Český Krumlov

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Český Krumlov
Flag of the Czech Republic.svg Repubblika Ċeka
Český Krumlov, historické jádro.jpg
Flag of Český Krumlov.svg CZ Český Krumlov COA.svg
Amministrazzjoni
PajjiżRepubblika Ċeka
Cohesion regionJihozápad
Region of the Czech RepublicReġjun tan-Nofsinhar tal-Boemja
District of the Czech RepublicČeský Krumlov District (en) Translate
Kap tal-Gvern Dalibor Carda (en) Translate
Isem uffiċjali Krumau
Ismijiet oriġinali Český Krumlov
Kodiċi postali 381
Ġeografija
Koordinati 48°48′40″N 14°18′54″E / 48.811°N 14.315°E / 48.811; 14.315Koordinati: 48°48′40″N 14°18′54″E / 48.811°N 14.315°E / 48.811; 14.315
Český Krumlov is located in Czech Republic
Český Krumlov
Český Krumlov
Český Krumlov (Czech Republic)
Cesky Krumlov CK CZ.png
Superfiċjenti 22.168455 kilometru kwadru
Għoli 492 m
Fruntieri ma' Kájov (en) Translate, Větřní (en) Translate, Mirkovice (en) Translate, Přídolí (en) Translateu Přísečná (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 12,461 abitanti (1 Jannar 2022)
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Slovenj Gradec (en) Translate, Llanwrtyd Wells (en) Translate, San Gimignanou Miami Beach (en) Translate
ckrumlov.cz
Veduta tal-belt u tal-kastell

Český Krumlov (pronunzja biċ-Ċek:[ˈtʃɛskiːˈkrumlof]; bil-Ġermaniż: Krumau jew Böhmisch Krumau) hija belt fir-Reġjun tan-Nofsinhar tal-Boemja taċ-Ċekja. Iċ-ċentru storiku tal-belt, iċċentrat madwar il-kastell, ilu meqjus bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO mill-1992 u ngħata dan l-istatus flimkien mad-distrett storiku tal-belt kapitali Praga.[1]

Etimoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

L-isem Krumlov joriġina mill-Ġermaniż Medju Għoli Krumme Aue, li tfisser mergħa mserrpa, u tirreferi għal lilwa tax-xmara Vltava.[2] Isem il-belt jibda b’Český (li tfisser ”tal-Boemja”) biex il-belt tiġi distinta minn Moravský Krumlov fin-Nofsinhar tal-Moravja.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel insedjament tal-belt kien proprju taħt il-kastell, li nbena għall-ħabta tal-1240 ’il quddiem minn fergħa lokali tal-familja nobbli Vítkovci, id-dixxendenti ta’ Witiko ta’ Prčice. Il-fortizza ssemmiet għall-ewwel darba f’dokument tal-1253 bħala Chrumbenowe. Issemmiet ukoll fil-poeżija tal-1255 Frauendienst ta’ Ulrich von Liechtenstein. L-insedjament stabbilixxa ruħu taħt il-kastell minħabba l-pożizzjoni strateġika fin-nofs ta’ rotta kummerċjali importanti fir-Renju tal-Boemja. L-isem Ċek Krumlov huwa ddokumentat mill-1259.

Fl-1302, l-arblu tar-razza tal-familja Vítkovci ntemm u r-Re Wenceslaus II ċeda l-belt u l-kastell lill-familja Rosenberg. Pietru I ta’ Rosenberg (li miet fl-1347), iċ-Ċambellan tar-Re Ġwanni tal-Boemja, kien resident tal-kastell u bena l-parti ta’ fuq attwali tal-kastell fil-bidu tas-seklu 14. Il-maġġoranza tal-abitanti kienu jitkellmu bil-Ġermaniż dak iż-żmien, peress li ħafna kienu migranti mill-Awstrija u mill-Bavarja matul l-Ostsiedlung (żmien ta’ migrazzjoni Medjevali). Komunità ta’ Lhud hija ddokumentata mill-1334. Sal-1336, iċ-Ċeki jaf laħqu ffurmaw minoranza żgħira, li kellha l-qassis tagħha stess.[3]

Il-familja Rosenberg ippromwoviet bis-saħħa l-kummerċ u l-artiġjanat fi ħdan is-swar tal-belt. Lejn l-aħħar tas-seklu 15, meta nstab id-deheb ħdejn il-belt, ġew iktar Ġermaniżi, li komplew ixaqilbu l-bilanċ etniku favur il-Ġermaniżi. F’waħda mill-knejjes, l-omeliji kienu jsiru biċ-Ċek sal-1788, sakemm il-Knisja ta’ San Jošt ingħalqet.[4] William ta’ Rosenberg (1535-1592), it-Teżorier u l-Gvernatur Għoli tal-Boemja, reġa’ bena l-kastell fi Stil Rinaxximentali.

Fl-1602 ħu William, Peter Vok ta’ Rosenberg (1539-1611) biegħ il-belt ta’ Krumlov lill-imperatur tal-Asburgi Rudolf II, li ta l-belt lil ibnu bijoloġiku Ġulju tal-Awstrija. Wara r-Rewwixta tal-Boemja u l-Battalja tal-Muntanja Bajda tal-1620, l-Imperatur Ferdinandu II ta l-belt ta’ Krumlov lill-familja nobbli Eggenberg u l-belt saret is-sede tad-Dukat ta’ Krumlov. Mill-1719 sal-1947, il-kastell kien proprjetà tal-familja Schwarzenberg.

Kien hemm 8,662 abitant fi Krummau an der Moldau fl-1910, li minnhom 7,367 (85 %) kienu Ġermaniżi u 1,295 (15 %) kienu Ċeki.[5] Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-belt kienet parti mir-Reġjun Forestali tal-Boemja li inizjalment ġiet iddikjarata bħala parti mill-Awstrija Ġermaniża. Sal-aħħar tal-1918, l-armata Ċekoslovakka okkupat ir-reġjun, li mbagħad sar parti miċ-Ċekoslovakkja. Fl-1938, ir-reġjun ġie anness mill-Ġermanja Nażista, bħala parti mill-unità tar-Reichsgau Oberdonau ta’ Sudetenland skont il-Ftehim ta’ Munich. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-popolazzjoni tal-belt li kienet titkellem bil-Ġermaniż u li kienet ilha stabbilita hemm tkeċċiet u l-belt reġgħet saret tifforma parti miċ-Ċekoslovakkja.[6]

Matul il-perjodu Komunista taċ-Ċekoslovakkja, il-belt storika ta’ Krumlov ġiet ittraskurata, iżda minn żmien ir-Rivoluzzjoni tal-Bellus tal-1989, il-biċċa l-kbira tal-binjiet tal-belt ġew irrestawrati, u llum il-ġurnata hija destinazzjoni popolari għall-vaganzi, b’għadd kbir ta’ turisti mill-Ewropa kif ukoll mill-Asja. F’Awwissu 2002, il-belt ġarrbet ħsarat kbar minħabba l-għargħar mix-xmara Vltava.[7]

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-ċentru storiku ta’ Český Krumlov ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1992. Il-valur universali straordinarju tiegħu ġie rrikonoxxut abbażi ta’ wieħed mill-kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba l-belt hija eżempju straordinarju ta’ belt żgħira tal-Ewropa Ċentrali minn żmien il-Medju Evu li evolviet tul is-sekli mingħajr wisq tibdil tul xi ħames sekli.[1]

Veduta tal-belt mill-kastell

Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]

F’Český Krumlov hemm il-birrerija Pivovar Eggenberg.

Trasport[immodifika | immodifika s-sors]

Český Krumlov għandha stazzjon ferrovjarju moqdi minn GW Train Regio u České dráhy fl-istess rotta lineari bejn České Budějovice u Černý Kříž (ħdejn il-villaġġ ta’ Stožec). Ilu jkun hemm servizz ferrovjarju dirett lejn il-belt kapitali Praga mill-2016, b’vjaġġ li jdum saghtejn u 48 minuta.[8] Diversi kumpaniji tal-karozzi tal-linja joperaw servizzi diretti lejn Praga. Hemm ukoll servizzi diretti internazzjonali lejn Munich u Vjenna.

Attrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Wieħed mill-orsijiet fil-ħandaq tal-kastell

Il-biċċa l-kbira tal-arkitettura taċ-ċentru storiku u tal-kastell tmur lura għas-sekli 14 sa 17; l-istrutturi tal-belt huma l-iktar Gotiċi, Rinaxximentali u Barokki. Il-qalba taċ-ċentru storiku tinsab fil-lilwa f’għamla ta’ nagħla tax-xmara, bil-kwartier antik ta’ Latrán u tal-kastell fuq in-naħa l-oħra tax-xmara Vltava.

Kastell[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kastell ta’ Český Krumlov huwa verament kbir għad-daqs tal-belt; huwa t-tieni l-ikbar fiċ-Ċekja wara l-kumpless tal-kastell Hradčany ta’ Praga. Il-kastell issemma għall-ewwel darba fid-dokumenti fl-1240.[9] Fi ħdan il-kastell hemm ġnien Rokokò kbir, pont estensiv minn naħa għall-oħra ta’ ħandaq kbir taħt il-blata li fuqha jinsab il-kastel. Wara manutenzjoni mhux adegwata tal-ġnien tal-kastell fit-tieni nofs tas-seklu 20, is-sit ġie inkluż fis-Sorveljanza tal-Monumenti Dinjin tal-1996 mill-Fond Dinji tal-Monumenti. Permezz tal-appoġġ finanzjarju minn American Express, il-funtana ċentrali tal-ġnien ġiet dokumentata u rikostruwita, u għadha funzjonali sa llum.[10]

Il-kastell huwa relattivament uniku għaliex huwa mdawwar b’ħandaq mhux mimli bl-ilma, iżda bl-orsijiet. Dan kien tentattiv tal-ewwel mexxejja tal-kastell biex jassoċjaw lilhom infushom mal-familja setgħana Orsini.[11]

Teatru tal-kastell[immodifika | immodifika s-sors]

Ceskystage.jpg

Il-kastell ta’ Český Krumlov jippreserva t-teatru Barokk tiegħu li nbena bejn l-1680-1682 taħt it-tmexxija tal-Prinċep Johann Christian I von Eggenberg u ġie rinnovat b’tagħmir tal-palk ta’ dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Josef Adam zu Schwarzenberg mill-1765 sal-1766. It-teatru huwa wieħed mill-ftit teatri tax-xorta tiegħu u għad għandu l-makkinarju, ix-xenarji u l-oġġetti oriġinali tal-palk. Minħabba li huwa antik, it-teatru tal-kastell jintuża tliet darbiet fis-sena biss (darbtejn biss jinfetaħ għall-pubbliku), meta ssir opra Barokka taparsi bid-dawl tax-xemgħat. Il-viżitaturi jistgħu jipparteċipaw fi żjara gwidata taħt il-palk biex jilmħu l-apparat tal-injam u l-ħbula li permezz tiegħu kienu jinbidlu x-xenarji u fl-istess ħin l-attenzjoni tal-udjenza kienet tiġi distratta b’xi duħħan jew ġigġifogu. L-aħħar sid privat tal-kastell kien Adolph Schwarzenberg. Huwa laqa’ l-President Edvard Beneš fil-kastell u tah kontribut siewi għad-difiża taċ-Ċekoslovakkja mit-theddida li kienet dejjem qed tikber mill-Ġermanja Nażista. Il-proprjetà tiegħu ġiet issekwestrata mill-Gestapo fl-1940 u mbagħad ġiet ikkonfiskata mill-gvern Ċekoslovakk fl-1947.[7]

Mill-1959 żdied awditorju li jdur fil-ġonna.[7]

Mużewijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Český Krumlov għandha mużew iddedikat lill-pittur Egon Schiele, li kien jgħix fil-belt.[12] Fiċ-ċentru tal-belt hemm ukoll mużew iddedikat għall-ħaġra semiprezzjuża moldavita.[13]

Kultura[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tal-kastell mix-xatt tax-xmara Vltava

Český Krumlov tospita għadd ta’ festivals u avvenimenti oħra kull sena, fosthom il-Festival tal-Warda b’Ħames Petali (b’referenza għall-istemma ta’ Rožmberk), li jsir fi tmiem il-ġimgħa tas-solstizju tas-sajf. Iż-żona ċentrali tal-belt tinbidel f’belt Medjevali b’artiġjani, artisti, mużiċisti u nies lokali lebsin kostumi Medjevali. Fost l-attivitajiet li jsiru hemm spettakli taż-żfin storiku, issarar bil-lanza fuq iż-żwiemel, ġlied bix-xwabel, ġigġigogu, u spettakli teatrali folkloristiċi fil-kwartieri ħdejn il-kastell u tul ix-xmara Vltava.

Il-Festival Internazzjonali tal-Mużika ta’ Český Krumlov jibda f’Lulju u jispiċċa f’Awwissu.[14] Fost il-festivals tal-mużika li jsiru fis-sajf hemm ukoll il-Festival fil-Beraħ ta’ Krumlov li jsir fl-aħħar ta’ Ġunju fil-Ġnien tal-Birrerija Eggenberg.

Mir-Rivoluzzjoni tal-Bellus fl-1989, ġew stabbiliti iktar minn tmenin ristorant fil-belt, l-iktar ħdejn ix-xmara u ħdejn il-kastell.

Films[immodifika | immodifika s-sors]

Český Krumlov intużat biex inġibdu films bħal The Illusionist (2006) u Hostel (2005), kif ukoll il-film Ġermaniż tal-1973 Traumstadt.[15]

Egon Schiele

Notable people[immodifika | immodifika s-sors]

  • Familja Rosenberg (biċ-Ċek: Rožmberk(ové), sg. z Rožmberka), mill-1250
  • Familja Eggenberg (mill-1622 sal-1717)
  • Anton Hickel (1745-1798), pittur
  • Egon Schiele (1890-1918), pittur, għex fil-belt u hemm mużew iddedikat għalih imsejjaħ Egon Schiele Art Centrum. Pitter pajsaġġi urbani bħal Dämmernde Stadt (1913).
  • Karel Šmirous (1890-1981), xjenzat
  • Petr Eben (1929-2007), kompożitur
  • Anna Chromý (twieldet fl-1940), pittur u skultur
  • Dana Kuchtová (twieldet fl-1961), politiku
  • Luděk Sekyra (twieled fl-1964), negozjant
  • Petr Muk (1965-2010), kantant pop
  • Tomáš Kobes (twieled fl-1978), sportiv li jipprattika s-slalom bil-kenura
  • Jan Matura (twieled fl-1980), sportiv li jaqbeż bl-iski

Relazzjonijiet internazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Ġemellaġġi[16][immodifika | immodifika s-sors]

Český Krumlov hija ġemellata ma’:

Ħbiberiji[16][immodifika | immodifika s-sors]

Český Krumlov għandha ħbiberiji ma’:

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Český Krumlov". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  2. ^ Berit, Město Český Krumlov, webová platforma @OIS-Lubor Mrázek, Jaroslav. "Historie města Český Krumlov". Český Krumlov (biċ-Ċek). Miġbur 2021-03-16.
  3. ^ Walter Kuhn, Geschichte der deutschen Ostsiedlung in der Neuzeit, Vol. 1 (Cologne 1955), p. 85.
  4. ^ Berit, Město Český Krumlov, webová platforma @OIS-Lubor Mrázek, Jaroslav. "Ecclesiastical History of Český Krumlov". Český Krumlov (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  5. ^ Gerald D. Feldman et al., Österreichische Banken und Sparkassen im Nationalsozialismus und in der Nachkriegszeit (München 2006), p. 897.
  6. ^ Berit, Město Český Krumlov, webová platforma @OIS-Lubor Mrázek, Jaroslav. "Požadovaná stránka nebyla nalezena". www.ckrumlov.cz (biċ-Ċek). Miġbur 2021-03-16.
  7. ^ a b c Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 28-39. ISBN 978-80-7339-067-9.
  8. ^ "Budějovice a jižní Čechy - zprávy". iDNES.cz. Miġbur 2021-03-16.
  9. ^ "The Pearl of South Bohemia | Foreigners.cz Blog". blog.foreigners.cz (bl-Ingliż). 2020-07-22. Miġbur 2021-03-16.
  10. ^ "Český Krumlov Garden". World Monuments Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  11. ^ Winder, Simon (2013). Danubia: A personal history of Habsburg Europe. London, UK: Picador. p. 115. ISBN 978-1-4472-2977-3.
  12. ^ Mrazek (mrazek@ckrumlov.cz), Lubor. "Exhibitions | Egon Schiele Art Centrum - gallery Český Krumlov". info.ckrumlov.info (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  13. ^ "Home - Moldavites museum". Muzeum vltavínů Český Krumlov (biċ-Ċek). Miġbur 2021-03-16.
  14. ^ "International Music Festival Český Krumlov - Festival Krumlov 2021 - Mezinárodní hudební festival". Festival Krumlov 2021 - Mezinárodní hudební festival (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-16.
  15. ^ "Imdb".
  16. ^ a b Berit, Město Český Krumlov, webová platforma @OIS-Lubor Mrázek, Jaroslav. "Partnerská města". www.ckrumlov.cz (biċ-Ċek). Miġbur 2021-03-16.