Aqbeż għall-kontentut

Nicolas-Claude Fabri de Peiresc

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Nicolas-Claude Fabri de Peiresc
adviser (en) Translate

1607 - 1637
membru parlamentari

Ħajja
Twelid Belgentier, 1 Diċembru 1580
Nazzjonalità Renju ta' Franza
Mewt Aix-en-Provence, 24 Ġunju 1637
Post tad-dfin Katridral ta’ Saint Sauveur
Edukazzjoni
Alma mater Università ta’ Montpellier
Università ta’ Padova
Livell tal-edukazzjoni Dottorat fil-Liġi
Lingwi Franċiż
Latin
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni astronomu
arkeologu
filosofu
botaniku
numismatiku
naturalista
kollezzjonista tal-arti
Influwenzat minn Cornelis Drebbel
Sħubija Accademia degli Umoristi (en) Translate

Nicolas-Claude Fabri de Peiresc (twieled fl-1 ta’ Diċembru 1580 – miet fl-24 ta’ Ġunju 1637), spiss magħruf sempliċement bħala Peiresc, jew bil-forma Latina ta’ ismu Peirescius, kien astronomu, antikwarju u għaref Franċiż, li kellu korrispondenza wiesgħa max-xjenzati, u kien organizzatur ta’ suċċess tal-istħarriġ xjentifiku. Ir-riċerka tiegħu kienet tinkludi d-determinazzjoni tad-differenza fil-lonġitudni ta’ diversi postijiet fl-Ewropa, madwar il-Mediterran, u fit-Tramuntana tal-Afrika.

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Missier Peiresc kien maġistrat għoli u kirurgu fi Provence minn familja nobbli sinjura, li flimkien ma’ martu ħarab minn raħal twelidu ta’ Aix-en-Provence biex jevita l-pesta li kienet faqqgħet hemmhekk, u mar joqgħod f’Belgentier f’Var. Peiresc twieled f’Belgentier u rċieva l-edukazzjoni tiegħu f’Aix-en-Provence, f’Avignon, u fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Tournon. F’Toulon, Peiresc sar interessat fl-astronomija. Hu u jistudja l-liġi, filwaqt li rawwem interess fl-arkeoloġija, huwa vvjaġġa lejn l-Italja, l-Iżvizzera u Franza fl-1599, u finalment temm l-istudji legali tiegħu fl-1604 fl-Università ta’ Montpellier. Kien ukoll fl-1604 li beda jissejjaħ bl-isem ta’ Peiresc wara biċċa proprjetà f’Alpes-de-Haute-Provence (issa spellut Peyresq) li kien wiret mingħand missieru, għalkemm hu stess qatt ma żar dik il-proprjetà.

Wara li ngħata l-lawrija tiegħu, huwa vvjaġġa lejn Pariġi (fl-1605-1606, flimkien mal-patrun tiegħu Guillaume du Vair, il-President tal-Parlament ta’ Provence), Londra u l-Fjandri qabel ma reġa’ lura lejn Aix-en-Provence fl-1607 biex jieħu post zijuh bħala conseiller fil-Parlament ta’ Provence taħt du Vair u żamm din il-kariga sal-1615.

Intellettwali u kollezzjonista

[immodifika | immodifika s-sors]
Bust tat-terrakotta ta’ Peiresc magħmul minn Jean-Jacques Caffieri fil-Bibliothèque Mazarine

Mill-1615 sal-1622, Peiresc reġa’ żar Pariġi ma’ du Vair. Imbagħad huwa rritorna lejn Provence biex jaqdi r-rwol tiegħu bħala senatur tal-qorti sovrana. Huwa sar patrun tax-xjenza u tal-arti, studja l-fossili, u appoġġa lill-astronomu Pierre Gassendi mill-1634 sal-1637. Virginio Cesarini pproponieh għal sħubija bħala membru tal-Accademia dei Lincei fl-1621, iżda mhux ċert jekk sarx membru jew le.

Il-pożizzjoni ta’ Peiresc bħala intellettwali kbir fi żmien ir-rivoluzzjoni xjentifika wasslet biex jissejjaħ “Prinċep tar-Repubblika tal-Ittri”. Huwa kien ukoll politiku notevoli fir-reġjun tiegħu, u kittieb akkanit tal-ittri (10,000 ittra mill-ittri li kiteb waslu sa żminijietna), u kien f’korrispondenza kostanti ma’ François de Malherbe, ma’ Hugo Grotius, mal-aħwa Dupuy, ma’ Alphonse-Louis du Plessis de Richelieu, u mal-ħabib kbir tiegħu Rubens. Il-korrispondenza tiegħu ma’ Malherbe tixħet dawl fuq il-personalità ta’ iben Malherbe, Marc-Antoine Malherbe.

Peiresc sar wieħed mill-ewwel ammiraturi u segwaċi ta’ Caravaggio fi Franza. Huwa skopra x-xogħlijiet ta’ Caravaggio għall-ewwel darba fil-kappella ta’ Contarelli f’Ruma fl-1600 meta kellu 20 sena biss.[1] F’raħal twelidu, huwa rawwem madwaru qisu “studjo ta’ artisti tan-Nofsinhar ta’ Franza b’influwenza minn Caravaggio”, fosthom l-artist Fjamming Louis Finson, Martin Hermann Faber, Trophime Bigot u pitturi oħra.[2] Huwa ppromwova l-istil ta’ Caravaggio billi organizza kummissjonijiet għal dawn l-artisti. Huwa kien strumentali biex jikseb għadd ta’ kummissjonijiet għal Finson, inkluż għal pitturi u ritratti storiċi. Finson pitter ukoll ritratt ta’ de Peyresc. Peiresc kien kollezzjonista akkanit tal-arti u serraħ fuq il-kuntatti ta’ Finson fl-Italja biex jakkwista żewġ xogħlijiet ta’ Caravaggio mill-familja Pasqualini f’Ruma.[3]

Id-dar ta’ Peiresc f’Aix-en-Provence kienet tassew qisha mużew, u kellha taħlita ta’ skulturi antiki, pitturi moderni, midalji, kotba u ġonna bi pjanti eżotiċi. Huwa akkwista l-avorju Biżantin ta’ Barberini (mhuwiex magħruf kif jew mingħand min) u offrieh lil Francesco Barberini: din l-opra tal-arti issa tinsab fil-Louvre. Huwa kellu l-Codex Luxemburgensis, il-kopja Karolinġja eżistenti tal-Kronografija tat-354, fil-pussess tiegħu għal bosta snin; u wara mewtu għebet. Huwa kellu iżjed minn 18,000 munita u midalja, u kien ukoll arkeologu, artist dilettant, storiku (wera li l-invażjoni tar-Renju Unit minn Ġulju Ċesri saret mhux minn Calais iżda minn Saint Omer), Eġittologu, botaniku, żooloġista (studja l-kamaleonti, il-kukkudrilli, l-iljunfanti u l-alżaron, tip ta’ gazzella Nubjana b’ras qisha ta’ barri, li issa hija estinta), fiżjologu, ġeografu (wettaq il-proġett li jikkollega lil Aix-en-Provence ma’ Marsilja), u ekologu.

Detall tan-noti ta’ Peiresc li jiddokumentaw l-ewwel osservazzjoni tiegħu tan-Nebula li jisimha Orion fis-26 ta’ Novembru 1610

Peiresc kien ukoll astronomu. Fl-1610 du Vair xtara teleskopju, li Peiresc u Joseph Gaultier użaw għall-osservazzjoni tas-smewwiet, inkluż il-qmura ta’ Ġove; is-suġġeriment tiegħu biex l-ismijiet individwali mill-familja Medici jiġu applikati lill-“kwiekeb tal-Medici” ma ntlaqax.[4] Peiresc għamel osservazzjonijiet dettaljati wkoll tan-Nebula li jisimha Orion fl-1610; Gaultier sar it-tieni persuna li raha fit-teleskopju. Sabiex jiddetermina l-lonġitudni b’iktar preċiżjoni, huwa kkoordina l-osservazzjoni tal-eklissi lunari tat-28 ta’ Awwissu 1635 tul il-Mediterran; b’hekk seta’ jikkalkula li l-Baħar Mediterran kien fil-fatt 1,000 kilometru iqsar milli kien maħsub qabel. Peiresc kiteb ukoll ittri lil Galileo, Pierre Gassendi u Tommaso Campanella, u ddefenda lil tnejn minnhom meta ġew arrestati mill-Inkwiżizzjoni.

L-aħħar snin

[immodifika | immodifika s-sors]

Peiresc kiteb “l-istorja mqassra ta’ Provence”, iżda miet qabel l-editjar: il-pubblikazzjoni seħħet biss fl-1982 (bl-editjar ta’ Jacques Ferrier u Michel Feuillas). Bl-appoġġ ta’ Gassendi, speċjalment dak finanzjarju, hu u l-inċiżur Claude Mellan bdew jipproduċu mappa tas-superfiċe tal-Qamar, iżda Peiresc laħaq miet qabel ma ġiet ikkompletata.

Peiresc miet fl-24 ta’ Ġunju 1637 f’Aix-en-Provence.

Fost ix-xogħlijiet ta’ Peiresc hemm:

  • Histoire abrégée de Provence
  • Lettres à Malherbe (1606–1628)
  • Traitez des droits et des libertés de l'Eglise gallicane (1639)
  • Vita Peireskii (1641)
  • Mémoires
  • Bulletin Rubens
  • Notes inédites de Peiresc sur quelques points d'histoire naturelle
Bust ta’ Peiresc f’Aix-en-Provence

Faċċata tal-Katidral ta’ Saint Sauveur hemm bust tal-bronż ta’ Peiresc, eżattament fil-pjazza tal-università f’Aix-en-Provence. Daru ħdejn il-palazz tal-ġustizzja twaqqgħet biex inbena l-palazz stess li għadu hemm sa llum.

Il-mużew tal-villaġġ f’Peyresq ħdejn Digne-les-Bains huwa ddedikat kollu għax-xogħlijiet tiegħu.

Peiresc ingħata ġieħ fl-1935 billi l-krater lunari f’46.5S, 67.6E, b’dijametru ta’ 61 kilometru, ingħata l-isem ta’ Peirescius; u fl-1993 l-asterojde 19226 ingħatat l-isem ta’ Peiresc.

  1. Dossier de Presse, Les caravages de Peiresc, Conférence de Presse Organisée par la mairie de Cavaillon et l’association des amis de l’Hôtel d’Agar
  2. Olivier Morand, Le Finson de Toulouse, 2019
  3. Paul Smeets (editor) , Louis Finson, The four elements: The four elements Responsibility; R. Smeets, c. 2007
  4. "Satellites of Jupiter - The Galileo Project".