Aqbeż għall-kontentut

Katidral ta' Šibenik

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Katidral ta’ Šibenik)
Il-faċċata tal-Katidral ta' Šibenik

Il-Katidral ta' Šibenik jew il-Katidral ta' San Ġakbu (bil-Kroat: Katedrala sv. Jakova) f'Šibenik, il-Kroazja huwa bażilika Kattolika b'navata tripla bi tliet apsidi u koppla ta' 32 metru minn ġewwa. Il-katidral huwa s-sede episkopali tad-djoċesi ta' Šibenik, fid-Dalmazja ċentrali. Il-katidral huwa wkoll l-iktar monument arkitettoniku importanti tar-Rinaxximent fil-pajjiż kollu. Mis-sena 2000 'l hawn, il-katidral tniżżel fil-lista ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

L-ewwel arkitetti

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kostruzzjoni tal-knisja bdiet fl-1402, għalkemm il-pjanijiet għall-kostruzzjoni tagħha kienu diġà nbdew fl-1298, meta Šibenik saret muniċipalità. Ix-xogħol effettiv ta' trasformazzjoni tal-katidral Romanesk ta' qabel beda fl-1431. Il-katidral inbena kompletament bil-ġebel (preċiżament bil-ġebla tal-ġir minn barriera fil-qrib u bl-irħam mill-gżira ta' Brač), u tlesta fi tliet fażijiet mill-1433 sal-1441, meta l-Kunsill Superjuri tal-Belt inkariga lill-arkitetti Taljani Francesco di Giacomo, Lorenzo Pincino, Pier Paolo Bussato, Bonino da Milano, u Giorgio da Sebenico (Juraj Dalmatinac) u lill-arkitetti Kroati Andrija Budčić u Grubiš Šlafčić.[2]

Giorgio da Sebenico

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-katidral mill-ġenb

Inizjalment, il-ħsieb kien li tinbena knisja sempliċi. Fil-perjodu bejn l-1441 u l-1473, il-kostruzzjoni ġiet immexxija minn Giorgio da Sebenico, li ġie mistieden jiġi minn Venezja peress li l-investituri ma kinux sodisfatti bil-bidu tax-xogħol. L-ewwel kuntratt tiegħu fl-1441 ġie konkluż għal perjodu ta' sitt snin biex tinbena knisja sempliċi biss, iżda mbagħad ġie konkluż kuntratt ieħor ta' għaxar snin fl-1446. L-investituri kkunsidraw li kien sar kien ftit wisq għall-flus li nefqu, u għalhekk Giorgio da Sebenico għamel alterazzjonijiet fil-pjanta: kabbar il-katidral b'navata u apsidi fil-ġenb biex il-pjanta tal-katidral tkun f'għamla ta' salib, wettaq ix-xogħol ta' tħejjija għall-koppla, u bena l-presbiterju, is-santwarju, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kapulavur tiegħu, il-battisterju. B'ħila liema bħalha, Giorgio da Sebenico kkombina l-elementi arkitettoniċi u dekorattivi biex joħloq entità magħquda. Giorgio da Sebenico kkombina diversi elementi artistiċi fil-pjanta tal-katidral: Bieb l-Iljuni ġie ispirat mill-abbazija ta' San Leonardo di Siponto, in-navata ċentrali mill-katidral ta' Trogir, ajkla fuq id-daħla prinċipali bħala simbolu ta' San Ġwann l-Evanġelista, navata tal-ġenb mill-Katidral ta' San Mark f'Venezja u navata oħra tal-ġenb mill-Hagia Sophia f'Istanbul. Bena wkoll il-portal prinċipali tal-Punent, il-portal tat-Tramuntana (Bieb l-Iljuni) u l-ewwel kappella. Il-portal prinċipali tal-Punent ġie ddekorat minn Bonino da Milano bl-istatwi ta' Ġesù Kristu u t-tnax-il appostli. Il-bieb tal-bronż li hemm bħalissa sar fl-1967 mill-iskultur lokali Grga Antunac.[2]

Bieb l-Iljuni

Il-motiv tal-portal tat-Tramuntana, imsejjaħ Bieb l-Iljuni, huma Adam u Eva bilwieqfa fuq żewġ iljuni, xi ħaġa rikorrenti fil-Katidral ta' Trogir, iżda hawnhekk Adam u Eva qegħdin fuq kolonni fuq l-iljuni. Dawn l-istatwi, flimkien ma' dawk ta' San Ġakbu u San Pietru, huma xogħol Giorgio da Sebenico, jew Juraj Dalmatinac kif inhu magħruf fil-Kroazja. L-istatwa ta' Eva tiġbed l-attenzjoni ta' min jifli l-istatwa għax għandha ż-żokra, mentri skont il-Bibbja, Eva nħalqet minn kustilja ta' Adam. L-istemma araldika ta' żewġ isqfijiet u tal-prokuratur tal-knisja ta' qabel tpoġġew fuq Bieb l-Iljuni.[2]

Iż-żewġ putti Rinaxximentali

Iż-żewġ putti (anġli żgħar) Rinaxximentali fin-naħa tat-Tramuntana tal-katidral għandhom f'idejhom l-iskrizzjoni tal-konsagrazzjoni tal-katidral fl-1443. Taħt saqajhom hemm l-unika firma li għad fadal ta' Giorgio da Sebenico: Hoc opus cuvarum fecit magister Georgius Matthei Dalmaticus. L-arkitett iddisinja wkoll il-battisterju fis-snin 40 tas-seklu 15 u bnieh ħdejn l-apsida tan-Nofsinhar f'forma ta' kwadrifolju. Il-parti ta' fuq hija mgħottija bi skulturi qishom tal-bizzilla, l-ewwel xogħol ta' skultura Rinaxximentali fil-Kroazja. In-niċeċ ċatti huma mirfuda bl-arzelli pellegrini ta' San Ġakbu. Fuq il-baldakkini ta' bejniethom hemm żewġ statwi: waħda tar-Re David u l-oħra tal-profeta Xmun. Il-biċċiet 'il barra tas-saqaf imriffed jintemmu fil-ġebla ewlenija tas-saqaf tal-battisterju li tirrappreżenta lill-Alla l-Missier, imdawwar bl-anġli u ħamiema (is-simbolu tal-Ispirtu s-Santu). Il-fonti tal-magħmudija, magħmul minn blata sedimentarja ħamranija magħrufa bħala breccia, huwa mirfud minn tliet anġli.

L-apsidi huma ddekorati fuq barra b'ħafna skulturi dekorattivi, inkluż 74 ras ta' nies importanti kontemporanji tal-arkitett li għal xi raġuni jew oħra kienu impressjonawh jew inkella li ried jikkuntenta biex jgħinuh ikopri l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-katidral. Uħud minn dawn l-irjus fuq il-faċċata għandhom imneħirhom imkisser, x'aktarx minħabba vandaliżmu. Tabilħaqq, sa żmien Ġustinjanu II dan kien mod kif wieħed jiskredita r-reputazzjoni ta' xi ħadd, u għalhekk l-individwu kien jibqa' anonimu b'dan il-mod.

Veduta tas-saqaf f'għamla ta' bittija

Giorgio da Sebenico x'aktarx li baqa' jaħdem fuq il-katidral sa mewtu fl-1475 u ċertament sal-1473.[2]

Niccolò di Giovanni Fiorentino

[immodifika | immodifika s-sors]

Bejn l-1475 u l-1505, ix-xogħol għadda taħt is-sorveljanza tal-arkitett Toskan Niccolò di Giovanni Fiorentino (Nicola Firentinac), mill-iskola tal-iskultura ta' Donatello, li żviluppa bħala skultur u bennej fid-Dalmazja. Huwa kompla l-kostruzzjoni tal-katidral fl-istil Rinaxximentali Toskan. Lesta l-galleriji estensivi, bena r-riffieda fin-navata ċentrali, bena l-faċċata superjuri, u ħadem l-iskulturi esterni ta' San Mikiel, San Ġakbu u San Mark. Is-saqaf f'għamla ta' bittija huwa magħmul minn sensiela ta' ċangaturi enormi tal-ġebel u kien meqjus bħala kostruzzjoni tal-għaġeb dak iż-żmien. Bena wkoll il-galleriji paralleli u ħadem fuq il-presbiterju u s-santwarju.

Għalkemm il-koppla tal-Katidral ta' Šibenik inbniet wara l-koppla ta' Firenze, Niccolò di Giovanni Fiorentino uża bażi ottagonali fil-kostruzzjoni tagħha, qabel Bramante u Mikelanġlu, fil-funzjoni oriġinali tagħha bħala tranżizzjoni mill-bażi kwadra għall-koppla ċirkolari. It-twettiq tal-koppla jitqies bħala waħda mill-aqwa kisbiet tal-arkitettura Rinaxximentali.[2]

Ġol-katidral

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-rużun tal-katidral bil-ħġieġ ikkulurit

Ġol-katidral hemm erba' kolonni kbar pariġġ xulxin li sserraħ fuqhom il-koppla. Il-kapitelli ġew iddekorati skont ix-xewqa tan-nies nobbli li ffinanzjaw ix-xogħol tal-kostruzzjoni tal-kappelli. Fl-ewwel kappella fuq in-naħa tal-lemin, hemm is-sarkofagu tal-isqof umanista u kittieb Juraj Šižgorić (1420-1509) li huwa xogħol Andrija Aleši abbażi tad-disinn ta' Juraj Dalmatinac. Aleši ħoloq ukoll l-istatwa ta' Sant'Elija li tinsab wara t-tron tal-isqof. Fuq in-naħa tax-xelluh hemm is-sarkofagu tal-isqof Ivan Štafilič, li laħaq ra l-katidral jitlesta qabel mewtu. Taħt il-kor, hemm l-oqbra ta' żewġ isqfijiet oħra bir-riljievi: fuq il-lemin hemm dak tal-isqof Calegari u fuq ix-xellug hemm dak tal-isqof Spingarola. Dan ix-xogħol sar mill-artist lokali Antun Nogulovič.

Fuq in-naħa opposta tal-Artal tas-Salib Imqaddes (Sveti Križ) magħmul minn Juraj Čulinovič (Giorgio Schiavone) hemm il-qabar tal-artist li għamlu (1433 jew 1446-1505). Fuq l-artal hemm pittura ta' Felipe Zaniberti. Fost artali oħra lejn ix-xellug tad-daħla prinċipali hemm l-Artal tat-Tliet Slaten Maġi b'pittura ta' Bernardo Rizzardi, skont il-pjanta ta' Juraj Dalmatinac. Il-ġnub tal-artal huma ddekorati bir-riljievi ta' żewġ anġli b'parċmina f'idejhom ta' Nikola Firentinac, f'niċeċ forma ta' arzelli. It-Teżor tal-katidral jinkludi x-xogħlijiet tal-arġentier u l-artist tal-minjaturi Horacije Fortezza ta' Šibenik (1530-1596).

Wara li Fiorentino miet fl-1505, il-kostruzzjoni finalment tlestiet fl-1535 minn żewġ artiġjani oħra, Bartolmeo del Mestre u ibnu Ġakbu, skont l-istruzzjonijiet ta' Fiorentino. Il-katidral ġie kkonsagrat uffiċjalment fl-1555 wara li diversi artiġjani lokali u minn Venezja ħadmu fih bl-istil Gotiku.[2]

Xogħol sussegwenti

[immodifika | immodifika s-sors]

Peress li l-Katidral ta' Šibenik ma għandux kampnar, fl-imgħoddi kien hemm torri fil-qrib fuq is-swar tal-belt li kien jintuża għal dan l-għan sa ma twaqqa' lejn l-aħħar tas-seklu 19.

Il-biċċa l-kbira tar-restawr tal-katidral sar bejn l-1850 u l-1860, u mill-ġdid bejn l-1992 u l-1997.

Il-koppla tal-katidral ġarrbet ħsarat kbar mill-attakki tal-forzi Serbi appoġġati mill-JNA fuq Šibenik f'Settembru 1991. Madankollu, fi żmien ftit snin ġiet imsewwija malajr u llum il-ġurnata ma tidher l-ebda ħsara.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Katidral ta' Šibenik sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.

Il-valur universal straordinarju tiegħu ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba l-karatteristiċi struttural tal-katidral iwasslu biex ikun binja unika u straordinarja b'taħlita ta' elementi Gotiċi u Rinaxximentali; il-kriterju (ii) “Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba l-katidral huwa l-eżitu ta' suċċess minn interskambji konsiderevoli ta' influwenzi bejn tliet reġjuni kulturalment differenti, jiġifieri t-Tramuntana tal-Italja, id-Dalmazja u t-Toskana, fis-sekli 15 u 16; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba l-katidral huwa xhieda unika tat-tranżizzjoni mill-perjodu Gotiku għal dak Rinaxximentali fl-arkitettura tal-knejjes.[1]

Kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Peress li l-katidral minn ġewwa ġie rrekordjat b'mod estensiv fi 3D għal skopijiet ta' dokumentazzjoni u ta' restawr, il-mudell 3D tiegħu spiss jintuża għal skopijiet ta' grafika, speċjalment fl-immudellar viżiv.[3]
  • Il-katidral intuża bħala sfond għall-Bank tal-Ħadid fid-disa' episodju tal-ħames staġun tas-sensiela Game of Thrones. Šibenik intużat fis-sensiela biex tirrappreżenta l-belt fittizja ta' Braavos.[4][5]
  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "The Cathedral of St James in Šibenik". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-13.
  2. ^ a b ċ d e f ġ Naklada Naprijed, The Croatian Adriatic Tourist Guide, pp. 198-200, Zagreb (1999), ISBN 953-178-097-8.
  3. ^ "Cathedral 3D Models for Free - Download Free 3D · Clara.io". clara.io. Miġbur 2021-03-14.
  4. ^ "Sibenik Game of Thrones - Why it should be on your Croatia Bucket List" (bl-Ingliż). 2019-06-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-04-15. Miġbur 2021-03-14.
  5. ^ Šibenik, Visit. "Game of Thrones locations". www.sibenik-tourism.hr. Miġbur 2021-03-14.