Ġove (pjaneta)

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Ġove ♃
Il-pjaneta Ġove
Karatteristiċi
Raġġ 71492 km
Massa (fiżika) 1,899 x 1027 kg
Densità 1,33 g/cm3
Gravità 22,88 m/s2
Perjodu ta' rivoluzzjoni 11-il sena 315 ġurnata u siegħa
Distanza mix-xemx 7,7833 x 108 km
Perjodu ta' rotazzjoni 9 sigħat u 55 minuta
Inklinazzjoni 3,12°
Satelliti naturali 63

Ġove hija l-ikbar u l-iżjed pjaneta massiva fis-Sistema Solari kollha; hija għandha madwar 2.5 darbiet il-massa tal-pjaneti l-oħra kollha f'daqqa, u l-kamp manjetiku enormi tagħha għandha effett fuq korpi oħrajn tas-Sistema Solari. Il-pjaneta Ġove hija meqjuma bħala s-sultana tal-pjaneti; mhux ta' b'xejn issemmiet għal missier l-allat Rumani.

Struttura u kompożizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pjaneta Ġove hija komposta mill-idroġenu u mill-elju. Għandha atmosfera enormi. Minbarra dan, it-temperaturi huma estremament għolja; dawn tal-aħħar jitilgħu 'l fuq minn 11,000K (10,727 °C/19,340 °F) bi pressa ta' 1,000,000 iżjed minn dik ta' wiċċ l-Art. F'dawn il-kundizzjonijiet l-idroġenu jittrasforma f'metall likwidu, u għalhekk jsir konduttur tajjeb tal-elettriku. Huwa ċ-ċaqliq veloċi ta' dawn ir-reġjuni ta' metall likwidu li jagħmlu l-kamp manjetiku ta' Ġove daqshekk b'saħħtu. Jista' jkun li l-qalba ta' Ġove mhix kbira ħafna u wisq probabbli hija magħmula minn ħadid u silikati. Teleskopji u probi spazjali (space probes) juru l-quċċata tas-sħab ta' Ġove daqs li kieku għandhom żoni ta' disinji ta' faxxi skuri li jikkuntrastjaw ma' oħrajn ċari. Huwa maħsub li ż-żoni tal-ilwien skuri huma r-riżultat ta' sħab tal-ammonju idrosolubbli, waqt li l-partijiet ċari jikkonsistu l-biċċa l-kbira minn kristalli tas-silġ tal-ammonju. Ġove ddur b'ħeffa fuq l-assi tagħha stess f'perjodu rotazzjonali ta' inqas minn 10 sigħat. Din ir-rotazzjoni rapida ġġiegħel 'l dan il-korp ċelesti jespandi xi ftit mill-ekwatur waqt li jiċċattja mir-reġjuni polari.

Żoni u faxxi mlewna differenti jidhru fil-quċċata tas-sħab

Ġove tarmi darbtejn iżjed sħana milli tirċievi mix-Xemx. Din l-enerġija wisq probabbli hija primordjali mħallija minn meta din il-pjaneta ġganteska fformat madwar 4,600,000,000 sena ilu.

Is-sistema kumplessa taċ-ċrieki ta' Ġove ġiet skoperta minn Voyager 1 fl-1979. L-ismijiet tat-tlett iċrieki huma: Halo, iċ-ċirku ewlieni u l-Gossamer.

Minkejja li inqas konsistenti minn dawk ta' Saturnu, Ġove għandu ċ-ċirku tiegħu, wisq probabbli huwa magħmul minn partiċelli ta' ġebel żgħar.

Il-kobor tal-Ponta l-Ħamra[immodifika | immodifika s-sors]

L-ikbar karatteristika ta' Ġove hija l-Ponta l-Ħamra, li hija ta' forma ovali u hija anti-ċiklun ta' pressjoni għolja kontinwa--bla waqfien--ilha tiġi osservata tul tliet sekli issa. Il-lonġevità tagħha tista' tkun ir-riżultat tan-nuqqas ta' wiċċ solidu fuq Ġove li kieku kien iwaqqaf l-anti-ċiklun billi jfarrku b'mewġ il-pressa. Il-bordura ta' din il-ponta ddur kontra l-arloġġ f'madwar erba' jew sitt ijiem bi rjieħ interni ta' 100 m/s (200 mph).

Il-Ponta l-Ħamra l-Kbira ta' Ġove

Il-Ponta l-Ħamra l-Kbira tvarja fid-daqs: fi żmien il-Voyager 1, kienet madwar id-daqs tad-Dinja; kien magħruf li xi darba l-ponta kien fiha madwar 40,000 għal 14.000 km (25,000 għal 70,000 mil). Il-lewn ħamrani tagħha hu kkawżat minn traċċi tal-fosfru.

Manjetiżmu u effetti gravitazzjonali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kamp manjetiku ta' Ġove huwa qawwi ħafna. Tant li hija xi 20,000 darba ikbar minn dik tal-Art u testendi 'l barra mill-pjaneta u żżomm partiċelli maħruġa mill-vulkani fuq in-naħa ta' ġewwa tal-qamar Ġovjan, Io.

Ir-riħ solari jaħbat mal-kamp manjetiku fuq in-naħa tax-Xemx u jiġi mbuttat f'denb manjetiku lura man-naħa opposta. Dan id-denb majetiku jestendi mill-inqas 650,000,000 km (400,000,000 mil), lil hinn mill-orbita ta' Saturnu.

Massiv daqshekk, Ġove għandu kamp manjetiku li taffettwa l-kometi u asterojdi li jgħaddu minn ħdejh. Wieħed mill-eventi l-iżjed drammatiċi tal-kamp manjetiku kien dak ta' Lulju tal-1994 meta l-kometa Shoemaker-Levy 9 ġiet imbuttata lura f'24 biċċa, u kull biċċa konsegwentament, ħabtet mal-pjaneta. L-arjiet tal-impatti kienu viżibbli mill-Art anki b'apparat amatorjali.

X'aktarx Ġove mbutta ħafna oġġetti ċelesti 'l hinn minnu tul is-snin, b'hekk ipproteġa l-Art u l-pjaneti interni mill-impatti ta' dawn l-istess oġġetti.

Huwa wkoll probabbli li ġbid gravitazzjonli bejn Ġove u x-Xemx waqqaf pjaneta oħra milli tifforma f'distanza ta' 3 AU mix-Xemx fejn tinsab il-maġġorparti tal-asterojdi.

Qmura ta' Ġove[immodifika | immodifika s-sors]

Ġove għandu 63 qamar, u minn tromba normali, l-ikbar erbgħa minnhom jidhru daqs tikkiet ċkejkna tad-dawl. Kien Galileo li osservahom għall-ewwel darba fis-seklu sbatax, u huma magħrufa bħala l-qmura Galileani (Io, Europa, Ganymede u Callisto).

Il-qmura ta' Ġove jorbitaw f'erba' gruppi. Barra mill-qmura Galileani, l-oħrajn huma żgħar u b'forom irregolari. Metis, Adrastea, Amalthea u Thebe jorbitaw xi 130,000 u 220,00 km (80,000 u 140,000 mil) miċ-ċentru ta' Ġove. Leda, Himalia, Lysithea u Elara xi 11,000,000 km (68,000,000 mil), waqt li Anake, Carme, Pasiphae, Sinope u S/1999J1 (l-aħħar qamar skoprut fis-sena 1999, li għadu ma ġiex mogħti isem) għandhom orbiti retrogradi madwar 21,000,000 u 25,000,000 km (13,000,000 u 16,000,000 mil).

Il-qmura Galileani ġew osservati sew minn vetturi spazjali. Io huwa vulkanament attiv ħafna. Huwa l-eqreb qamar tas-sultan tal-pjaneti.

Huwa maħsub li l-qamar Europa għandu wiċċ ta' silġ tal-ilma, madwar 100 km (60 mil) oħxon, li forsi taħtu jinsab ilma likwidu.

Ganymede huwa l-ikbar qamar tas-Sistema Solari. Huwa maħsub li nofsu hu magħmul minn blat u n-nofs l-ieħor minn silġ tal-ilma.

Callisto huwa mħaffer u magħmul ukoll minn silġ akwatiku, hu mogħtti minn trab metejoritiku.