Jum l-Ewropa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Jump to navigation Jump to search
Bandiera enormi fiċ-ċentru ta’ Strasburgu, Franza, f’Jum l-Ewropa tal-2009

Jum l-Ewropa hu l-jum meta jiġu ċċelebrati “l-paċi u l-unità fl-Ewropa”.[1][2] Dan il-jum jiġi ċċelebrat fil-5 ta’ Mejju mill-Kunsill tal-Ewropa u fid-9 ta’ Mejju mill-Unjoni Ewropea.

L-ewwel rikonoxximent ta’ Jum l-Ewropa kien mill-Kunsill tal-Ewropa fl-1964.[3] Iktar ’il quddiem, l-Unjoni Ewropea (UE) bdiet tiċċelebra l-Jum l-Ewropa tagħha[4] sabiex tikkommemora d-Dikjarazzjoni ta’ Schuman tal-1950, tant li wħud bdew jirreferu għal dan il-jum bħala “Jum Schuman” jew “Jum l-Ewropa Magħquda”.[5] Fiż-żewġ każijiet, Jum l-Ewropa jiġi ċċelebrat billi tintwera l-bandiera tal-Ewropa.[6]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Tfakkira bl-Esperanto fl-2020 biex jiġi ċċelebrat is-70 Anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman

Il-Kunsill tal-Ewropa ġie stabbilit fil-5 ta’ Mejju 1949 u għażel dak il-jum għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa meta stabbilixxa l-btala fl-1964.[7]

L-UE introduċiet Jum l-Ewropa fl-1985 permezz tal-Komunitajiet Ewropej (il-predeċessur tal-UE).[8][9] Id-data tfakkar id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman tad-9 ta’ Mejju 1950, imressqa minn Robert Schuman, li pproponiet l-akkomunament tal-industriji tal-faħam u tal-azzar ta’ Franza u tal-Ġermanja tal-Punent.[10] Dan wassal għall-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, l-ewwel Komunità Ewropea, stabbilita fit-18 ta’ April 1951.[11]

“Sensiela ta’ ikoni kulturali” ġiet imnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-1985, b’reazzjoni għar-rapport tal-kummissjoni ad hoc għal “Ewropa tan-Nies” ippreseduta minn Pietro Adonnino. L-għan kien li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni Ewropea billi titrawwem identità Pan-Ewropea fost il-popolazzjonijiet tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea. Il-Kunsill Ewropew adotta “Jum l-Ewropa” flimkien mal-bandiera tal-Ewropa u affarijiet oħra fid-29 ta’ Ġunju 1985, f’Milan.[12]

Wara l-istabbiliment tal-Unjoni Ewropea fl-1993, iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali żdiedet b’mod sinifikanti. Il-Ġermanja, b’mod partikolari, marret lil hinn u flok tiċċelebra jum wieħed, mill-1995 estendiet iċ-ċelebrazzjonijiet għal “Ġimgħa Ewropea” sħiħa (bil-Ġermaniż: Europawoche) iċċentrata fuq id-9 ta’ Mejju. Fil-Polonja, il-Fondazzjoni Schuman, organizzazzjoni Pollakka favur l-integrazzjoni Ewropea stabbilita fl-1991, organizzat il-Parata ta’ Schuman tagħha f’Varsavja f’Jum l-Ewropa fl-1999, fejn dak iż-żmien kienet qed taħdem favur l-adeżjoni tal-Polonja fl-UE.

Parata ta’ Jum l-Ewropa f’Varsavja, il-Polonja

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju ġiet estiża fl-“Ewropa kollha” mill-2008.[13] Fl-2019, id-9 ta’ Mejju sar btala pubblika uffiċjali fil-Lussemburgu.[14] L-għażla tal-UE tad-data tal-istabbiliment tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar iktar milli dik tal-UE nnifisha stabbiliet narrativa fejn id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, dwar l-ixprunar tat-tkabbir ekonomiku u ż-żamma tal-paċi bejn Franza u l-Ġermanja, tiġi ppreżentata bħala antiċipazzjoni tal-“vokazzjoni tal-Unjoni Ewropea sabiex tkun il-qafas istituzzjonali ewlieni” għall-integrazzjoni Ewropea ulterjuri fid-deċennji ta’ wara.[15]

It-Trattat tal-Kostituzzjoni Ewropea kien iħaddan fih is-simboli Ewropej kollha fit-Trattati tal-UE, madankollu t-trattat ma ġiex irratifikat fl-2005, u kollox baqa’ jsir biss b’dan il-mod attwali de facto. Minflok it-Trattat tal-Kostituzzjoni, it-Trattat ta’ Lisbona, fih dikjarazzjoni minn sittax-il Stat Membru li jappoġġaw is-simboli.[16] Il-Parlament Ewropew “irrikonoxxa formalment” Jum l-Ewropa f’Ottubru 2008.[17]

Ċelebrazzjonijiet u kommemorazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

“Jum il-Bibien Miftuħa”[immodifika | immodifika s-sors]

Ċelebrazzjonijiet ta’ Jum l-Ewropa fi Tbilisi, Georgia, fl-2012

L-istituzzjonijiet tal-UE jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku kull sena fi Brussell u fi Strasburgu, u ċ-ċittadini jkunu jistgħu jżuru l-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet li jkollhom impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Barra minn hekk, jiġu organizzati bosta avvenimenti kommemorattivi biex jonoraw l-importanza storika tad-data.[18]

Il-korpi li jagħżlu li jagħmlu dan il-ġest simboliku huma:

Fl-2020 u fl-2021, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u li konsegwentement ma setgħux jiġu ospitati avvenimenti fiżiċi, l-istituzzjonijiet tal-UE organizzaw avvenimenti virtwali, fosthom ħajr lil dawk l-Ewropej kollha li kienu qed jikkollaboraw fil-ġlieda kontra l-pandemija. Barra minn hekk, is-sena 2020 kienet ukoll is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman u l-75 anniversarju ta’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. Minħabba din l-okkażjoni, l-istituzzjonijiet tal-UE msemmija hawn fuq varaw diversi avvenimenti online biex jikkommemoraw l-importanza tad-data.[19]

Rikonoxximent ġuridiku[immodifika | immodifika s-sors]

Jum l-Ewropa huwa btala pubblika għall-impjegati tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.[20] Fl-2019, Jum l-Ewropa ġie ddikjarat btala pubblika għaċ-ċittadini kollha fil-Lussemburgu[21], u huwa btala pubblika wkoll fil-Kosovo (mhux rikonoxxut mis-Serbja u għadd ta’ pajjiżi oħra fid-dinja).[22] Huwa “jum ta’ mafkar” fil-Kroazja, li huwa jum rikonoxxut ġuridikament, iżda mhux btala pubblika;[23][24] jum kommemorattiv rikonoxxut ġuridikament fil-Litwanja;[25] u “jum il-bandiera” (bil-Ġermaniż: Beflaggungstage) fil-Ġermanja, fejn il-bnadar tal-Ewropa jridu jintwerew skont digriet federali.[26]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Europe Day". European Union (bl-Ingliż). 2016-06-16. Miġbur 2021-05-09.
  2. ^ "Día de Europa: ¿Cuándo y por qué se celebra?". okdiario.com (bl-Ispanjol). 2021-05-08. Miġbur 2021-05-09.
  3. ^ "Newsroom". www.coe.int (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  4. ^ Nicole Scicluna, European Union Constitutionalism in Crisis, Routledge (2014), p. 56.
  5. ^ "Does the EU have a "National" Day?". web.archive.org. 2009-05-04. Miġbur 2021-05-09.
  6. ^ "The European Convention". web.archive.org. 2012-01-25. Miġbur 2021-05-09.
  7. ^ "5 May - Europe Day". www.coe.int (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  8. ^ A people's Europe. Supplement 7/85 Bulletin of the European Communities (Report). Office for Official Publications of the European Communities. 1985. ISBN 92-825-5637-9.
  9. ^ "Conclusions of the European Council in Milan, 28-29 June 1985 (PDF) (Report). European Council" (PDF).
  10. ^ "The Schuman Declaration – 9 May 1950". European Union (bl-Ingliż). 2016-06-16. Miġbur 2021-05-09.
  11. ^ "The European Communities". CVCE.EU by UNI.LU (bl-Ingliż). 2016-08-07. Miġbur 2021-05-09.
  12. ^ Nicole Scicluna, European Union Constitutionalism in Crisis, Routledge (2014), p. 55.
  13. ^ "Federal Union: Europe Day, but not in Britain". web.archive.org. 2009-05-04. Miġbur 2021-05-09.
  14. ^ "Delano - Luxembourg in English". Delano (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  15. ^ Scicluna (2014:56), citing F. Larat, "Present-ing the Past: Political Narratives on European History and the Justification of EU Integration", German Law Journal 6.2 (2005), 274–290.
  16. ^ ""Official Journal of the European Union, 2007 C 306-2 , p. 267"".
  17. ^ "No prolonged mandate for Barroso, MEPs warn". EUobserver (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  18. ^ "Europe Day". European Union (bl-Ingliż). 2016-06-16. Miġbur 2021-05-09.
  19. ^ Anonymous (2016-06-16). "Europe Day". European Union (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  20. ^ "EUR-Lex - 32019D0131(01) - EN - EUR-Lex". eur-lex.europa.eu. Miġbur 2021-05-09.
  21. ^ "MPs make it official: two extra days holiday this year". Luxembourg Times (bl-Ingliż). 2019-03-27. Miġbur 2021-05-09.
  22. ^ "Festat Zyrtare - State Portal of the Republic of Kosovo". www.rks-gov.net (bl-Albaniż). Miġbur 2021-05-09.
  23. ^ "Public Holidays in Croatia 2020 & Memorial Days" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-09.
  24. ^ "Government of the Republic of Croatia - PM: New calendar of public holidays, memorial days will clear doubts, vagueness". vlada.gov.hr. Miġbur 2021-05-09.
  25. ^ "VIII-397 Lietuvos Respublikos atmintinų dienų įstatymas". www.e-tar.lt. Miġbur 2021-05-09.
  26. ^ "Regelmäßige allgemeine Beflaggungstage". Protokoll Inland der Bundesregierung (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-05-09.