San Cristóbal de La Laguna
San Cristóbal de La Laguna | |||
---|---|---|---|
Spanja | |||
| |||
Amministrazzjoni | |||
Stat sovran | Spanja | ||
Autonomous community of Spain | Gżejjer Kanarji | ||
Provinċja ta' Spanja | Provinċja ta' Santa Cruz de Tenerife | ||
Kap tal-Gvern | Fernando Clavijo Batlle (mul) | ||
Isem uffiċjali | San Cristóbal de La Laguna | ||
Ismijiet oriġinali | San Cristóbal de La Laguna | ||
Kodiċi postali |
38200–38299 | ||
Ġeografija | |||
Koordinati | 28°29′07″N 16°19′00″W / 28.4853°N 16.3167°WKoordinati: 28°29′07″N 16°19′00″W / 28.4853°N 16.3167°W | ||
Superfiċjenti | 102.06 kilometru kwadru | ||
Għoli | 553 m | ||
Fruntieri ma' | Santa Cruz de Tenerife, Tegueste, Tacoronte, Santa Cruz de Tenerifeu El Rosario, Tenerife | ||
Demografija | |||
Popolazzjoni | 159,034 abitanti (2023) | ||
Informazzjoni oħra | |||
Fondazzjoni | 1496 | ||
Żona tal-Ħin | UTC+1 | ||
bliet ġemellati | São Paulo, Ħavana Antikau Las Palmas de Gran Canaria | ||
aytolalaguna.org |
San Cristóbal de La Laguna (magħrufa wkoll fil-qosor bħala La Laguna, pronunzja bl-Ispanjol: [saŋ kɾisˈtoβal de la laˈɣuna]) hija belt u muniċipalità fil-parti tat-Tramuntana tal-gżira ta' Tenerife fil-Provinċja ta' Santa Cruz de Tenerife fil-Gżejjer Kanarji, Spanja. Il-belt hija t-tielet l-iżjed popolata fl-arċipelagu u t-tieni l-iżjed popolata fil-gżira. Iċ-ċentru storiku ta' La Laguna ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Fl-2003 il-muniċipalità bdiet Pjan Urban ambizzjuż għar-rinnovazzjoni tal-inħawi tal-madwar, imwettaq mid-ditta AUC S.L. (Arquitectura Urbanismo y Cooperación). Il-belt kienet il-belt kapitali tal-qedem tal-Gżejjer Kanarji.[2] La Laguna tinsab eżatt biswit il-belt ta' Santa Cruz de Tenerife; b'hekk, iż-żewġ bliet u muniċipalitajiet jiffurmaw ċentru urban kbir u uniku, ikkollegati ma' xulxin permezz tat-tramm.[3]
Il-belt tospita l-Università ta' La Laguna li għandha 30,000 student; dawn ma jiġux inklużi fiċ-ċifri tal-popolazzjoni għall-belt. La Laguna titqies bħala belt kapitali kulturali tal-Gżejjer Kanarji. Barra minn hekk, tiġi msejħa wkoll bħala s-"Ciudad de los Adelantados", peress li kienet l-ewwel belt universitarja tal-arċipelagu.
L-ekonomija tagħha hija orjentata lejn in-negozju filwaqt li l-agrikoltura tiddomina l-porzjon tal-Grigal tal-belt. Iż-żona urbana tiddomina l-partijiet ċentrali u tan-Nofsinhar. It-turiżmu jkopru l-kosta tat-Tramuntana. L-industrija prinċipali tinkludi xi manifatturar. Iż-żona industrijali hija magħmula mis-sottodiviżjonijiet prinċipali ta' Majuelos, Las Torres de Taco, Las Mantecas u Las Chumberas. F'din il-belt wieħed isib id-dar leġġendarja tal-fatat ta' Catalina Lercaro, kif ukoll il-ġisem intatt ta' Sor María de Jesús, u l-Kristu ta' La Laguna (Cristo de La Laguna). Binja emblematika oħra tal-belt hija l-Katidral ta' La Laguna, li huwa l-katidral Kattoliku ta' Tenerife u d-djoċesi tiegħu (id-Djoċesi ta' Tenerife).
Figuri storiċi importanti oħra tal-belt kienu Amaro Pargo, wieħed mill-kursara famużi tal-Epoka tad-Deheb tal-Piraterija, u José de Anchieta, qaddis, missjunarju u l-fundatur Kattoliku tal-bliet ta' São Paulo u ta' Rio de Janeiro fil-Brażil.
Fl-2010, wara stħarriġ li sar, La Laguna ġiet elenkata bħala l-belt l-aqwa reputazzjoni fil-Gżejjer Kanarji u t-tielet belt kapitali provinċjali ta' Spanja bl-aqwa reputazzjoni, wara Gijon u Marbella.[4]
Etimoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-ewwel il-belt kienet tissejjaħ Aguere mill-aboriġini Guanches (l-isem għadu jintuża fil-letteratura). Iktar 'il quddiem il-belt ġiet stabbilita bħala Villa de San Cristóbal de La Gran Laguna, li jfakkar għadira jew lag li kien hemm fil-post fl-imgħoddi. Iktar 'il quddiem il-belt ġiet stabbilita bħala San Cristóbal de La Laguna, u spiss tissejjaħ fil-qosor bħala La Laguna (il-lag).
Stemma
[immodifika | immodifika s-sors]L-istemma ngħatat mir-Reġina Joanna ta' Kastilja fit-23 ta' Marzu 1510, bħala parti mill-gżira ta' Tenerife. Il-belt ta' La Laguna, peress li kienet il-belt kapitali tal-gżira matul l-ewwel żminijiet wara l-Konkwista, adottat din l-istemma waħedha. Fiha gżira b'vulkan jiżbroffa, fuq il-mewġ, bejn kastell u iljun, u fuq nett l-Arkanġlu San Mikiel, b'lanza f'id u b'tarka f'idu l-oħra. Fil-burduri tal-istemma hemm il-kitba Michael Arcangele Veni in Adjutorium Populo Dei Thenerife Me Fecit. Dawn l-elementi jissimbolizzaw l-inkorporazzjoni tal-gżira ta' Tenerife mal-Kuruna ta' Kastilja u l-evanġelizzazzjoni tagħha taħt il-patrunaġġ ta' San Mikiel.
Sottodiviżjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- La Verdellada
- Viña Nava
- El Coromoto
- San Benito
- El Bronco
- La Cuesta
- Taco
- Tejina
- Valleguerra
- Bajamar
- Punta del Hidalgo
- Geneto
- Los Baldios
- Guamasa
- El Ortigal
- Las Mercedes
- El Batan
- Las Carboneras
- San Diego
- Las Gavias
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Minħabba l-aspett tat-Tramuntana tal-belt li taqbad l-indewwa mill-irjieħ prevalenti mill-Grigal, San Cristóbal de La Laguna għandha klima Mediterranja (Köppen: Csb) li tikkuntrasta mal-klima arida ta' bliet oħra fil-Gżejjer Kanarji, b'minn tliet darbiet sa ħames darbiet iktar preċipitazzjoni mix-xaqlibiet tan-Nofsinhar, b'madwar għaxra fil-mija inqas sigħat ta' xemx, u umdità ogħla b'madwar għaxra fil-mija s-sena kollha. Minkejja l-elevazzjoni tagħha, l-influwenzi marittimi u sottotropikali jżommu t-temperatura 'l fuq mit-temperatura tal-iffriżar is-sena kollha.
Data klimatika għal La Laguna (1991-2020) – l-Ajruport tat-Tramuntana ta' Tenerife (altitudni: 632 metru jew 2,073 pied), temp. estremi mill-1944 | |||||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
Temp. għolja rekord f'°C (°F) | 25.9
(78.6) |
33.7
(92.7) |
30.6
(87.1) |
33.0
(91.4) |
37.6
(99.7) |
37.9
(100.2) |
41.4
(106.5) |
41.2
(106.2) |
38.0
(100.4) |
35.0
(95.0) |
31.0
(87.8) |
25.2
(77.4) |
41.4
(106.5) |
Temp. għolja medja f'°C (°F) | 16.3
(61.3) |
16.8
(62.2) |
18.0
(64.4) |
18.7
(65.7) |
20.5
(68.9) |
22.3
(72.1) |
24.4
(75.9) |
25.9
(78.6) |
24.7
(76.5) |
22.8
(73.0) |
19.6
(67.3) |
17.4
(63.3) |
20.6
(69.1) |
Temp. medja ta' kuljum f'°C (°F) | 13.3
(55.9) |
13.5
(56.3) |
14.3
(57.7) |
14.9
(58.8) |
16.5
(61.7) |
18.3
(64.9) |
20.2
(68.4) |
21.5
(70.7) |
20.6
(69.1) |
19.2
(66.6) |
16.5
(61.7) |
14.5
(58.1) |
17.0
(62.6) |
Temp. baxxa medja f'°C (°F) | 10.3
(50.5) |
10.1
(50.2) |
10.6
(51.1) |
11.2
(52.2) |
12.4
(54.3) |
14.2
(57.6) |
16.0
(60.8) |
17.0
(62.6) |
16.6
(61.9) |
15.5
(59.9) |
13.5
(56.3) |
11.6
(52.9) |
13.3
(55.9) |
Temp. baxxa rekord f'°C (°F) | 3.2
(37.8) |
3.4
(38.1) |
2.0
(35.6) |
5.2
(41.4) |
6.6
(43.9) |
8.8
(47.8) |
10.0
(50.0) |
6.6
(43.9) |
10.0
(50.0) |
9.4
(48.9) |
7.8
(46.0) |
5.7
(42.3) |
2.0
(35.6) |
Preċipitazzjoni medja f'mm (pulzieri) | 72.2
(2.84) |
65.5
(2.58) |
67.9
(2.67) |
37.5
(1.48) |
17.5
(0.69) |
9.9
(0.39) |
7.3
(0.29) |
6.5
(0.26) |
12.7
(0.50) |
55.8
(2.20) |
90.3
(3.56) |
76.9
(3.03) |
520
(20.49) |
Medja ta' jiem bil-preċipitazzjoni | 7.7 | 7.2 | 7.3 | 6.2 | 3.7 | 2.7 | 2.1 | 1.1 | 2.5 | 7.3 | 8.9 | 8.3 | 65 |
Medja ta' sigħat ta' xemx fix-xahar | 145 | 159 | 188 | 197 | 222 | 215 | 257 | 272 | 223 | 190 | 140 | 125 | 2,333 |
Sors: Météo Climat[5] |
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-post fejn il-belt hija mibnija kien tal-Menceyato de Anaga, li kien wieħed mid-disa' renji tal-aboriġini Guanche fil-gżira sal-konkwista tar-Renju ta' Kastilja. Huwa magħruf ukoll li l-wied kollu ta' Aguere (fejn tinsab il-belt) u speċjalment il-lag il-kbir li kien hemm fl-imgħoddi, kien post ta' pellegrinaġġ għall-aboriġini tal-gżira.[6]
Il-Battalja ta' Aguere ġiet miġġielda hawnhekk fl-1494. Il-belt ġiet stabbilita bejn l-1496 u l-1497 minn Alonso Fernández de Lugo u kienet il-belt kapitali tal-gżira wara l-konklużjoni tal-konkwista tal-gżejjer. Iktar 'il quddiem il-belt saret ukoll il-kapitali tal-Gżejjer Kanarji kollha. Fl-1582, il-belt batiet minħabba l-epidemija tal-pesta s-sewda li wasslet għal bejn 5,000 u 9,000 imwiet.[7]
Il-konfigurazzjoni tal-belt, it-toroq tagħha u l-ambjent tagħha huma elementi kondiviżi ma' bliet kolonjali oħra fl-Amerki u Ħavana Antika f'Kuba, Campeche fil-Messiku, Cartagena de Indias fil-Kolombja, jew San Juan de Puerto Rico, fost oħrajn, ladarba l-pjanta urbana tal-belt ta' La Laguna kienet il-mudell għal dawn il-bliet.[8]
Iż-żona qrib il-kosta iktar 'il quddiem ġiet attakkata mill-pirati. L-Università ta' La Laguna ġiet stabbilita fl-1701.
Tnaqqis fil-popolazzjoni u fl-ekonomija fis-seklu 18 irriżultaw fit-trasferiment tal-belt kapitali lejn Santa Cruz de Tenerife fl-1723. Minn dak iż-żmien 'l hawn Santa Cruz saret il-belt kapitali tal-gżira ta' Tenerife u l-unika belt kapitali tal-Gżejjer Kanarji sal-1927. Minn dik is-sena 'l quddiem, il-belt kapitali tal-arċipelagu ġiet kondiviża mal-belt ta' Las Palmas de Gran Canaria.
L-Ajruport tat-Tramuntana ta' Tenerife f'Los Rodeos infetaħ fis-snin 30 tas-seklu 20 u llum il-ġurnata qed jespandi bl-użu tal-linji tal-ajru low cost.
Il-belt ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-2 ta' Diċembru 1999.[1] Diversi toroq ta' importanza storika ġew magħluqa għat-traffiku tal-karozzi. La Laguna spiss ġiet imsejħa l-"Firenze tal-Gżejjer Kanarji", minħabba l-għadd kbir ta' knejjes u kunventi tagħha, kif ukoll iċ-ċentru storiku u l-binjiet storiċi tagħha.[9] Dan anke minħabba l-fatt li l-belt kienet in-nieqa jew is-sede ta' diversi movimenti artistiċi u kulturali differenti li mbagħad ġew esportati lejn il-bqija tal-arċipelagu tal-Kanarji, speċjalment fl-isfera reliġjuża bħall-Ġimgħa Mqaddsa, jew peress li kienet in-nieqa fil-Kanarji tal-moviment tal-Illuminazzjoni, imsejjaħ ukoll is-"Seklu tad-Dwal".[10] Dan iffavurixxa t-tkattir, speċjalment fil-perjodu Barokk (is-sekli 17-18), ta' skulturi, pitturi u arkitetti notevoli li eżerċitaw xogħolhom fil-belt u xi kultant esportaw ix-xogħlijiet tagħhom lejn il-bqija tal-arċipelagu.
Dan l-aħħar instabu diversi mini, passaġġi u postijiet taħt l-art li jmorru lura għal perjodu eżatt wara l-istabbiliment tal-belt. Dawn il-mini xi kultant jinsabu taħt binjiet ikoniċi ħafna bħall-Iglesia de la Concepción, il-Katidral ta' La Laguna u l-eks Kunvent ta' Santu Wistin, fost oħrajn. Ir-riċerkaturi jemmnu li l-belt attwali ta' La Laguna ġiet olzata, għaliex issa ma għandhiex l-istess pjan terran bħal meta ġiet stabbilita. F'xi postijiet hija ogħla b'iktar minn metru u dak li hemm taħt ġie midfun.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]San Cristóbal de La Laguna ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Attrazzjonijiet ewlenin
[immodifika | immodifika s-sors]- Katidral ta' La Laguna: b'faċċata Neoklassika (1819).
- Iglesia de la Concepción: kienet l-ewwel parroċċa li nbniet fil-gżira ta' Tenerife.
- Ċentru Storiku: tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO minħabba l-konfigurazzjoni tat-toroq li serviet bħala mudell għall-kostruzzjoni ta' xi bliet ewlenin tal-Amerka Latina. Fih hemm bosta binjiet bi stil kolonjali, b'gallariji tal-injam u bi btieħi kbar bis-siġar u bil-fjuri fiċ-ċentru tagħhom.
- Real Santuario del Santísimo Cristo de La Laguna: wieħed mill-iżjed tempji importanti fil-belt u fil-gżira, bix-xbieha meqjuma ta' Kristu fuq ġewwa, popolari ħafna fl-arċipelagu.
- Università ta' La Laguna: l-ewwel università stabbilita fil-Gżejjer Kanarji.
- Casa Anchieta: il-post fejn twieled San José de Anchieta, meqjus mill-Knisja Kattolika bħala Appostlu tal-Brażil.
- Palazz ta' Salazar: il-palazz tal-familja Salazar de Frías; attwalment tintuża bħala s-sede tal-isqof tad-Djoċesi ta' Tenerife. Fuq ġewwa tal-binja tispikka l-Kappella tal-Isqof, frott ix-xogħol ta' grupp internazzjonali u ekumeniku mmexxi mill-Ġiżwita Sloven, Marko Ivan Rupnik, b'mużajk Neo-Biżantin li jirrappreżenta l-misteru ta' Pentekoste.
- Palazz ta' Nava: eżempju tal-arkitettura tal-Kanarji li jikkombina elementi tal-arkitettura tal-Barokk, tan-Neoklassiċiżmu u tal-Manjeriżmu.
- Knisja ta' Santo Domingo de Guzmán: waħda mill-eqdem knejjes fil-belt; fiha hemm il-qabar tal-kursar famuż Amaro Pargo.
- Instituto Canarias Cabrera Pinto: l-eqdem skola sekondarja fl-arċipelagu li għadha tintuża.
- Teatro Leal: mibni fl-1915.
- Plaza del Adelantado: il-pjazza prinċipali tal-belt imdawra b'bosta binjiet interessanti: il-muniċipju (Casa del Corregidor), il-Palazz ta' Nava, il-Kunvent ta' Santa Catalina de Siena u l-eremitaġġ ta' San Mikiel l-Arkanġlu.
- Mużew tal-Istorja ta' Tenerife: (Palacio Lercaro) mużew li jippreżenta l-istorja tal-gżira mis-seklu 15 sal-preżent. Il-mużew huwa magħruf ukoll għaliex fih allegatament jidher il-fatat ta' Catalina Lercaro, żagħżugħa mis-seklu 16 li wettqet suwiċidju.
Folklor
[immodifika | immodifika s-sors]La Laguna tospita għadd ta' gruppi folkloristiċi magħrufa sew tal-Gżejjer Kanarji. La Laguna inħolqot madwar diversi gruppi folkloristiċi.
Festi u btajjel
[immodifika | immodifika s-sors]Romería de San Benito Abad
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Romería Regional de San Benito Abad, hija romeria popolari li titqies bħala l-iżjed rappreżentattiva tal-Gżejjer Kanarji, u tinvolvi gruppi li jiġu minn kull rokna tal-arċipelagu. Din tiġi ċċelebrata fit-tieni Ħadd ta' Lulju[11] u titqies fost l-iktar romeria importanti fi Spanja.[12] In-nies jilbsu kostumi tradizzjonali u t-toroq jiġu mżejna b'prodotti tipiċi fil-karrettuni tal-bhejjem. Fil-belt kollha jkun hemm ukoll mużika folkloristika tal-Kanarji.
Btala tal-Kristu ta' La Laguna
[immodifika | immodifika s-sors]Din il-btala tiġi ċċelebrata kull 14 ta' Settembru f'ġieħ ix-xbieha ta' Kristu meqjuma ħafna fiI-Gżejjer Kanarji, dik ta' Cristo de La Laguna. Għal dan l-avveniment jiġu n-nies mill-arċipelagu kollu. Din hija l-btala ewlenija tal-belt.[13]
Ġimgħa Mqaddsa
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Ġimgħa Mqaddsa fil-belt ta' San Cristóbal de La Laguna hija l-iżjed iċċelebrata bil-kbir fil-Gżejjer Kanarji. Il-Ġimgħa Mqaddsa fiha elementi ta' valur storiku u artistiku kbir, fosthom il-Cristo de La Laguna msemmi hawn fuq, u x-xirkiet tal-festa, uħud minnhom antiki sekli sħaħ u li adottaw l-użu tal-kappa fis-seklu 19, u jirkbu fuq karrettuni bir-roti fit-toroq tal-belt.[14]
Ġemellaġġi
[immodifika | immodifika s-sors]Nies
[immodifika | immodifika s-sors]- José de Anchieta (twieled fid-19 ta' Marzu 1534 – miet fid-9 ta' Ġunju 1597), qaddis u bniedem importanti fl-istorja kolonjali bikrija tal-Brażil.
- Juan Núñez de la Peña (1641-1721), storiku Spanjol.
- Amaro Pargo (1678-1747), kursar Spanjol.
- José Rodríguez de la Oliva (1695-1777), skultur u pittur Barokk.
- Cristóbal Bencomo y Rodríguez (1758-1835), qassis, konfessur tar-Re Ferdinandu VII ta' Spanja u Arċisqof Titulari ta' Heraclea.
- Juan Domingo de Monteverde (1773-1832), raġel militari.
- Oscar Domínguez (twieled fid-9 ta' Jannar 1906 – miet fil-31 ta' Diċembru 1957), pittur u surrealista Spanjol.
- Antonio Cubillo (twieled fit-3 ta' Ġunju 1930 – miet fl-10 ta' Diċembru 2012), rivoluzzjonarju u politiku.
- Suso Santana (twieled fit-2 ta' Marzu 1985), plejer tal-futbol.
- Sergio Rodriguez (twieled fit-12 ta' Ġunju 1986), plejer tal-basketball.
- Cristo Reyes (twieled fit-30 ta' Lulju 1987), plejer tad-darts.
- Ana Guerra (twieldet fl-1994), kantanta famuża bħala kontestanta tal-programm televiżiv Operación Triunfo fl-2017.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "San Cristóbal de La Laguna". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-27.
- ^ "SAN CRISTOBAL DE LA LAGUNA - ARQUITECTURA Y CONSTRUCCION". web.archive.org. 2009-01-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-01-05. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "Dracma". dracma.free.fr. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-03-03. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "Estadísticas de Merco Ciudad". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-05-02.
- ^ "Météo climat stats | Moyennes 1991/2020 / Données Météorologiques Gratuites". meteo-climat-bzh.dyndns.org. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "LA LAGUNA La ciudad de los sentidos MV137". www.elmundo.es. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "La peste" (PDF).
- ^ "La Laguna: ciudad colonial en Tenerife - Viajes - ElNuevoHerald.com". archive.ph. 2013-04-09. Miġbur 2022-09-26.
- ^ Hernández Gutiérrez, A. Sebastián; González Chaves, Carmen Milagros (2008). Arquitectura para la ciudad burguesa: Canarias, siglo XIX (bl-Ispanjol). Gobierno de Canarias. p. 237. ISBN 978-84-7947-469-0.
- ^ "Programa de la Semana Santa de La Laguna 2014" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-09-05. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "Romería de San Benito Abad. Fiestas en San Cristóbal de la Laguna | spain.info en español". Spain.info (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-09-26.
- ^ "Miles de romeros en San Benito, hacen hoy a La Laguna la capital de Canarias". abc (bl-Ispanjol). 2016-07-09. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "Cristo de La Laguna. El Cristo". web.archive.org. 2007-08-23. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2007-08-23. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "Semana Santa en La Laguna 2010 | Sobre Canarias : Sobre Canarias". sobrecanarias.com (bl-Ispanjol). 2010-02-22. Miġbur 2022-09-26.
- ^ "El acto de hermanamiento de la ciudad de Colima con San Cristóbal de La Laguna se celebra el próximo 2 de mayo". Tagoror Digital (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-09-26.