Heinrich Hertz
Heinrich Rudolf Hertz ([ˈhaɪnʁɪç ˈhɛʁts][1][2]; twieled fit-22 ta' Frar 1857 – miet fl-1 ta' Jannar 1894) kien fiżiku Ġermaniż li kien l-ewwel li wera b'mod konklużiv u bil-provi l-eżistenza tal-mewġ elettromanjetiku previst mill-ekwazzjonijiet tal-elettromanjetiżmu ta' James Clerk Maxwell. L-unità tal-frekwenza, ċiklu fis-sekonda, issemmiet "hertz" f'ġieħu.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Heinrich Rudolf Hertz twieled fl-1857 f'Hamburg, li dak iż-żmien kien stat sovran tal-Konfederazzjoni Ġermaniża, f'familja Anseatika sinjura u mgħallma. Missieru kien Gustav Ferdinand Hertz u ommu kienet Anna Elisabeth Pfefferkorn.
Meta kien jistudja fil-Gelehrtenschule des Johanneums f'Hamburg, Hertz wera li kien kapaċi fix-xjenzi kif ukoll fil-lingwi, u tgħallem l-Għarbi u s-Sanskritu. Huwa studja x-xjenzi u l-inġinerija fil-bliet Ġermaniżi ta' Dresden, Munich u Berlin, fejn studja taħt Gustav R. Kirchhoff u Hermann von Helmholtz. Fl-1880, Hertz kiseb id-Dottorat tiegħu mill-Università ta' Berlin, u għat-tliet snin ta' wara baqa' jagħmel studji ta' wara d-dottorat taħt Helmholtz, u ħadem ukoll bħala l-assistent tiegħu. Fl-1883, Hertz ħa l-kariga ta' lettur tal-fiżika teorika fl-Università ta' Kiel. Fl-1885, Hertz sar professur full-time fl-Università ta' Karlsruhe.
Fl-1886, Hertz iżżewweġ lil Elisabeth Doll, bint Max Doll, lettur tal-ġeometrija f'Karlsruhe. Kellhom żewġ ulied bniet: Johanna, li twieled fl-20 ta' Ottubru 1887 u Mathilde, li twieldet fl-14 ta' Jannar 1891, li mbagħad saret biologa notevoli. F'dan iż-żmien Hertz wettaq ir-riċerka ewlenija tiegħu fil-mewġ elettromanjetiku.
Hertz ħa kariga bħala Professur tal-Fiżika u Direttur tal-Istitut tal-Fiżika f'Bonn fit-3 ta' April 1889, kariga li baqa' jżomm sa mewtu. F'dan iż-żmien huwa ħadem fuq il-mekkanika teorika u x-xogħol tiegħu ġie ppubblikat fil-ktieb Die Prinzipien der Mechanik in neuem Zusammenhange dargestellt (Il-Prinċipji tal-Mekkanika Ppreżentati b'Mod Ġdid), wara mewtu fl-1894.
Mewt
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1892, Hertz ġie dijanjostikat b'infezzjoni (wara sensiela ta' emikranji kbar) u sarulu operazzjonijiet biex il-marda tiegħu tiġi ttrattata. Huwa miet wara kumplikazzjonijiet fl-operazzjoni kirurġika f'tentattivi li tiġi ttrattata l-kundizzjoni li kienet qed tikkawżalu l-emikranji, li wħud iqisu li kienet kundizzjoni malinja fl-għadam. Huwa miet meta kellu 36 sena f'Bonn, il-Ġermanja, fl-1894, u ndifen fiċ-Ċimiterju ta' Ohlsdorf f'Hamburg.
Il-mara ta' Hertz, Elisabeth Hertz (li kunjomha xebba kien Doll; 1864–1941), ma reġgħetx iżżewġet u meta mietet ħalliet warajha lil uliedha, Johanna (1887–1967) u Mathilde (1891–1975). It-tnejn li huma qatt ma żżewġu, u b'hekk Hertz ma għandux dixxendenti ħajjin.
Xogħol xjentifiku
[immodifika | immodifika s-sors]Mewġ elettromanjetiku
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1864, il-fiżiku matematiku Skoċċiż James Clerk Maxwell ippropona teorija komprensiva dwar tal-elettromanjetiżmu, issa msejħa l-ekwazzjonijiet ta' Maxwell. It-teorija ta' Maxwell ipprevediet li l-kampi elettriċi u manjetiċi akkoppjati setgħu jivvjaġġaw tul spazju bħala "mewġa elettromanjetika". Maxwell ippropona li d-dawl kien jikkonsisti minn mewġ elettromanjetiku b'tul tal-mewġ qasir, iżda ħadd ma kien irnexxielu juri dan bil-provi, jew jiġġenera jew jindividwa il-mewġ elettromanjetiku b'tul tal-mewġ ieħor.
Matul l-istudji ta' Hertz fl-1879, Helmholtz issuġġerixxa li t-teżi dottorali ta' Hertz tkun fuq l-ittestjar tat-teorija ta' Maxwell. Helmholtz kien ippropona wkoll il-problema tal-"Premju ta' Berlin" dik is-sena fl-Akkademja tax-Xjenzi tal-Prussja li kienet miftuħa għal min seta' juri bil-provi f'esperiment l-effett elettromanjetiku fil-polarizzazzjoni u fid-depolarizzazzjoni tal-iżolaturi, xi ħaġa prevista mit-teorija ta' Maxwell. Helmholtz kien ċert li Hertz l-iktar kandidat li x'aktarx jirbaħ dak il-premju. Wara li ma setax isib mod kif jibni apparat biex jittestja din it-teorija f'esperiment, Hertz beda jaħseb li kienet wisq diffiċli, u minflok ħadem fuq l-induzzjoni elettromanjetika. Hertz ipproduċa analiżi tal-ekwazzjonijiet ta' Maxwell meta kien f'Kiel, u wera li kellhom iktar validità mit-teoriji tal-"azzjoni f'distanza" li dak iż-żmien kienu prevalenti.
Wara li Hertz sar professur f'Karlsruhe, beda jesperimenta b'par kojls ta' Riess fil-ħarifa tal-1886 meta nnota li meta wieħed ipoġġi vażett ta' Leyden f'wieħed minn dawn il-kojls kienet tiġi prodotta sparkjatura fil-kojl l-ieħor. B'din l-idea kif seta' jibni l-apparat, Hertz issa kellu mod kif ikompli bil-problema tal-"Premju ta' Berlin" tal-1879 biex juri t-teorija ta' Maxwell bil-provi (għalkemm il-premju reali kien baqa' qatt ma ngħata fl-1882). Huwa uża antenna dipolari li kienet tikkonsisti minn żewġ wajers kolineari ta' metru b'distakk għall-isparkjar bejn it-truf tagħhom fuq ġewwa, u sferi taż-żingu mehmuża mat-truf fuq barra għall-kapaċitanza, bħala radjatur. L-antenna ġiet imħarka permezz ta' impulsi ta' vultaġġ għoli ta' madwar 30 kilovolt applikati bejn iż-żewġ naħat minn kojl ta' Ruhmkorff. Huwa rċieva l-mewġ b'antenna risonanti b'ċirkwit uniku u b'distakk għall-isparkjar ta' mikrometru bejn iż-żewġ truf. Dan l-esperiment ipproduċa u rċieva dak li issa huwa msejjaħ mewġ tar-radju fil-medda għolja ħafna ta' frekwenzi.
Bejn l-1886 u l-1889, Hertz wettaq sensiela ta' esperimenti li wrew bil-provi li l-effetti li kien qed josserva kienu r-riżultati tal-mewġ elettromanjetiku previst minn Maxwell
. F'Novembru 1887, l-ewwel nett bix-xogħol tiegħu "Dwar Mewġ Elettromanjetiku Prodott minn Disturbi Elettriċi fl-Iżolaturi", Hertz bagħat sensiela ta' xogħlijiet lil Helmholtz fl-Akkademja ta' Berlin, inkluż xogħlijiet li fl-1888 urew li l-mewġ elettromanjetiku trasversali fi spazju vojt b'veloċità finita fuq distanza. Fl-apparat li uża Hertz, il-kampi elettriċi u manjetiċi kienu jirradjaw lil hinn mill-wajers bħala mewġ trasversali. Hertz kien ippożizzjona l-oxxilatur xi 12-il metru minn pjanċa taż-żingu li tirrifletti sabiex jipproduċi mewġ wieqaf. Kull mewġa kienet twila madwar erba' metri. Permezz tal-apparat tad-detezzjoni b'għamla ta' ċirku, huwa rreġistra kif l-manjitudni tal-mewġ u d-direzzjoni tal-komponent varjat. Hertz kejjel il-mewġ ta' Maxwell u wera li l-veloċità tal-mewġ kienet ugwali għall-veloċità tad-dawl. L-intensità tal-kamp elettriku, il-polarizzazzjoni u r-riflessjoni tal-mewġ ġew imkejla wkoll minn Hertz. Dawn l-esperimenti stabbilew li d-dawl u dan il-mewġ, it-tnejn li huma kienu forma ta' radjazzjoni elettromanjetika li kienet qed tobdi l-ekwazzjonijiet ta' Maxwell. Hertz jaf ma kienx l-ewwel wieħed li osserva l-fenomenu tal-mewġ tar-radju; David Edward Hughes jaf kien individwa l-eżistenza tal-mewġ disa' snin qabel iżda ma ppubblikax is-sejbiet tiegħu.
Hertz ma rrealizzax l-importanza prattika tal-esperimenti tiegħu tal-mewġ tar-radju. Huwa ddikjara li,
- "Dan m'għandu l-ebda użu[...] huwa biss esperiment li juri bil-provi li l-Imgħallem Maxwell kellu raġun — għandna dan il-mewġ elettromanjetiku misterjuż li ma nistgħux naraw b'għajnejna mingħajr xi apparat. Iżda qegħdin hemm."
Mistoqsi dwar l-applikazzjonijiet tal-iskoperti tiegħu, Hertz wieġeb,
- "Nissaponi li ma hemm l-ebda applikazzjoni."
Il-prova ta' Hertz tal-eżistenza ta' mewġ elettromanjetiku fl-arja wasslet għal bosta esperimenti b'din il-forma ġdida ta' radjazzjoni elettromanjetika, li kienet tissejjaħ "mewġ Hertzjan" sa madwar l-1910 meta beda jintuża t-terminu "mewġ tar-radju". Fi żmien 10 snin, riċerkaturi bħal Oliver Lodge, Ferdinand Braun, u Guglielmo Marconi użaw il-mewġ tar-radju fl-ewwel sistemi ta' komunikazzjoni telegrafika bir-radju u bla fili, li wasslu għax-xandir bir-radju, u iktar 'il quddiem bit-televiżjoni. Fl-1909, Braun u Marconi ngħataw il-Premju Nobel għall-Fiżika għall-"kontributi tagħhom fl-iżvilupp tat-telegrafija bla fili". Illum ir-radju huwa teknoloġija essenzjali fin-networks tat-telekomunikazzjoni globali, u l-vettur ta' apparati bla fili moderni tal-gassijiet u tal-ispazju.
Raġġi katodiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1892, Hertz beda jesperimenta u wera li r-raġġi katodiċi setgħu jippenetraw folji rqaq ħafna tal-metall (pereżempju tal-aluminju). Philipp Lenard, student ta' Heinrich Hertz, kompla jirriċerka dan l-"effett tar-raġġi". Huwa żviluppa verżjoni tat-tubu katodiku u studja l-penetrazzjoni tar-raġġi-X ta' diversi materjali. Madankollu, Lenard ma rrealizzax li kien qed jipproduċi r-raġġi-X. Hermann von Helmholtz ifformula ekwazzjonijiet matematiċi għar-raġġi-X. Huwa sostna teorija ta' dispersjoni qabel Röntgen għamel l-iskoperta tiegħu u ħabbarha. Ġiet iffurmata abbażi tat-teorija elettromanjetika tad-dawl (Wiedmann's Annalen, Vol. XLVIII). Madankollu, huwa ma ħadimx fuq raġġi-X reali.
Effett fotoelettriku
[immodifika | immodifika s-sors]Hertz għen biex jiġi stabbilit l-effett fotoelettriku (li iktar 'il quddiem ġie spjegat minn Albert Einstein) meta nnota li oġġett ikkargat jitlef il-karga tiegħu iktar malajr meta jiddawwal bir-radjazzjoni ultravjola (UV). Fl-1887, huwa għamel osservazzjonijiet tal-effett fotoelettriku u tal-produzzjoni u r-riċeviment tal-mewġ elettromanjetiku (ME), ippubblikati fil-ġurnal Annalen der Physik. Ir-riċevitur tiegħu kien jikkonsisti minn kojl b'distakk għall-isparkjar, u permezz tiegħu sparkjatura kienet tidher mad-detezzjoni tal-ME. Huwa qiegħed l-apparat f'kaxxa mdallma biex l-isparkjatura tidher aħjar. Huwa osserva li t-tul massimu tal-isparkjatura kien jitnaqqas fil-kaxxa. Panew tal-ħġieġ imqiegħed bejn is-sors tal-mewġ ME u r-riċevitur kien jassorbi l-UV li kien jassisti lill-elettroni jaqbżu d-distakk. Meta kien jitneħħa, it-tul tal-isparkjatura kien jiżdied. Huwa osserva li ma kien ikun hemm l-ebda tnaqqis fit-tul tal-isparkjatura meta kien jissostitwixxi l-kwarz mal-ħġieġ, peress li l-kwarz ma jassorbix ir-radjazzjoni UV. Hertz ikkonkluda x-xhur ta' investigazzjoni tiegħu u rrapporta r-riżultati li kiseb. Huwa ma kompliex b'investigazzjoni ulterjuri ta' dan l-effett, u lanqas ma għamel l-ebda tentattiv biex jispjega kif il-fenomenu osservat kien jitwettaq.
Mekkanika tal-kuntatt
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1881 u fl-1882, Hertz ippubblika żewġ artikli dwar dak li iktar 'il quddiem sar magħruf bħala l-qasam tal-mekkanika tal-kuntatt, li kienu bażi importanti għal teoriji li ġew wara f'dan il-qasam. Joseph Valentin Boussinesq ippubblika xi osservazzjonijiet importanti kritiċi dwar ix-xogħol ta' Hertz, u stabbilixxa wkoll li dan ix-xogħol dwar il-mekkanika tal-kuntatt kien ta' importanza kbira. Ix-xogħol tiegħu bażikament jiġbor fil-qosor kif żewġ oġġetti assi-simetriċi f'kuntatt iġibu ruħhom taħt tagħbija, u kiseb ir-riżultati abbażi tat-teorija klassika tal-elastiċità u l-mekkanika tal-continuum. L-iktar difett sinifikanti fit-teorija tiegħu kienet li injorat kwalunkwe natura ta' aderenza bejn iż-żewġ solidi, li hija importanti għaliex il-materjali tas-solidi jibda jkollhom elastiċità kbira. Madankollu, dak iż-żmien kien naturali li l-aderenza tiġi injorata, peress li ma kienx hemm metodi ta' sperimentazzjoni għall-ittestjar tagħha.
Sabiex jiżviluppa t-teorija tiegħu Hertz uża l-osservazzjoni tiegħu ta' ċrieki ta' Newton ellittiċi li jiffurmaw malli titqiegħed sfera tal-ħġieġ fuq lenti abbażi tas-suppożizzjoni li l-pressjoni mill-isfera ssegwi distribuzzjoni ellittika. Huwa uża l-formazzjoni ta' ċrieki ta' Newton mill-ġdid għall-validazzjoni tat-teorija tiegħu b'esperimenti fil-kalkolu ta l-ispostament li jkollha l-isfera fil-lenti. Kenneth L. Johnson, K. Kendall u A. D. Roberts (JKR) użaw din it-teorija bħala bażi fil-kalkolu tal-ispostament teoriku fil-preżenza tal-aderenza fl-1971. It-teorija ta' Hertz hija msejsa fuq il-formazzjoni tagħhom u tinkiseb jekk l-aderenza tal-materjali titqies li tkun żero. Simili għal din it-teorija, iżda b'suppożizzjonijiet differenti, B. V. Derjaguin, V. M. Muller u Y. P. Toporov ippubblikaw teorija oħra fl-1975, li saret magħrufa bħala t-teorija DMT fil-komunità tar-riċerka, li wkoll inkisbet permezz tal-formulazzjonijiet ta' Hertz bis-suppożizzjoni ta' aderenza żero. Din it-teorija DMT kienet għadha prematura u kellha bżonn diversi reviżjonijiet qabel ma ġiet aċċettata bħala teorija oħra tal-kuntatt tal-materjali flimkien mat-teorija JKR. Iż-żewġ teoriji jiffurmaw il-bażi tal-mekkanika tal-kuntatt li fuqha huma msejsa l-mudelli kollha tal-kuntatt ta' tranżizzjoni, u jintużaw għall-previżjoni tal-parametri tal-materjali fin-nanoindentazzjoni u fil-mikroskopija tal-forzi atomiċi. Dawn il-mudelli huma ċentrali fil-qasam tat-tribijoloġija u huwa ssemma bħala wieħed mit-23 "Raġel tat-Tribijoloġija" minn Duncan Dowson. Minkejja li ppreċediet ix-xogħol kbir tiegħu fuq l-elettromanjetiżmu (li hu stess kien jikkunsidra li ma kienx wisq importanti), ir-riċerka ta' Hertz fuq il-mekkanika tal-kuntatt iffaċilitat l-era tan-nanoteknoloġija.
Hertz iddeskriva wkoll il-"kon Hertzjan", li hija tip ta' modalità ta' frattura f'solidi dgħajfin ikkważata mit-trażmissjoni ta' mewġ ta' stress.
Meteoroloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Hertz dejjem kien interessat ferm fil-meteoroloġija, interess li x'aktarx oriġina mill-kuntatti li kellu ma' Wilhelm von Bezold (li kien il-professur tiegħu f'kors tal-laboratorju fl-Istitut Politekniku ta' Munich fis-sajf tal-1878). Bħala assistent ta' Helmholtz f'Berlin, huwa kkontribwixxa bi ftit artikli minuri fil-qasam, inkluż riċerka dwar l-evaporazzjoni tal-likwidi, tip ġdid ta' igrometru, u mezz grafiku ta' determinazzjoni tal-proprjetajiet tal-arja bl-indewwa meta tkun soġġetta għal bidliet adjabatiċi.
Trattament mit-Tielet Reich
[immodifika | immodifika s-sors]Peress li l-familja Hertz kienet ikkonvertiet mill-Ġudaiżmu għal-Luteraniżmu żewġ deċennji qabel twelidu, il-legat tiegħu kien fil-mira tal-gvern Nażista tas-snin 30 tas-seklu 20, reġim li kien jikklassifika lin-nies skont ir-"razza" minflok l-affiljazzjoni reliġjuża.
Isem Hertz tneħħa mit-toroq u mill-istituzzjonijiet u kien hemm saħansitra moviment biex l-unità tal-frekwenza li kienet ingħatat ismu (hertz) minflok tingħata isem Hermann von Helmholtz, u b'hekk xorta waħda jinżamm is-simbolu (Hz).
Il-familja tiegħu ġiet ippersegwitata wkoll għall-istatus mhux Arjan tagħhom. It-tifla ż-żgħira ta' Hertz, Mathilde, tneħħiet minn lettur fl-Università ta' Berlin wara li n-Nażisti telgħu fil-poter u fi żmien ftit snin, oħtha u ommha telqu mill-Ġermanja u marru jgħixu fl-Ingilterra.
Legat u unuri
[immodifika | immodifika s-sors]In-neputi ta' Heinrich Hertz, Gustav Ludwig Hertz, kien rebbieħ tal-Premju Nobel, u iben Gustav, Carl Helmut Hertz, ivvinta l-ultrasonografija medika. Bintu, Mathilde Carmen Hertz, kienet bijologa u psikologa komparattiva magħrufa sew. Il-proneputi ta' Hertz, Hermann Gerhard Hertz, professur fl-Università ta' Karlsruhe, kien pijunier tal-ispettroskopija NMR u fl-1995 ippubblika n-noti tal-laboratorju ta' Hertz.
L-unità SI hertz (Hz) ġiet stabbilita għal ġieħu mill-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali fl-1930 għall-frekwenza, espressjoni tal-għadd ta' drabi li avveniment ripetut jiġri fis-sekonda. Ġiet adottata mis-CGPM (Conférence générale des poids et mesures) fl-1960, u uffiċjalment ħadet post l-isem preċedenti, "ċikli fis-sekonda" (cycles per second - cps).
Fl-1928, l-Istitut Heinrich-Hertz għar-Riċerka dwar l-Oxxillazzjoni ġie stabbilit fil-Berlin. Illum huwa magħruf bħala l-Istitut Fraunhofer għat-Telekomunikazzjoni (Heinrich Hertz Institute, HHI).
Fl-1969, fil-Ġermanja tal-Lvant, ġiet fonduta medalja ta' mafkar għal Heinrich Hertz. Il-Medalja Heinrich Hertz tal-IEEE, stabbilita fl-1987, ingħatat "għal kisbiet straordinarji fil-mewġ Hertzjan [...] u tiġi ppreżentata kull sena lil xi individwu għal kisbiet ta' natura teorika jew sperimentali".
Fl-1980, fl-Italja, ġiet stabbilit l-Istituto Tecnico Industriale Statale Heinrich Hertz fil-kwartier ta' Cinecittà Est, f'Ruma.
Ir-radjoteleskopju ta' submillimetru f'Mt. Graham, Arizona, li nbena fl-1992 ingħata kunjomu.
Krater li jinsab fin-naħa tal-qamar li hija l-iktar 'il bogħod mid-dinja, eżatt wara l-parti tal-Lvant, issemma għalih. Is-suq ta' Hertz għall-prodotti radjoelettroniċi f'Nizhny Novgorod, ir-Russja, issemma għalih ukoll. It-torri tar-radjotelekomunikazzjoni msemmi Heinrich-Hertz-Turm f'Hamburg issemma għalih ukoll.
Hertz ingħata ġieħ mill-Ġappun bħala membru fl-Ordni tat-Teżor Sagru, li għandu diversi saffi ta' unuri għal nies prominenti, inkluż xjenzati.
Heinrich Hertz ingħata bosta unuri minn diversi pajjiżi madwar id-dinja fil-ħarġiet tal-bolol postali tagħhom, u wara t-Tieni Gwerra Dinjija deher fuq bosta ħarġiet ta' bolol postali Ġermaniżi wkoll.
F'jum għeluq sninu fl-2012, Google onorat lil Hertz b'Google doodle, ispirata mix-xogħol li wettaq f'ħajtu, fuq il-paġna ewlenija.
Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Ueber die Induction in rotirenden Kugeln (bil-Ġermaniż). Berlin: Schade. 1880.
- Die Prinzipien der Mechanik in neuem Zusammenhange dargestellt (bil-Ġermaniż). Leipzig: Johann Ambrosius Barth. 1894.
- Schriften vermischten Inhalts (bil-Ġermaniż). Leipzig: Johann Ambrosius Barth. 1895.
Iktar qari
[immodifika | immodifika s-sors]- Hertz, H.R. "Ueber sehr schnelle electrische Schwingungen", Annalen der Physik, vol. 267, no. 7, p. 421–448, Mejju 1887
- Hertz, H.R. "Ueber einen Einfluss des ultravioletten Lichtes auf die electrische Entladung", Annalen der Physik, vol. 267, no. 8, p. 983–1000, Ġunju 1887
- Hertz, H.R. "Ueber die Einwirkung einer geradlinigen electrischen Schwingung auf eine benachbarte Strombahn", Annalen der Physik, vol. 270, no. 5, p. 155–170, Marzu 1888
- Hertz, H.R. "Ueber die Ausbreitungsgeschwindigkeit der electrodynamischen Wirkungen", Annalen der Physik, vol. 270, no. 7, p. 551–569, Mejju 1888
- Hertz, H. R.(1899) The Principles of Mechanics Presented in a New Form, Londra, Macmillan, b'introduzzjoni ta' Hermann von Helmholtz (traduzzjoni bl-Ingliż ta' Die Prinzipien der Mechanik in neuem Zusammenhange dargestellt, Leipzig, ippubblikat wara mewtu fl-1894).
- Jenkins, John D. "The Discovery of Radio Waves – 1888; Heinrich Rudolf Hertz (1847–1894)"
- Naughton, Russell. "Heinrich Rudolph (alt: Rudolf) Hertz, Dr : 1857 – 1894"
- Roberge, Pierre R. "Heinrich Rudolph Hertz, 1857–1894"
- Appleyard, Rollo. (1930). Pioneers of Electrical Communication". Londra: Macmillan and Company. Stampat mill-ġdid minn Ayer Company Publishers, Manchester, New Hampshire: ISBN 0-8369-0156-8
- Bodanis, David. (2006). Electric Universe: How Electricity Switched on the Modern World. New York: Three Rivers Press. ISBN 0-307-33598-4
- Buchwald, Jed Z. (1994). The Creation of Scientific Effects: Heinrich Hertz and Electric Waves. Chicago: Università ta' Chicago Press. ISBN 0-226-07887-6
- Bryant, John H. (1988). Heinrich Hertz, the Beginning of Microwaves: Discovery of Electromagnetic Waves and Opening of the Electromagnetic Spectrum by Heinrich Hertz in the Years 1886–1892. New York: IEEE (l-Istitut tal-Inġinieri Elettriċi u Elettroniċi). ISBN 0-87942-710-8
- Lodge, Oliver Joseph. (1900). Signaling Across Space without Wires by Electric Waves: Being a Description of the work of [Heinrich] Hertz and his Successors. reprinted by Arno Press, New York, 1974. ISBN 0-405-06051-3
- Maugis, Daniel. (2000). Contact, Adhesion and Rupture of Elastic Solids. New York: Springer-Verlag. ISBN 3-540-66113-1
- Susskind, Charles. (1995). Heinrich Hertz: A Short Life. San Francisco: San Francisco Press. ISBN 0-911302-74-3
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Krech, Eva-Maria; Stock, Eberhard; Hirschfeld, Ursula; Anders, Lutz Christian (2009). Deutsches Aussprachewörterbuch [German Pronunciation Dictionary] (bil-Ġermaniż). Berlin: Walter de Gruyter. pp. 575, 580. ISBN 978-3-11-018202-6.
- ^ Dudenredaktion; Kleiner, Stefan; Knöbl, Ralf (2015) [Ippubblikat għall-ewwel darba fl-1962]. Das Aussprachewörterbuch (bil-Ġermaniż) (7th ed.). Berlin: Dudenverlag. p. 440. ISBN 978-3-411-04067-4.