (2003). Arabs in the Shadow of Israel: The Unfolding of God's Prophetic Plan for Ishmael's Line. Kregel Academic. ISBN 9780825493638.
  17. Henderson, Jeffrey. "Jewish Antiquities: Book I: Poem 1". Loeb Classical Library (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-18.
  18. Browning, Iain (1974), Petra, Chatto & Windus, p. 109.
  19. Diodorus Siculus. "Section 95 (note 79)". Account of Antigonus' expedition to Arabia. xix.
  20. Dio Cassius, LXVII. 14, 5.
  21. Alpass, Peter (2013). "Chapter 2". The Religious Life of Nabataea.
  22. Frösén, Jaakko (2012). "Petra papyri". The Encyclopedia of Ancient History. Blackwell Publishing Ltd. ISBN 9781444338386.
  23. Zbigniew T. Fiema, Ahmad Al-Jallad, Michael C. A. Macdonald, and Laïla Nehmé, "Provincia Arabia: Nabataea, the Emergence of Arabic as a Written Language, and Graeco-Arabica, in Greg Fisher (ed.), Arabs and Empires before Islam (Oxford University Press, 2015), p. 394.
  24. "The Crusades". nabataea.net. Miġbur 2021-03-18.
  25. Lawler, Andrew. "Reconstructing Petra". Smithsonian Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-18.
  26. Burckhardt, John Lewis (1822). Travels In Syria And Holy Land.
  27. Carr, Gerald L. (1994). Frederic Edwin Church: Catalogue Raisonne of Works at Olana State Historic Site, Volume I. Cambridge: Cambridge University Press. pp. 386–396. ISBN 978-0521385404.
  28. Conway, A.; Horsfield, G. (1930). "Historical and Topographical Notes on Edom: with an account of the first excavations at Petra". The Geographical Journal. 76 (5): 369–390. JSTOR 1784200.
  29. "Forbidden Archaeology of Petra and Nazca (dokumentarju). National Geographic. 2018 – YouTube".
  30. ""Petra". National Geographic. Arkivjat 20-08-2017". Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-08-20. Miġbur 2021-03-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  31. ""Major Attractions: Petra". Jordan Tourism Board. Arkivjat 04-11-2016". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-11-04. Miġbur 2021-03-18.
  32. "Thousands protest in Jordan - Middle East - Al Jazeera English". web.archive.org. 2011-11-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-11-17. Miġbur 2021-03-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  33. "Rose-red city of Petra wraps up 2019 with record-breaking 1,135,300 visitors". Jordan Times (bl-Ingliż). 2020-01-06. Miġbur 2021-03-18.
  34. "Ghosts replace crowds as Covid-19 rattles Jordan's ancient city of Petra". the Guardian (bl-Ingliż). 2020-05-15. Miġbur 2021-03-18.
  35. "PETRA: Water Works". nabataea.net. Miġbur 2021-03-18.
  36. "Geotimes — June 2004 — Petra: An Eroding Ancient City". www.agiweb.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-03-31. Miġbur 2021-03-18.
  37. 1 2 "Robert Fulford's column about Petra, Jordan". www.robertfulford.com. Miġbur 2021-03-18.
  38. Bachmann , W. , Watzinger, C. Wiegand, T. (1921). Petra, vol 3. Wissenschaftliche Vero¨ffentlichungen des Deutsch-Turkischen Denkmalschutz-Kommandos 3. Berlin: De Gruyter. pp. 37–41.
  39. Bedal L-A, Schryver J. G., Gleason K. L. (2011). "The Petra Garden and Pool Complex, 2007 and 2009 field seasons". Annu Dep Antiq Jordan. 55: 313–328.
  40. Bedal L-A, Gleason K. L., Schryver J. G. (2007). "The Petra Garden and Pool Complex, 2003–2005". Annu Dep Antiq Jordan. 51: 151–176.
  41. Parcak, Sarah; Tuttle, Christopher A. (May 2016). "Hiding in Plain Sight: The Discovery of a New Monumental Structure at Petra, Jordan, Using WorldView-1 and WorldView-2 Satellite Imagery". Bulletin of the American Schools of Oriental Research. 375 (375): 35–51.
  42. "Archaeologists discover massive Petra monument that could be 2,150 years old". the Guardian (bl-Ingliż). 2016-06-09. Miġbur 2021-03-18.
  43. "Massive New Monument Found in Petra". History (bl-Ingliż). 2016-06-08. Miġbur 2021-03-18.
  44. Angel, Tom Paradise, Chris (2019-02-06). "Nabataean Architecture and the Sun" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  45. Browning 28; Bartlett 194.
  46. Negev 11.
  47. Shaddel, Mehdy (2017-10-01). "Studia Onomastica Coranica: AL-Raqīm, Caput Nabataeae*". Journal of Semitic Studies. 62 (2): 303–318. ISSN 0022-4480.
  48. "Petra". Sacred Sites: World Pilgrimage Guide (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  49. 1 2 "UNESCO - Cultural space of the Bedu in Petra and Wadi Rum". ich.unesco.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  50. "Archeological Park - Visit Petra". visitpetra.jo. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-09-02. Miġbur 2021-03-19.
  51. DesignWorkshop, The Petra Development and Tourism Region Authority (Ġunju 2011). "The Strategic Master Plan for Petra Region" (PDF).
  52. Heinrichs, K.; Azzam, R. (June 2012). "Investigation of salt weathering on stone monuments by use of a modern wireless sensor network exemplified for the rock-cut monuments in Petra / Jordan – a research project". International Journal of Heritage in the Digital Era. 1 (2): 191–216.
  53. ""Heritage at Risk 2004/2005: Petra" (PDF). icomos.org" (PDF).
  54. ""Heritage Conservation Grips Jordan's Petra Amid Booming Tourism". Xinhua News Agency. Arkivjat 18-09-2009". Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-09-18. Miġbur 2021-03-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  55. ""Petra National Trust-About". petranationaltrust.org. Arkivjat 28-12-2011". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-12-28. Miġbur 2021-03-19.
  56. "Comer, Douglas C.; Willems, Willem J. H. "Tourism and Archaeological Heritage Management at Petra: Driver to Development or Destruction?" (PDF). icomos.org" (PDF).
  57. "Usher, Sebastian (January 16, 2018). "Jordan urged to end animal mistreatment at Petra site". BBC News".
  58. "Stakeholders take steps to address animal abuse in Petra". Jordan Times (bl-Ingliż). 2018-04-05. Miġbur 2021-03-19.
  59. Petra : Begleitbuch zur Ausstellung "PETRA - Wunder in der Wüste : Auf den Spuren von J.L. Burckhardt alias Scheich Ibrahim" : Eine Ausstellung des Antikenmuseums Basel und Sammlung Ludwig in Zusammenarbeit mit dem Ministry of Tourism and Antiquities/Department of Antiquities of Jordan und dem Jordan Museum, Amman, Antikenmuseum Basel und Sammlung Ludwig, 23. Oktober 2012 bis 17. März 2013 = Batrāʼ. Meijden, Ella van der., Schmid, Stephan G., Voegelin, Andreas F., Antikenmuseum Basel., Museum Ludwig. Basel: Schwabe. 2012. pp. 15–17. ISBN 978-3-7965-2849-1.
  60. ""Culture in Crisis: Flows of Peoples, Artifacts and Ideas, ICHAJ 14" (PDF). CAMNES- Center for Ancient Mediterranean and Near Eastern Studies" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2020-12-08. Miġbur 2021-03-19.
  61. "Archeological Excavations - Visit Petra". www.visitpetra.jo. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-02-08. Miġbur 2021-03-19.
  62. 1 2 Wedekind, Wanja (2005). "Preventive Conservation for the Protection of the sandstone Facades in Petra/Jordan". . Bulletin -- Journal of Conservation-Restoration. 16 (1 (60)): 48–53.
  63. 1 2 Kühlenthal, Michael. (2000). Petra : die Restaurierung der Grabfassaden = The restoration of the rockcut tomb facades. Fischer, Helge., Germany. Bundesministerium für Wirtschaftliche Zusammenarbeit und Entwicklung. München: Bayerischen Landesamt für Denkmalpflege. ISBN 3-87490-707-4.
  64. Zayadine, F., 1981, Recent Excavation & Restoration of the department of Antiquties (1979- 1980), ADAJ (Annual of the Department of Antiquities, Amman- Jordan), Vol. 24. pp: 341-355.
  65. Zayadine, F. (1986). "Recent Excavation & Restoration at Qasr El Bint of Petra". ADAJ (Annual of the department of Antiquities, Amman- Jordan). 29: 239–249.
  66. Joukowsky, M. (1999). "The Brown University 1998 Excavations at The Petra Great Temple". ADAJ (Annual of the Department of Antiquities, Amman- Jordan). 43: 195–222.
  67. "PNT - Preservation". petranationaltrust.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-03-07. Miġbur 2021-03-19.
  68. W. Wedekind, H. Fischer: Salt weathering and the evaluation of desalination and restoration in Petra/Jordan. In: Laue, S. (Hrsg.) SWBSS 2017 4th International Conference on Salt Weathering of Buildings and Stone Sculptures, 20. - 22. September 2017 - Potsdam, Potsdam 2017, pp: 190 - 299.
  69. "CICS - Petra Painting Conservation Project - Workshop 2019 - TH Köln". www.th-koeln.de (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  70. "DFG - GEPRIS - Characterisation and Conservation of Paintings on Walls and Sculpture from Nabataean Petra". gepris.dfg.de. Miġbur 2021-03-19.
  71. Balliett, Blue (2004). Chasing Vermeer: Afterwords by Leslie Budnick: Author Q&A. Scholastic. ISBN 978-0-439-37294-7.
  72. Geldermalsen, Marguerite (2010). Married to a Bedouin. Virago UK. ISBN 978-1844082209.
  73. Ward, Joan (2014). Living With Arabs: Nine Years with the Petra Bedouin. UM Peter Publishing. ISBN 978-1502564917.
  74. "Fall One Act Competition 2014". Manhattan Rep (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-02-24. Miġbur 2021-03-19.
  75. Desk, BWW News. "THE BEST AMERICAN SHORT PLAYS 2014-15 Hits the Shelves". BroadwayWorld.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  76. CNN, By Adrian Mourby, for. "Can Jordan's 'Indiana Jones' city of Petra survive as tourists stay away?". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  77. "Misaeng: Episode 20 (Final) » Dramabeans Korean drama recaps" (bl-Ingliż). 2014-12-24. Miġbur 2021-03-19.
  78. "Time Scanners: How was Petra built?". BBC Science Focus Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  79. "Building Wonders". www.pbs.org (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  80. "Netflix's first Arabic original series sparks uproar in Jordan". www.aljazeera.com (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  81. "Ghost of Petra/The Lizard Man". Destination Truth Wiki (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-19.
  82. "Dominik Peters (2015). "Melody of a Myth: The Legacy of Haim Hefers Red Rock Song" (PDF). Arkivjat 25-09-2019" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-25. Miġbur 2021-03-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  83. Stone, Christopher. Popular Culture and Nationalism in Lebanon.
  84. "The Sisters of Mercy". IMDb. Miġbur 2021-03-19.
  85. "Spiritual Love - NMETV Latest Music Videos and Clips | - NME.COM". web.archive.org. 2012-11-09. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-11-09. Miġbur 2021-03-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  86. "The Zamani Project, Petra, Jordan (مشروع زماني، البترا) - MaDiH (مديح)". madih-data.kdl.kcl.ac.uk (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-07-12. Miġbur 2021-03-19.