Aqbeż għall-kontentut

Josef Hoffman

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Josef Hoffman
Ħajja
Twelid Brtniceu Dar Josef Hoffmann, 15 Diċembru 1870, 1870
Nazzjonalità Awstrija
Ċislejtanja
Stati Uniti tal-Amerka
Residenza Dar Josef Hoffmann
Mewt Vjenna, 7 Mejju 1956
Post tad-dfin Ċimiterju Ċentrali ta' Vjenna
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Vjenna
Akademie der bildenden Künste Wien
Akademie der bildenden Künste Wien
(1892 - 1895)
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Otto Wagner
Karl von Hasenauer
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni arkitett
disinjatur
għalliem
skultur
disinjatur tal-ġojjellerija
disinjatur tal-għamara
għalliem fl-università
direttur artistiku
Post tax-xogħol Brtnice
Impjegaturi Università tal-Arti Applikata ta' Vjenna  (1899 -  1936)
Xogħlijiet importanti Sptar Speċjalizzat ta' Purkersdorf
Palazz ta’ Stoclet
Premjijiet
Sħubija Deutscher Werkbund
Seċessjoni ta' Vjenna

Josef Hoffmann jew Hoffman (twieled fil-15 ta' Diċembru 1870 – miet fis-7 ta' Mejju 1956) kien arkitett u disinjatur Awstrijakk-Moravjan. Huwa kien fost il-fundaturi tas-Seċessjoni ta' Vjenna u stabbilixxa b'mod konġunt l-hekk imsejjaħ Wiener Werkstätte. L-iżjed xogħol arkitettoniku famuż tiegħu kien il-Palazz ta' Stoclet, fi Brussell, il-Belġju (1905–1911), xogħol pijunier tal-Arkitettura Moderna, l-Art Deco u l-quċċata tal-arkitettura tas-Seċessjoni ta' Vjenna.

Ħajja bikrija u edukazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Hoffmann twieled f'Brtnice / Pirnitz, il-Moravja (issa parti mir-Repubblika Ċeka), l-Awstrija / l-Ungerija.[1] Missieru kien modestament għani u kien is-sid konġunt ta' fabbrika tat-tessuti, kif ukoll is-sindku ta' raħal żgħir. Misseru ħeġġu jsir avukat jew ħaddiem taċ-ċivil, u bagħtu fi skola sekondarja prestiġjuża, iżda xejn ma kien għal qalbu hemmhekk. Iktar 'il quddiem iddeskriva s-snin li qatta' f'dik l-iskola bħala "snin ta' mistħija u tortura li avvelenawli żgħożiti u ħallewni b'sensazzjoni ta' inferjorità li damet sal-lum".[2]

Fil-bidu tal-1887, minflok, ġie ttrasferit lejn l-Iskola Postsekondarja tal-Arti u l-Artiġjanat f'Brno / Brünn fejn kiseb il-baċellerat tiegħu fl-1891. Fl-1892, huwa beda l-istudji tiegħu fl-Akkademja tal-Belle Arti ta' Vjenna taħt Karl Freiherr von Hasenauer u Otto Wagner, tnejn mill-iktar arkitetti prestiġjużi ta' dak iż-żmien. Hemmhekk huwa ltaqa' ma' arkitett emerġenti ieħor ta' dak iż-żmien, Joseph Maria Olbrich. Fl-1895, Hoffman, flimkien ma' Olbrich, Koloman Moser, Carl Otto Czeschka u diversi oħrajn, stabbilixxa grupp imsejjaħ is-Siebener Club, predeċessur tas-Seċessjoni ta' Vjenna. Taħt il-gwida ta' Wagner, il-proġett tal-gradwazzjoni ta' Hoffman, binja Rinaxximentali mmodernizzata, rebaħ il-Prix de Rome u b'hekk Hoffmann seta' jivvjaġġa u jistudja għal sena fl-Italja.

Seċessjoni ta' Vjenna (1897–1905)

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta reġa' lura mill-Italja fl-1897, huwa ngħaqad ma' ditta tal-arkitettura ta' Wagner, u fl-istess sena huwa ngħaqad mal-moviment il-ġdid varat minn Wagner, Gustav Klimt, u oħrajn: is-Soċjetà tal-Artisti Fini Awstrijaċi, magħrufa aħjar bħala s-Seċessjoni ta' Vjenna.[3] Minnufih huwa mar jaħdem fuq id-disinn tal-Binja tas-Seċessjoni, l-ewwel gallerija tal-moviment, u ddisinja s-sala tar-riċevimenti u l-uffiċċju, u ppjana l-ewwel wirjiet fil-binja.

Huwa kiteb l-ewwel manifest tiegħu għas-Seċessjoni f'dan iż-żmien, fejn appella għal binjiet mingħajr ornamenti inutli. "Mhijiex kwistjoni ta' tlibbis ta' qafas b'tiżjin ridikolu tal-konkos fil-forom, magħmul b'mod industrijali, u lanqas ta' impożizzjoni tal-arkitettura Żvizzera jew tad-djar bis-saqaf forfċi bħala mudell. Hija kwistjoni li jinħoloq kumpless armonjuż, ta' sempliċità kbira, li jkun adattat għall-individwu... b'kuluri naturali u b'forma magħmula minn id artist..." Fil-kitba tiegħu, Hoffmann ma rrifjutax l-istoriċiżmu għalkollox; huwa faħħar il-mudell tal-Moviment Brittaniku tal-Arti u l-Artiġjanat, u ħeġġeġ lill-artisti jġeddu l-forom u t-tradizzjonijiet lokali. Huwa kiteb li l-elementi bażiċi tal-istil il-ġdid kienu l-awtentiċità fl-użu tal-materjali, l-għaqda fit-tiżjin, u l-għażla ta' stil adattat għas-sit.[4]

Fl-1899, meta kellu disa' u għoxrin sena, huwa beda jgħallem fil-Kunstgewerbeschule, issa l-Università tal-Arti Applikata ta' Vjenna. Huwa ddisinja l-wirja tal-arti ta' Vjenna għall-Espożizzjoni Universali ta' Pariġi tal-1900, fejn ġie espost l-istil tas-Seċessjoni quddiem udjenza internazzjonali. Fl-1899, huwa ddisinja wkoll it-Tmien Espożizzjoni tas-Seċessjoni, waħda mill-iżjed wirjiet importanti ta' dak iż-żmien, minħabba l-parteċipanti internazzjonali tagħha. Minbarra x-xogħlijiet tal-artisti tas-Seċessjoni, esponiet xogħlijiet tal-artist Franċiż Jules Meier-Graefe, il-Belġjan Henry van de Velde, Charles Ashbee, u speċjalment ix-xogħlijiet tad-disinjaturi Skoċċiżi Charles Rennie Mackintosh u Margaret Macdonald Mackintosh minn Glasgow. Din il-wirja kienet tinkludi grupp ta' djar bħala mudell fil-kwartier ta' Hohe Warte fi Vjenna li ħarġu fid-dieher il-karatteristiċi tal-moviment tal-arti u l-artiġjanat, fosthom twieqi maqsuma f'kwadri żgħar, u s-saqaf forfċi.[5]

Matul dan il-perjodu, ix-xogħol ta' Hoffmann sar iktar rigoruż, iktar ġeometriku, u inqas ornamentali. Huwa ffavorixxa l-użu tal-forom ġeometriċi, speċjalment il-kwadri, u l-uċuħ bojod u suwed, u iktar 'il quddiem spjega li "dawn il-forom, intelliġibbli għal kulħadd, qatt ma kienu dehru fi stili preċedenti". Huwa ħa ħsieb id-disinn tal-eżebiti frekwenti fil-galleriji tas-Seċessjoni, inkluż il-kontorn tal-freġju famuż ta' Gustav Klimt iddedikat lil Beethoven.[6]

Wiener Werkstätte (1903–1932)

[immodifika | immodifika s-sors]

Hoffmann iżżewweġ lil Anna Hladik fl-1898, u flimkien kellhom iben, Wolfgang, li twieled fl-1900. Huwa kien imħabbat sew bl-Espożizzjoni ta' Pariġi tal-1900, u wirjiet oħra fi Vjenna. Matul dan il-perjodu, huwa bena għadd żgħir ta' binjiet biss, inkluż it-trasformazzjoni ta' dar għall-ħabib tiegħu Paul Wittgenstein. Huwa bena wkoll diversi djar għal villeġġjatura għall-kollegi u għall-ħbieb tiegħu, kif ukoll knisja Luterana u dar għal qassis f'St. Aegyd am Neuwald, fl-Awstrija t'Isfel.

Fl-1903, flimkien ma' Koloman Moser, u l-bankier Fritz Wärndorfer, li pprovda l-biċċa l-kbira tal-kapital, huwa vara entità ferm iktar ambizzjuża, il-Wiener Werkstätte, fejn għadd ta' artisti u ta' artiġjani kienu jaħdmu flimkien biex joħolqu l-elementi kollha ta' opra tal-arti kompluta, jew Gesamtkunstwerk, inkluż l-arkitettura, l-għamara, il-lampi, ix-xogħol tal-ħġieġ u tal-metall, il-platti u l-pożati, u t-tessuti.

Hoffmann iddisinja varjetà wiesgħa ta' oġġetti għall-Wiener Werkstätte. Uħud minnhom, bħas-Siġġu magħruf bħala Sitzmaschine, lampa, u settijiet tal-ħġieġ jinsabu għall-wiri fil-Mużew tal-Arti Moderna f'New York, u hemm sett tat-te li jinsab fil-kollezzjoni tal-Mużew Metropolitan tal-Arti f'New York. Bosta mix-xogħlijiet kienu magħmula bl-idejn mill-artiġjani tal-grupp u wħud minn manifatturi industrijali.

Uħud mid-disinni domestiċi ta' Hoffmann għadhom jiġu prodotti sal-lum, bħas-sett tal-pożati magħruf bħala Rundes Modell, manifatturat minn Alessi. Oriġinarjament kien prodott tal-fidda, iżda s-sett issa jiġi prodott b'azzar inossidabbli ta' kwalità għolja. Eżempju ieħor tal-linji ġeometriċi rigorużi ta' Hoffmann u tat-tema tal-kwadri hija l-Pultruna ikonika magħrufa bħala Kubus. Iddisinjata fl-1910, ġiet ippreżentata fil-Wirja Internazzjonali li saret f'Buenos Aires, l-Arġentina għaċ-ċentenarju tal-Indipendenza tal-Arġentina, magħrufa bħala r-Rivoluzzjoni ta' Mejju. L-użu kostanti tal-kwadri u tal-kubi min-naħa ta' Hoffmann qallgħuh il-laqam ta' Quadratl-Hoffmann ("Hofmann ta-Kwadri"). L-istil ta' Hoffmann gradwalment sar iktar sempliċi u astratt u x-xogħol tiegħu kulma jmur sar limitat għal strutturi funzjonali u għal prodotti domestiċi.

Il-kunċett ta' studjo tax-xogħol iffjorixxa fis-snin bikrin u nfirex. Fl-1907, Hoffmann kien il-kofundatur tad-Deutscher Werkbund, u fl-1912 tal-Österreichischer Werkbund. Iżda l-istudjo tax-xogħol kellu sfidi kbar, fosthom l-Ewwel Gwerra Dinjija u mbagħad id-Depressjoni l-Kbira, li laqtu sew lill-Ġermanja u lill-Awstrija fil-laħam il-ħaj, u b'hekk kellu jingħalaq fl-1932.

L-Isptar Speċjalizzat ta' Purkersdorf (1904–1905)

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1905, Hoffmann temm l-ewwel xogħol kbir tiegħu fir-raħal ta' Purkersdorf qrib Vjenna, l-Isptar Speċjalizzat (jew Sanatorium) ta' Purkersdorf. Tbiegħed sew mill-istil tal-Arti u l-Artiġjanat, u b'hekk kien preċedent u ispirazzjoni ewlenin għall-arkitettura moderna li mbagħad żviluppat fl-ewwel nofs tas-seklu 20. Ix-xogħol kellu ċarezza, sempliċità u loġika li mbagħad saru s-sisien tan-Neue Sachlichkeit.

Palazz ta' Stoclet (1905–1911)

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazz ta' Stoclet fi Brussell, il-Belġju, magħmul b'kollaborazzjoni ma' Gustav Klimt, huwa l-iżjed xogħol famuż ta' Hoffmann, tas-Seċessjoni ta' Vjenna, u tal-Wiener Werkstätte. Huwa punt ta' żvolta viżibbli mill-istili storiċi għall-arkitettura moderna. Inbena għal Adolphe Stoclet, il-werriet ta' familja sinjura ta' bankiera Belġjani, li kien għex f'Milan u fi Vjenna, u kien midħla tas-Seċessjoni ta' Vjenna. Hoffmann ippreżenta l-pjanta fl-1905, iżda l-kostruzzjoni, fi tliet stadji, ma tlestietx qabel l-1911.

Minn barra, id-dar hija tassew moderna, b'forom ġeometriċi rigorużi, bi ftit tiżjin. Id-dar miksija b'irħam abjad Norveġiż, filwaqt li t-truf tal-forom u t-twieqi għandhom burduri tal-metall skolpit. It-torri ċentrali, għoli kważi għoxrin metru, huwa magħmul minn forom kubiċi assemblati flimkien, u fuq nett għandu erba' statwi tar-ram bil-weraq. Il-pjanta fiha żewġ assi, perpendikolari ma' xulxin. Il-poġġamani madwar il-binja u fuq it-torri għandhom disinni ornamentali stilizzati, u saħansitra l-pjanti fil-ġnien huma miżbura f'forom ġeometriċi biex jikkomplementaw l-arkitettura.

Minn ġewwa, id-dar inħadmet minn Hoffmann u mill-artisti tal-Wiener Werkstätte, u qisha sensiela ta' xeneġġjaturi teatrali, li joffru veduti ppjanati bir-reqqa minn kamra għall-oħra, u li huma mżejna b'mużajk ikkulurit magħmul minn Klimt, kif ukoll b'ħitan tal-irħam abjad u tal-irħam aħdar antik. L-art hija miksija bil-folji tal-injam eżotiku, b'disinni differenti f'kull kamra. Il-kamra tal-ikel fiha sett ta' żewġ pitturi bil-mużajk ta' Klimt, ambjentati qalb kolonni tal-irħam u mużajk ta' Klimt, flimkien ma' kolonni ġeometriċi tal-irħam u ħitan miksijin b'mudelli stilizzati bil-fjuri ddisinjati minn Hoffmann u Klimt. Kull dettall tad-dar, inkluż il-banju rettangolari tal-irħam abjad, imdawwar bi plakek tal-irħam bl-iskulturi u mqiegħed f'art tal-irħam blu, il-panewijiet illostrati tal-pallisandru fil-kamra tas-sodda, u l-uċuħ, l-art u l-għamara tal-kċina, saru mill-Werkstätte u ġew ippjanati apposta biex joħolqu armonija mad-disinn kumplessiv. Il-binja tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Għażla ta' xogħlijiet arkitettoniċi

[immodifika | immodifika s-sors]
  • 1900–1911: Disinjatur għall-Kolonja tal-Artisti ta' Hohe Warte;
  • 1900–1901: Dar Doppja għal Koloman Moser u Carl Moll;
  • 1904: Sptar Speċjalizzat ta' Purkersdorf;
  • 1905–1906: Dar għall-kittieb Richard Beer-Hofmann fi Vjenna;
  • 1905–1911: Palazz ta' Stoclet fi Brussell, il-Belġju;
  • 1907: Tiżjin intern tal-Kabarett Fledermaus fi Vjenna;
  • 1909–1911: Residenza Ast fi Vjenna;
  • 1913–1915: Residenza Skywa-Primavesi fi Vjenna;
  • 1913–1914: Dar tal-villeġġjatura għal Otto Primavesi f'Kouty nad Desnou (Winkelsdorf), il-Moravja (inqerdet min-nirien fl-1922);
  • 1919–1924: Dar għal Sigmund Berl f'Bruntal, il-Moravja;
  • 1920–1921: Villa għal Fritz Grohmann f'Vrbno pod Pradedem, il-Moravja;
  • 1923–1925: Kumpless ta' Abitazzjonijiet Urbani ta' Klosehof;
  • 1924–1925: Villa Knips fi Vjenna, magħmula għal Sonja Knips;
  • 1930–1932: Erbat idjar f'ringiela għas-sede tal-Werkbund ta' Vjenna (Werkbund Siedlung);
  • 1934: Disinn tal-fergħa ta' Viktorin-Werke f'Burgring 3, Vjenna flimkien ma' Oswald Haerdtl;
  • 1934: Paviljun Awstrijakk fil-Biennali ta' Venezja.

Għażla ta' għamara

[immodifika | immodifika s-sors]
  • 1904: Pultruna ta' Purkersdorf;
  • 1905: Pultruna magħrufa bħala Sitzmaschine;
  • 1905: Pultruna ta' Kunstschau;
  • 1905–1910: Pultruna tal-Palazz ta' Stoclet;
  • 1907: Pultruna ta' Fledermaus;
  • 1907: Sett ta' siġġijiet magħruf bħala "Buenos Aires" (prodott minn J&J Kohn bħala 675C/F/S);
  • 1908: Siġġu magħruf bħala Siebenkugelstuhl;
  • 1908: Siġġu magħruf bħala Armloffel;
  • 1910: Pultruna magħrufa bħala Kubus;
  • 1910: Pultruna magħrufa bħala Club;
  • 1911: Siġġu tad-Dar ta' Koller.
  1. ^ "Josef Hoffmann | People | Collection of Cooper Hewitt, Smithsonian Design Museum". collection.cooperhewitt.org. Miġbur 2024-04-14.
  2. ^ Sarnitz, August (2017). Josef Hoffmann. In the Realm of Beauty. Cologne: Taschen. ISBN 978-3-8228-5591-1. p. 12.
  3. ^ Kenneth Frampton, Modern Architecture: A Critical History. Thames & Hudson. 1980, 1985, 1992. p. 79.
  4. ^ Sarnitz, August (2017). Josef Hoffmann. In the Realm of Beauty. Cologne: Taschen. ISBN 978-3-8228-5591-1. p. 15.
  5. ^ Sarnitz, August (2017). Josef Hoffmann. In the Realm of Beauty. Cologne: Taschen. ISBN 978-3-8228-5591-1. pp. 16-17.
  6. ^ Sarnitz, August (2017). Josef Hoffmann. In the Realm of Beauty. Cologne: Taschen. ISBN 978-3-8228-5591-1. p. 16.