Marie Louise Coleiro Preca
Marie Louise Coleiro Preca | |||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|
4 April 2014 - 4 April 2019 ← George Abela - George Vella →
29 Settembru 2008 - 21 April 2013
| |||||||
Ħajja | |||||||
Twelid | Ħal Qormi, 7 Diċembru 1958 (65 sena) | ||||||
Nazzjonalità | Malta | ||||||
Familja | |||||||
Konjuga/i | Edgar Preca | ||||||
Edukazzjoni | |||||||
Alma mater | Università ta' Malta | ||||||
Okkupazzjoni | |||||||
Okkupazzjoni | politiku | ||||||
Impjegaturi | Ġnus Magħquda | ||||||
Premjijiet |
In-Nutar Marie Louise Coleiro Preca (Ħal-Qormi, Malta, 7 ta' Diċembru 1958) kienet id-disa' President tar-Repubblika, u t-tieni mara f'din l-ogħla kariga tal-pajjiż, u saret l-iżgħar President fl-età, 55 sena. Hija ħadet il-ħatra nhar l-4 ta' April 2014 wara li tlett ijiem qabel għadda vot unanimu mill-Parlament. Sa dakinhar hija kienet Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali u Deputat Laburista fil-Parlament Malti. Il-kariga tagħha ta' President intemmet fl-4 ta' April 2019.
Bint Anthony, għalliem, u Judith imwielda Sammut, kienet l-ewwel wild fost sitta. Hija kisbet Baċellerat fl-Istudji Legali u Umanistiċi u gradwat bħala Nutar Pubbliku mill-Università ta’ Malta. Bdiet l-attività fil-volontarjat fl-Azzjoni Kattolika f’Ħal Qormi fl-età ta’ 13-il sena, filwaqt li kienet PRO tal-Union tal-istudenti tal-Polytechnic fl-età ta’ 16-il sena.
Fil-Politika
[immodifika | immodifika s-sors]Bdiet l-attività politika tagħha meta kellha 16-il sena. Okkupat diversi karigi fi ħdan il-Partit Laburista, fosthom bħala: membru elett tal-Eżekuttiv Nazzjonali, membru fil-Bureau Nazzjonali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti, Assistenta Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, membru fundatur tal-Fondazzjoni Ġuże’ Ellul Mercer, Stampatur tal-Ġurnal tal-Partit Laburista Il-Ħelsien, President tal-Għaqda Nisa Laburisti u mill-1998 Membru Parlamentari Laburista.
Kienet ukoll attiva fi ħdan il-General Workers Union bħala membru fil-Kunsill Nazzjonali tal-Għaqda Ħaddiema Żgħażagħ u Rappreżentanta tal-Partit Laburista fil-Kunsill Nazzjonali tal-GWU.
Nhar il-5 ta' Ġunju 2008 Coleiro Preca ikkontestat mingħajr suċċess għall-ħatra ta' Mexxej ġdid tal-Partit Laburista wara r-riżenja ta' Alfred Sant. 435 minn 879 delegat ivvutaw għal Joseph Muscat. George Abela kiseb 200 vot. Michael Falzon, Evarist Bartolo u Marie Louise Coleiro Preca kisbu 181 vot, 32 vot u 26 vot rispettivament.
Il-Kwistjoni tad-Divorzju
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar it-2 ta' Ġunju 2011, Coleiro Preca ħabbret li fiċ-ċirkostanzi kif żviluppaw mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss bħala kandidata elettorali f'isem il-Partit Laburista. Qalet li kienet diġa' infurmat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat b'din id-deċiżjoni nhar it-Tlieta 31 ta' Mejju 2011, jiġifieri jumejn wara li tħabbar ir-riżultat tar-referendum fuq id-divorzju. Fi stqarrija l-ġurnata ta' qabel, hija kienet semmiet kif kien hemm min hedded, immalafama u intimida lilha u lill-familja tagħha dwar il-pożizzjoni li kienet ħadet fil-kampanja għar-referendum, kontra d-dħul tad-divorzju.
Iżda tmintax-il jum wara din l-istqarrija, nhar l-20 ta' Ġunju, Coleiro Preca ħabbret li se terġa' tikkontesta mill-ġdid l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Laburista wara t-turija kbira ta' appoġġ u solidarjeta' li l-elettorat tas-Sitt Distrett u l-insistenza u l-ħeġġa li urew l-eluf ta' familji fid-distrett u barra minnu biex terġa' tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha, ġabuha f'qagħda li kellha tirrifletti bis-sħiħ fuq id-deċiżjoni li kienet ħadet. Hi semmiet ukoll l-istqarrijiet tal-Mexxej Laburista Joseph Muscat li ikkonferma li hi kienet konformi mal-linja tal-partit komplew għabbewha bil-piż biex tirrevedi d-deċiżjoni dwar il-kandidatura tagħha.
Nhar it-13 ta' Lulju 2011, għadda mill-Parlament it-tieni qari tal-abbozz ta' liġi dwar id-dħul tad-divorzju f'Malta, b'44 vot favur, 13-il vot kontra u 12-il astensjoni. Il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni vvutaw kollha favur, ħlief Adrian Vassallo li vvota kontra u Marie-Louise Coleiro Preca li astjeniet. Fil-11 ta' Lulju, Coleiro Preca qalet li fit-Tielet Qari se tivvota favur. Fil-Parlament hija ma qablitx ma' George Vella li kkritika li min jastjeni għax ikun qed jaħrab mir-responsabbiltà, għax għal Coleiro Precaa din hija kwistjoni ta' kuxjenza.
Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013, Coleiro Preca kienet it-tieni l-aktar kandidata Laburista li ġabet voti wara l-Mexxej Joseph Muscat, 6000 vot. Nhar it-13 ta' Marzu 2013 hija nħatret Ministru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali fil-Gvern Laburista li tela' fl-Elezzjonijiet Ġenerali 2013 li saru ħamest ijiem qabel. Taħt id-dekasteru tagħha jaqgħu dawn l-oqsma: Politika Soċjali, Politika tal-Familja, Politika dwar it-Tfal, Housing Soċjali, Sigurtà Soċjali, Pensjonijiet, Servizzi ta’ solidarjetà, Politika dwar il-persuni b’diżabilità, Anzjani, u Ħarsien fil-Komunità.
Matul is-sena li kienet fil-kariga Ministerjali hija bdiet sensiela ta’ riformi u tiżviluppa għadd ta’ strateġiji fis-settur soċjali. Fost ir-riformi ewlenin li saru tul il-ħidma Ministerjali tagħha kien hemm dik fil-qasam tal-housing soċjali, strateġija integrata tal-informatika li qed tħaffef il-proċessi fl-għoti tal-benefiċċji. Tant li sa’ l-aħħar tas-sena 2014, dawk li jaslu għall-eta’ ta’ l-irtirar, dawk li jkunu eliġibbli għal marriage grant, dawk li jieħdu l-pensjoni tar-romol u cchildren’s allowance, se jingħatawlhom mingħajr il-ħtiega ta’ ħafna proċeduri u telf ta’ ħin.
Tat bidu għall-ħidma b’rabta mal-introduzzjoni tas-single means testing mechanism, kif ukoll għal riforma sħiħa fil-qasam tal-welfare u għal sistema aktar effettiva kontra l-frodi tal-benefiċċji soċjali.
Matul it-tnax-il xahar ta’ ħidma bħala Ministru ngħata bidu għall-iżvilupp tal-istrateġija għas-sostennibilita’ u l-adegwetezza tal-pensjonijiet. Ħadmet biex jiġu indirizzati lanomaliji fil-pensjonijiet tal-ex-ħaddiema tat-Tarzna. Introduċiet għadd ta’ miżuri bħal l-għoti tal-pensjoni sħiħa lir-romol li jkunu jaħdmu u l-għoti tac-children’s allowance antiċipat biex għenet f’budgeting aħjar fil-familji.
Bħala Ministru, Coleiro Preca ipproniet diversi leġislazzjonijiet quddiem il-Parlament, fosthom l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal li se jkun parti mill-Att dwar it-Tfal. Waqqfet ukoll is-SART (Sexual Assault Response Team), fejn għall-ewwel darba hemm post wieħed minn fejn vittmi ta’ stupru jirċievu s-servizzi kollha, taħt saqaf wieħed.
F’Diċembru tal-2013, flimkien mal-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni László Andor, Coleiro Preca niedet il-proġett LEAP. Dan il-proġett ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew qed jara t-twaqqif taċ-Ċentri għar-Riżorsi tal-Familja li se jipprovdu servizzi fil-qalba tal-komunitajiet.
F’Jannar 2014, flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat, Coleiro Preca niedet Green Paper: Struttura Għal Tnaqqis fil-Faqar u Għal Inklużjoni Soċjali. Bħala parti mill-ħidma tagħha biex tindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali, introduċiet għajnuna supplimentari għall-ulied, fejn se jibbenefikaw madwar 22,000 tifel u tifla.
President ta' Malta
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-4 ta' Marzu 2014 il-Prim Ministru Joseph Muscat innominaha bħala d-disa' President tar-Repubblika, u t-tieni mara f'din l-ogħla kariga tal-pajjiż, u l-iżgħar President fl-età, 55 sena. Hija ħadet il-ħatra nhar l-4 ta' April 2014 wara li tlett ijiem qabel għadda vot unanimu mill-Parlament.
L-Emendi fil-Liġi dwar l-Embrijuni
[immodifika | immodifika s-sors]Nhar il-25 ta' April 2018, il-President Coleiro Preca stqarret li kienet imħassba dwar id-dibattiti polarizzati li kienu qed isiru dwar l-emendi għal-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni. Stqarret hekk: "Dan it-tip ta’ dibattitu ma jgħinx kostruttivament biex jiġu mifhuma b’mod ħolistiku l-implikazzjonijiet umani, soċjali, etiċi, u mediċi. It-trattament tal-IVF huwa suġġett delikat li jeħtieġ li jkun diskuss f’ambjent seren, li jibbilanċja l-qsim il-qalb li jiffaċċjaw koppji bla tfal, ma’ kwistjonijiet etiċi sensittivi li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet tal-embrijuni."
Il-President Coleiro Preca stqarret li kienet imħassba bl-ostilità li sfortunatament kienet qed toħroġ minn dibattiti pubbliċi. Il-President appellat għall-kalma u għall-perjodu itwal ta’ riflessjoni sabiex il-vuċijiet kollha jinstemgħu. Il-President Coleiro Preca offriet ukoll li timmedja. Hija stiednet il-parlamentari, is-soċjetà ċivili, u l-istakeholders kollha biex jiġu flimkien madwar il-mejda biex ikollhom dibattitu infurmat li jgħaqqad flimkien il-konsiderazzjonijiet etiċi u morali mal-għarfien xjentifiku għal-liġi li tkun tirrifletti b’mod sħiħ il-potenzjal mediku u l-implikazzjonijiet pozittivi u negattivi għas-soċjetà.
Nhar il-21 ta' Ġunju 2018, il-President bagħtet stqarrija lill-Parlament li tgħid hekk:
"Matul dawn l-aħħar ġimgħat l-emendi proposti għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun qanqlu dibattitu nazzjonali. Napprezza b’qalbi kollha l-kontribut li s-soċjetà ċivili tat f’dawn id-diskussjonijiet u nifhem it-tħassib ta’ xi wħud minnhom dwar diversi kwistjonijiet etiċi, morali, soċjali, psikoloġiċi u legali.
Jien ukoll nifhem bl-aktar mod sħiħ u nempatizza mal-weġgħat ta’ tant koppji li ma jistax ikollhom ulied u li jixtiequ jsiru ġenituri bit-teknika ta’ prokreazzjoni assistita li toffri l-mediċina tal-lum u nifhem ix-xewqa leġittima tagħhom li jingħataw għajnuna sħiħa u support kontinwu mis-soċjetà kollha.
Issa li l-emendi proposti għaddew mill-proċess demokratiku u ġew approvati b’vot finali fil-Parlament, il-liġi ntbagħtet quddiemi biex niffirmaha.
Wara li ħadt diversi pariri etiċi, morali u legali minn persuni kompetenti u wara proċess twil ta’ riflessjoni u dixxerniment, jiena wasalt fil-kuxjenza tiegħi għad-deċiżjoni li niffirma dan l-att. Irrid nagħmilha ċara li din id-deċiżjoni mhix kompromess etiku mal-fehmiet sodi tiegħi u mal-valuri personali tiegħi dwar il-ħajja umana, il-familja u l-ġid sħiħ tat-tarbija mnissla.
Qed niffirma dan l-att kif ġie ppreżentat lili mill-Gvern u dan qed nagħmlu biss b’rispett sħiħ u b’lealtà lejn il-proċess demokratiku ta’ pajjiżna u l-Kostituzzjoni, li ma jagħtinix setgħat leġiżlattivi ħlief li niffirma l-liġijiet wara li jkunu ġew approvati mill-Parlament. Aktar minn hekk jiena marbuta bil-Kostituzzjoni li naġixxi fuq il-parir tal-Gvern tal-ġurnata jew ta’ ministru tal-Gvern u fil-każ ta’ abbozzi ta’ liġijiet approvati mill-Parlament jiena obbligata li niffirmahom mingħajr dewmien.
Kif intqal f’sezzjoni tal-media, stajt għażilt li ma nkunx fil-pajjiż meta l-abbozz kien fit-tielet qari iżda jien qatt ma kont persuna li naħrab mir-responsabbiltajiet u mid-dmirijiet bħala President ta’ Malta u m’iniex se nagħmel hekk issa.
Jien nibqa’ nemmen li d-dinjità umana u l-integrità fiżika ta’ kull bniedem għandhom jiġu rispettati u mħarsa mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.
Kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, m’għandu qatt jiġi użat bħala oġġett jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod normali. L-isfida tas-soċjetà tagħna hi li tkompli tipproteġi lil kull min hu dgħajjef, inkluż l-embrijun. Il-fibra morali tal-Istat Malti titmermer jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha."
Ħajja Personali
[immodifika | immodifika s-sors]Hija miżżewġa lil Edgar Preca u għandha tifla.
Ħoloq Esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- Intervista ma' Coleiro Preca fil-kampanja għall-ħatra ta' Mexxej ġdid tal-Partit Laburista fl-2008
- Coleiro Preca fuq id-divorzju (ONE TV)
- Coleiro Preca fuq id-deċiżjoni tal-kandidatura tagħha għall-elezzjoni tal-2013 (ONE TV)
Predeċessur Dominic Fenech |
Segretarja Ġenerali tal-Partit Laburista 1981 – 1992 |
Suċċessur |
Predeċessur George Abela |
President ta' Malta 2014 – preżent |
Suċċessur |