Aqbeż għall-kontentut

Maurits Cornelis Escher

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn M.C. Escher)
Maurits Cornelis Escher
Ħajja
Isem propju Maurits Cornelis Escher
Twelid Leeuwarden, 17 Ġunju 1898, 1898
Nazzjonalità Renju tan-Netherlands
Residenza Leeuwarden
Arnhem
Ruma
Grupp etniku Olandiżi
L-ewwel lingwa Olandiż
Mewt Laren (en) Translate, 27 Marzu 1972
Post tad-dfin Nieuwe algemene begraafplaats Baarn
Familja
Missier George Arnold Escher
Omm Sara Adriana Gleichman
Konjuga/i Jetta Umiker  (12 Ġunju 1924 -
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater De Teekenschool voor de Kunstnijverheid (en) Translate
Lingwi Olandiż
Taljan
Għalliema Samuel Jessurun de Mesquita (mul) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni tipografu
Illustratur
disinjatur tal-bolol tal-posta
artist grafiku
fotografu
disinjatur
litografu
intaljatur
disinjatur
disinjatur taċ-ċeramika
artist tal-murales
skultur
artist viżiv
pittur
Post tax-xogħol Ruma
Haarlem
L-Aja
Delft
Oosterbeek (en) Translate
Żvizzera
Brussell
Baarn (en) Translate
Netherlands
Xogħlijiet importanti Natura mejta b'mera sferika
Kaskata
Tlugħ u Nżul
Premjijiet
Influwenzat minn matematika
Leonardo da Vinci
Albrecht Dürer
Hieronymus Bosch (en) Translate
Sħubija Kulleġ tal-'Patafiżika
Accademia delle Arti del Disegno (en) Translate
Moviment arti moderna
Moviment artistiku pittura tal-annimali
abstract art (en) Translate
figure (en) Translate
arti pajsaġġistika
pajsaġġ urban
natura mejta
awtoritratt

Maurits Cornelis Escher (twieled fis-17 ta' Ġunju 1898 – miet fis-27 ta' Marzu 1972), is-soltu magħruf bħala M.C. Escher (IPA 'ɛsjər), kien artista grafiku Netherlandiż. Magħruf għall-inċiżjonijiet fl-injam, il-litografiji u l-mezzitinti tiegħu sikwit ispirati mill-matematika. Dawn jirrappreżentaw kostruzzjonijet impossibbli, esplorazzjonijiet tal-infinità, arkitettura u tessellaturi.

Maurits Cornelis, jew "Mauk" kif kien imlaqqam,[1] twieled Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi. Kien l-iżgħar tifel ta' inġinier idrawliku George Arnold Escher u t-tieni mara tiegħu, Sara Gleichman. Kien tifel marradi, u meta kellu seba’ snin beda jmur skola speċjali u weħel l-eżami tat-tieni sena.[2] Fl-1903, il-familja marret togħqod Arnhem fejn kien jitgħallem is-sengħa ta' mastrudaxxa u jdoqq il-pjanu sakemm kellu tlettax-il sena.

Mill-1903 sal-1918 kien jattendi l-iskola primarja u sekondarja. Minkejja li bbrilla fid-disinn, il-marki tiegħu fis-suġġetti l-oħra kienu s-soltu baxxi. Fl-1919, Escher daħal fl-iSkola tal-Arkitettura u Arti Dekorattiva ta' Haarlem. Għal xi żmien studja l-arkitettura, imma weħel f'xi suġġetti (daqsxejn minħabba infezzjoni persistenti fil-ġilda) u qaleb għall-Arti Dekorattiva.[2] Hawn studja taħt Samuel Jessurun de Mesquita, li baqa' ħabib miegħu għal ħafna snin. Fl-1922 Escher ħalla l-iskola, wara li kien kiseb esperjenza fid-disinn u s-sengħa tal-inċiżjoni fl-injam.

Fl-1922, li kienet sena importanti f'ħajtu, Escher ivvjaġġa mal-Italja (Firenze, San Gimignano, Volterra, Siena) u ma' Spanja (Madrid, Toledo, Granada). Il-kampanja Taljana u l-Alhambra, kastell Moresk tas-seklu erbatax f’Granada, Spanja, impressjonawh ħafna. Sal-1935, Escher, flimkien ma' sħabu, artisti, oħra, kien jitlaq kull Rebbiegħa għal vjaġġ ta' xahrejn fl-muntanji ta' Abruzzi, l-Campania, Sqallija, Corsica u Malta[3] minn fejn kien jiġbor l-impressjonijiet u jagħmel disinji. L-Italja ltaqa’ ma' Jetta Umiker, u żżewiġha fl-1924. Il-koppja żagħżugħa marret togħqod Ruma u baqgħu hemm sal-1935, meta ma setgħux jissaportu iżjed il-klima politika taħt Mussolini. Binhom, Giorgio Arnaldo Escher, imsemmi għal missieru twieled Ruma. Il-familja imbagħad marru joqgħodu Château-d'Œx, l-iŻvizzera fejn qagħdu sentejn.

Escher, li kienu jogħġbuh ħafna l-veduti Taljani li kienu għalih ta' inspirazzjoni qawwija, ma kien xejn kuntent l-iŻvizzera, u għalhekk fl-1937, il-familja reġgħu ġarru u marru jogħqodu Ukkel, belt żgħira qrib Brussell, il-Belġju. It-Tieni Gwerra Dinjija ġegħlithom jerġgħu iġorru għal Baarn, il-Pajjiżi l-Baxxi, fejn Escher baqa jgħix sal-1970. Il-parti l-kbira tad-disinji l-iżjed magħrufin ta' Escher ġejjin minn dan iż-żmien. It-temp, x'aktarx imsaħħab, kiesaħ u bix-xita tal-Olanda ħallih jiffoka b'intensità kbira fuq ix-xogħlijiet tiegħu u kien biss matul l-1962, meta għamel xi operazzjonijiet, li ma ħoloqx xbihat ġodda.

Fl-1970, Escher mar jogħqod fid-dar Rosa-Spier, Laren, dar għall-artisti anzjani fejn kellu studju. Miet hemmhekk fis-27 ta' Marzu 1972, fl-età ta' 73 sena.

Idejn ipinġu, 1948

L-ewwel stampa ta' Escher ta' realtà impossibbli kienet Natura mejta u triq, 1937. L-espressjoni artistika tiegħu ma ħalaqhiex direttament minn osservazzjonijiet u vjaġġi f'pajjiżi oħra imma minn xbihat ġejjin minn moħħu. Fost l-eżempji l-oħra magħrufin sewwa tax-xogħol tiegħu insibu Idejn ipinġu, xogħol li fih naraw żewġ idejn, waħda tpinġi lill-oħra; Sema u ilma, li fih jilgħab bid-dawl u d-dell biex jisfuma l-isfond tal-ilma wara l-ħut f'xbihat ta' għasafar bl-isfond tas-sema; u Telgħin u niżlin, fejn ringieli ta' nies jitilgħu u jinżlu taraġ f'ħolqa infinita, fuq bini li mhux possibbli li jimbena imma possibbli li jitpinġa permezz ta' stramberiji fil-perċezzjoni u l-prospettiva.

Ħadem primarjament fil-vejikli tal-litografija u l-inċiżjoni fl-injam, għalkemm il-ftit mezzitinti li wettaq huma meqjusa bħala kapolavuri ta' din it-teknika. Fl-arti grafika tiegħu juri relazzjonijiet matematiċi bejn forom, figuri u spazju. Barra minn hekk, esplora figuri mħabblin flimkien bl-użu tal-iswed u abjad biex jenfasizzaw d-dimensjonijiet differenti. Integrati fl-istampi tiegħu insibu riflessi fil-mera ta' koni, sferi, kubi, ċrieki u spirali.

Barra d-disinji tal-veduti u n-natura fl-ewwel snin tiegħu, pinġa wkoll insetti, li dehru sikwit fil-ħidma tiegħu ta' aktar tard. L-ewwel xogħol artistiku, li tlesta fl-1922, dehru tmient irjus umani maqsuma fi pjani differenti. Wara, madwar 1924, tilef l-interess fil-"qsim regolari" tal-pjani, u dar għat-tpinġija tal-veduti fl-Italja b'prospettivi irregolari li m’humiex possibbli fil-forma naturali.

Relattività, 1953

Għalkemm Escher ma kellux taħriġ matematiku — il-komprensjoni tiegħu tal-matematika kienet fil-parti kbira viżiva u intuwittiva— il-ħidma ta' Escher kellha komponent matematiku qawwi, u aktar minn ftit mid-dinjiet li pinġa huma mibnija madwar oġġetti impossibbli bħall-kubu ta' Necker u t-trijanglu ta' Penrose. Ħafna mix-xogħlijiet ta' Escher użaw kisjiet bil-madum ripetuti imsejħin tessellaturi. Ix-xogħol artistiku ta' Escher jintogħġob partikularment mill-mathematiċi u xjenzati, li japprezzaw l-użu ta' poliedri u tagħwiġ ġeometriku. Per eżempju, fil-Gravità, fkieren multi-lwien jittawlu minn wara dodekaedru stellat.

L-influwenza matematika fil-ħidma tiegħu bdiet tidher madwar 1936, meta kien jivvjaġġa fil-Mediterran mal-Adria Shipping Company. Beda partikularment jinteressa ruħu fl-ordni u s-simmetrija. Escher iddeskriva l-vjaġġ tiegħu mal-Mediterran bħala "l-ogħna għajn ta' ispirazzjoni li qatt sfruttajt."

Wara l-vjaġġ tiegħu 'l-Alhambra, Escher ipprova jagħmel xogħol isbaħ minn tal-Għarab bl-użu ta' gradilji ġeometriċi bħala l-bażi għad-disinji tiegħu, li mbagħad firex fuqhom disinji oħra, l-iżjed annimali bħal għasafar u ljuni.

L-ewwel studju tiegħu tal-matematika, li wara wassal biex jinkorporaha fix-xogħlijiet artistiċi tiegħu, beda bl-artiklu akkademiku ta' George Pólya fuq il-gruppi tas-simmetrija fil-pjan li bagħtlu ħuh Berend. Dan l-artiklu spirah biex jitgħallem il-kunċett tas-17-il grupp tat-tapazzerija (il-gruppi tas-simmetrija fil-pjan). Bl-użu ta' dan il-kunċett matematiku, Escher ħoloq tessellaturi perjodiċi b' 43 disinn kulurit b'tipi differenti ta' simmetrija. Minn dan il-punt żviluppa metodu matematiku għall-espressjoni tas-simmetrija fix-xogħlijiet artistiċi tiegħu. Mill-1937, ħoloq bosta inċiżjonijiet fl-injam bl-użu tal-kunċett tas-17-il grupp tas-simmetrija fil-pjan.

Limitu taċ-ċirku III, 1959

Fl-1941, Escher kiteb l-ewwel artiklu tiegħu, li issa hu rikonoxxut pubblikament, imsejjaħ "Diviżjoni Regolari tal-Pjan permezz ta' Poligoni Kongruwenti Asimmetriċi", fejn spjega l-approċċ matematiku tiegħu għall-ħolqien ta' xogħol artistiku. L-intenzjoni tiegħu meta kitbu dan kienet li jkun ta' għajnuna għalih stess fl-integrazzjoni tal-matematika fl-arti. B'dan l-artiklu Escher għamel kontibut fir-riċerka matematika ta' żmienu. Fih, hu studja diviżjoni bbażata fuq il-kulur, u żviluppa sistema ta' klassifikazzjoni ta' kombinazzjonijiet ta' forom, kuluri u proprjetajiet simmetriċi. Permezz tal-istudju ta' dawn is-simmetriji, esplora qasam li aktar tard il-mathematiċi laqqmu "kristallografija".

Madwar 1956, Escher esplora l-kunċett tar-rappreżentazzjoni tal-infinità fil-pjan bidimensjonali. Xi diskussjonijiet mal-matematiku Kanadiż HSM Coxeter ispiraw lil Escher b'interess fit-tessellaturi iperboliċi, li huma kisjiet regolari tal-pjan iperboliku bil-madum. Ix-xogħlijiet ta' Escher Limitu taċ-ċirku I-IV juru dan il-kunċett. Fl-1995, Coxeter ivverifika li Escher kiseb perfezzjoni matematika fl-inċiżjonijiet tiegħu f'artikl li ppubblika. Coxeter kiteb, "Escher ġabha assolutament eżatta sal-aħhar millimetru."

Ix-xogħlijiet tiegħu għamluh famuż: fl-1955 inħatar Kavalier tal-Ordni ta' Orange-Nassau. Min dak iż-żmien 'l hemm kellu regolarment kummissjonijiet ta' disinn minn dinjitarji minn madwar id-dinja. Fl-1985 l-Asterojde, "4444 Escher", issemmiet għalih.

Fl-1958, ippubblika artiklu imsejjaħ Diviżjoni Regolari tal-Pjan, li fih iddeskriva l-akkumulazzjoni sistematika ta' disinji matematiċi fix-xogħlijiet artistiċi tiegħu. Huwa saħaq li "l-matematiċi fetħu l-bieb li jwassal għal qasam vast."

Il-kaskata, 1961

Fuq kollox, kienet l-imħabba li kellu minn kmieni għall-veduti Rumani u Taljani u għan-natura li nteressatu fil-kunċett tad-diviżjoni regolari ta' pjan, li applika f'aktar minn 150 xogħol bil-kulur. Fost il-prinċipji oħra matematiċi li nsibu xhieda tagħhom fix-xogħlijiet tiegħu hemm is-sovrapożizzjoni ta' pjan iperboliku fuq pjan bidimensjonali fiss, u l-inkorporazzjoni ta' oġġetti tridimensjonali bħal sferi, kolonni u kubi fis-xogħlijiet tiegħu. Per eżempju, f'stampa imsejħa "ir-Rettili," ikkombina xbihat bi- u tridimensjonali. F'wieħed mill-artikli tiegħu, Escher enfatizza l-importanza tad-dimensjonalità u ddeskriva lilu nnifsu bħala "mxabba" bil-forom ċatti: "Jien nagħmilhom jaqbżu 'l barra mill-pjan."

Escher studja wkoll il-kunċetti matematiċi tat-topoloġija. Mill-matematiku Brittaniku Roger Penrose tgħallem kunċetti oħra fil-matematika. Minn dan l-għarfien ħoloq "Il-kaskata"' u Telgħin u Niżlin, li nsibu fihom prospettivi irregolari simili għall-kunċett tal-istrixxa ta' Möbius.

Fl-1937 Escher stampa Metamorfożi I, li kienet il-bidu ta' sensiela ta' disinji li jirrakontaw storja permezz tal-istampi. Dawn ix-xogħlijiet urew fl-aqwa tagħha il-ħila ta' Escher biex jinkorpora l-matematika fl-arti. F'Metamorfożi I, ittrasforma poligoni konvessi f'disinn regolari fil-pjan biex jifformaw għamla ta' bniedem. Dan l-effett jisimbolizza l-bidla fl-interess tiegħu mill-veduti u n-natura għall-diviżjoni regolari tal-pjan.

Wieħed mill-aktar xogħlijiet notevoli tiegħu huwa l-opra Metamorfożi III, li hija wiesgħa biżżejjed biex tgħatti l-ħitan ta' kamra, u mbagħad terġa' lura fuq innifsha.

Wara l-1953, Escher kien mistieden jagħti taħdidiet minn ħafna organizzazzjonijiet. Sensiela ta' taħdidiet ippjanati fl-Amerika ta' Fuq fl-1962 tħassret minħabba xi marda, imma x-xbihat u test għall-lectures, miktuba sħaħ minn Escher, aktar tard kienu ippubblikati bħala parti mill-ktieb Escher fuq Escher . F'Lulju 1969, lesta l-aħħar xogħol tiegħu qabel ma miet, inċiżjoni fl-injam imsejħa Sriep. Din turi inċiżjonijiet ta' disinji li jispiċċaw ftit ftit lejn l-infinità kemm fiċ-ċentru u kemm fit-tarf ta' ċirku. Erba' sriep jaqsmu ċ-ċirku u d-disinji fih, b'irjushom jittawwlu minnu.

Il-legat ta' Escher

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Mużew ta' Escher fil-Ħaag[4]

Il-pussess tal-proprjetà intellettwali ta' Escher u tax-xogħlijiet artistiċi uniċi tiegħu ġew mifrudin minn xulxin.

Fl-1969, il-konsulent kummerċjali ta' Escher, il-mejjet Jan W. Vermeulen, awtur ta' bijografija bl-Olandiż tal-artista, waqqaf l-MC Escher Stichting (Fundazzjoni MC Escher), u ttrasfera għal din l-entità kważi x-xogħol kollu ta' Escher kif ukoll mijiet ta' stampi oriġinali tiegħu. Dawn ix-xogħlijiet ġew mislufa mill-Fundazzjoni lill-Mużew tal-Ħaag. Mal-mewt ta' Escher, it-tliet subien tiegħu xoljew il-Fundazzjoni, u issieħbu f'kumpanija biex jieħdu x-xogħlijiet artistiċi f’idejhom. Fl-1980, bigħu din l-impriża lil negozjant tal-arti Amerikan u lill-Mużew tal-Ħaag. Il-Mużew kiseb id-dokumentazzjoni kollha u inqas min-nofs tax-xogħlijiet artistiċi.

Il-copyrights baqgħu fill-pussess tat-tliet ulied - li aktar tard begħuhom lil Cordon Art, kumpanija Olandiża. Il-kontroll tal-copyrights wara kien ittrasferit lil MC Escher Company BV Baarn, tal-Olanda, li tilliċenzja l-użu tal-copyrights fuq l-arti kollha ta' Escher u fuq testi mitkellma u miktuba, u tikkontrolla wkoll it-trademarks. Ir-reġistrazzjoni tat-trademark "MC Escher" fl-Istati Uniti kienet opposta, imma l-kumpanija Olandiża rebħet fil-qrati fuq il-bażi li artista jew il-werrieta tiegħu għandhu d-dritt li jagħmel trademark ta' ismu.

Entità oħra, il-Fundazzjoni M.C. Escher ta' Baarn, tippromwovi x-xogħol ta' Escher billi torganizza wirjiet, tippubblika kotba u tipproduċi films dwar il-ħajja u x-xogħol tiegħu.

Il-kollezzjonijiet istituzzjonali ewlenin tax-xogħlijiet oriġinali ta' MC Escher huma l-Mużew Escher, mużew sussidjaru tal-Haags Gemeentemuseum fil-Ħaag; il-Gallerija Nazzjonali tal-Arti (Washington, DC); il-Gallerija Nazzjonali tal-Kanada (Ottawa); il-Mużew ta' Iżrael (Ġerusalemm) u l-Bibljoteka Pubblika ta' Boston.

Lista tax-xogħlijiet

[immodifika | immodifika s-sors]
  • 1920 Siġar, linka
  • 1920 Knisja ta' San Bavo, Haarlem, linka
  • 1921 Il-fantażma, inċiżjoni fl-injam
  • 1921 Il-mogħża espjatorja, inċiżjoni fl-injam
  • 1921 L-isfera, inċiżjoni fl-injam
  • 1921 Sabiħ, inċiżjoni fl-injam
  • 1921 Flor de Pascua (Fjura tal-Għid), inċiżjoni fl-injam / illustrazzjonijiet fi ktieb
  • 1922 Tmien irjus, inċiżjoni fl-injam
  • 1922 Siena, inċiżjoni fl-injam
  • 1922 San Francesco, inċiżjoni fl-injam
  • 1923 San Gimignano, inċiżjoni fl-injam
  • 1923 Veduta Taljana, linka u gwazz abjad
  • 1923 Dniefel f'baħar fosforixxenti, inċiżjoni fl-injam
  • 1923 Siġra tal-palm, lapes u linka
  • 1923 Awtoritratt, inċiżjoni fl-injam
  • 1925 Mara bil-fjura, inċiżjoni fl-injam
  • 1925 Vitorchiano, inċiżjoni fl-injam
  • 1925 Iċ-ċawlun iswed, inċiżjoni fl-injam
  • 1925 It-tieni jum tal-Ħolqien, inċiżjoni fl-injam
  • 1926 Il-ħames jum tal-Ħolqien, inċiżjoni fl-injam
  • 1926 Is-sitt jum tal-Ħolqien, inċiżjoni fl-injam
  • 1926 jew 1927 Studju fid-diviżjoni regolari tal-pjan b'annimali fantastiċi, lapis u akkwarell
  • 1927 Purċissjoni fil-kripta, inċiżjoni fl-injam
  • 1928 Kastell fl-arja, inċiżjoni fl-injam
  • 1928 Torri ta' Babel, inċiżjoni fl-injam
  • 1928 Corte, Corsica, linka
  • 1928 Sartene, linka
  • 1928 Soveria, Corsica, linka
  • 1928 Bonifacio, Corsica, inċiżjoni fl-injam
  • 1929 Veduta ta' Goriano Sicoli, litografija
  • 1929 Il-kattedral taħt l-ilma, inċiżjoni fl-injam
  • 1929 Awtoritratt, litografija
  • 1930 Castrovalva, litografija
  • 1930 Triq f'Scanno, Abruzzi, litografija
  • 1930 Il-Pont, litografija
  • 1930 Palizzi, Calabria, inċiżjoni fl-injam
  • 1930 Pentedattilo, Calabria, litografija
  • 1930 Atrani, Kosta ta' Amalfi, litografija
  • 1930 Ravello u l-Kosta ta Amalfi, litografija
  • 1930 Sqaq imsaqqaf f'Atrani, Kosta ta' Amalfi, inċiżjoni fl-injam
  • 1931 Saħħara, inċiżjoni fl-injam
  • 1933 Baħar fosforixxenti, litografija
  • 1933 Logħob tan-nar, litografija
  • 1934 Natura mejta bil-mera, litografija
  • 1934 Natura mejta bi sfera tirrifletti, litografija
  • 1935 L-Isla, Malta inċiżjoni fl-injam bi tliet kuluri
  • 1935 Id bi sfera tirrifletti, litografija
  • 1935 Ritratt ta' G.A.Escher, litografija
  • 1935 L-Infern, litografija, (ikkupjata minn pittura ta' Hieronymus Bosch)
  • 1936 Diviżjoni Regolari tal-pjan, sensiela ta' disinji li kompla sa l-1960
  • 1937 Natura mejta u triq (L-ewwel realtà impossibbli tiegħu), inċiżjoni fl-injam
  • 1937 Metamorfożi I, inċiżjoni fl-injam
  • 1938 Lejl u mewt, inċiżjoni fl-injam
  • 1938 Ċiklu, litografija
  • 1938 Sema u ilma I, inċiżjoni fl-injam
  • 1938 Sema u ilma II, inċiżjoni fl-injam
  • 1939-1940 Metamorfożi II, inċiżjoni fl-injam bi tliet kuluri
  • 1942 Verbum, litografija
  • 1943 Rettili, litografija
  • 1943 Nemla, litografija
  • 1944 Laqgħa, litografija
  • 1945 Gallarija, litografija
  • 1945 Kolonni doriċi, inċiżjoni fl-injam bi tliet kuluri
  • 1945 Tliet sferi I, inċiżjoni fl-injam
  • 1946 Għajn, mezzotint
  • 1946 Mera maġika, litografija
  • 1946 Tliet sferi II, litografija
  • 1946 Dinja oħra, mezzatinta
  • 1947 Dinja oħra II, inċiżjoni fl-injam
  • 1947 Dinja oħra, inċiżjoni fl-injam
  • 1947 Fuq u isfel, litografija
  • 1947 Kristalla, mezzatinta
  • 1948 Idejn ipinġu, litografija
  • 1948 Qatra nida, mezzatinta
  • 1948 Xemx u Qamar
  • 1948 Stilel, inċiżjoni fl-injam
  • 1949 Planetojde doppja, inċiżjoni fl-injam
  • 1950 Ordni u kaos, litografija
  • 1950 Wiċċ (Superfiċju) immewweġ, inċiżjoni fuq il-linolju b'żewġ kuluri
  • 1951 Kutrumbajsa, litografija
  • 1951 Dar tat-taraġ I, litografija
  • 1951 Dar tat-taraġ II, litografija
  • 1952 Għadira, inċiżjoni fl-injam
  • 1952 Dragun, inċiżjoni fl-injam
  • 1952 Gravità, litografija u akkwarell
  • 1952 Diviżjoni spazjali kubika, litografija
  • 1953 Relattività, litografija
  • 1954 Planetojde tetraedrika, inċiżjoni fl-injam b'żewġ kuluri
  • 1955 Konvess u konkav, litografija
  • 1955 Tliet dinjiet, litografija
  • 1956 Gallerija tal-istampi, litografija
  • 1957 Kubu b'żigarelli magiċi, litografija
  • 1957 Mużajk II, litografija
  • 1958 Belveder, litografija
  • 1958 Spirali sferiċi, inċiżjoni fl-injam b'erba’ kuluri
  • 1960 Telgħin u niżlin, litografija
  • 1961 Strixxa ta' Möbius I, inċiżjoni fl-injam b'erba' kuluri
  • 1961 Il-kaskata, litografija
  • 1963 Strixxa ta' Möbius II (Nemel ħomor), inċiżjoni fl-injam bi tliet kuluri
  • 1966 Għoqod, inċiżjoni fl-injam bi tliet kuluri
  • 1967-68 Metamorfożi III, inċiżjoni fl-injam
  • 1968 Metamorfożi, pittura fuq il-ħajt
  • 1969 Sriep, inċiżjoni fl-injam bi tliet kuluri

Bibljografija

[immodifika | immodifika s-sors]
  • M.C. Escher, The Graphic Work of M.C. Escher, Ballantine, 1971. Jinkludi l-kummentarju ta' Escher stess.
  • Locher, J.L. The Magic of M. C. Escher. Harry N. Abrams, Inc. ISBN 0-8109-6720-0, 2000.
  • Ernst, Bruno; Escher, M.C. The Magic Mirror of M.C. Escher (Taschen Series) 1995. TASCHEN America Llc. ISBN 1-886155-00-3 L-arti ta' Escher b'kummentarju minn Ernst fuq il-ħajja u l-arti ta' Escher, jinkludi bosta paġni fuq kif uża l-poliedri.
  • J. L. Locher (editur) M.C. Escher: His Life and Complete Graphic Work, , Amsterdam 1981.
  • Douglas R. Hofstadter. Gödel, Escher, Bach. Girlanda eterna brillanti. Adelphi, 1984.
  • Michele Emmer. Il-faxxinu enigmatiku ta' Escher. CUEN, 1984.
  • Doris Schattschneider. Viżjonijiet tas-Simmetrija. Zanichelli, 1992.
  1. ^ "Semmejnih Maurits Cornelis għaz-ziju maħbub ta' S [Sara] , Van Hall, u konna nsejħulu 'Mauk' fil-qosor ....", Djarju ta' missier Escher iċċitat f’ M. C. Escher: His Life and Complete Graphic Work, Abradale Press, 1981, p. 9.
  2. ^ a b Barbara E, PhD. Bryden. Sundial: Theoretical Relationships Between Psychological Type, Talent, And Disease, Gainesville, Fla: Center for Applications of Psychological Type. ISBN 0-935652-46-9.
  3. ^ Escher pinġa veduta tal-Isla, Malta, li użaha aktar tard f'inċiżjoni oħra, "Gallerija tal-istampi", fl-1956. F' "Il-kaskata” tal-1961 fir-rokna ta' isfel tal-lemin, tidher mara tonxor il-ħwejjeġ fuq il-bejt li tidher li hi meħuda minn xi impressjoni ta' Malta
  4. ^ Jissejjaħ ukoll l-Aja

Ħoloq esterni

[immodifika | immodifika s-sors]