Aqbeż għall-kontentut

Jodensavanne

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-fdalijiet tas-Sinagoga ta' Beracha ve Shalom ("Barkiet u Paċi") f'Jodensavanne.

Jodensavanne (li bl-Olandiż tfisser "Savanna Lhudija") kienet komunità Lhudija tal-pjantaġġuni fis-Suriname, l-Amerka t'Isfel, u għal xi żmien kienet iċ-ċentru tal-ħajja Lhudija fil-kolonja. Ġiet stabbilita fis-seklu 17 mil-Lhud Sefardiċi u saret iktar żviluppata u stagħnat wara li grupp ta' Lhud li kienu qed jaħarbu l-persegwitazzjoni fil-Brażil marru jgħixu hemmhekk fis-snin 60 tas-seklu 17.[1] Tinsab f'dak li issa huwa d-Distrett ta' Para, madwar 50 kilometru (31 mil) fin-Nofsinhar tal-belt kapitali Paramaribo, max-xmara Suriname. Il-pjantaġġuni tal-kannamiela ġew stabbiliti billi l-poplu Afrikan ta' karnaġjon sewda ġie mġiegħel jaħdem fi skjavitù. Fl-aqwa tagħha għall-ħabta tal-1700, Jodensavanne kienet tospita bejn wieħed u ieħor 500 sid tal-pjantaġġuni u 9,000 skjav.[2] Il-kolonja ffaċċjat attakki regolari mill-poplu indiġenu, rewwixti tal-iskjavi, u saħansitra attakki mill-flotta navali Franċiża.[3] Eventwalment il-komunità ġiet rilokata lejn il-belt kapitali Paramaribo. L-ikklirjar tas-siti bl-oqbra u l-manutenzjoni tal-fdalijiet tas-sinagoga ppruvaw isiru kemm-il darba mis-snin 40 tas-seklu 20 sas-seklu 21.

Jodensavanne flimkien maċ-Ċimiterju ta' Cassipora tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Settembru 2023 bit-titlu s-Sit Arkeoloġiku ta' Jodensavanne u ċ-Ċimiterju tal-Qala ta' Cassipora.[4]

Fl-1639, l-Ingliżi, li dak iż-żmien kellhom il-kontroll ta' Suriname f'idejhom, ippermettew lil-Lhud Sefardiċi min-Netherlands, mill-Portugall u mill-Italja jinsedjaw l-inħawi u għall-ewwel marru lejn il-belt kapitali antika ta' Torarica.[5] Fit-8 ta' April 1651 intbagħtet petizzjoni lill-Kunsill Ingliż tal-Istat mingħand Benjamin de Caseras, Henry de Caseras u Jacob Fraso biex jingħata l-permess li jgħixu u jagħmlu kummerċ fit-territorji tas-Suriname u ta' Barbados, u din immarkat data importanti għall-oriġini tal-istabbiliment ta' komunità Lhudija fi ħdan it-territorju. Fl-1652, grupp ġdid ta' bejn wieħed u ieħor 1,200 ruħ wettqu migrazzjoni taħt it-tmexxija ta' Lord Francis Willoughby u insedjaw l-inħawi li issa huma magħrufa bħala Jodensavanne. Fl-1664 wasal it-tielet grupp, wara tkeċċija mill-Brażil u mbagħad mill-Guyana Franċiża, taħt it-tmexxija ta' David Cohen Nassy. Il-Brittaniċi ppruvaw iżommu lil dan il-grupp milli jerġa' jiċċaqlaq billi ggarantewlu xi privileġġi, inkluż id-dritt li jkollu l-qorti tiegħu stess u l-libertà tar-reliġjon. Kien għall-ħabta ta' dak iż-żmien li l-komunità bdiet tissejjaħ Savanne b'referenza għall-għelieqi tal-madwar; l-insedjament inbena fuq żona olzata u għall-ewwel inbena bi triq prinċipali waħda u b'erba' toroq sekondarji. Barra minn hekk, inbniet skola fejn kien jiġu mgħallma l-Ispanjol, il-Portugiż u l-Ġudaiżmu.[6] Parti mir-raġuni li dawn il-kolonjalisti Lhud kienu qed iħejju għal iktar insedjamenti permanenti kienet li għad-differenza tal-kolonjalisti Kristjani li spiss kienu jittamaw li jsiru sinjuri permezz ta' xi pjantaġġun u wara jirritornaw lejn l-Ewropa, ir-residenti ta' Jodensavanne ma kellhomx fejn jirritornaw fl-Ewropa.

Jodensavanne għall-ħabta tal-1830.

Din il-komunità Lhudija żviluppat ekonomija bbażata fuq il-pjantaġġuni tal-kannamiela maħduma mill-iskjavi Afrikani; skont xi rendikonti l-familji l-ġodda li kienu jmorru jgħixu hemmhekk kienu jingħataw erba' jew ħames skjavi bħala parti mill-għotja finanzjarja għall-insedjament tagħhom. Malli l-Olandiżi kisbu l-kontroll tas-Suriname, ippreservaw id-drittijiet mogħtija lil din il-komunità Lhudija u saħansitra żiduhom, billi żiedu d-dritt li jġorru l-merkanzija l-Ħdud u li jkeċċu lin-nies mill-komunità tagħhom, kif ukoll l-għoti ta' 100 akru ta' art fl-1691 għall-kostruzzjoni ta' sinagoga u ċimiterju. L-insedjament laħaq l-ikbar daqs tiegħu għall-ħabta tal-1700 meta kien stmat li kellu 570 ċittadin.

Iċ-ċittadini ta' Jodensavanne li kellhom l-iskjavi spiss kienu jidħlu f'kunflitt mal-popolazzjonijiet indiġeni ġirien u mal-iskjavi fil-pjantaġġuni tagħhom. Fl-1670, skont l-Essai Historique, bejn wieħed u ieħor 200 Lhud telqu mis-Suriname, u fl-1677, sena qabel l-assedju tal-poplu Kalina fuq Jodensavanne, għaxar familji Lhud telqu flimkien mal-iskjavi tagħhom. L-insedjamenti Ewropej, inkluż dawn f'Jodensavanne, ġew attakkati mill-poplu Kalina fl-aħħar tal-1678 u l-iskjavi għamlu rewwixta.[7] Fl-1690 reġa' kien hemm rewwixta tal-iskjavi fil-pjantaġġun ta' sid jismu Immanuel Machado, li nqatel u l-eks skjavi tiegħu ħarbu lejn komunità ta' kursara. Il-baħħara Franċiżi, konxji mir-rikkezza tal-komunità, attakkawha wkoll fl-1712. Minħabba l-bosta attakki, speċjalment mill-eks skjavi, il-kolonjalisti bnew sistema difensiva madwar l-insedjament.

Ġiet stabbilita l-kongregazzjoni ta' Beracha ve Shalom ("Barkiet u Paċi"), u bejn l-1665 u l-1671 inbniet l-ewwel sinagoga tal-injam fil-komunità (it-tielet sinagoga fl-Amerka t'Isfel) u ġiet rinnovata fl-1827. Il-kostruzzjoni ta' din is-sinagoga mmarkat iċ-ċaqliq taċ-ċentru tal-ħajja Lhudija fir-reġjun minn Torarica għal Jodensavanne. Din l-ewwel sinagoga kien fiha sezzjoni separata għan-nisa, arkivju għall-komunità, u tiżjin bil-fidda mal-binja tal-injam. It-tieni sinagoga, magħmula mill-brikks importati, inbniet fl-1685.[8][9] Qabel il-kostruzzjoni tas-sinagoga ta' Beracha ve Shalom, ma kien hemm l-ebda sinagoga ta' importanza arkitettonika ewlenija fl-Amerki.[10] Ingħad li fiċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentenarju tas-sinagoga f'Ottubru 1785 kien hemm attendenza ta' iktar minn 1,500 ruħ, li bosta minnhom baħħru f'Jodensavanne minn Paramaribo, peress li sa dak iż-żmien xi għoxrin familja Lhudija biss kienu għadhom jgħixu f'Jodensavanne. Saru wkoll sforzi fis-seklu 20 biex il-fdalijiet tas-sinagoga jiġu kklerjati u ppreservati.[11]

Is-sinagoga ta' Jodensavanne għall-ħabta tal-1860.

Jodensavanne bdiet tmajna matul nofs is-seklu 18, u l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tagħha marret tgħix f'Paramaribo.[12] Fis-seklu 18, is-Suriname ntlaqat minn sensiela ta' kriżijiet li affettwaw sew il-pjantaġġuni Lhud, uħud minnhom fost l-eqdem fil-kolonja. B'hekk l-ispejjeż bdew jiżdiedu anke minħabba taxxa għolja imposta mill-ispedizzjoni ta' Cassard, il-kollass ta' importatur ewlieni tal-kannamiela minn Amsterdam fl-1773, u l-akkumulu tad-dejn b'rabta mal-proprjetà immobbli. L-introduzzjoni tal-kultivazzjoni tal-pitrava zokkrija fl-Ewropa mill-1784 u d-degradazzjoni tal-ħamrija fl-eqdem pjantaġġuni komplew inaqqsu d-dħul. Il-kundizzjonijiet tas-sigurtà marru lura fid-dawl tal-Gwerer mal-Kursara, filwaqt li t-tkabbir ta' Paramaribo bħala l-port kummerċjali esklużiv tal-kolonja eqreb għall-kosta, wasslu biex il-Lhud ikomplu jitbiegħdu minn Jodensavanne.[13] Sal-1790, il-popolazzjoni ta' Jodensavanne ġie stmat li kienet madwar 22 ruħ biss, eskluż l-iskjavi. Sal-bidu tas-seklu 19 il-popolazzjoni kompliet tonqos sa 10 persuni. L-insedjament xorta waħda baqa' jeżisti fiċ-ċokon tiegħu sa ma nqered min-nirien matul rewwixta tal-iskjavi fl-1832.[14]

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, inbena post ta' detenzjoni qrib il-pożizzjoni tal-eks insedjament Lhudi u ngħata l-istess isem. Dan inbena fl-1942 biex jospita 146 priġunier politiku mill-Indji tal-Lvant Olandiżi li kienu meqjusa simpatizzanti kbar tal-Ġermaniżi jew membri tal-NSB Olandiż jew tal-NSDAP Ġermaniż.[15][16] Madankollu, xi nazzjonalisti Indoneżjani ġew deportati wkoll lejn Jodensavanne, u fosthom l-iktar wieħed famuż kien Ernest Douwes Dekker.[17]

L-istoriku Natalie Zemon Davis qed taħdem fuq l-istorja tas-seklu 18 ta' Jodensavanne, u qed tiffoka fuq David Cohen Nassy (li twieled fl-1747), u fuq ir-relazzjonijiet bejn in-nies ta' karnaġjon sewda u bajda fi ħdan il-komunità Lhudija.[18] Artiklu bit-titlu ta' "Il-Kisba mill-Ġdid ta' Ġerusalemm" ġie ppubblikat fl-2016 minn Davis, fejn spjegat fid-dettall kif kien jiġi ċċelebrat l-Għid Ebrajk fi ħdan Jodensavanne.[19]

Sitwazzjoni attwali

[immodifika | immodifika s-sors]
Lapida rkuprata minn wieħed miċ-ċimiterji f'Jodensavanne, b'kitba mnaqqxa bl-Ebrajk.

Attwalment, kulma fadal mis-sit ta' Jodensavanne huma l-fdalijiet tas-Sinagoga ta' Berache ve Shalom, flimkien ma' tliet ċimiterji b'lapidi mnaqqxin primarjament bl-Ebrajk u bil-Portugiż.

L-Istitut Arkeoloġiku tal-Amerki, bi sħubija mal-Università tas-Suriname, impenja ruħu f'proġett bit-titlu ta' "Skavi Interattivi ta' Jodensavanne", u mill-2014 baqgħu attivi proġetti taż-żamma tar-rekords u sforzi ta' konservazzjoni.[20]

Jodensavanne tinsab qrib il-villaġġ indiġenu ta' Redi Doti, fil-ġurisdizzjoni ta' Carolina, u hija kkollegata mal-bqija tad-dinja permezz tal-Carolinabrug li jagħti għall-Avobakaweg sa Paramaribo jew permezz tal-Awtostrada ta' Desiré Delano Bouterse sal-ajruport.[21]

Mappa li turi u telenka fid-dettall il-pjantaġġuni max-xmara Suriname, u l-pożizzjoni ta' Jodensavanne.

M'hemmx ċarezza dwar kif ġiet stabbilita l-popolazzjoni ta' Jodensavanne. Sorsi bħall-Essai Historique,[22] isostnu li l-popolazzjoni kienet tlaħħaq l-elf ruħ fl-1677; b'kuntrast ma' dan, l-istoriċi bħal Harry Friedenwald sostnew li kien hemm nuqqas ta' preżenza Lhudija b'saħħitha, u b'hekk dan kieku jimplika li l-popolazzjoni ta' Jodensavanne kienet ferm inqas.

Fl-1750 kien hemm madwar 70 pjantaġġun eżistenti tul ix-xmara Suriname, u l-biċċa l-kbira kellhom ismijiet "Lhud", bħall-proprjetajiet ta' elf akru ta' Solomon Meza. Dawn il-pjantaġġuni ġew immarkati u identifikati permezz ta' mappa tas-seklu 18 imsejħa "Algemeene Kaart van de Colonie of Provintie van Surinam", impinġija mill-inġinier Alexander de Lavaux, imwieled f'Berlin u li serva fil-qawwiet tal-Prussja.

Fi ħdan Jodensavanne hemm diversi ċimiterji, fosthom l-iżjed wieħed użat u l-eqdem wieħed magħruf bħala ċ-Ċimiterju ta' Cassipora. Isem iċ-ċimiterju x'aktarx li oriġina mill-Qala ta' Cassipora li tofroq mix-xmara Suriname. Huwa maħsub li ċ-ċimiterju fih madwar 200 lapida, u l-eqdem waħda minnhom tmur lura għall-bidu tas-seklu 17, filwaqt li l-iktar waħda reċenti nbniet fl-1840. Il-lapidi taċ-ċimiterju huma mnaqqxa primarjament bl-Ebrajk, bil-Portugiż u bl-Olandiż, u jeżistu diversi ohelim fl-inħawi wkoll, bħala indikazzjoni tal-istrutturi tal-komunità Lhudija fi ħdan l-insedjament.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Jodensavanne u ċ-Ċimiterju tal-Qala ta' Cassipora ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[4]

  1. ^ "Nieuw Israelietisch weekblad" (Dag ed.). Amsterdam. 1985-11-15. Miġbur 2025-01-04.
  2. ^ Wolf, Sig. W. (1975). "Jodensavanne: Verwaarloosd monument v. opgejaagde joden". Vrije Stem: onafhankelijk weekblad voor Suriname (bl-Olandiż). p. 2.
  3. ^ "Trouw" (Dag ed.). Meppel. 1981-12-04. Miġbur 2025-01-04.
  4. ^ a b ċ "Jodensavanne Archaeological Site: Jodensavanne Settlement and Cassipora Creek Cemetery - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-04.
  5. ^ Wolbers, J. (1956). "Teroenga; maandblad ten behoeve van de leden der Israëlietische gemeenten in Suriname, jrg 17, no. 7". S. Emmering (bl-Olandiż): 71–74.
  6. ^ Bueno Bibaz, J. (1928). Beknopte geschiedenis van de kolonie van Suriname (bl-Olandiż). Paramaribo: H. B. Hevde. p. 40.
  7. ^ Jonathan D. Hill (1996). History, Power, and Identity: Ethnogenesis in the Americas, 1492-1992. University of Iowa Press. p. 32. ISBN 978-1-58729-110-4.
  8. ^ Wolff, H. J. (1934). Historisch overzicht over Suriname, 1613-1934 (bl-Olandiż). Surinaamsch Handelskantoor. p. 20.
  9. ^ Oudschans Dentz, Frederik; Benjamins, HD (1927). De kolonisatie van de Portugeesch Joodsche natie in Suriname en de geschiedenis van de Joden Savanne (bl-Olandiż). Amsterdam: Menno Hertzberger. p. 13.
  10. ^ Frankel, Rachel (2001), "Antecedents and Remnants of Jodensavanne", The Jews and the Expansion of Europe to the West, 1450-1800, Berghahn Books, pp. 394–436, doi:10.2307/j.ctt1x76f5z.26, ISBN 9781782389767.
  11. ^ Santoro van Halm Braam, M.E.C. (15 November 1985). "Synagoge in het oerwoud". Nieuw Israelietisch weekblad (bl-Olandiż). p. 133.
  12. ^ Wolbers, J. (1861). Geschiedenis van Suriname (bl-OIandiż). Amsterdam: S. Emmering. pp. 273–274.
  13. ^ "History of Jews in Suriname". surinamejewishlife (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-04.
  14. ^ Gottheil, Richard James Horatio (1901). Contributions to the history of the Jews in Surinam. American Jewish Historical Society. OCLC 847522377.
  15. ^ "Jodensavanne » Jodensavanne". strafkolonie.nl. Miġbur 2025-01-04.
  16. ^ "Een vergeten schandaal uit onze vaderlandse geschiedenis" (Dag ed.). Amsterdam. 1994-03-05. Miġbur 2025-01-04.
  17. ^ "Het Parool" (Dag ed.). Amsterdam. 1986-12-05. Miġbur 2025-01-04.
  18. ^ "A Star Historian Opens a New Chapter: Jewish Slaveowners". The Forward (bl-Ingliż). 2006-08-17. Miġbur 2025-01-04.
  19. ^ Davis, Natalie Zemon (2015). "Regaining Jerusalem: Eschatology and Slavery in Jewish Colonization in Seventeenth-Century Suriname". The Cambridge Journal of Postcolonial Literary Inquiry. 3 (1): 11–38. doi:10.1017/pli.2015.29. ISSN 2052-2614. S2CID 163802695.
  20. ^ "Interactive Digs - Jodensavanne, Suriname". Archaeological Institute of America. Miġbur 2025-01-04.
  21. ^ "De grootste online reisgids van Nederland | VakantieArena.nl" (bl-Olandiż). Miġbur 2025-01-04.
  22. ^ Rens, L.L.E. (1954). Analysis of annals, relating to early Jewish settlement in Surinam. OCLC 773200985.