Marie Curie
Maria Salomea Skłodowska-Curie (Varsavja, 7 ta' Novembru 1867 – Passy, 4 ta' Lulju 1934) magħrufa bl-isem ta' Marie Curie, kienet kimika u fiżika Polakka naturalizzata Franċiża.[1]
Fl-1903 ngħatat il-Premju Nobel għall-Fiżika, ma' żewġha Pierre Curie u Henri Becquerel, u fl-1911 il-Premju Nobel għall-Kimika għax-xogħol tagħha fuq il-polonju u r-radju. Hi l-unika mara li rċeviet żewġ premjijiet Nobel.[2]
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Marie Curie twieldet Varsavja fejn missierha Władysław Skłodowski kien għalliem tal-matematika u l-fiżika. Marie kienet l-iżgħar fost ħames aħwa. Fi żmien sentejn tilfet 'l oħtha Zofia li mietet bit-tifu f'Jannar tal-1876, u 'l ommha, Bronisława li, mietet bit-tuberkolożi fid-9 ta' Mejju 1878. Wara ntefgħet fuq l-istudju fejn ibbrillat fis-suġġetti kollha u ngħatat l-ogħla grad. Temmet l-istudji sekondarji b'midalja tad-deheb fl-1883.
Il-Fakultà tax-Xjenza ta' Pariġi
[immodifika | immodifika s-sors]Dak iż-żmien, Varsavja kienet annessa mar-Russa, u n-nisa ma setgħux immorru l-università. Għalhekk, f'Novembru 1891, Marie telqet lejn Pariġi, fejn diġà kien hemm oħta l-kbira tistudja l-mediċina u fejn kienet ġiet aċċettata biex issegwi l-istudji fix-xjenzi fiżiċi u fix-xjenzi matematiċi fil-fakultà tax-Xjenza tas-Sorbonne. Sentejn wara, ġiet l-ewwel fil-licence fix-xjenzi fiżiċi u s-sena ta' wara ħadet il-licence fix-xjenzi matematiċi u ġiet it-tieni. Imbagħad marret taħdem fil-Laboratorju tar-riċerki fiżiċi taħt Gabriel Lippmann.
Fir-rebbiegħa tal-1894, iltaqgħet ma' Pierre Curie u żżewġu fil-komuni ta' Sceaux, Hauts-de-Seine, fis-26 ta' Lulju 1895. Fl-1896, ġiet l-ewwel fl-agrégation tal-fiżika. Fit-12 ta' Settembru 1897, kellha l-ewwel tifla, Irène.
Il-Polonju u r-Radju
[immodifika | immodifika s-sors]F'Diċembru 1897, bdiet ix-xogħol tat-teżi fuq l-istudju tar-raġġi prodotti mill-Uranju, skoperti minn Henri Becquerel. Bl-użu tal-metodi tekniċi żviluppati minn żewġha, analizzat ir-radjazzjoni mogħtija mill-pechblenda, (forma kollojdali tal-minerali Uraniniti), li hi għanja ħafna fl-Uranju.
Min-naħa tiegħu Pierre fl-1898, ħalla x-xogħol fuq il-Piezoelettriċità biex jingħaqad ma' martu fl-istudju tar-radjoattività. Ħa permess mid-direttur tal-Iskola tal-Fiżika u Kimika (li llum saret l-École supérieure de physique et de chimie industrielles de la ville de Paris) biex juża ħanut tax-xogħol fis-sular t'isfel. It-trattamenti kimiċi kienu jsiru f'maħżen, ma' ġenb il-ħanut, separat minnu b'bitħa biss.
F'dan il-laboratorju fejn eżaminaw il-pechblenda, skoprew żewġ elementi ġodda. Fit-18 ta' Lulju 1898, Marie Curie ħabbret l-iskoperta tal-Polonju, msemmi hekk għal art twelidha. Fis-26 ta' Diċembru, ma' Gustave Bémont, ħabbret is-sejba tar-Radju; kellhom jittrattaw tunellati sħaħ ta' pechblenda biex joħorġu inqas minn gramma ta' dan l-element. Dan ix-xogħol sar f'postijiet bla kumdità xejn. Skond il-kimiku Ġermaniż Wilhelm Ostwald, li żar il-post tax-xogħol ta' Pierre u Marie Curie: "Dan il-laboratorju kien qiesu fl-istess ħin stalla u maħżen tat-tuffieħ. Kieku ma rajtx l-apparat tal-kimika, kont naħseb li qegħdin jidħqu bija".
Fit-26 ta' Ottubru 1900, saret professur fl-École normale supérieure de jeunes filles ta' Sèvres. Matul is-sena 1903, fit-25 ta' Ġunju iddefendiet it-teżi tagħha fuq il-materji radjoattivi. Fl-10 ta' Diċembru, irċeviet ma' żewġha u Henri Becquerel, il-Premju Nobel għall-fiżika " b'rikonoxximent għas-servizzi straordinarji li taw fir-riċerka flimkien fuq il-fenomenu tar-radjazzjoni, skopert mill-Professur Henri Becquerel". Kienet l-ewwel mara li ngħatat il-Premju Nobel. Dik is-sena stess, saret l-ewwel lawrejata mara tal-Midalja Davy.
Is-sena ta' wara, irċeviet il-Midalja Matteucci[3] u fis-6 ta' Diċembru weldet lit-tieni tifla tagħhom, Ève.
Fid-19 ta' April 1906, Pierre miet f'inċident, imtajjar minn karettun biż-żiemel. F'Novembru, ħadet postu bħala professur fis-Sorbonne. Kienet l-ewwel mara li qatt għallmet f'dik l-università. Fl-1909, ġiet nominata professur titulari fil-katedra tal-Fiżika Ġenerali u wara tal-Fiżika Ġenerali u r-Radjoattività.
Fl-10 ta' Diċembru 1911, irċeviet it-tieni Premju Nobel, "b'rikonoxximent għas-servizzi tagħhom għall-avvanz tal-kimika bl-iskoperta tar-Radju u l-Polonju, l-iżolament tar-Radju u l-istudju tan-natura u l-komponenti ta' dan l-element notevoli". Kienet l-ewwel persuna li ħadet żewġ premjijiet Nobel għal xogħol xjentifiku. It-tieni waħda kienet Linus Pauling, li rċieva l-ewwel wieħed għax-xogħol xjentifiku fil-kimika fl-1954 u t-tieni għall-ħidma favur il-paċi fl-1962.
Marie ħadet sehem fl-ewwel Kungress Solvay fl-1911, li laqqa' bosta fiżiċi famużi, bħal Max Planck, Albert Einstein u Ernest Rutherford, li kienu ħa jbiddlu l-mod kief naraw id-dinja. Kienet l-unika mara li attendiet dan il-Kungress, organizzat u ffinanzjat mill-industrijalist Belġjan, Ernest Solvay.
L-Istitut tar-Radju
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-aħħar tal-1909, il-professur Émile Roux, id-direttur tal-Istitut Pasteur, issuġerixxa li jinħoloq Istitut tar-Radju, dedikat għar-riċerka medika kontra l-cancer u l-kura tiegħu bir-radjoterapija. Minkejja l-fama ta' Marie Curie minħabba l-Premju Nobel, kellha tistenna sal-1911 biex tibda x-xogħol tagħha, issussidjata minn Daniel Iffla-Osiris. L-Istitut, f'rue d'Ulm, Pariġi, li llum hu magħruf bħala l-Istitut Marie Curie, fetaħ fl-1914, eżatt qabel bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Ġabar fih żewġ laboratorji ta' oqsma komplementari : il-laboratorju tal-fiżika u l-kimika, immexxi minn Marie Curie, u l-laboratoju Pasteur, li jikkonċentra fuq ir-radjoterapija, dirett minn Claudius Régaud.
Il-petites Curies
[immodifika | immodifika s-sors]Meta faqqet il-gwerra, Marie Curie ġiet mobilizzata kif kienu l-membri l-oħra tal-Istitut tar-Radju. Flimkien ma' Antoine Béclère, direttur tas-servizz radjoloġiku tal-armata, ħadet sehem fit-twaqqif ta' units kiruġiċi mobbli. Waqfet ukoll tmintax-il vettura tar-radjoloġija imlaqqmin "petites Curie" li ntbagħtu fuq il-front. Fl-Istitut tar-Radju, ħarrġet l-infirmiera radjoloġi.
Fl-1916, ħadet il-liċenzja tas-sewqan u kienet tmur regularment fuq il-front biex tieħu r-radjografiji. Irène, li kellha tmintax-il sena biss kienet tagħmel l-istess fl-isptarijiet tal-kampanja matul il-gwerra kollha.
Wara l-gwerra, fl-1918, Marie Curie, setgħet tkompli x-xogħol tagħha fl-Istitut tar-Radju. Bintha Irène saret l-assistenta tagħha. L-Istitut tar-Radju iżjed tard sar l-Istitut Curie.
Simbolu tal-feminiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-20 ta' Mejju 1921, waqt l-ewwel vjaġġ tagħha fl-iStati Uniti, setgħet tixtri gramma Radju minn Pittsburgh, wara ġabra ta' 100 000 dollaru min-nisa Amerikani, organizzata mill-ġurnalista Marie Mattingly Meloney. Fl-1929, reġgħet bil-flus miġbura min-nisa Amerikani, irċeviet gramma Radju oħra, li rregalat lill-Università ta' Varsavja.
Minħabba li kienet esposta għal radjoattività qawwija, qabditha l-lewċemija u ntbagħtet fis-sanatorju ta' Sancellemoz f'Haute-Savoie fl-1934. Minkejja l-marda tagħha, kompliet tmexxi is-sezzjoni tal-fiżika u l-kimika fl-Istitut tar-Radju sa mewtha.
Unuri
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-20 ta' April 1995, fuq id-deċizzjoni tal-president François Mitterrand, l-irmied tagħha u ta' żewġha Pierre Curie tmexxew għall-Panthéon ta' Pariġi. S'issa għadha l-unika mara onorata fil-Panthéon għall-ħidma tagħha.
Fl-Istitut Curie, Pariġi, inbena l-Mużew Curie fl-istess post fejn ix-xjenzata kienet taħdem sa mewtha. Dan juri l-patrimonju xjentifiku rikk u l-ħajja personali u professjonali tal-familja Curie li rċevew ħames premjijiet Nobel, il-passi kbar fl-istorja tar-radjoattività u l-ġlieda kontra l-kanċer.
Xi tifkiriet oħra ġew organizzati :
- Ħarġu karti ta' 500 franc Franċiż u ta' 20 000 złoty Polakk bix-xbieha ta' Marie Curie.
- Ħarġet munita ta' 100 franc Franċiż bix-xbieha tagħha.
- Fit-8 ta' Marzu 2007, l-istazzjon tal-métro Pariġin Pierre Curie bidel l-isem għal Pierre et Marie Curie.
- L-Université Paris 6, Franza, għandha l-isem Université Pierre et Marie Curie.
- L-università pubblika ta' Lublin, fil-Polonja, għandha l-isem 'Università Marie Curie-Skłodowska', Uniwersytet Marii Curie-Skłodowskiej w Lublinie[4].
- L-element atomiku numru 96, skopert fl-1944, isemma Kurju f'unur Pierre u Marie Curie.
- Il-Marie Curie Fellowship Association[5] hu programm ta' għajnuna għall-mobbiltà ġeografika għar-riċerkaturi żagħżagħ Ewropej.
- Fl-2006, iz-Zekka ta' Pariġi ħarġet 500 munita ta' 20€ tad-deheb, għall-kollezzjonisti.
Bibljografija
[immodifika | immodifika s-sors]- Ève Curie, Madame Curie, 1938
- Marie Curie, Irène Joliot-Curie et Gillette G. Ziegler, Correspondance
- Marie Curie et Irène Joliot-Curie, Prace Marii Skłodowskiej-Curie
- Françoise Giroud, Une femme honorable, 1981
- Xavier Laurent-Petit, Marie Curie, 2005
- Brigitte Labbé et Michel Puech, Marie Curie, 2006
- Eve Curie: Madame Curie. Eine Biographie. Fischer, Frankfurt/M. 2003, ISBN 3-596-22243-5.
- Barbara Goldsmith: Obsessive genius. The inner world of Marie Curie. Weidenfeld & Nicolson, London 2005, ISBN 0-297-84767-8.
- Peter Ksoll: Marie Curie. Mit Selbstzeugnissen und Bilddokumenten. Rowohlt, Reinbek 2006, ISBN 3-499-50417-0.
- Jean-Pierre Poirier: Marie Curie et les conquérants de l'atome (1896-2006). Pygmalion, Paris 2006, ISBN 2-7564-0052-1.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- (Bil-Franċiż) Marie et Pierre Curie, sur le site de l'Institut Curie
- (Bil-Franċiż) Le site consacré à Marie Curie coproduit par le Ministère de la Recherche et l'Université Paris 8
- (Bl-Ingliż) Programme européen Marie Curie
Noti
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Quid 1989, paġna 1190b.
- ^ (Bl-Ingliż) Nobel Laureates Facts
- ^ (bit-Taljan) Akkademja Nazzjonali tax-Xjenza Taljana
- ^ Sit tal-Università Marie Curie: http://www.umcs.lublin.pl/
- ^ Sit tal-għaqda Marie Curie Fellowship Association: https://web.archive.org/web/20110717020059/http://www.mariecurie.org/