San Gimignano

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn in-navigazzjoni Aqbeż lejn it-tfittxija
San Gimignano
Flag of Italy.svg Italja
San gimignao.jpg
Coat of arms of San Gimignano.svg
Amministrazzjoni
Stat sovranItalja
Region of Italyit-Toskana
Provinċja tal-ItaljaProvinċja ta' Siena
Kodiċi postali 53037u 53030
Ġeografija
Koordinati 43°28′04″N 11°02′36″E / 43.467719°N 11.043221°E / 43.467719; 11.043221Koordinati: 43°28′04″N 11°02′36″E / 43.467719°N 11.043221°E / 43.467719; 11.043221
San Gimignano is located in Italy
San Gimignano
San Gimignano
San Gimignano (Italy)
Map of comune of San Gimignano (province of Siena, region Tuscany, Italy).svg
Superfiċjenti 138.6 kilometru kwadru
Għoli 324 m
Fruntieri ma' Certaldo (en) Translate, Colle di Val d'Elsa (en) Translate, Poggibonsi (en) Translate, Gambassi Terme (en) Translate, Barberino Tavarnelle (en) Translateu Volterra (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 7,774 abitanti (1 Jannar 2018)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 0577
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati Meersburg (en) Translate, Český Krumlov, Mestia (en) Translate, Clermont-l'Hérault (en) Translateu Ludwigshafen (en) Translate
comune.sangimignano.si.it
Veduta ta' San Gimignano

San Gimignano ([san dʒimiɲˈɲaːno]) huwa raħal Medjevali żgħir bis-swar fl-għoljiet fil-provinċja ta' Siena, it-Toskana, fit-Tramuntana ċentrali tal-Italja. Huwa magħruf ukoll bħala r-Raħal tat-Torrijiet Sbieħ. San Gimignano huwa famuż għall-arkitettura Medjevali tiegħu, unika minħabba l-preservazzjoni ta' madwar tnax-il dar bit-torrijiet, li flimkien mal-pajsaġġ fl-għoljiet u s-swar, jiffurmaw "pajsaġġ li min jarah ma jinsieh qatt". Fi ħdan is-swar, il-binjiet ippreservati sew jinkludu eżempji notevoli tal-arkitettura Rumaneska u Gotika, b'eżempji straordinarji ta' binjiet lajċi kif ukoll ta' knejjes. Il-Palazzo Comunale, il-Knisja Kolleġġjali u l-Knisja ta' Santu Wistin fihom l-affreski, inkluż ċikli li jmorru lura għas-sekli 14 u 15. Iċ-"Ċentru Storiku ta' San Gimignano" huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Ir-raħal huwa magħruf ukoll għaż-żagħfran, il-Perżut tad-Deheb, u l-inbid abjad tiegħu, il-Vernaccia ta' San Gimignano, prodotti mill-varjetà antika tal-għenba Vernaccia li titkabbar mal-ġnub tal-għoljiet tal-blat ramli taż-żona.[2][3]

Territorju[immodifika | immodifika s-sors]

Il-muniċipalità ta' San Gimignano hija estiża fuq 138 km² u tinsab fuq għolja fil-wied ta' Val d'Elsa. Id-differenza fl-altitudni tvarja bejn minimu ta' 64 metru mil-livell tal-baħar fil-pjanura tax-xmara Elsa ħdejn Certaldo u massimu ta' 631 metru fiż-żona ta' Cornocchio.[4]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta minn wieħed mit-torrijiet ta' San Gimignano

Fis-seklu 3 Q.K. kien hemm villaġġ żgħir tal-Etruski fil-post fejn illum hemm San Gimignano. Il-kronisti Lupi, Coppi u Pecori jirrakkontaw li matul il-konfoffa ta' Katilina kontra r-Repubblika Rumana fis-seklu 1 W.K., żewġ aħwa patrizji, Muzio u Silvio, ħarbu minn Ruma u marru lejn Valdelsa fejn bnew żewġ kastelli f'Mucchio u f'Silvia (li issa hija San Gimignano). L-isem ta' Silvia nbidel għal San Gimignano fl-450 W.K. wara li l-Isqof Gimignano, il-Qaddis ta' Modena, intervjena biex isalva l-kastell mill-qerda tas-segwaċi ta' Attila tal-Unni.[5] B'riżultat ta' dan, inbniet knisja li ġiet iddedikata lill-qaddis, u fis-sekli 6 u 7 żviluppa villaġġ bis-swar madwaru, li sussegwentement ġiet imsejħa l-"Kastell ta' San Gimignano" jew il-Kastell tal-Foresta minħabba l-bosk estensiv li kien hemm fil-madwar. Mid-929 ir-raħal ġie mmexxi mill-isqfijiet ta' Volterra.[6]

Fil-Medju Evu u fir-Rinaxximent, dan kien punt fejn kienu jieqfu l-pellegrini Kattoliċi fi triqithom lejn Ruma u l-Vatikan, peress li jinsab fil-mogħdija Medjevali tal-Via Francigena.[5] L-iżvilupp tal-belt ittejjeb ukoll permezz tal-kummerċ ta' prodotti agrikoli mill-għoljiet għammiela tal-madwar, b'mod partikolari ż-żagħfran, li kien jintuża kemm fit-tisjir kif ukoll għall-għoti tal-kulur fid-drappijiet u fl-inbid Vernaccia, li jingħad li kien ta' ispirazzjoni għall-Papiet u għall-poeti.[6]

Fl-1199, il-belt għamlet lilha nnifisha indipendenti mill-isqfijiet ta' Volterra u stabbiliet podestà, filwaqt li arrikkiet il-komun bil-knejjes u bil-binjiet pubbliċi. Madankollu, il-paċi tar-raħal ġiet iddisturbata għaż-żewġ sekli ta' wara minħabba kunflitt bejn il-Gwelfi u l-Gibellini, u piki bejn il-familji fi ħdan San Gimignano. Dan wassal biex il-familji f'kompetizzjoni ma' xulxin bnew djar bit-torrijiet, waħda itwal mill-oħra. Lejn l-aħħar tal-Medju Evu, kien hemm 72 dar bit-torrijiet, uħud minnhom twal saħansitra sa 70 metru (230 pied). Ir-rivalità bejn il-familji trażżnet meta l-kunsill lokali ordna li l-ebda torri ma seta' jkun itwal minn dak maġenb il-Palazzo Comunale.[6]

Filwaqt li l-qaddis patrun uffiċjali huwa San Gimignano, ir-raħal jagħti ġieħ ukoll lil-Santa Fina, magħrufa wkoll bħala Serafina, li twieldet f'San Gimignano fl-1238 u li l-festa tagħha tiġi ċċelebrata fit-12 ta' Marzu. Il-Kappella ta' Santa Fina fil-Knisja Kolleġġjali tospita s-santwarju tagħha u fiha affreski ta' Ghirlandaio.[7] Id-dar fejn jingħad li kienet tgħix għadha teżisti fir-raħal.

Fit-8 ta' Mejju 1300, ir-raħal ta' San Gimignano ospita lil Dante Alighieri fir-rwol tiegħu bħala ambaxxatur tal-Lega tal-Gwelfi fit-Toskana.[6]

Ir-raħal iffjorixxa sal-1348, meta faqqgħet il-Pesta s-Sewda li affettwat lill-Ewropa kollha, u madwar nofs il-popolazzjoni tar-raħal mietet. Ir-raħal kellu jbaxxi rasu għat-tmexxija ta' Firenze. Inizjalment, xi binjiet Gotiċi nbnew bl-istil ta' Firenze, u bosta mit-torrijiet tnaqqsu sal-għoli tad-djar. Sussegwentement kien hemm ftit żvilupp, u San Gimignano baqa' ppreservat fil-qagħda Medjevali tiegħu sas-seklu 19, meta l-istatus tiegħu bħala post turistiku u artistiku ġie rrikonoxxut.[6]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika tal-qalba taċ-ċentru storiku ta' San Gimignano

Iċ-Ċentru Storiku ta' San Gimignano ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1990.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

San Gimignano jinsab fil-quċċata ta' għolja u l-assi prinċipali tiegħu huwa mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Huwa mdawwar bi tliet livelli ta' ħitan u fl-ogħla punt tiegħu, lejn il-Punent, hemm il-fdalijiet ta' fortizza li ġġarrfet fis-seklu 16. Hemm tmien daħliet għar-raħal, stabbiliti fit-tieni livell ta' ħitan, li jmorru lura għas-sekli 12 u 13.[8] Id-daħliet prinċipali huma Porta San Giovanni fuq in-naħa tal-għolja estiża lejn in-Nofsinhar, Porta San Matteo lejn il-Majjistral u Porta San Jacopo lejn il-Grigal. It-toroq ewlenin huma Via San Matteo u Via San Giovanni, li jaqsmu r-raħal mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Fil-qalba tar-raħal hemm erba' pjazez: Piazza Duomo, fejn hemm il-Knisja Kolleġġjali; Piazza della Cisterna, Piazza Pecori u Piazza delle Erbe. Lejn it-Tramuntana tar-raħal hemm pjazza sinifikanti oħra, Piazza Agostino, fejn hemm il-Knisja ta' Santu Wistin. Il-postijiet fejn jinsabu l-Knisja Kolleġġjali u l-Knisja ta' Santu Wistin u l-pjazez rispettivi tagħhom effettivament jaqsmu r-raħal f'żewġ reġjuni.

Attrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

It-torrijiet ta' San Gimignano

Ir-raħal ta' San Gimignano għandu bosta eżempji ta' arkitettura Rumaneska u Gotika. Flimkien mal-knejjes u l-fortifikazzjonijiet Medjevali, hemm eżempji ta' arkitettura Rumaneska lajka u domestika li wieħed jista' jiddistingwi permezz tal-ħnejjiet tondi u ppuntati tagħhom, rispettivament. Karatteristika partikolari li hija tipika tar-reġjun ta' Siena hi li l-ħnejjiet tal-fetħiet huma iktar baxxi, b'koxox tal-bibien li spiss ikollhom it-tieni ħnejja iktar baxxa taħt ħnejja ppuntata jew b'għamla ta' semiċirku. Xi kultant kemm it-twieqi Rumaneski kif ukoll dawk Gotiċi għandhom għamla ta' żewġ ponot, b'żewġ fetħiet diviżi b'ċumbatura tal-ġebel taħt ħnejja waħdanija.[9]

Pjazez[immodifika | immodifika s-sors]

Piazza della Cisterna[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-pjazza wieħed jidħol għaliha minn Via San Giovanni, u hija l-pjazza prinċipali tar-raħal. Għandha għamla triangolari u hija mdawra bi djar Medjevali li nbnew f'dati differenti, fosthom xi eżempji fini ta' binjiet Rumaneski u Gotiċi. Fin-nofs tal-pjazza hemm bir li kien l-għajn ewlieni ta' ilma għar-residenti tar-raħal. L-istruttura tmur lura għall-1346.[6] Għalkemm ħafna minnu ġie rinnovat fl-aħħar tas-seklu 20, partijiet tal-pavimentar imorru lura għas-seklu 13.[6]

Piazza Duomo[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-pjazza tinsab fit-Tramuntana tal-Piazza della Cisterna u hija kkollegata b'passaġġ maġenb loġġa miftuħa. Lejn il-Punent, fil-parti ta' fuq tal-pjazza, hemm il-Knisja Kolleġġjali, li wieħed jasal għaliha b'taraġ wiesa'. Isem il-pjazza donnu jimplika li din il-knisja xi darba kienet katidral, iżda għalkemm x'aktarx kien ippjanat li ssir hekk, dan qatt ma twettaq. Xi binjiet importanti oħra fil-pjazza jinkludu l-Palazzo Comunale u l-Palazzo Podestà, is-sede tas-sindku. Il-Palazzo Podestà wieħed jagħrfu mill-ewwel mil-loġġa enormi bil-ħnejjiet.

Torrijiet[immodifika | immodifika s-sors]

Torre Grossa

Filwaqt li fi bliet oħra, bħal pereżempju Firenze, il-biċċa l-kbira tat-torrijiet jekk mhux kollha twaqqgħu minħabba gwerer, diżastri naturali jew immodernizzar urban, San Gimignano irnexxielu jikkonserva erbatax-il torri ta' daqsijiet differenti, u kiseb fama internazzjonali permezz tagħhom. It-torrijiet huma:

  • Torri tal-Kampnar tal-Knisja Kolleġġjali
  • Torri degli Ardinghelli
  • Torre dei Becci
  • Torre Campatelli
  • Torre Chigi (1280)
  • Torre dei Cugnanesi
  • Torre del Diavolo
  • Torre Ficherelli or Ficarelli
  • Torre Grossa (1311)[10], 54 metru (177 pied)[11]
  • Torre di Palazzo Pellari
  • Casa-torre Pesciolini
  • Torre Pettini
  • Torre Rognosa, 51 metru (167 pied)
  • Torri dei Salvucci

Knejjes[immodifika | immodifika s-sors]

Fir-raħal hemm bosta knejjes: l-iktar tnejn prinċipali huma l-Knisja Kolleġġjali u l-Knisja ta' Santu Wistin, li fihom bosta opri tal-arti minn artisti Rinaxximentali Taljani.

Il-Knisja ta' Pieve di Santa Maria f'Cèllole, villaġġ fil-muniċipalità, hija knisja rurali Rumaneska b'battisterju.

Binjiet ċiviċi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Palazzo Comunale, li darba kien is-sede tal-podestà, attwalment jospita gallerija tar-raħal, bix-xogħlijiet ta' Pinturicchio, Benozzo Gozzoli, Filippino Lippi, Domenico di Michelino, Pier Francesco Fiorentino u oħrajn. Mis-Sala ta' Dante fi ħdan il-Palazzo Comunale, wieħed jista' jaċċessa l-affresk Maesta ta' Lippo Memmi, kif ukoll it-Torre del Podestà jew Torre Grossa tal-1311, li huwa twil 54 metru (177 pied).[11]

Kultura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Bewsa ta' Ġuda fid-Duomo ta' San Gimignano

F'San Gimignano twieled il-poeta Folgore da San Gimignano (1270–1332).

Fir-rumanz Where Angels Fear to Tread tal-1905 ta' E. M. Forster hemm verżjoni rumanzata ta' San Gimignano, imsejħa Monteriano.

Tea with Mussolini, dramm tal-1999 dwar il-karba tan-nisa Ingliżi u Amerikani espatrijati fl-Italja matul it-Tieni Gwerra Dinjija, inġibed parzjalment f'San Gimignano. L-affreski li n-nisa jsalvaw mill-qerda matul l-irtirar tal-Armata Ġermaniża jinsabu fid-Duomo, il-knisja prinċipali tar-raħal. Il-ġrajja ta' dan l-episodju, fil-biċċa l-kbira tiegħu, hija fittizja, peress li għalkemm hemm rapporti ta' tpattija maħsuba kontra r-raħal[12], ma teżisti l-ebda evidenza ta' pjan biex il-knejjes jinqerdu. Madankollu, ir-referenza għar-riskju ta' qerda kulturali hija storika, peress li l-Alleati bbumbardjaw iż-żona għal għaxart ijiem sħaħ.[13]

Franco Zeffirelli uża lil San Gimignano taparsi r-raħal ta' Assisi fil-film tiegħu tal-1972 dwar San Franġisk t'Assisi Fratello Sole, Sorella Luna. Il-biċċa l-kbira tax-xeni ta' Assisi fil-film fil-fatt inġibdu f'San Gimignano.

Fir-rumanz The Broker ta' John Grisham, Joel Backman jieħu lit-tieni mara tiegħu minn tlieta lejn l-Italja għal vaganza biex jikkonvinċiha ma tiddivorzjahx. Huma jikru monasteru tas-seklu 14 ħdejn San Gimignano għal xahar.

Il-litografija tal-1923 ta' M. C. Escher, San Gimignano, turi t-torrijiet famużi.

Verżjoni tas-seklu 15 tar-raħal tidher fil-logħba elettronika tal-2009 Assassin's Creed II.[14]

Gvern muniċipali[immodifika | immodifika s-sors]

San Gimignano jitmexxa mis-sindku megħjun minn korp leġiżlattiv, il-consiglio comunale, u korp eżekuttiv, il-giunta comunale. Mill-1995, is-sindku u l-membri tal-consiglio comunale jiġu eletti direttament flimkien miċ-ċittadini residenti, filwaqt li mill-1945 sal-1995, is-sindku kien jintgħażel mill-korp leġiżlattiv. Il-President tal-giunta comunale huwa s-sindku, li jaħtar membri oħra bħala kunsilliera lokali msejħa assessori. Is-sede tal-uffiċċji tal-comune hija l-Palazzo Comunale li xi kultant jissejjaħ ukoll municipio.

Mill-1995, is-sindku ta' San Gimignano jiġi elett direttament miċ-ċittadini, oriġinarjament kull erba' snin, u iktar 'il quddiem kull ħames snin. Is-sindku attwali huwa Andrea Marrucci (PD), li ġie elett fis-26 ta' Mejju 2019 b'70.3 % tal-voti mixħuta.

Sindku Bidu tal-mandat Tmiem il-mandat Partit
Franco Nencioni 24 ta' April 1995 14 ta' Ġunju 1999 PDS
Marco Lisi 14 ta' Ġunju 1999 8 ta' Ġunju 2009 DS
Giacomo Bassi 8 ta' Ġunju 2009 27 ta' Mejju 2019 PD
Andrea Marrucci 27 ta' Mejju 2019 fis-seħħ PD

Ġemellaġġ[immodifika | immodifika s-sors]

San Gimignano huwa ġemellat ma':

Fl-arti[immodifika | immodifika s-sors]

  • Affresk mal-ħajt f'Grossi Florentino, imwettaq minn studenti ta' Napier Waller taħt superviżjoni.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of San Gimignano". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-20.
  2. ^ "Vernaccia di San Gimignano Docg". web.archive.org. 2018-01-23. Miġbur 2022-02-20.
  3. ^ "Vernaccia di San Gimignano". web.archive.org. 2012-11-20. Miġbur 2022-02-20.
  4. ^ "San Gimignano tour - Piccozzo agritour - appartamenti a Casciana Terme Lari Pisa" (bit-Taljan). Miġbur 2022-02-20.
  5. ^ a b "StackPath". www.asangimignano.com. Miġbur 2022-02-20.
  6. ^ a b c d e f g von der Haegen, Anne Mueller; Strasser, Ruth (2001). Art and Architecture of Tuscany. Kőnemann. ISBN 3-8290-2652-8. pp. 430-433.
  7. ^ Vantaggi, Rosella (1979). San Gimignano: Town of the Fine Towers. Plurigraf. pp. 41-50.
  8. ^ Vantaggi, Rosella (1979). San Gimignano: Town of the Fine Towers. Plurigraf. pp. 5-6.
  9. ^ Vantaggi, Rosella (1979). San Gimignano: Town of the Fine Towers. Plurigraf. pp. 82-83.
  10. ^ Lafferty, Samantha (1 December 2011). Turkey Travel Adventures. Hunter Publishing, Inc. p. 203. ISBN 9781588436856.
  11. ^ a b DK Travel (2 May 2016). Family Guide Italy. Dorling Kindersley Ltd. p. 200. ISBN 9780241278383.
  12. ^ "ITALY (ENEMY VANDALISM) (Hansard, 1 August 1944)". api.parliament.uk. Miġbur 2022-02-20.
  13. ^ "San Gimignano - Casa Torre Margherita". www.casatorremargherita.it. Miġbur 2022-02-20.
  14. ^ Andy Kelly published (2017-03-09). "Revisiting the renaissance with Assassin's Creed 2". PC Gamer (bl-Ingliż).
  15. ^ Mcpherson, Don (3 November 2006). Ah! Tuscany: The Enlightenment of an Expatriate. Ah! Tuscany. p. 93. ISBN 9781598007671.
  16. ^ Грузия, Sputnik. "Грузинский курорт Местиа и итальянский Сан-Джиминьяно станут побратимами". Sputnik Грузия (bir-Russu). Miġbur 2022-02-20.