Kometa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Diagramma tal-orbita ta' kometa

Kometa hi boċċa magħmula kważi kollha mis-silġ li tivvjaġġa fl-ispazju. Il-kometi huma differenti ħafna mill-asterojdi. Fis-sistema solari, l-orbiti tal-kometi jaslu iżjed 'il bogħod minn Plutone. Il-parti l-kbira huma mbegħdin ħafna mix-Xemx, imma xi ftit minnhom jiġu qrib id-Dinja biżżejjed biex inkunu nistgħu narawhom billejl. Għandhom "dnub" twal għax ix-Xemx iddewweb is-silġ. Id-denb ta' kometa ma jitkaxkarx warajha, imma jipponta direttament 'l hemm mix-Xemx, għaliex itajru r-riħ solari.

Il-qalba iebsa tal-kometa tissejjaħ in-nukleu. Hi waħda mill-oġġetti l-iżjed suwed fis-sistema solari. Meta raġġi dawl ġiet immirata fuq in-nukleu tal-Kometa ta' Halley, il-kometa rriflettiet 4% tad-dawl lura lejna.

Hemm min ra kometa titkisser f'biċċiet: il-Kometa Biela kienet waħda minn dawn. Kien hemm kometa oħra li rawha taħbat ma' pjaneta: il-Kometa Shoemaker-Levy 9 ħabtet ma' Ġove fl-1994. L-orbiti ta' xi pjaneti jimxu flimkien fi gruppi. L-Astronomi jaħsbu li dawn il-kometi huma l-biċċiet ta' oġġett wieħed li tfarrak.

Perjodiċità[immodifika | immodifika s-sors]

Hemm kometi perjodiċi li jiġu u jerġgħu jiġu u hemm oħrjan li jiġu darba biss. Il-kometi perjodiċi għandħom firxa wiesgħa ta' perjodi orbitali, minn ftit snin sa mijiet ta' eluf ta' snin. Dawk ta' perjodu qasir joriġinaw fil-Faxxa ta' Kuiper, jew fid-disk diffuż assoċjat magħha [1] li qegħdin 'l hemm mill-orbita ta' Nettunu. Jaħsbu li l-kometi ta' perjodu itwal joriġinaw fis-Sħaba ta' Oort, sħaba sferika ipotizzata ta' korpijiet tas-silġ fin-naħa ta' barra tas-Sistema Solari.

Il-kometi ta' perjodu twil jiġu bis-saħħa lejn ix-Xemx mis-sħaba ta' Oort minħaba l-perturbazzjonijiet gravitazzjonali kkawżati jew mill-pjaneti massivi tan-naħa ta' barra tas-Sistema Solari (Ġove, Saturnu, Uranu, u Nettunu), jew stilel oħra. Kometi Iperboliċi li huma rari jgħaddu darba min-naħa ta' ġewwa tas-sistema Solari qabel ma jintefgħu fl-ispazju interstellari matul it-trajettorju iperboliku. Ġew osservati wkoll ' Eχokometi ', kometi 'l barra mis-sistema solari tagħna, u jista' jkun li dawn komuni fil-galassija Triq ta' Sant'Anna.[2]

Fost il-kometi perjodiċi magħrufin kollha dik li tidher l-aktar spiss hi l-kometa ta' Encke, li kienet identifikata għall-ewwel darba fl-1786. Il-perjodu tagħha hu ta' elf, mitejn u 6 ijiem (3.3 snin) u dan l-iqsar li nafu bih. L-itwal perjodu, min-naħa l-oħra hu tal-kometa ta' Delevan, identifikata fl-1914, li għaliha l-orbita għadha ma ġietx determinata bil-preċiżjoni: kalkulu approssimattiv ibassar li terġa' tidher xi 749 miljun sena oħra.

Storja tal-kometi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kelma kometa ġejja mill-kelma Taljana cometa, bil-Latin cometes, li hi l-latinizzazzjoni tal-kelma Griega κομήτης (komētēs), li oriġinalment kienet tfisser "bix-xagħar twil",[3] mill-kelma κόμη (komē), li tfisser "xagħar tar-ras".[4] Il-filosfu u xjenzjat Grieg Aristotle kien l-ewwel wieħed li uża l-forma mnissla ta' κόμη, κομήτης, biex jiddeskrivi li ra bħala "stilel bix-xagħar". Is-simbolu astronomiku għall-kometi hu , magħmul minn diska bi tliet estensjoniet qishom tliet xagħriet.

Fl-antik in-nies kienu jibżgħu mill-kometi. Ma kinux jafu xinhuma jew mnejn ġejjin. Kien min kien jaħseb li kienu blalen tan-nar mibgħuta fid-dinja mix-xjanten jew l-allat biex jeqirduha. Kienu jgħidu li kull meta tidher kometa iġġib magħha x-xorti ħażina. Kull meta tidher kometa imut re. wieħed minn dawn l-eżempji jidher fit-Tapazzerija ta' Bayeux, meta l-kometa ta' Halley reġgħet dehret. Kienu jaħsbu wkoll li l-kometi jwaqqfu l-ġwerer u jġibu l-ġuħ.

L-orbita tal-kometa tal-1680, taqbel ma' parabola, kif wera Isaac Newton fil-Principia

Kien ir-Rinaxximent meta x-xjenzati bdew iqisu l-kometi b'inqas suspett u jibbażaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq ix-xjenza. Tycho Brahe rraġuna li l-kometi ma jiġux mid-dinja, u l-kalkuli tiegħu urew li l-kometa żgur huma 'l bogħod sitt darbiet daqs kemm id-dinja hi mill-qamar.

Edmond Halley (li l-Kometa ta' Halley hi msemmija warajh) irraġuna li l-kometi huma perjodiċi, jiġifieri jidhru kull xi ftit ta' mijiet ta' snin. Hekk kien l-ewwel wieħed li bassar id-dehra ta' kometa, il-Kometa ta' Halley.

Isaac Newton ukoll studja l-kometi. Beda jinteressa ruħu meta dehret kometa fix-xitwa tal-1680–1681, u kiteb dwarha lil John Flamsteed.[5] Induna li l-kometi jagħmlu dawra ta' U (parabola) madwar ix-xemx. Qabel Newton qal hekk, kienu jaħsbu li l-kometi jispiċċaw fix-xemx, imbagħad toħroġ kometa oħra minn wara xemx.

Lista ta' kometi famużi[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Comets – Relics from the birth of the Solar Syste, Davidsson B.,Uppsala University, 2008 [1]
  2. ^ 'Exocomets' Common Across Milky Way Galaxy, Space.com, January 7, 2013 [2]
  3. ^ κομήτης, Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek–English Lexicon, on Perseus
  4. ^ κόμη, Henry George Liddell, Robert Scott, A Greek–English Lexicon, on Perseus
  5. ^ R S Westfall, 'Never at Rest', 1980, paġni 391–2.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]