Aqbeż għall-kontentut

Angelo Schiavio

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Angelo Schiavio

Schiavio fl-1925
Informazzjoni personali
Twelid15 ta' Ottubru 1905(1905-10-15)
BolonjaItalja
Mewt17 ta' Settembru 1990 (84 sena)
Bolonja
Tul1.78 m
RwolAttakkant
Mixtliet
1919–1920Bologna
Karriera professjonali
SninKlabb
1921–1922Fortitudo Bologna
1922–1938Bologna
Tim nazzjonali
1925–1934Italja
Timijiet ikkowċjati
1933–1934Bologna
1946Bologna
1953–1958Italja

Angelo Schiavio (twieled fil-15 ta' Ottubru 1905 – miet fis-17 ta' Settembru 1990) kien plejer u kowċ tal-futbol Taljan. Mat-tim nazzjonali Taljan hu rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-1934 fejn kienet it-tieni l-aqwa skorer b'erba' gowls, fosthom il-gowl fil-ħin barrani fil-finali kontra ċ-Ċekoslovakkja.

Schiavio iddebutta fil-futbol mas-Società Ginnastica Fortitudo fejn magħhom lagħab l-istaġun 1921–22 tal-Promozione.[1][2][3]

Imwieled f'familja ta' negozjanti, Schiavio lagħab fis-Serie A bil-flokk ta' Bologna għal sittax-il staġun ta' professjonist. L-ewwel logħba tiegħu kienet fit-28 ta' Jannar 1923 kontra l-Juventus fil-kampjonat tal-Prima Divisione 1922–23.[4] Hu ħa post Cesare Alberti u skorja sitt darbiet fi ħdax-il logħba.[5][6] Is-sena ta' wara, minkejja li kien fil-bidu taż-żgħożija tiegħu, wassal lill-Bologna għall-finali tal-Lega Nord, li tilfu kontra l-Genoa.

Fl-1925, Schiavio iffissa postu fl-istorja bir-rebħ tal-ewwel scudetto tal-Bologna, fi staġun li ra l-finali tal-Lega Nord kontra l-Genoa tintlagħab total ta' ħames darbiet. F'dik is-sena Schiavio skorja ħmistax-il gowl li tawh il-biljett għas-sejħa mat-tim nazzjonali. Schiavio żamm medja ta' gowls impressjonati u fl-istaġun 1925–26 hu skorja 26 gowl fi 23 logħba; il-Bologna waslu sal-finali tal-Lega Nord imma tilfu fi tliet logħbiet kontra l-Juventus. Fl-1928–29 skorja 29 gowl f'29 logħba, fl-istaġun tat-tieni scudetto tal-Bologna. Il-bidla fil-format tal-kampjonat ftit li xejn fixklet lil Schiavio hekk kif kien il-protagonista b'25 gowl fl-istaġun 1931–32, l-aqwa skorer flimkien ma' Pedro Petrone tal-Fiorentina, u t-tieni l-aqwa skorer fl-istaġun sussegwenti bi 28 gowl, wara Felice Borel tal-Juventus.

F'dawn is-snin kienet qamet rivalità bejn Schiavio u l-Arġentin Luis Monti. L-ewwel kuntatt bejniethom seħħ fil-15 ta' Awwissu 1929 fi Buenos Aires waqt turnew li l-Bologna ħadu sehem fl-Amerika t'Isfel. Waqt il-konfront, Monti għamel numru ta' daħliet fuq l-attakkant Taljan u għall-ftit ma bdietx ġlieda.[7] It-tieni avveniment kien fl-1 ta' Mejju 1932 fil-logħba tal-kampjonat bejn Bologna u l-Juventus. Fl-44 minuta Monti laqat lil Schiavio b'mod vjolenti u dan tal-aħħar kellu jinħareġ barra l-grawnd fuq l-idejn; kien hemm bżonn nofs siegħa sabiex jerġgħu jqajjmuh.[7][8] Snin wara kellu jkun l-intervent ta' Vittorio Pozzo sabiex jirrikonċilja ż-żewġ plejers.[7]

Fl-1932 u l-1934, grazzi għall-gowls tiegħu, il-Bologna saru l-ewwel u l-uniku tim Taljan ta' dak iż-żmien li rnexxielhom jirbħu t-Tazza Mitropa, l-ogħla kompetizzjoni fuq livell kontinentali għall-klabbs. Fl-Italja, Schiavio kiseb żewġ scudetti oħra konsekuttivi, fl-1935–36 u l-1936–37, minkejja li f'din tal-aħħar lagħab biss żewġ logħbiet u skorja darbtejn. Hu għalaq il-karriera tiegħu ta' 33 sena.

Mar-rossoblù, kif inhuma magħrufa l-Bologna, skorja total ta' 242 gowl fi 348 logħba tal-kampjonat. Jibqa' l-aqwa skorer fl-istorja tal-Bologna[9] u r-raba' wieħed fil-kampjonat Taljan, wara Silvio Piola (290), Giuseppe Meazza (267) u Francesco Totti (250). Il-medja tiegħu ta' 0.69 gowls kull logħba hija l-aħjar fost il-plejers Taljani li skorjaw minn tal-inqas 100 gowl fis-Serie A (ugwaljat ma' Luigi Cevenini) u t-tieni l-aqwa wara Gunnar Nordahl (0.77 gowls kull logħba). It-364 logħba uffiċjali mal-Bologna ipoġġuh id-disa' fil-lista tal-plejer bl-aktar preżenzi mal-klabb.[10]

Tim nazzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Mat-tim nazzjonali Taljan lagħab l-ewwel logħba fi Stadio Silvio Appiani kontra l-Jugożlavja, nhar l-4 ta' Novembru 1925.[5] F'din il-logħba skorja ż-żewġ gowls tat-Taljani fir-rebħa ta' 2–1. Minkejja l-prestazzjonijiet tiegħu fil-kampjonat, il-kowċ Augusto Rangone kien jippreferi lil Julio Libonatti. Minkejja dan xorta waħda ġie msejjaħ għall-Olimpjadi tal-1928 fejn man-nazzjonal rebaħ il-midalja tal-bronż.[7]

Il-gowl deċiżiv ta' Schiavio kontra ċ-Ċekoslovakkja fil-ħin barrani tat-Tazza tad-Dinja tal-1934.

Għalkemm ma kienx preżenza fissa mat-tim nazzjonali, Schiavio ntgħażel minn Vittorio Pozzo sabiex ikopri r-rwol ta' attakkant għat-Tazza tad-Dinja tal-1934 li saret fl-Italja, minħabba li Giuseppe Meazza kien ġeneralment iservi bħala midfilder offensiv (jew mezzala) minflok f'nofs l-attakk. Schiavio skorja tliet gowls kontra l-Istati Uniti fil-fażi tal-aħħar sittax u l-gowl storiku fil-finali kontra ċ-Ċekoslovakkja fir-rebħa ta' 2–1.[11] L-Italja kisbu l-ewwel titlu dinji tagħhom u Schiavio temm it-tieni wara Oldřich Nejedlý fil-klassifika tal-aqwa skorers. Dan il-gowl u din il-logħba kellhom ikunu tal-aħħar mat-tim nazzjonali.

Wara t-tkeċċija ta' Achille Gama mit-tmexxija ta' Bologna, għall-istaġun 1933–34 Schiavio fforma parti mit-tmexxija proviżorja. Fl-ewwel staġun wara l-gwerra, l-1945–46, il-president tal-klabb ħatar lil Schiavio u lil Pietro Genovesi fit-tmexxija teknika tal-klabb. Madanakollu, il-prestazzjonijiet ftit li xejn eċċellaw u l-president neħħa l-inkarigu tat-tnejn li huma qabel tmiem l-istaġun.

Fis-snin ħamsin, il-FIGC iddeċidiet li tpoġġi lil Schiavio fil-gwida tat-tim nazzjonali. Bejn l-1953 u l-1958 hu kien parti minn kummissjoni teknika magħmula minn persuni oħra fil-gwida tan-nazzjonali.[12]

Bologna
Italja
Individwali
  1. ^ "SCHIAVIO, Angelo" (bit-Taljan). Treccani. Miġbur 2022-09-10.
  2. ^ "Fortitudo batte Borgotaro 3-1 vincendo il girone Emiliano di prom" (bit-Taljan). il Piccolo Sportivo. Miġbur 2022-09-10.
  3. ^ "Campo Salus" (bit-Taljan). Miġbur 2022-09-10.
  4. ^ "Bologna batte Juventus (4-1)" (bit-Taljan). la Stampa. Miġbur 2022-09-10.
  5. ^ a b "Angelo Schiavio, il più grande" (bit-Taljan). timf. 2013-06-08. Miġbur 2022-09-10.
  6. ^ Chiesa, Carlo F. (1999). "We are the champions – I 150 fuoriclasse che hanno fatto la storia del calcio". Calcio 2000 (bit-Taljan) (25): 63.
  7. ^ a b ċ d Chiesa, Carlo F. (2010). Il secolo azzurro (bit-Taljan). Bolonja: Minerva.
  8. ^ "Nelle alterne vicende di una grande partita i campioni d'Italia rimontano lo svantaggio e batterono il Bologna per 3-2" (bit-Taljan). Il Littoriale. 1932-05-02: 4. Miġbur 2022-09-10. Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  9. ^ "Bologna Football Club 1909 - Storia Giocatore" (bit-Taljan). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-04-10. Miġbur 2022-09-10.
  10. ^ "I rossoblu di tutti i tempi" (bit-Taljan). Bologna FC. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-07-20. Miġbur 2022-09-10.
  11. ^ Murphy, Alex (2007-07-24). "50 Most Important Goals" (bl-Ingliż). The Times. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-10-11. Miġbur 2022-09-10.
  12. ^ Di Maggio, Roberto (2022-06-23). "ITALIAN NATIONAL TEAM COACHES" (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation. Miġbur 2022-09-10.
  13. ^ Di Maggio, Roberto; Kramarsic, Igor; Novello, Alberto (2015-06-11). "Italy - Serie A Top Scorers" (bl-Ingliż). Rec.Sport.Soccer Statistics Foundation. Miġbur 2022-09-10.
  14. ^ "Hall of fame, 10 new entry: con Vialli e Mancini anche Facchetti e Ronaldo" (bit-Taljan). La Gazzetta dello Sport. 2015-10-27. Miġbur 2022-09-10.

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]