Sighișoara
Sighișoara | ||
---|---|---|
Rumanija | ||
| ||
Amministrazzjoni | ||
Stat sovran | Rumanija | |
Județ | Kontea ta' Mureș | |
Kap tal-Gvern | Ioan-Iulian Sîrbu (en) | |
Ismijiet oriġinali |
Sighișoara Segesvár | |
Kodiċi postali |
545400 | |
Ġeografija | ||
Koordinati | 46°13′01″N 24°47′28″E / 46.2169°N 24.7911°EKoordinati: 46°13′01″N 24°47′28″E / 46.2169°N 24.7911°E | |
Għoli | 380 m | |
Demografija | ||
Popolazzjoni | 23,927 abitanti (1 Diċembru 2021) | |
Informazzjoni oħra | ||
Żona tal-Ħin | UTC+2u UTC+3 | |
bliet ġemellati | Blois (en) , Baden (en) , Città di Castello (en) , Dinkelsbühl (en) , Kiskunfélegyháza (en) u Zamość | |
sighisoara.org.ro |
Sighișoara (bir-Rumen: [siɡiˈʃo̯ara]; bl-Ungeriż: Segesvár [ˈʃɛɡɛʃvaːr]; bil-Ġermaniż: Schäßburg [ˈʃɛsbʊʁk];[1] bis-Sassonu tat-Transilvanja: Schäsbrich, Šesburχ, jew Scheeßprich; bil-Yiddish: שעסבורג, b'ittri Rumani: Shesburg; bil-Latin: Castrum Sex jew Saxoburgum) hija muniċipalità max-xmara Târnava Mare fil-Kontea ta' Mureș, fir-Rumanija ċentrali, li tinsab fir-reġjun storiku tat-Transilvanja. Għandha popolazzjoni ta' 28,102 abitant skont iċ-ċensiment tal-2011. Hija destinazzjoni turistika popolari għaċ-ċentru storiku antik ippreservat sew li tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Ir-raħal jamministra seba' villaġġi: Angofa, Aurel Vlaicu, Hetiur, Rora, Șoromiclea, Venchi u Viilor.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Minn nofs is-seklu 12, artiġjani u merkanti Ġermaniżi magħrufa bħala s-Sassoni tat-Transilvanja (bil-Ġermaniż: Siebenbürger Sachsen) ġew mistiedna fit-Transilvanja mir-Re tal-Ungerija ta' dak iż-żmien, Géza II, biex jinsedjaw u jiddefendu l-fruntiera tar-renju tiegħu u jtejbu l-ekonomija tar-reġjun. Il-kronista Krauss jelenka insedjament Sassonu fit-territorju attwali ta' Sighișoara fl-1191. Dokument tal-1280 jirreġistra raħal li nbena fis-sit ta' forti Ruman magħruf bħala Castrum Sex jew "kamp b'sitt naħat", b'referenza għall-għamla tal-forti ta' eżagonu irregolari.[3] Ismijiet oħra rreġistrati jinkludu Schaäsburg (1282), Schespurg (1298) u Segusvar (1300).[4] Sal-1337 ir-raħal ta' Sighișoara kien sar ċentru rjali għar-rejiet, li lill-insedjament tawh l-istatus urban fl-1367 bħala ċ-Civitas de Segusvar.
Ir-raħal kellu rwol strateġiku u kummerċjali importanti fit-truf tal-Ewropa Ċentrali għal diversi sekli. Sighișoara sar wieħed mill-iżjed ċentri urbani importanti tat-Transilvanja, b'artiġjani mill-Imperu Ruman Sagru kollu jżuru l-insedjament. L-artiġjani u l-ħaddiema tas-sengħa Ġermaniżi ddominaw l-ekonomija urbana, u bnew il-fortifikazzjonijiet biex iħarsu r-raħal. Huwa stmat li matul is-sekli 16 u 17, Sighișoara kellu sa 15-il xirka u 20 fergħa tal-artiġjanat. L-iskultur Barokk Elias Nicolai għex fir-raħal.
Il-voivode tal-Wallakja Vlad Dracul (missier Vlad l-Infilzatur), li għex eżiljat fir-raħal, ordna l-izzekkar tal-muniti fir-raħal (normalment l-izzekkar tal-muniti kien monopolju tar-rejiet Ungeriżi fir-renju tal-Ungerija) u ħareġ l-ewwel dokument li elenka isem il-belt bir-Rumen, Sighișoara. L-isem Rumen tfaċċa għall-ewwel darba fl-1435, u oriġina mill-Ungeriż Segesvár, fejn vár tfisser "forti".
Fir-raħal George I Rákóczi ġie elett bħala l-Prinċep tat-Transilvanja u r-Re tal-Ungerija fl-1631. Sighișoara ġarrbet okkupazzjoni militari, nirien, u l-pesta matul is-sekli 17 u 18. Sors importanti għall-istorja tat-Transilvanja tas-seklu 17, mill-1606 sal-1666, huma r-rekords ta' Georg Kraus, in-nutar tar-raħal.
Il-pjanura ta' Albești fil-qrib kienet il-post fejn saret il-Battalja ta' Segesvár, fejn l-armata rivoluzzjonarja Ungeriża mmexxija minn Józef Bem ġarrbet telfa kontra l-armata Russa mmexxija minn Luders fil-31 ta' Lulju 1849. Fl-1852 inbena monument iddedikat lill-ġeneral Russu Skariatin, li miet fil-battalja. Il-poeta Ungeriż Sándor Petőfi ġeneralment huwa maħsub li nqatel fil-battalja, u fl-1897 inbena monument f'Albești biex jagħtih ġieħ. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija Sighișoara għaddiet flimkien mat-Transilvanja mir-Renju Awstrijakk-Ungeriż għar-Renju tar-Rumanija.
Iċ-ċentru ta' Sighișoara ppreserva b'mod eżemplari l-karatteristiċi ta' raħal żgħir Medjevali ffortifikat u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2] Kull sena, f'Lulju jsir festival Medjevali fiċ-ċittadella antika.
Fil-Lvant tal-Ewropa u fix-Xlokk tal-Ewropa, Sighișoara huwa wieħed mill-ftit irħula ffortifikati li għadhom abitati. Ir-raħal huwa magħmul minn żewġ partijiet. Il-fortizza Medjevali mibnija fil-quċċata ta' għolja u magħrufa bħala ċ-ċittadella (Cetatea), u l-parti t'isfel fil-wied tax-xmara Târnava Mare.
Id-djar fiċ-ċittadella ta' Sighișoara joħorġu fid-dieher il-karatteristiċi prinċipali ta' raħal tal-artiġjani. Madankollu, hemm xi djar li kienu proprjetà tal-eks patrizjat, bħad-Dar Venezjana u d-Dar tal-Qrejjen tal-Annimali.
Bejn l-2001 u l-2003, il-kostruzzjoni ta' park tad-divertiment iċċentrat fuq Dracula fir-riżerva naturali ta' Braite qrib Sighișoara ġiet meqjusa iżda fl-aħħar mill-aħħar ġiet irrifjutata, bis-saħħa tal-oppożizzjoni qawwija tal-gruppi tas-soċjetà ċivili lokali u tal-mezzi tax-xandir nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll ta' persuni influwenti politikament. Dan għaliex il-park tad-divertiment kien jistona mal-istil Medjevali tal-belt u kien jeqred għalkollox ir-riżerva naturali.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-Ċentru Storiku ta' Sighișoara ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]
Demografija u isem
[immodifika | immodifika s-sors]Year | Pop. | ±% |
---|---|---|
1910 | 10,913 | — |
1930 | 13,033 | +19.4 % |
1948 | 18,284 | +40.3 % |
1956 | 20,363 | +11.4 % |
1966 | 25,109 | +23.3 % |
1977 | 33,208 | +32.3 % |
1992 | 36,170 | +8.9 % |
2002 | 32,287 | −10.7 % |
2011 | 28,102 | −13.0 % |
Sors: Data uffiċjali miċ-ċensiment Rumen |
Gruppi etniċi fl-2011:[5]
- Rumeni (75 %)
- Ungeriżi (17.6 %)
- Roma (5.3 %)
- Ġermaniżi (speċifikament Sassoni tat-Transilvanja) (1.5 %)
Bir-Rumen | Bil-Ġermaniż | Bl-Ungeriż |
---|---|---|
Sighișoara | Schäßburg | Segesvár |
Angofa | Ungefug | Angofa |
Aurel Vlaicu | — | Haufan |
Hetiur | Marienburg bei
Schäßburg |
Hétúr |
Rora | Rohrau | Róra |
Șoromiclea | — | — |
Venchi | Wench | Venk |
Viilor | Kulturberg | Szőlőskert |
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Sighișoara hija destinazzjoni turistika popolari minħabba ċ-ċentru storiku ffortifikat tagħha tassew ippreservat sew, li tniżżel ukoll fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-attrazzjonijiet prinċipali taċ-ċittadella huma ċertament it-torrijiet.
Torrijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Skont dokumenti antiki dwar l-arkitetturi militari, it-torrijiet tad-difiża kellhom ikunu sistema ta' fortifikazzjoni għad-difiża reċiproka, u fl-istess żmien, kull torri suppost kellu jkun fortizza indipendenti: jekk wieħed kien jirnexxilu jkisser il-bażi ta' torri biex jidħol, dan ma kienx ifisser li kien jirnexxilu awtomatikament jidħol fil-belt, u b'hekk il-ħakma ta' torri ma kinitx tfisser il-ħakma tal-belt. Il-biċċa l-kbira ta' dawn it-torrijiet kienu vojta minn ġewwa u kienu mgħammra b'elevaturi għall-olzar u galleriji taħt l-art.
- It-Torri tal-Arloġġ ta' Sighișoara (Turnul cu Ceas) – l-attrazzjoni prinċipali tal-belt hija torri twil 64 metru li nbena fis-seklu 13. Illum il-ġurnata huwa mużew tal-istorja.
- It-Torri tal-Landiera (Turnul Cositorarilor).
- It-Torri tal-Biċċiera (Turnul Măcelarilor).
- It-Torri tal-Produtturi tal-Bwiez.
- It-Torri tal-Ħajjata (Turnul Croitorilor).
- It-Torri tal-Pelliċċara (Turnul Cojocarilor).
- It-Torri tal-Ħaddieda (Turnul Fierarilor).
- It-Torri tal-Produtturi tal-Ħbula (Turnul Frânghierilor).
- It-Torri tal-Konziera (Turnul Tăbăcarilor).
- It-Torri tal-Wiċċ – torri fit-triq lejn Târgu Mureș, 'il barra miċ-ċittadella, li xorta waħda ta' min iżuru għall-istorja tiegħu.
Knejjes
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-knisja ta' fuq l-għolja (Biserica din Deal) – hija bla dubju wieħed mill-iżjed monumenti arkitettoniċi ta' valur tal-belt u hija waħda mill-iżjed binjiet rappreżentattivi tal-istil Gotiku fir-Rumanija.
- Il-Knisja-Monasteru (Biserica Mânăstirii Dominicane) – hija monument arkitettoniku bi stil Gotiku li jinsab fil-kwartier tat-Torri tal-Arloġġ u nbena fil-bidu tas-seklu 13. Din hija l-unika knisja mingħajr qniepen: ir-raġuni hi li s-Sassoni ma tantx kienu jħobbu jonfqu u għaldaqstant kienu tal-fehma li qanpiena waħda, tal-knisja ta' fuq l-għolja, kienet biżżejjed għar-raħal kollu.
- Il-Knisja Kattolika Rumana ta' San Ġużepp.
- Il-Knisja tal-Ġdiem (Biserica Leproșilor).
- Il-Katidral Ortodoss ta' Sighișoara (Catedrala Ortodoxă).
- Il-knisja Ortodossa antika.
Arkitettura ċivili
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-164 dar fir-raħal għandhom mill-inqas 300 sena u jitqiesu bħala monumenti storiċi. Dawn huma: dawk li hemm fil-Pjazza tar-Raħal (jew il-Pjazza taċ-Ċittadella), bil-pjanta rettangolari tagħha, li fl-imgħoddi kienu jgħixu fiha l-familji nobbli tar-raħal, għalkemm ġiet ittrasformata bosta drabi tul iż-żmien. L-iżjed djar ta' valur huma dawk li żammew l-għamla oriġinali tagħhom.
- Id-Dar fuq il-Blat (Casa de pe stâncă)
- Id-Dar tat-Tegoli (Evert) – iddedikata lill-artiġjani permezz taċ-Ċentru Interetniku Edukattiv għaż-Żgħażagħ.
- Id-Dar Venezjana jew id-Dar il-Ħadra (Casa Venețiană).
- Id-Dar ta' Vlad Dracul.
- Il-Muniċipju ta' Sighișoara.
- Il-kumpless ta' lukandi ta' Sighișoara – li nbena bejn l-1886 u l-1889 u kien is-sede tal-muniċipju.
- It-Taraġ tal-Istudjużi – taraġ tal-injam intern.
- L-Iskola ta' fuq l-Għolja.
- Id-Dar taċ-Ċriev (Casa cu Cerb).
- Il-Pjazza taċ-Ċittadella (Piața Cetăți).
- Casa Asociatiei Mestesugaresti (La Perla).
- Il-Binja ta' Joseph B. Teusch (Hotel Central Park).
Nies notevoli
[immodifika | immodifika s-sors]- Johann Michael Ackner, arkeologu Sassonu tat-Transilvanja;
- Doina Cojocaru, plejer tal-handball;
- Friedrich Grünanger, arkitett;
- Ralph Gunesch, eks plejer tal-futbol professjonali Ġermaniż;
- Adrian Ivanițchi, kitarrista folkloristiku;
- Johannes Kelpius, intellettwali, mużiċist u mistiku Ġermaniż li stabbilixxa komunità reliġjuża meta emigra lejn il-kolonja Amerikana ta' Pennsylvania fl-aħħar tas-seklu 17;
- Gabriel Mureșan, plejer tal-futbol;
- Marie Stritt, femminista u suffraġista Ġermaniża;
- Georg Daniel Teutsch, isqof Luteran;
- Vlad III, il-Prinċep tal-Wallakja, ispirazzjoni tal-vampir fittizju, il-Konti Dracula;
- Radu Voina, eks plejer tal-handball, attwalment kowċ.
Relazzjonijiet internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Ġemellaġġ
[immodifika | immodifika s-sors]Sighișoara hija ġemellata ma':
|
|
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Iċ-ċentru storiku ta' Sighișoara
-
Il-Kulleġġ Nazzjonali ta' Mircea Eliade
-
Il-Festival Medjevali ta' Sighișoara
-
Iċ-ċentru storiku ta' Sighișoara billejl fix-xitwa
-
Iċ-ċentru storiku ta' Sighișoara binhar
-
Sighișoara
-
Il-pjazza taċ-ċittadella billejl
-
Il-Muniċipju ta' Sighișoara
-
It-Torri tal-Ħajjata billejl
-
L-iskola postsekondarja ta' Joseph Haltrich
-
Iċ-ċentru storiku ta' Sighișoara fix-xitwa
-
Tpinġija tas-seklu 19 ta' Sighișoara
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Schäßburg". www.siebenbuerger.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Historic Centre of Sighişoara". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-06-16.
- ^ Adrian Room, Placenames of the World, p.347. McFarland, 2006, ISBN 0-7864-2248-3.
- ^ Cristian Tălângă (ed.), Transilvania, Maramureș, Bucovina, p.27. Editura Semne, Bucharest, 2007.
- ^ "Iċ-ċensiment tal-2011" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-11-26. Miġbur 2023-06-17.