Aqbeż għall-kontentut

El Escorial

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta ta' El Escorial mill-ajru.

El Escorial jew is-Sit Irjali ta' San Lorenzo de El Escorial (bl-Ispanjol: Monasterio y Sitio de El Escorial en Madrid) jew il-Monasterio del Escorial (pronunzja bl-Ispanjol: [el eskoˈɾjal]) huwa residenza storika tar-Re ta' Spanja li tinsab fir-raħal ta' San Lorenzo de El Escorial, 2.06 kilometri (1.28 mil) 'il fuq mill-wied (distanza ta' 4.1 km [2.5 mili] bit-triq) mir-raħal ta' El Escorial u madwar 45 kilometru (28 mil) fil-Majjistral tal-belt kapitali Spanjola ta' Madrid.[1] Il-kumpless ta' El Escorial inbena bejn l-1563 u l-1584 skont l-ordnijiet tar-Re Filippu II (li rrenja fl-1556-1598)[2] u huwa l-ikbar binja Rinaxximentali fid-dinja.[3] Huwa wieħed mis-siti rjali Spanjoli u jintuża bħala monasteru, bażilika, palazz irjali, panteon, librerija, mużew, università, skola u sptar.

El Escorial jikkonsisti minn żewġ kumplessi arkitettoniċi ta' importanza storika u kulturali kbira: il-monasteru rjali nnifsu u La Granjilla de La Fresneda, loġġa rjali tal-kaċċa u rtir monastiku xi ħames kilometri 'l bogħod. Dawn is-siti għandhom natura doppja: matul is-sekli 16 u 17 kienu postijiet fejn il-poter tal-monarkija Spanjola u l-predominanza ekkleżjastika tar-reliġjon Kattolika Rumana ltaqgħu arkitettonikament.[4] El Escorial kien monasteru kif ukoll palazz irjali Spanjol, għalkemm Filippu II huwa l-unika monarka li qatt għex fil-binja prinċipali. Il-monasteru ġie stabbilit minn komunità ta' patrijiet Ġlormini tal-Ordni ta' Santu Wistin.[5] Kien ukoll skola bid-dormitorji magħrufa bħala r-Real Colegio de Alfonso XII.[6]

Filippu II qabbad lill-arkitett Spanjol Juan Bautista de Toledo biex ikun il-kollaboratur tiegħu fil-kostruzzjoni tal-kumpless ta' El Escorial.[7][8] Toledo kien qatta' l-biċċa l-kbira tal-karriera tiegħu f'Ruma, l-Italja, fejn kien ħadem fuq il-Bażilika ta' San Pietru[9], u f'Napli, l-Italja, jaqdi lill-Viċirè tar-Re, u b'hekk ġie rakkomandat għal din il-kostruzzjoni wkoll. Filippu ħatru bħala arkitett irjali fl-1559, u flimkien iddisinjaw il-kumpless ta' El Escorial bħala monument għar-rwol ta' Spanja bħala ċentru tad-dinja Kristjana.[10]

Fit-2 ta' Novembru 1984, l-UNESCO ddikjarat il-kumpless ta' El Escorial bħala Sit ta' Wirt Dinji. Huwa attrazzjoni turistika popolari li spiss jilqa' viżitaturi mid-dinja kollha li jiġu fuq ġita minn Madrid – iktar minn 500,000 viżitatur iżuru l-kumpless ta' El Escorial kull sena.

Disinn u kostruzzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pjanta ta' El Escorial ibbażata fuq il-pjanta tat-Tempju ta' Salamun.

Il-kumpless ta' El Escorial jinsab fl-għolja ta' Abantos fis-Sierra de Guadarrama. Dan il-post fil-beraħ u mhux imkenni, li ma tantx huwa post li wieħed jistenna li fih ikun hemm palazz irjali, intgħażel mir-Re Filippu II ta' Spanja, u kien hu li ordna l-kostruzzjoni ta' binja grandjuża hemmhekk biex tiġi mfakkra r-rebħa Spanjola tal-1557 fil-Battalja ta' San Quentin f'Picardie kontra Enriku II, ir-Re ta' Franza.[11] Filippu kellu f'moħħu li l-kumpless jintuża bħala nekropoli biex fih jindifnu l-fdalijiet tal-ġenituri tiegħu, Karlu I u Isabella tal-Portugall, tiegħu stess, u tad-dixxendenti tiegħu. Barra minn hekk, Filippu ried li l-kumpless ta' El Escorial ikun ċentru għall-istudji ta' appoġġ għall-kawża tal-Kontroriformazzjoni.

Il-ġebla tax-xewka tal-binja tpoġġiet fit-23 ta' April 1563. Id-disinn u l-kostruzzjoni ġew issorveljati minn Juan Bautista de Toledo, li laħaq miet qabel ma tlesta l-proġett. Mal-mewt ta' Toledo fl-1567, it-tmexxija għaddiet għand l-apprendist tiegħu, Juan de Herrera, sat-tlestija tal-binja fl-1584, fi ftit inqas minn 21 sena. Sa llum il-ġurnata, la obra de El Escorial ("ix-xogħol ta' El Escorial") huwa proverbju li jintuża għal xi ħaġa li ddum biex titlesta.

Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-kumpless ta' El Escorial intuża bħala s-sit fejn indifnu l-biċċa l-kbira tar-rejiet Spanjoli tal-aħħar ħames sekli, il-Borboni kif ukoll l-Asburgi. Il-Panteon Irjali fih l-oqbra tal-Imperatur Ruman Sagru Karlu V (li rrenja fi Spanja bħala r-Re Karlu I), ta' Filippu II, ta' Filippu III, ta' Filippu IV, ta' Karlu II, ta' Lwiġi I, ta' Karlu III, ta' Karlu IV, ta' Ferdinandu VII, ta' Isabella II, ta' Alfonso XII u ta' Alfonso XIII. Żewġ rejiet Borboni, Filippu V (li rrenja mill-1700 sal-1724 u mill-ġdid mill-1724 sal-1746) u Ferdinandu VI (1746-1759), kif ukoll ir-Re Amadeus (1870-1873), ma ndifnux fil-monasteru.

Il-pjanta tal-binja għandha għamla ta' grilja. It-twemmin tradizzjonali hu li dan id-disinn intgħażel f'ġieħ San Lawrenz, li fis-seklu 3 W.K. miet martri mixwi fuq grilja. Il-festa ta' San Lawrenz tiġi ċċelebrata fl-10 ta' Awwissu, l-istess jum bħal dak tal-Battalja ta' San Quentin fl-1557.

Il-Bitħa Interna tar-Rejiet u l-Bażilika.

Madankollu, l-oriġini tal-pjanta tal-binja hi pjuttost kontroversjali. L-għamla ta' grilja, li ħarġet għalkollox fid-dieher meta Herrera elimina mill-pjanta oriġinali s-sitt torrijiet interni tal-faċċata, ma kinitx xi ħaġa unika tal-kumpless ta' El Escorial. Binjiet oħra kienu nbnew bi knejjes jew kappelli quddiem btieħi interni: il-Kulleġġ tar-Re, Cambridge, tal-1441; u l-Isptar Ewlieni l-antik, l-ewwel sptar ta' Milan, li nbena fl-1456 minn Antonio Filarete. Fil-fatt, il-palazzi ta' dan id-disinn partikolari kienu komuni fid-dinja Biżantina u Għarbija. Il-pjanta tal-Alcázar ta' Sivilja u d-disinn tal-Alhambra fi Granada huma simili għall-pjanta u d-disinn tal-kumpless ta' El Escorial, b'żewġ btieħi wara xulxin li jisseparaw il-portal prinċipali tal-kumpless minn post ta' qima kkonfinat għalkollox.

L-iżjed teorija persważiva dwar l-oriġini tal-pjanta hi dik ibbażata fuq id-deskrizzjonijiet tat-Tempju ta' Salamun mill-istoriku Ruman-Lhudi Flavius Josephus: portiku segwit minn bitħa fil-beraħ, segwita minn portiku ieħor u bitħa oħra, ikkonfinati kollha kemm huma minn arkati u mogħdijiet imsaqqfa, li jagħtu għall-maqdes ewlieni. Statwi ta' David u ta' Salamun fuq iż-żewġ naħat tad-daħla tal-bażilika ta' El Escorial jagħtu iktar piż lil din it-teorija. Rabta iktar personali tista' tinsilet bejn il-figura ta' David bħala ġellied, li tirrappreżenta lil Karlu V, u lil ibnu, Filippu II. Fuq l-istess tema, affresk fiċ-ċentru tal-librerija tal-kumpless ta' El Escorial, tfakkira tal-għerf leġġendarju ta' Salamun, jafferma t-tħassib ta' Filippu li jiġi rrappreżentat ir-re Lhudi, in-natura loġika u ta' ħosbiena tiegħu, u t-tempju monumentali tiegħu.[12]

Id-disinn tat-Tempju ta' Salamun, jekk tabilħaqq kien il-bażi għall-kumpless ta' El Escorial, ġie mmodifikat b'mod estensiv biex jakkomoda l-funzjonijiet addizzjonali li Filippu II ried li taqdi l-binja. Apparti monasteru, il-kumpless ta' El Escorial huwa wkoll panteon, bażilika, kunvent, skola, librerija u palazz irjali.[13] Dawn il-funzjonijiet kollha rriżultaw fl-irduppjar tad-daqs tal-binja skont il-pjanta oriġinali.

Veduta tal-kumpless ta' El Escorial mill-Majjistral.

Il-kumpless ta' El Escorial inbena primarjament minn granit griż mill-barrieri lokali u għandu dehra awstera minn barra, kważi qisu iktar fortizza milli monasteru jew palazz. Għandu għamla kwadra ġganteska, bejn wieħed u ieħor 224 metru b'153 metru (735 pied b'502 piedi), u jħaddan sensiela ta' mogħdijiet u btieħi interkonnessi. F'kull waħda mill-erba' rkejjen hemm torri kwadru bi spira fil-quċċata, u qrib iċ-ċentru tal-kumpless (itwal mill-bqija), hemm torrijiet ippuntati tal-kampnari u koppla tonda tal-bażilika. L-istruzzjonijeit ta' Filippu lil Toledo kienu sempliċi u ċari, u ordna biex l-arkitetti jipproduċu "kostruzzjoni sempliċi, serja, nobbli mingħajr arroganza, u maestuża mingħajr lussu sfaċċat".[14][15]

Apparti l-funzjonijiet espliċiti tiegħu, il-kumpless huwa wkoll maħżen enormi tal-arti. Fih jintwerew kapulavuri ta' Tizjanu, Tintoretto, Benvenuto Cellini, El Greco, Velázquez, Rogier van der Weyden, Paolo Veronese, Bernini, Alonso Cano, José de Ribera, Claudio Coello, fost l-oħrajn. Giambattista Castello ddisinja l-garigor taraġ ewlieni tal-kumpless.[16] Il-librerija fih eluf ta' manuskritti imprezzabbli: pereżempju, il-kollezzjoni tas-sultan Zidan Abu Maali, li rrenja l-Marokk mill-1603 sal-1627, tinsab hemmhekk.

Sabiex isegwi regola approvata mill-Kunsill ta' Trento dwar il-venerazzjoni tal-qaddisin, Filippu II ta wieħed mill-ikbar relikwarji tal-Kristjaneżmu Kattoliku dinji bħala donazzjoni lill-monasteru. Il-kollezzjoni tar-relikwarji tikkonsisti minn xi 7,500 relikwa, maħżuna f'570 relikwarji skolpiti ddisinjati minn Juan de Herrera, u l-biċċa l-kbira nbnew mill-artiġjan Juan de Arfe Villafañe. Dawn ir-relikwarji fihom għamliet varji (busti, dirgħajn, piramidi, sniedaq, eċċ.) u huma distribwiti fil-monasteru kollu. L-iżjed importanti huma kkonċentrati fi ħdan il-bażilika.

Binjiet fil-qrib

[immodifika | immodifika s-sors]

Juan de Herrera ddisinja wkoll il-Binjiet Uffiċjali (Casas de Oficios) fuq in-naħa opposta tal-faċċata tat-Tramuntana tal-monasteru; u s-suċċessur tiegħu, Francisco de Mora, iddisinja l-Kwartieri tal-"Kumpanija" (Casa de la Compaña).

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

El Escorial ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[17]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[17]

  1. ^ "El Escorial | Spain | Britannica". web.archive.org. 2022-10-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-10-24. Miġbur 2023-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "El Escorial - History and Facts | History Hit". web.archive.org. 2022-05-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-05-26. Miġbur 2023-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Tietz, Tabea. "El Escorial – The World's largest Renaissance Building | SciHi Blog" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-16.
  4. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "UNESCO tentative lists". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-16.
  5. ^ "El Escorial. History, Content, Significance". web.archive.org. 2022-03-31. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-03-31. Miġbur 2023-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ "RCAXII - Identidad - Real Colegio Alfonso XII". www.colegioalfonsoxii.com. Miġbur 2023-04-16.
  7. ^ "Monastery and Site of the Escurial, Madrid - UNESCO World Heritage Centre". web.archive.org. 2022-09-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-09-22. Miġbur 2023-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  8. ^ "5 Things to see inside El Escorial | Madrid's Magnificent Royal Monastery". web.archive.org. 2022-06-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-06-28. Miġbur 2023-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "El Escorial: the eighth wonder of the world". web.archive.org. 2022-08-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-08-12. Miġbur 2023-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ Mary Crawford Volk; Kubler, George (1987-03-01). "Building the Escorial". The Art Bulletin. The Art Bulletin, Vol. 69, No. 1. 69 (1): 150–153.
  11. ^ "Real Monasterio de San Lorenzo de El Escorial Review - Madrid Spain - Sights | Fodor's Travel". www.fodors.com. Miġbur 2023-04-16.
  12. ^ René Taylor 1. Arquitectura y Magia. Consideraciones sobre la Idea de El Escorial, Ediciones Siruela, Madrid, enhanced from monograph in Rudolph Wittkower's 1968 festschrift. 2. Hermetism and the Mystical Architecture of the Society of Jesus in "Baroque Art: The Jesuit Contribution" by Rudolf Wittkower & Irma Jaffe.
  13. ^ "Spain's El Escorial, Capital of the Inquisition | Rick Steves Classroom Europe". web.archive.org. 2022-05-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-05-25. Miġbur 2023-04-16.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ Marshall, Peter (2006). The Magic Circle of Rudolf II: Alchemy and Astrology in Renaissance Prague. Walker Books. p. 20. ISBN 978-0802715517.
  15. ^ "El Escorial. History, Content, Significance" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-16.
  16. ^ "Tenth International Symposium on High Performance Computer Architecture" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2007-03-02. Miġbur 2023-04-16.
  17. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Monastery and Site of the Escurial, Madrid". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-15.