Wilhelm Röntgen
Wilhelm Conrad Röntgen (/ˈrɛntɡən, -dʒən, ˈrʌnt-/;[1] pronunzja bil-Ġermaniż: [ˈvɪlhɛlm ˈʁœntɡən]; twieled fis-27 ta' Marzu 1845 – miet fl-10 ta' Frar 1923) kien inġinier mekkaniku u fiżiku Ġermaniż[2], li fit-8 ta' Novembru 1895 ipproduċa u individwa r-radjazzjoni elettromanjetika f'medda ta' frekwenzi magħrufa bħala raġġi-X jew raġġi Röntgen, kisba li rebbħitu l-Premju Nobel għall-Fiżika inawgurali fl-1901.[3] B'risq il-kisbiet ta' Röntgen, fl-2004 l-Unjoni Internazzjonali tax-Xjenza Kimika Pura u Applikata (IUPAC) semmiet l-element 111, roentgenju, element radjoattiv b'isotopi instabbli multipli, għalih. L-unità ta' kejl roentgen ukoll issemmiet għalih.
Storja bijografika
[immodifika | immodifika s-sors]Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Missier Röntgen kien Friedrich Conrad Röntgen, merkant u manifattur tad-drappijiet Ġermaniż, u ommu kienet Charlotte Constanze Frowein. Meta kellu tliet snin, il-familja tiegħu marret tgħix fl-Olanda. Röntgen attenda l-iskola sekondarja fl-Iskola Teknika ta' Utrecht, in-Netherlands. Għamel korsijiet ta' kważi sentejn sħaħ fl-Iskola Teknika. Fl-1865, huwa tkeċċa inġustament mill-iskola sekondarja meta wieħed mill-għalliema tiegħu skopra karikatura ta' wieħed mill-għalliema, li fil-fatt kien pinġiha ħaddieħor.[4]
Mingħajr diploma tal-iskola sekondarja, Röntgen seta' jattendi l-università fin-Netherlands bħala viżitatur biss. Fl-1865, huwa pprova jattendi l-Università ta' Utrecht mingħajr ma kellu l-kredenzjali neċessarji meħtieġa għal student regolari. Malli sar jaf li seta' jattendi l-Istitut Politekniku Federali fi Zurich (illum magħruf bħala l-ETH Zurich), huwa għamel l-eżami tad-dħul, għadda, u beda l-istudji bħala student tal-inġinerija mekkanika. Fl-1869, huwa ggradwa b'dottorat mill-Università ta' Zurich; matul dan iż-żmien, huwa sar student ippreferut tal-Professur August Kundt, u mbagħad segwih fl-Università Kaiser-Wilhelms Ġermaniża li kienet għadha kemm ġiet stabbilita fi Strasburgu.[5]
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1874, Röntgen sar lekċerer fl-Università ta' Strasburgu. Fl-1875, huwa sar professur fl-Akkademja tal-Agrikoltura f'Hohenheim, Württemberg. Huwa rritorna lejn Strasburgu bħala professur tal-fiżika fl-1876, u fl-1879 inħatar bħala l-president tal-fiżika fl-Università ta' Giessen. Fl-1888, huwa kiseb il-presidenza tal-fiżika fl-Università ta' Würzburg, u fl-1900 kiseb l-istess kariga fl-Università ta' Munich, fuq talba speċjali tal-gvern tal-Bavarja.[6]
Röntgen kellu l-familja f'Iowa fl-Istati Uniti u ppjana li jemigra. Huwa aċċetta ħatra fil-Columbia University fil-Belt ta' New York u xtara l-biljetti biex jaqsam l-Oċean Atlantiku, qabel ma faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija ħarbtitlu l-pjanijiet li kellu. Huwa baqa' fi Munich għall-kumplament tal-karriera tiegħu.
Matul l-1895, fil-laboratorju tiegħu fl-Istitut tal-Fiżika ta' Würzburg tal-Università ta' Würzburg, Röntgen beda jinvestiga l-effetti esterni mid-diversi tipi ta' tagħmir b'tubi tal-vakwu — apparati ta' Heinrich Hertz, Johann Hittorf, William Crookes, Nikola Tesla u Philipp von Lenard — meta wieħed jgħaddi skarika elettrika minnhom.[7][8] Fil-bidu ta' Novembru, huwa rrepeta esperiment b'wieħed mit-tubi ta' Lenard, fejn żied fetħa rqiqa tal-aluminju sabiex ir-raġġi katodiċi setgħu joħorġu mit-tubu, iżda għata tal-kartun ġiet miżjuda biex jiġi evitat li ssir ħsara lill-aluminju mill-kamp elettrostatiku qawwi li jipproduċi r-raġġi katodiċi. Röntgen kien jaf li l-għata tal-kartun kienet tipprevjeni l-ħruġ tad-dawl, għalkemm osserva li r-raġġi katodiċi inviżibbli kkawżaw effett fluworexxenti fuq biċċa kartuna żgħira miżbugħa bil-platinoċjanur tal-barju meta din kienet titpoġġa qrib il-fetħa tal-aluminju. Röntgen induna li t-tubu ta' Crookes–Hittorf, li kellu saff tal-ħġieġ eħxen mit-tubu ta' Lenard, seta' jikkawża dan l-effett fluworexxenti wkoll.
Tard waranofsinhar fit-8 ta' Novembru 1895, Röntgen kien iddeterminat li jittestja l-idea li kellu. Bir-reqqa kollha bena għata tal-kartun sewda, simili għal dik li kien uża fuq it-tubu ta' Lenard. Huwa għatta t-tubu ta' Crookes–Hittorf bil-kartun u waħħal elettrodi ma' kojl ta' Ruhmkorff biex jiġġenera karika elettrostatika. Qabel ma poġġa s-saff tal-platinoċjanur tal-barju biex jittestja l-idea li kellu, Röntgen dallam il-kamra biex jittestja l-opaċità tal-għata tal-kartun tiegħu. Wara li għadda l-karika mill-kojl ta' Ruhmkorff fit-tubu, huwa ddetermina li ma kienx jgħaddi dawl mill-għata u seta' jkompli jħejji l-pass li kien imiss tal-esperiment. Meta wasal f'dak l-istadju, Röntgen innota xi ħaġa tleqq ftit minn bank ftit piedi 'l bogħod mit-tubu. Sabiex ikun ċert, huwa pprova b'diversi skariki oħra u ra l-istess leqqa kull darba. Huwa xegħel sulfarina u skopra li l-leqqa kienet qed tiġi mill-post fejn kien hemm is-saff tal-platinoċjanur tal-barju li kien beħsiebu li juża wara.
Röntgen spekula li tip ġdid ta' raġġi jaf kien responsabbli għal dan. It-8 ta' Novembru kien il-Ġimgħa, u b'hekk ħa vantaġġ minn tmiem il-ġimgħa sabiex jirrepeti l-esperimenti tiegħu u ħejja l-ewwel noti tiegħu. Fil-ġimgħat ta' wara, kiel u raqad fil-laboratorju tiegħu u baqa' jinvestiga bosta proprjetajiet tar-raġġi l-ġodda li semma temporanjament bħala "raġġi-X", u uża d-deżinjazzjoni matematika ("X") għal dak li ma kienx għadu magħruf. Ir-raġġi l-ġodda ngħataw kunjomu f'bosta lingwi ("raġġi Röntgen"), l-istess bħar-radjogrammi assoċjati tar-raġġi-X ("Röntgenogrammi").
Darba minnhom, hu u jinvestiga l-kapaċità ta' diversi materjali li jwaqqfu r-raġġi, Röntgen ġab biċċa ċomb żgħira fil-pożizzjoni fejn kienet qed tingħata skarika. B'hekk, Röntgen ra l-ewwel immaġni radjografika: l-iskeletru tiegħu stess iteptep qisu ta' fatat fuq is-saff tal-platinoċjanur tal-barju. Iktar 'il quddiem huwa rrapporta li kien f'dan iż-żmien li huwa ddeċieda jkompli bl-esperimenti tiegħu fis-segretezza, peress li beda jibża' għar-reputazzjoni professjonali tiegħu li kieku l-osservazzjonijiet tiegħu kien żbaljati.
Madwar sitt ġimgħat wara l-iskopertà tiegħu, huwa ħa immaġni radjografika — radjografija — billi uża r-raġġi-X ta' id il-mara tiegħu Anna Bertha. Meta rat l-iskeletru tagħha hija qalet "Rajt mewti!".[9] Iktar 'il quddiem ħa immaġni aħjar ta' id il-ħabib tiegħu Albert von Kölliker f'lekċer għall-pubbliku.
Is-saġġ oriġinali ta' Röntgen, "Dwar Tip Ġdid ta' Raġġi" (Ueber eine neue Art von Strahlen), ġie ppubblikat fit-28 ta' Diċembru 1895. Fil-5 ta' Jannar 1896, gazzetta Awstrijaka rrapportat l-iskoperta ta' Röntgen ta' tip ġdid ta' radjazzjoni. Röntgen ingħata Dottorat Onorarju tal-Mediċina mill-Università ta' Würzburg għall-iskoperta li għamel. Huwa rċieva wkoll Medalja Rumford tas-Soċjetà Rjali Brittanika fl-1896, flimkien ma' Philipp Lenard, li diġà kien wera li porzjon mir-raġġi katodiċi setgħu jgħaddu minn folja rqiqa ta' metall bħall-aluminju. Röntgen ippubblika total ta' tliet saġġi dwar ir-raġġi-X bejn l-1895 u l-1897.[10] Illum il-ġurnata, Röntgen jitqies bħala l-missier tar-radjoloġija dijanjostika, li hija l-ispeċjalità medika li tuża l-immaġnijiet għad-djanjożi tal-mard.
Ġabra tas-saġġi tiegħu tinsab fil-Librerija Nazzjonali tal-Mediċina f'Bethesda, Maryland.[11]
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Röntgen kien miżżewweġ ma' Anna Bertha Ludwig għal 47 sena sa mewtha fl-1919 meta kellha 80 sena. Fl-1866 iltaqgħu fi Zürich fil-kafetterija ta' missier Anna, Zum Grünen Glas. Tgħarrsu fl-1869 u żżewġu f'Apeldoorn, in-Netherlands fis-7 ta' Lulju 1872; id-dewmien kien dovut għall-fatt li Anna kienet sitt snin akbar minn Wilhelm u missieru ma approvax mill-ewwel minħabba l-età tagħha jew l-isfond umli tagħha. Iż-żwieġ tagħhom beda b'diffikultajiet finanzjarji peress li l-appoġġ għall-familja mingħand Röntgen waqaf ħesrem. Huma rabbew wild wieħed, Josephine Bertha Ludwig, li adottaw meta kellha sitt snin wara li missierha tad-demm, li kien ukoll ħuha, miet fl-1887.[12]
Huwa wiret żewġ miljun Reichsmark wara li miet missieru.[13] Għal raġunijiet etiċi, Röntgen ma riedx jikseb privattivi għall-iskoperti tiegħu, għaliex kien tal-fehma li dawn kellhom ikunu disponibbli pubblikament mingħajr ħlas. Wara li rċieva l-flus għall-Premju Nobel, Röntgen ta l-50,000 krona Żvediżi bħala donazzjoni għar-riċerka lill-Università ta' Würzburg. Għalkemm huwa aċċetta d-Dottorat Onorarju tal-Mediċina, huwa rrifjuta offerta ta' nobbiltà inferjuri, jew Niederer Adelstitel, fejn ċaħad il-prepożizzjoni von (li tfisser "ta'") bħala partiċella ta' nobbiltà (jiġifieri von Röntgen).[14] Bl-inflazzjoni wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, Röntgen kellu jiddikjara falliment finanzjarju, u qatta' l-aħħar snin ta' ħajtu fid-dar tiegħu fil-kampanja f'Weilheim, ħdejn Munich. Röntgen miet fl-10 ta' Frar 1923 b'karċinoma tal-intestini, magħrufa wkoll bħala kanċer kolorettali.[15] Skont it-testment tiegħu, il-korrispondenza personali u xjentifika kollha tiegħu nqerdet wara mewtu.[16]
Unuri u premjijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1901, Röntgen ingħata l-ewwel Premju Nobel għall-Fiżika. Il-premju uffiċjalment ingħata "bħala rikonoxximent tas-servizzi straordinarji tiegħu permezz tal-iskoperta tar-raġġi notevoli li sussegwentement issemmew għalih".[17] Röntgen ta l-50,000 krona Żvediżi mill-Premju Nobel tiegħu bħala donazzjoni għar-riċerka lill-Università ta' Würzburg. Bħal Marie u Pierre Curie, Röntgen irrifjuta li jikseb privattivi b'rabta mal-iskoperta tiegħu tar-raġġi-X, peress li ried lis-soċjetà kollha tibbenefika mill-applikazzjonijiet prattiċi tal-fenomenu. Röntgen ingħata wkoll il-Medalja Barnard għall-Servizz bil-Merti lix-Xjenza fl-1900.[18]
L-unuri tiegħu jinkludu:
- il-Medalja Rumford (1896);
- il-Medalja Matteucci (1896);
- il-Medalja Elliott Cresson (1897);
- il-Premju Nobel għall-Fiżika (1901);
- u f'Novembru 2004, l-IUPAC semmiet l-element numru 111 roentgenju (Rg) għalih. L-IUPAP adottat l-isem f'Novembru 2011.
Fl-1907 huwa sar membru barrani tal-Akkademja Rjali tan-Netherlands għall-Arti u x-Xjenzi.[19]
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Illum il-ġurnata, f'Remscheid-Lennep, 40 kilometru fil-Lvant tal-post fejn twieled Röntgen f'Düsseldorf, hemm il-Mużew Ġermaniż ta' Röntgen.[20]
F'Würzburg, fejn skopra r-raġġi-X, organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt tieħu ħsieb il-laboratorju tiegħu u toffri żjarat gwidati fis-Sit ta' Mafkar ta' Röntgen.[21]
Il-Jum Dinji tar-Radjografija huwa avveniment annwali li jippromwovi r-rwol tal-immaġnijiet mediċi fil-kura tas-saħħa moderna. Jiġi ċċelebrat fit-8 ta' Novembru ta' kull sena, u jaħbat mal-anniversarju tal-iskoperta ta' Röntgen. Ġie introdott għall-ewwel darba fl-2012 bħala inizjattiva konġunta bejn is-Soċjetà Ewropea tar-Radjoloġija, is-Soċjetà Radjoloġika tal-Amerka ta' Fuq, u l-Kulleġġ Amerikan tar-Radjoloġija.
Il-Quċċata ta' Röntgen fl-Antartika ssemmiet għal Wilhelm Röntgen.[22]
Il-pjaneta minuri 6401 Roentgen issemmiet għalih ukoll.[23]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Definition of Röntgen | Dictionary.com". www.dictionary.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-10.
- ^ "Wilhelm Röntgen – Ontdekker röntgenstraling". Historiek (bl-Olandiż). Miġbur 2022-02-10.
- ^ Novelize, Robert. Squire's Fundamentals of Radiology. Harvard University Press. 5th edition. 1997. ISBN 0-674-83339-2. p. 1.
- ^ Rosenbusch, Gerd. Wilhelm Conrad Röntgen: The Birth of Radiology. p. 10.
- ^ Trevert, Edward (1988). Something About X-Rays for Everybody. Madison, WI: Medical Physics Publishing Corporation. p. 4. ISBN 0-944838-05-7.
- ^ Chisholm, Hugh, ed. (1911). "Röntgen, Wilhelm Konrad" . Encyclopædia Britannica. Vol. 23 (11th ed.). Cambridge University Press. p. 694.
- ^ Nitske, Robert W., The Life of W. C. Röntgen, Discoverer of the X-Ray, University of Arizona Press, 1971.
- ^ Agar, Jon (2012). Science in the Twentieth Century and Beyond. Cambridge: Polity Press. p. 18. ISBN 978-0-7456-3469-2.
- ^ Landwehr, Gottfried (1997). Hasse, A (ed.). Röntgen centennial: X-rays in Natural and Life Sciences. Singapore: World Scientific. pp. 7–8. ISBN 981-02-3085-0.
- ^ Wilhelm Röntgen, "Ueber eine neue Art von Strahlen. Vorläufige Mitteilung", in: Aus den Sitzungsberichten der Würzburger Physik.-medic. Gesellschaft Würzburg, pp. 137–147.
- ^ "Fundamental contributions to the X-ray : the three original communications on a new kind of ray / Wilhelm Conrad Röentgen, 1972 1972". oculus.nlm.nih.gov. Miġbur 2022-02-10.
- ^ Glasser (1933: 63).
- ^ Hans-Erhard Lessing: Eminence thanks to fluorescence – Wilhelm Röntgen. German Life (Grantsville MD) Oct/Nov 1995 pp. 40–42.
- ^ "Wilhelm Conrad Röntgen | Environmental Health & Safety | Michigan State University". ehs.msu.edu. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-02-10. Miġbur 2022-02-10.
- ^ Glasser, Otto (1933). Wilhelm Conrad Röntgen and the Early History of the Roentgen Rays. London: John Bale, Sons and Danielsson, Ltd. p. 305. OCLC 220696336.
- ^ Guru, UPSC. "Wilhelm Conrad Röntgen was born on March 27, 1845," (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-02-10. Miġbur 2022-02-10.
- ^ Jost Lemmerich: Röntgen Rays Centennial 1895-1995, Würzburg 1995, ISBN 3-923959-28-1.
- ^ "Columbia Spectator 23 May 1900 — Columbia Spectator". spectatorarchive.library.columbia.edu. Miġbur 2022-02-10.
- ^ "Digitaal Wetenschapshistorisch Centrum" (bl-Olandiż). Miġbur 2022-02-10.
- ^ admin. "Deutsches Röntgen-Museum in der Stadt Remscheid - X-Ray Museum". Deutsches Röntgen Museum (bil-Ġermaniż). Miġbur 2022-02-10.
- ^ "Röntgen-Gedächtnisstätte – Ort der Entdeckung der Röntgenstrahlen". wilhelmconradroentgen.de. Miġbur 2022-02-10.
- ^ "SCAR Composite Gazetteer". data.aad.gov.au. Miġbur 2022-02-10.
- ^ (6401) Roentgen In: Dictionary of Minor Planet Names. Springer. 2003. ISBN 978-3-540-29925-7.