Kavallier ta’ San Ġakbu
Il-Kavallier ta' San Ġakbu huwa fortifikazzjoni tas-seklu 16 fil-Belt Valletta li nbniet mill-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann. It-terminu "kavallier" ifisser fortifikazzjoni mibnija fi ħdan fortifikazzjoni ikbar, u li tkun ogħla mill-istrutturi difensivi l-oħra. Il-Kavallier iħares fuq is-Sur ta' San Ġakbu, sur kbir b'anglu ottuż li jifforma parti mis-Swar tal-Belt Valletta fil-Port ta' Marsamxett. Huwa wieħed mid-disa' kavallieri li kienu ġew ippjanati biex jinbnew fil-Belt Valletta, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu nbnew tnejn biss, il-Kavallier ta' San Ġakbu tal-Belt Valletta u l-Kavallier ta' San Ġakbu tal-Birgu.
Il-Kavallier ta' San Ġakbu fil-Belt Valletta ġie ddisinjat mill-inġinier militari Taljan Francesco Laparelli, filwaqt li l-kostruzzjoni ġiet issorveljata mill-assistent Malti tiegħu Ġlormu Cassar. Dan il-kavallier qatt ma esperjenza xi kunflitt militari, iżda kellu rwol fir-Rewwixta tal-Qassisin fl-1775.
Il-Kavallier jinsab fi Pjazza Kastilja, qrib il-Berġa ta' Kastilja, il-Bank Ċentrali ta' Malta, il-Parlament ta' Malta, il-Borża ta' Malta u l-uffiċċju postali f'Dar Annona. Bħala parti mill-Proġett tal-Millenju ta' Malta, il-Kavallier ta' San Ġakbu tal-Belt Valletta ġie rrestawrat u issa huwa ċentru kulturali magħruf bħala Spazju Kreattiv.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Żmien il-Kavallieri
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-Assedju l-Kbir ta' Malta fl-1565, meta l-Imperu Ottoman ipprova jaħkem lil Malta mingħajr ma rnexxielu, il-Kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann iddeċidew li jibqgħu b'mod permanenti fuq il-Gżejjer Maltin. L-Ordni ddeċidiet li tibni belt iffortifikata ġdida bħala l-belt kapitali u sejħitha l-Belt Valletta wara l-Gran Mastru Jean Parisot de la Vallette. Sabiex iwettaq din id-deċiżjoni, il-Gran Mastru talab l-għajnuna finanzjarja ta' diversi mexxejja Ewropej. Il-Papa Piju V mhux biss għen finanzjarjament, iżda bagħat ukoll lill-inġinier militari Taljan Francesco Laparelli Malta biex jiddisinja l-fortifikazzjonijiet tal-belt kapitali l-ġdida. Il-kostruzzjoni tal-belt bdiet f'Marzu 1566, u x-xogħol kompla tul is-snin 70 tas-seklu 16. Wara li Laparelli telaq minn Malta u sussegwentement miet, il-kostruzzjoni tal-belt ġiet inkarigata lill-assistent Malti tiegħu, l-arkitetti u l-inġinier militari Ġlormu Cassar.[1] Il-Kavallier ta' San Ġakbu tal-Belt Valletta, fl-ewwel snin li nbena, kien magħruf ukoll bħala t-Torri tal-Kavallier.[2]
Il-Kavallier ta' San Ġakbu kien wieħed mill-ewwel binjiet li nbnew fil-Belt Valletta, flimkien mal-Knisja tal-Vitorja u l-bqija tal-fortifikazzjonijiet.[3] Il-Kavallier inbena bħala pjattaforma olzata li fuqha kienu jitqiegħdu l-kanuni jew l-armi tan-nar biex jiddefendu l-belt mill-attakki mill-art, fin-naħa fejn imbagħad inbniet il-belt tal-Furjana. Apparti l-funzjoni ewlenija tal-Kavallier li ma jippermettix id-dħul fil-belt, kellu wkoll il-funzjoni li jservi ta' theddida għal dawk li b'xi mod jew ieħor jinzerta jirnexxielhom jgħaddu mill-ewwel għadd ta' sistemi difensivi tal-belt. Qabel kien hemm ukoll passaġġ taħt l-art li kien jagħti għas-Sur ta' San Ġakbu li issa ngħalaq.[4]
Il-Kavallier kien jintuża wkoll bħala punt tas-sinjalar bl-armi tan-nar. Tliet darbiet kuljum, ma' tlugħ ix-xemx, f'nofsinhar u ma' nżul ix-xemx, kienu jiġu sparati tliet munizzjonijiet. L-ewwel u l-aħħar munizzjonijiet kienu jimmarkaw il-ftuħ u l-għeluq tal-bibien tal-belt. Is-sinjalar bl-armi tan-nar baqa' jsir mill-Kavallier sa madwar is-sena 1800, meta mbagħad beda jsir mill-Batterija tas-Salut.[5]
Fl-1686, waqt il-maġistratura ta' Gregorio Carafa, binja żgħira magħrufa bħala Dar Annona ġiet imġannta man-naħa tal-Lvant tal-Kavallier. Il-binja oriġinarjament kienet is-sede tal-Università dei Grani[6], u issa tintuża bħala uffiċċju postali.[7]
Fit-8 ta' Settembru 1775, il-Kavallier ta' San Ġakbu għadda f'idejn ir-ribelli waqt ir-Rewwixta tal-Qassisin. Il-bandiera tal-Ordni tniżżlet u bandalora ta' San Pawl ittellgħet minlokha. Ir-ribelli rnexxielhom jieħdu l-kontroll ukoll tal-Forti Sant'Iermu, iżda wara ftit tiri bl-armi tan-nar l-Ordni reġgħet ħaditu taħt il-kontroll tagħha. Ftit wara li ttieħed il-Forti Sant'Iermu, ir-ribelli fil-Kavallier ta' San Ġakbu ċedew mill-ewwel. Tlieta minnhom ġew ġustizzjati, filwaqt li l-oħrajn ġew eżiljati jew intefgħu l-ħabs.[2] L-irjus tat-tliet irġiel li ġew ġustizzjati tħallew fil-beraħ fl-irkejjen tal-Kavallier, iżda tneħħew ftit wara li Emmanuel de Rohan-Polduc ġie elett Gran Mastru f'Novembru tal-istess sena.[8]
Sekli 19 u 20
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li ħadu l-kontroll ta' Malta fil-bidu tas-seklu 19, il-Brittaniċi kkonvertew il-Kavallier ta' San Ġakbu f'post fejn l-uffiċjali kienu jiltaqgħu biex jieklu u jissoċjalizza. Dak iż-żmien saru xi modifiki fl-istruttura, fosthom is-sostituzzjoni tar-rampa li twassal sal-bejt b'taraġ, u ż-żieda fl-għadd ta' kmamar billi nbena saqaf bl-arkati fil-kamra fl-istess livell tat-triq, biex b'hekk jinħoloq it-tieni sular. Saru bidliet ukoll biex tonqos l-umdità.[9]
Iktar 'il quddiem, żewġ ċisterni tħaffru fi ħdan il-Kavallier biex jinħażen l-ilma li kien jiġi ppumpjat lejn il-Belt Valletta mill-Akwedott ta' Wignacourt. The cavalier stored water for the entire city.[9]
Fl-1853, tressqet proposta biex il-Kavallier jiġi demolit biex jinbena sptar, iżda l-proposta qatt ma twettqet.[10]
Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-binja ntużat ukoll bħala xelter kenni mill-bombi, filwaqt li s-sular ta' fuq tiegħu sar maħżen tal-ikel għall-Flotta Navali, għall-Armata u għall-Forza tal-Ajru.[9]
Fis-snin 70 tas-seklu 20, l-Istamperija tal-Gvern tressqet mill-Palazz tal-Gran Mastru għall-Kavallier ta' San Ġakbu, u baqgħet hemmhekk sa meta nfetaħ l-istabbiliment ġdid fiż-żona industrijali tal-Marsa fl-1996.[11]
Ċentru kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Fis-snin 90 tas-seklu 20, il-Gvern ta' Malta kkummissjona Pjan Direzzjonali għar-riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-madwar.[3] Il-proġett kien jinkludi r-restawr tal-Kavallier ta' San Ġakbu biex jiġi kkonvertit għal skopijiet kulturali. Ir-restawr twettaq mill-arkitett Malti Richard England.[9]
Matul ix-xogħlijiet ta' tiġdid, il-Kavallier ta' San Ġakbu ġie ttrasformat minn binja maħsuba għall-projbizzjoni tad-dħul għal waħda li tilqa' l-viżitaturi. England iddeskriva l-kompitu li jwettaq din il-bidla bħala li "għamel ħiltu biex il-binja takkomoda l-ħtiġijiet ġodda b'tali mod li, filwaqt li tirrispetta l-imgħoddi, iżda bla biża' ta' xejn taċċetta l-kunċett tal-bidla". Madankollu, inqalgħet kontroversja sħiħa minħabba dawn ix-xogħlijiet u meta tlestew ħafna Maltin qalu li xejn ma kienu sodisfatti, Dan parzjalment wassal biex proġetti oħra li kienu ppjanati fil-Belt Valletta jitwaqqfu minnufih, u ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu inkarigati arkitetti rinomati, fosthom Renzo Piano. Il-proġett l-oħra bdew fl-2008, meta bdew ix-xogħlijiet fuq Bieb il-Belt, it-Teatru Rjali, il-binja l-ġdida tal-Parlament ta' Malta u l-kumplament taż-żona madwar id-daħla tal-Belt Valletta.
Waħda mill-ikbar sfidi li kellu jiffaċċja England kienet li jara kif se jżid l-aċċessibbiltà f'binja li kienet inbniet proprju biex ma tħallix lill-invażuri potenzjali jidħlu. Għalhekk, kien meħtieġ intervent strutturali kbir u kellhom jittieħdu deċiżjonijiet iebsin ħafna dwar liema partijiet tal-binja kellu jsirilhom dan l-intervent tant drastiku.
Dan il-kompitu twettaq flimkien mal-konverżjoni taż-żewġ ċisterni tal-ilma, waħda fl-ispazju teatrali spettakolari tal-Kavallier ta' San Ġakbu u l-oħra fl-atriju. B'hekk kollox ġie amalgamat fi spazju magħluq li jagħti aċċess għall-galleriji ta' fuq. Madankollu, id-disinn inkorpora pannelli tal-ħġieġ u għarfien spazjali mill-aqwa li jippermettu lill-viżitatur japprezza l-istorja narrattiva taċ-ċisterni.
Ix-xogħol twettaq b'kollaborazzjoni mal-espert tar-restawr Michael Ellul. Saret enfasi biex kemm jista' jkun ma jintużawx repliki jew imitazzjonijiet. Għalhekk, dak kollu li jidher antik u tas-seklu 16, huwa tassew tas-seklu 16, u dak li jidher kontemporanju, huwa tassew kontemporanju. L-organizzazzjoni tal-wirt nazzjonali Fondazzjoni Wirt Artna pprotestat kontra t-tneħħija ta' xelter kenni rari mill-gass tat-Tieni Gwerra Dinjija u xi fdalijiet storiċi oħra minn żmien il-Brittaniċi f'Malta.
Din it-tema hija partikolarment evidenti fis-sular li qiegħed livell mat-triq. Fil-Kamra tal-Mużika, is-saqaf li kienu għamlu l-Brittanniċi tneħħa, u l-kamra reġgħet lura għal kif kienet oriġinarjament. Il-ħanut tal-Ispazju Kreattiv, min-naħa l-oħra, huwa maqsum fi tnejn. Fi swali oħra, it-tneħħija parzjali tas-saqaf ippermettiet li jiġu rrappreżentati ż-żewġ perjodi f'interpretazzjoni moderna ta' binja daqstant storika.
Ir-restawr tal-Kavallier tlesta sal-aħħar tas-sajf tas-sena 2000, u fetaħ għall-pubbliku bħala Ċentru għall-Kreattività fit-22 ta' Settembru ta' dik is-sena, b'wirja bit-titlu "L-Arti f'Malta Llum".[3] Issa l-Kavallier fih teatru żgħir, ċinema, kmamar tal-mużika u galleriji tal-arti. Diversi wirjiet u avvenimenti kulturali oħra jsiru regolarment hemmhekk għalkemm l-għan ewlieni taċ-Ċentru kien il-kreattività inġenerali. Minn mindu nfetaħ laqa' iktar minn miljun viżitatur.[12] F'Awwissu 2015, iċ-Ċentru ngħata l-isem ġdid Spazju Kreattiv[13], immexxi mid-direttur Toni Sant sal-2020.[14][15]
Il-Kavallier ta' San Ġakbu huwa skedat bħala monument nazzjonali tal-ewwel livell, u huwa elenkat ukoll fl-Inventarju Nazzjonali tal-Proprjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin.[16]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kavallier ta' San Ġakbu huwa pjattaforma ffortifikata kbira tal-artillerija bi pjanta pentagonali. L-istruttura ma ġietx iddisinjata bi ħsieb estetiku, iżda l-enfasi kienet fuq il-funzjoni tal-post li kienet purament ta' utilità militari.[3] Minkejja l-impressjoni tal-kobor minħabba l-aspett estern tal-binja, nofs l-istruttura kienet ġiet mimlija b'ħamrija kkumpattata u l-bqija tal-binja tikkonsisti minn sensiela ta' kmamar jew kompartimenti sparsi u rampa li permezz tagħha l-kanuni setgħu jittellgħu sa fuq nett.
Il-Kavallier jokkupa n-naħa ta' wara tas-Sur ta' San Ġakbu, u kien maħsub biex minnu jkunu jistgħu jiġu sparati balal tal-kanuni jew tiri tal-armi tan-nar 'il fuq mill-parapett prinċipali tas-sur, mingħajr ma jkun hemm interferenza mal-isparar mis-sur innifsu. Għadd ta' mħażen tal-porvli kienu jinsabu fin-naħa ta' wara tal-istruttura.[16]
Għal iktar tagħrif
[immodifika | immodifika s-sors]- St James Cavalier; Centre for Creativity in Malta (bl-Ingliż). Book Distributors Limited. 2005. ISBN 88-87202-67-2.
- Rix, Juliet (2015). Malta and Gozo (bl-Ingliż). Bradt Travel Guides. pp. 120–121. ISBN 9781784770259.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "City of Valletta - History of Valletta". City of Valletta. 2015-09-07. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-07. Miġbur 2021-02-25.
- ^ a b Borg Muscat, David (2002). "Reassessing the September 1775 Rebellion: a Case of Lay Participation or a 'Rising of the Priests'?" (bl-Ingliż) (13 ed.). Melita Historica. pp. 239–252. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-06-12.
- ^ a b ċ d ""St James – A Short History". St James Cavalier. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2004-10-13. Miġbur 2021-05-25.
- ^ Micallef, Martin. "St John's Cavalier". Maltese Association of the SMOM. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-10-06. Miġbur 2021-02-25.
- ^ ""A Brief History". salutingbattery.com. Fondazzjoni Wirt Artna. Arkivjat 02-04-2015". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-04-02. Miġbur 2021-02-25.
- ^ "One World - Protecting the most significant buildings, monuments and features of Valletta (44)" . Times of Malta. Miġbur 2021-02-25.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ "MaltaPost p.l.c. - Outlets > Post Offices Opening Hours". MaltaPost. Miġbur 2021-02-25.
- ^ Sciberras, Sandro. "Maltese History – E. The Decline of the Order of St John In the 18th Century" (PDF) (bl-Ingliż). St Benedict College. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-10-06. Miġbur 2021-02-25.
- ^ a b ċ d "About St James Cavalier" . Miġbur 2021-02-25.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
- ^ "British Military Hospitals of the Malta Garrison". www.maltaramc.com. Miġbur 2021-02-25.
- ^ Cordina, John (2013-04-19). "Government Printing Press to be strengthened" (bl-Ingliż). The Malta Independent. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-05-12. Miġbur 2021-02-25.
- ^ "St.James Cavalier Theatre Overview in Valletta, Malta". islandofgozo.org. Miġbur 2021-02-25.
- ^ "New phase for St James Cavalier rebranding process" (bl-Ingliż). Times of Malta. Miġbur 2021-02-25.
- ^ "New artistic directors announced". Miġbur 2021-02-25.
- ^ Sant, Toni. "Ringing in the changes" (bl-Ingliż). MaltaToday. Miġbur 2021-02-25.
- ^ a b "St James Cavalier – Valletta" (PDF) (bl-Ingliż). National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands. 2013-06-28. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2015-07-13. Miġbur 2021-02-25.