Aqbeż għall-kontentut

Vat Phou

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-triq li tagħti għas-santwarju.

Vat Phou jew Vat Phu (bil-Lao: ວັດພູ [wāt pʰúː] li tfisser "tempju-muntanja") huwa kumpless ta' fdalijiet ta' tempji Khmer-Induisti fin-Nofsinhar tal-Laos u huwa wieħed mill-eqdem postijiet ta' qima fix-Xlokk tal-Asja. Jinsab fil-bażi tal-għolja ta' Phou Khao, xi 6 kilometri (3.7 mili) mix-xmara Mekong fil-provinċja ta' Champasak.

Fis-sit kien hemm santwarju, li kien iċċentrat fuq fawwara sagra u post tal-offerti għal spirtu qawwi ta' ħarsien li jmur lura għall-preistorja. L-ewwel strutturi megalitiċi x'aktarx li kienu nbnew saħansitra fit-tieni seklu Q.K., u kienu jikkonsistu minn żewġ ċelel tal-ġebel, tinqixa ta' kukkudrill, taraġ bis-sriep, u diversi pjattaformi tal-offerti. Waħda mill-ewwel binjiet tal-brikks ta' qabel żmien Angkor li nbniet fis-sit fil-bidu tas-seklu 7 kienet ċentrali għall-attivitajiet suċċessivi ta' kostruzzjoni. Il-biċċa l-kbira mill-binjiet l-oħra li għad fadal sal-lum imorru lura minn żmien Angkor, jiġifieri s-sekli 11-13.

Il-palazz tat-Tramuntana fil-kumpless ta' Vat Phou.

Vat Phou inizjalment ġie assoċjat mal-belt ta' Shrestapura, li kienet tinsab max-xatt tax-xmara Mekong fil-Lvant tal-għolja ta' Lingaparvata (illum magħrufa bħala Phou Khao). Sal-aħħar tas-seklu 5, il-belt saret il-belt kapitali ta' renju li diversi testi u inċiżjonijiet jikkollegawha mar-Renju ta' Chenla u ma' Champa. L-ewwel struttura fuq l-għolja nbniet lejn dan iż-żmien. L-għolja kisbet importanza spiritwali mill-għamla ta' lingam naturali fil-quċċata tagħha. Għaldaqstant, l-għolja stess kienet titqies bħala d-dar ta' Xiva, u x-xmara kienet tirrappreżenta l-oċean jew ix-xmara Ganges.

L-għolja ta' Phou Khao għandha lingam naturali fil-quċċata tagħha.

Vat Phou kien parti mill-Imperu Khmer iċċentrat fuq Angkor lejn il-Lbiċ, mill-inqas diġà mir-renju ta' Yasovarman I fil-bidu tas-seklu 10. Shrestapura ħaditilha postha belt ġdida fi żmien Angkor, lejn in-Nofsinhar tat-tempju. Iktar 'il quddiem, il-binjiet oriġinali ġew sostitwiti, u wħud mill-blokok tal-ġebel reġgħu ntużaw; it-tempju kif inhu issa nbena primarjament matul il-perjodi ta' Koh Ker u ta' Baphuon fis-seklu 11. Saru xi tibdiliet żgħar matul iż-żewġ sekli ta' wara, u bħall-biċċa l-kbira tal-imperu, it-tempju ġie kkonvertit għall-Buddiżmu Theravada anke wara li l-inħawi sfaw taħt il-kontroll tal-Lao.

Kull sena fi Frar isir festival fis-sit. Sa issa ma tantx sar xogħol ta' restawr fis-sit, għajr ir-restawr tal-istrutturi tal-konfini tul il-mogħdija tas-sit. Vat Phou tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Bħall-biċċa l-kbira tat-tempji Khmer, Vat Phou huwa orjentat lejn il-Lvant, għalkemm l-assi jħarsi tmien gradi fin-Nofsinhar għal-Lvant, iddeterminati primarjament mill-orjentazzjoni tal-għolja u tax-xmara. Jekk wieħed jinkludi l-baray (ġibjuni), it-tempju huwa estiż fuq 1.4 kilometru (0.87 milil) fil-Lvant mis-sors tal-fawwara, fil-bażi ta' rdum xi 100 metru (330 pied) 'il fuq mill-għolja. 6 kilometri (3.7 mili) fil-Lvant tat-tempju, max-xatt tal-Punent tax-xmara Mekong, hemm il-belt, filwaqt li triq fin-Nofsinhar tat-tempju nnifsu kienet tagħti għal tempji oħra u fl-aħħar mill-aħħar għall-belt ta' Angkor.

Pjanta ta' Vat Phou: il-proporzjonijiet u l-pożizzjonijiet huma approssimattivi.

Jekk wieħed ikun ġej min-naħa tal-belt (li fadal ftit fdalijiet biss minnha), jinduna li l-ewwel parti tat-tempju hija magħmula minn sensiela ta' baray (ġibjuni). Wieħed biss issa għad għandu l-ilma ġo fih; il-ġibjun ċentrali ta' 600 metru b'200 metru li jinsab direttament tul l-assi tat-tempju. Kien hemm ġibjuni fit-Tramuntana u fin-Nofsinhar ta' dan il-ġibjun, u par ieħor fuq kull naħa tat-triq ta' bejn il-ġibjun ċentrali u l-palazzi.

Il-faċċata tas-santwarju. Ix-xbieha tal-Buddha fuq ġewwa hija moderna, u s-sit illum il-ġurnata jintuża għall-qima reliġjuża.

Iż-żewġ palazzi jinsabu fuq terrazza fuq kull naħa tal-assi tat-tempju. Dawn huma magħrufa bħala l-palazzi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, jew mingħajr ebda evidenza ta' xejn, bħala l-palazzi tal-irġiel u tan-nisa (it-terminu "palazz" huwa sempliċement konvenzjoni u l-iskop tal-binja mhux magħruf). Kull binja kienet tikkonsisti minn bitħa rettangolari b'kuritur u b'daħla laterali lejn l-assi, kif ukoll daħliet foloz fil-Lvant u fil-Punent. Il-btieħi taż-żewġ binjiet għandhom ħitan tal-laterit. Il-ħitan tal-kuritur tal-palazz tat-Tramuntana huma tal-laterit, filwaqt li dawk tal-palazz tan-Nofsinhar huma tal-ġebel ramli. Il-binja tat-Tramuntana issa tinsab f'kundizzjoni aħjar. Il-palazzi huma magħrufa l-iktar għall-frontuni u għall-arċitravi tagħhom, bl-istil bikri ta' Angkor Wat.

Veduta minn ħdejn is-santwarju fin-naħa ta' fuq ta' Vat Phou, b'ħarsa lura lejn ix-xmara Mekong.

It-terrazza ta' wara fiha santwarju żgħir iddedikat lil Nandi (l-għolja ta' Xiva) fin-Nofsinhar, f'kundizzjoni batuta. It-triq li tikkollega Vat Phou ma' Angkor kienet tinsab fin-Nofsinhar ta' dan it-tempju. Iktar lejn il-Punent, settijiet ta' taraġ suċċessivi kienu jagħtu għal terrazzi oħra; bejniethom hemm dvarapala li saret tiġi meqjuma bħala r-Re Kammatha, il-bennej mitiku tat-tempju. Fit-terrazza dejqa suċċessiva hemm il-fdalijiet ta' sitt santwarji żgħar li nqerdu mill-kaċċaturi tat-teżori.

Il-mogħdija tilħaq il-qofol tagħha f'seba' saffi tal-ġebel ramli li jagħtu għal terrazza fl-għoli u għal santwarju ċentrali maqsum f'żewġ partijiet. Is-sezzjoni ta' quddiem hija magħmula mill-ġebel ramli u issa fiha erba' xbihat tal-Buddha, filwaqt li s-sezzjoni ta' wara hija magħmula mill-brikks u qabel kien fiha l-lingam ċentrali iżda issa hija vojta.

Statwa tal-Buddha.

Is-saqaf kollu ġġarraf, għalkemm għata temporanja ġiet miżjuda fuq quddiem. L-ilma mill-fawwara li jfeġġ mill-irdum madwar 60 metru fil-Lbiċ tas-santwarju kien jiġi kkanalat tul akkwedotti tal-ġebel lejn il-kompartiment ta' wara, u b'hekk il-lingam kien ikollu l-ilma l-ħin kollu. Is-santwarju nbena wara l-palazzi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, u jmur lura għal żmien Baphuon lejn l-aħħar tas-seklu 11. In-naħa tal-Lvant fiha tliet daħliet: min-Nofsinhar għat-Tramuntana, il-frontuni tagħhom juru lil Krixna jegħleb lin-nāga Kaliya; lil Indra fuq Airavata; u lil Vixnu fuq Garuda. Il-ħajt tal-Lvant huwa miksi bi dvarapala u devata. Id-daħliet lejn in-Nofsinhar u t-Tramuntana fihom arċitravi interni u esterni, inkluż wieħed lejn in-Nofsinhar li juri lil Krixna jbiċċer lil Kamsa.

Tinqixa ta' kukkudrill fin-naħa ta' fuq tas-sit, x'aktarx is-sit fejn kull sena kien isir sagrifiċċju uman qabel żmien Angkor.

Karatteristiċi oħra tal-inħawi huma librerija, f'kundizzjoni mwiegħra, fin-Nofsinhar tas-santwarju, u riljiev ta' Trimurti lejn il-Majjistral. Hemm tinqix ieħor iktar lejn it-Tramuntana: impronta ta' Buddha mal-wiċċ tal-irdum u ħaġriet b'għamla ta' iljunfanti u kukkudrill. Il-ħaġra tal-kukkudrill saret pjuttost notevoli għax x'aktarx kienet is-sit fejn kull sena kien isir sagrifiċċju uman deskritt f'test Ċiniż tas-seklu 6. L-identifikazzjoni titqies bħala kemxejn plawżibbli minħabba x-xebħ tad-dimensjonijiet tal-kukkudrill ma' dawk ta' bniedem.

L-iżjed karatteristika notevoli tal-kumpless ta' Vat Phou hi li juri l-iżvilupp tal-arkitettura Khmer tal-ġebel mill-bidu nett tagħha sas-seklu 13.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Vat Phou u l-Insedjamenti Antiki Assoċjati fi ħdan il-Pajsaġġ Kulturali ta' Champasak ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2001.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Proġetti ta' konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Arċitravu mnaqqax li juri lil Vixnu fuq Garuda, fil-ħajt tal-Grigal tas-santwarju.
Arċitravu mnaqqax li juri lil Krixna joqtol lil Kamsa, fil-ħajt tan-Nofsinhar tas-santwarju.

Wara l-ewwel deskrizzjoni xjentifika fl-aħħar tas-seklu 19 u fil-bidu tas-seklu 20, ma tantx kien hemm wisq attività xjentifika fis-sit sa qabel il-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20. Fl-1987 bdew il-proġetti tal-Laos u tal-UNESCO u wara li fl-2001 is-sit tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO l-attivitajiet arkeoloġiċi u ta' konservazzjoni żdiedu ferm. Xi eżempji tal-iżjed proġetti ta' konservazzjoni reċenti huma:

  • il-Fond tal-Wirt GlobalI, b'assoċjazzjoni mal-Istitut ta' Lerici (l-Italja) u mal-gvern tal-Laos, qed jipprovdi konservazzjoni ta' emerġenza lill-istrutturi tat-tempju peress li huwa l-ikbar sit arkeoloġiku fil-Laos. L-istabbilizzazzjoni u l-konservazzjoni kontinwa tas-Sala ta' Nandin huma l-mira primarja ta' dawn l-isforzi. Madankollu, it-tim immexxi mill-Fond tal-Wirt Globali qed jaħdem mal-komunitajiet lokali għat-taħriġ u għall-iżvilupp.
  • 2005-2012: proġett ta' kooperazzjoni bejn Franza u l-Laos (il-Ministeru Franċiż tal-Affarijiet Barranin u Ewropej / il-Ministeru tal-Laos għall-Informazzjoni u l-Kultura): il-Fondi ta' Solidarjetà ta' Prijorità "Vat Phou-Champasak, titjib u żvilupp tal-wirt storiku u kulturali" (FSP 2005-75). Dan il-proġett kien jinkludi r-restawr tas-sala tat-Tramuntana tal-palazz tan-Nofsinhar; proġett kulturali dwar il-wirt intanġibbli ta' Champasak: Skoperta mill-Ġdid tat-Teatru tad-Dellijiet tal-Pupazzi ta' Champasak u organizzazzjoni ta' spettaklu fil-villaġġi tad-distrett ta' Champasak flimkien ma' Tuk-Tuk f'għamla ta' Ċinema, Konfigurazzjoni tas-"Sala" u l-inħawi tal-madwar tas-sit ta' Vat Phou. L-objettivi tal-proġett kienu: l-appoġġ istituzzjonali għall-ħolqien ta' korp speċjalizzat fil-ġestjoni tas-sit, għat-taħriġ tal-persunal xjentifiku, tekniku u amministrattiv, u għall-iżvilupp tas-sit u l-valwazzjoni ekonomika tiegħu.
  • 2006: proġett ta' restawr għat-tempju ta' Nandin minn missjoni ta' tim Taljan.
  • 2009: proġett ta' restawr għall-palazz tat-Tramuntana mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja (ASI). It-tim Indjan mill-ASI, immexxi minn R. S. Jamwal, wettaq studji dwar il-pedamenti, il-problemi tad-drenaġġ, u l-elementi sovrastrutturali, u ħejja xogħol ta' dokumentazzjoni, reġistrazzjoni u stħarriġ. għall-palazz tat-Tramuntana ta' Vat Phou.
  • 2010: proġett ta' restawr għall-palazz tan-Nofsinhar, bl-għajnuna tal-bennej espert Jean-Marc Houlteau.
  • 2011: proġett ta' restawr għall-palazz tan-Nofsinhar, bl-għajnuna tal-bennejja esperti Jean-Marc Simon-Bernardini u Johann Gautreau.
  • 2014: analiżijiet mhux intrużivi tal-ġebel minn Christian Fischer.

Preżentazzjoni u żjarat

[immodifika | immodifika s-sors]

Illum il-ġurnata s-sit huwa miftuħ għall-pubbliku għal attivitajiet reliġjużi u għal żjarat turistiċi. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-08:00 sas-18:00, u d-dħul jiswa 50,000 LAK għall-barranin u 20,000 LAK għan-nies tal-post.

Fis-sit hemm mużew li jospita l-artefatti tat-tempju, fosthom statwi ta' Xiva, Vixnu u Nandin, kif ukoll statwi Buddisti. Il-binja tal-mużew ġiet limitata għal daqs speċifiku sabiex ma jkerrah il-veduta u l-ambjent tal-madwar tat-tempju.

  • É. Aymonier, Le Cambodge. II Les provinces siamoises, Pariġi, 1901;
  • E. Lunet de Lajonquiére, Inventaire descriptif des monuments d’Indochine. Le Cambodge, II, Pariġi 1907;
  • H. Marchal, Le Temple de Vat Phou, province de Champassak, Éd. du département des Cultes du Gouvernement royal du Laos;
  • H Parmentier, Le temple de Vat Phu, Bulletin de l'École Française d'Extrême-Orient, 14/2, 1914, pp. 1-31;
  • M. Freeman, A Guide to Khmer Temples in Thailand and Laos. Weatherhill 1996. ISBN 0-8348-0450-6;
  • M. Santoni et al., Excavations at Champasak and Wat Phu (Southern Laos), R. Ciarla, F. Rispoli (ed.), South-East Asian Archaeology 1992, Ruma, 1997, pp. 233-263;
  • M. Cucarzi, O. Nalesini et al., Carta archeologica informatizzata: il progetto UNESCO per l'area di Wat Phu, B. Amendolea (ed.), Carta archeologica e pianificazione territoriale, Ruma, 1999, pp. 264-271;
  • UNESCO Champasak Heritage Management Plan, Bangkok, 1999;
  • International Council on Monuments and Sites report on World Heritage Site application, Settembru 2001;
  • O. Nalesini, Wat Phu, f'Enciclopedia archeologica. Asia, Ruma, 2005;
  • Ch. Higham. The Civilization of Angkor. Phoenix, 2001. ISBN 1-84212-584-2;
  • Projet de Recherches en Archaeologie Lao. Vat Phu: The Ancient City, The Sanctuary, The Spring (fuljett);
  • Global Heritage Fund - Where We Work - Wat Phu, Laos;
  • Recherches nouvelles sur le Laos - EFEO (école française d'extrême orient) - Yves Goudineau & Michel Lorrillard - 2008 - 678 paġna.
  • Gabel, J. 2022, Earliest Khmer Stone Architecture and its Origin: A Case Study of Megalithic Remains and Spirit Belief at the Site of Vat Phu. JoGA 2022: 2–137.
  1. ^ a b ċ "Vat Phou - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-10-10.